|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/13 |
8.1.2025 |
REGOLAMENT (UE) 2025/13 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ Diċembru 2024
dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/818
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 82(1), il-punt (d) u l-Artikolu 87(2), il-punt (a) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
Id-dimensjoni tranżnazzjonali tal-kriminalità serja u tal-kriminalità organizzata u t-theddida kontinwa ta’ attakki terroristiċi fit-territorju Ewropew jitolbu azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu adottati miżuri xierqa bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni. L-informazzjoni dwar il-passiġġieri, bħar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u, b’mod partikolari, l-informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (API), hija essenzjali sabiex jiġu identifikati passiġġieri b’riskju għoli, inklużi dawk li ma jkunux magħrufa b’mod ieħor mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, biex jiġu stabbiliti rabtiet bejn membri ta’ gruppi kriminali u biex jiġu miġġielda l-attivitajiet terroristiċi. |
|
(2) |
Filwaqt li d-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (3) tistabbilixxi qafas legali għall-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API mit-trasportaturi bl-ajru bl-għan li jitjieb il--kontrolli fuq il-fruntieri u tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali, hija tindika wkoll li l-Istati Membri jistgħu jużaw id-data tal-API għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Madankollu, il-ħolqien biss ta’ tali possibbiltà jwassal għal diversi lakuni u nuqqasijiet. B’mod partikolari, dan ifisser li, id-data tal-API ma tinġabarx u ma tiġix ttrasferita b’mod sistematiku mit-trasportaturi bl-ajru għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Il-possibbiltà li d-data tal-API tintuża għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi tfisser ukoll li, fejn l-Istati Membri jkunu aġixxew fuq il-possibbiltà, it-trasportaturi bl-ajru jiffaċċjaw rekwiżiti diverġenti skont il-liġi nazzjonali dwar il-ħin u l-mod kif jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-API għal dawk il-finijiet. Dawk id-diverġenzi jwasslu mhux biss għal spejjeż u kumplikazzjonijiet bla bżonn għat-trasportaturi bl-ajru, iżda huma wkoll ta’ preġudizzju għas-sigurtà interna tal-Unjoni u għall-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura differenti tal-finijiet tal-iffaċilitar tal-kontrolli fuq il-fruntieri u tal-infurzar tal-liġi, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas legali distint għall-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għal kull wieħed minn dawk il-finijiet. |
|
(3) |
Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li tistabbilixxi regoli dwar l-użu tad-data tal-PNR għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. Skont dik id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu data tal-PNR, inkluża kwalunkwe data tal-API miġbura, lill-unità ta’ informazzjoni dwar il-passiġġieri (“PIU”) nazzjonali stabbilita skont dik id-Direttiva sal-punt li jkunu diġà ġabru tali data fil-kors normali tal-attivitajiet tagħhom. Konsegwentement, dik id-Direttiva ma tiżgurax il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API fil-każijiet kollha, minħabba li t-trasportaturi bl-ajru ma għandhom l-ebda raġuni kummerċjali biex jiġbru sett komprensiv ta’ tali data. L-iżgurar li l-PIUs jirċievu d-data tal-API flimkien mad-data tal-PNR huwa importanti, billi l-ipproċessar konġunt ta’ tali data huwa meħtieġ għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex ikunu jistgħu jipprevjenu, jidentifikaw, jinvestigaw u jħarrku b’mod effettiv reati terroristiċi u kriminalità serja. B’mod partikolari, tali pproċessar konġunt jippermetti l-identifikazzjoni preċiża tal--passiġġieri li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami iktar fil-fond, f’konformità mal-liġi applikabbli, minn dawk l-awtoritajiet. Barra minn hekk, dik id-Direttiva ma tippreċiżax fid-dettall liema informazzjoni tikkostitwixxi data tal-API. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli komplementari li jirrikjedu li t-trasportaturi bl-ajru jiġbru u sussegwentement jittrasferixxu sett speċifikament definit ta’ data tal-API, liema rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw sal-punt li t-trasportaturi bl-ajru jkunu marbuta skont dik id-Direttiva biex jiġbru u jittrasferixxu data tal-PNR fuq l-istess titjira. |
|
(4) |
Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari, armonizzati u effettivi fil-livell tal-Unjoni dwar il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja. |
|
(5) |
Meta titqies ir-relazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ atti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jinftiehem bħala li jikkomplementa r-regoli previsti fid-Direttiva (UE) 2016/681, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE). Għalhekk, id-data tal-API għandha tinġabar u tiġi ttrasferita biss taħt dan ir-Regolamentf’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fih, inkluż fir-rigward tas-sitwazzjonijiet u l-mod li bih dan għandu jsir. Madankollu, ir-regoli ta’ dik id-Direttiva japplikaw fir-rigward ta’ kwistjonijiet mhux koperti speċifikament minn dan ir-Regolament, rigward ir-regoli dwar l-ipproċessar sussegwenti tad-data tal-API riċevuta mill-PIUs, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-kundizzjonijiet tal-aċċess mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), it-trasferimenti lejn pajjiżi terzi, iż-żamma u d-depersonalizzazzjoni, kif ukoll il-protezzjoni ta’ data personali. Sa fejn japplikaw dawk ir-regoli, japplikaw ukoll ir-regoli ta’ dik id-Direttiva dwar il-penali u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament iħalli dawk ir-regoli mhux affettwati u għalhekk, b’mod partikolari, jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti u s-salvagwardji applikabbli għall-ipproċessar tad-data tal-API mill-PIUs. |
|
(6) |
Il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API jaffettwa l-privatezza tal-individwi u jinvolvi l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Sabiex jiġu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, f’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), jenħtieġ li jiġu previsti limiti u salvagwardji adegwati. Per eżempju, kwalunkwe pproċessar tad-data tal-API u, b’mod partikolari, tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali jenħtieġ li jibqa’ strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħqu l-objettivi li dan ir-Regolament ifittex li jilħaq. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-ipproċessar ta’ kwalunkwe data tal-API miġbura u ttrasferita skont dan ir-Regolament ma twassal għall-ebda forma ta’ diskriminazzjoni prekluża mill-Karta. |
|
(7) |
Minħabba n-natura komplementari ta’ dan ir-Regolament b’rabta mad-Direttiva (UE) 2016/681, l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru skont dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw għat-titjiriet kollha li għalihom l-Istati Membri għandhom jitolbu li t-trasportaturi bl-ajru jittrażmettu d-data tal-PNR skont id-Direttiva (UE) 2016/681, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tat-trasportatur bl-ajru li jkun qed jopera dawk it-titjiriet. Dawk it-titjiriet jenħtieġ li jikkonċernaw kemm it-titjiriet skedati kif ukoll dawk mhux skedati, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn pajjiżi terzi (titjiriet barra l-UE), kif ukoll bejn diversi Stati Membri (titjiriet intra-UE) dment li tali titjiriet intra-UE ser jitilqu minn, jinżlu fuq, jew jagħmlu waqfa fit-territorju ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed li jkun innotifika d-deċiżjoni tiegħu li japplika d-Direttiva (UE) 2016/681 għal titjiriet intra-UE f’konformità mal-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva u f’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE. Fir-rigward tat-titjiriet intra-UE koperti minn dan ir-Regolament, tali approċċ immirat, ippromulgat b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/681 u ċċentrat fuq it-talbiet ta’ infurzar effettiv tal-liġi, jenħtieġ li jkun meħtieġ ukoll fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-ipproċessar tad-data, il-moviment liberu tal-persuni u l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Il-ġbir ta’ data minn kwalunkwe operazzjoni oħra tal-inġenji tal-ajru ċivili, bħal skejjel tat-titjiriet, titjiriet mediċi, titjiriet ta’ emerġenza, kif ukoll minn titjiriet militari, mhuwiex fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-ġbir ta’ data minn tali titjiriet kif previst fl-liġi nazzjonali li hija kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà ta’ skema tal-Unjoni li tobbliga lill-operaturi ta’ titjiriet privati jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-passiġġieri bl-ajru. |
|
(8) |
L-obbligi fuq it-trasportaturi bl-ajru li jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-API skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jinkludu l-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġ kollha fuq titjiriet lejn l-Unjoni, il-passiġġieri fi tranżitu u l-membri tal-ekwipaġġ li d-destinazzjoni finali tagħhom tkun barra mill-Unjoni u kwalunkwe ekwipaġġ mhux fuq xogħol li jinsab fuq titjira minn trasportatur bl-ajru b’rabta mad-dmirijiet tagħhom. |
|
(9) |
Għaldaqstant, minħabba li d-Direttiva (UE) 2016/681 ma tkoprix titjiriet domestiċi li jitilqu u jinżlu fit-territorju tal-istess Stat Membru mingħajr ebda waqfa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz, u fid-dawl tad-dimensjoni tranżnazzjonali tar-reati terroristiċi u tal-kriminalità serja koperti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li tali titjiriet ma jaqgħux lanqas fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinftihemx bħala li qiegħed jaffettwa l-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu, skont il-liġi nazzjonali tagħhom u f’konformità mal-liġi tal- Unjoni, obbligi li t-trasportaturi bl-ajru jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-API dwar tali titjiriet domestiċi. |
|
(10) |
Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-atti legali tal-Unjoni kkonċernati u fl-interess tal-konsistenza u l-koerenza, jenħtieġ li d-definizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, fejn ikun xieraq, jiġu allinjati mad-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/681 u fir-Regolament (UE) 2025/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u jiġu interpretati u applikati fid-dawl tagħhom. |
|
(11) |
B’mod partikolari, il-punti ta’ informazzjoni li flimkien jikkostitwixxu d-data tal-API li tinġabar u sussegwentement tiġi ttrasferita skont dan ir-Regolament jenħtieġ li elenkati b’mod ċar u eżawrjenti, li jkopru kemm l-informazzjoni relatata ma’ kull passiġġier u kull membru tal-ekwipaġġ kif ukoll l-informazzjoni dwar it-titjira ta’ dak il-passiġġier u membru tal-ekwipaġġ. Skont dan ir-Regolament, u f’konformità ma’ standards internazzjonali, tali informazzjoni dwar it-titjiriet jenħtieġ li tkopri informazzjoni dwar is-siġġijiet u l-bagalji, fejn tali informazzjoni tkun disponibbli, u jenħtieġ li tkopri informazzjoni dwar il-punt ta’ qsim tal-fruntiera tad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat biss fejn applikabbli, mhux meta d-data tal-API tkun relatata ma’ titjiriet intra-UE. Meta l-informazzjoni dwar il-bagalji jew is-seats tkun disponibbli f’sistemi oħra tal-IT li t-trasportatur bl-ajru, min jimmaniġġjah, il-fornitur tiegħu tas-sistema jew l-awtorità tal-ajruport ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, it-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li jintegraw dik l-informazzjoni fid-data tal-API li għandha tintbagħat lill-PIUs. Id-data tal-API kif definita u regolata skont dan ir-Regolament ma tinkludix data bijometrika. |
|
(12) |
Sabiex ikun possibbli l-ivvjaġġar mingħajr ma jinġarr dokument tal-ivvjaġġar fejn l-Istati Membri jippermettu tali prattika skont il-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, inkluż abbażi ta’ ftehim internazzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli li Stat Membru jimponi obbligu fuq it-trasportaturi bl-ajru li jipprovdu l-possibbiltà li l-passiġġieri jtellgħu b’mod volontarju d-data tal-API b’mezzi awtomatizzati u li tali data tiġi maħżuna mit-trasportatur bl-ajru bil-ħsieb li jittrasferixxu d-data għal titjiriet futuri. |
|
(13) |
Sabiex ikun hemm flessibbiltà u innovazzjoni, jenħtieġ li fil-prinċipju, kull trasportatur bl-ajru jitħalla jiddetermina kif jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-ġbir tad-data tal-API stabbiliti f’dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu t-tipi differenti ta’ trasportatur bl-ajru kif definiti f’dan ir-Regolament, u l-mudelli kummerċjali rispettivi tagħhom, inkluż fir-rigward tal-ħinijiet taċ-check-in u l-kooperazzjoni mal-ajruporti. Madankollu, peressli jeżistu soluzzjonijiet teknoloġiċi xierqa li jippermettu li ċerta data tal-API tinġabar b’mod awtomatizzat filwaqt li tiżgura li d-data tal-API kkonċernata tkun preċiża, komprensiva u aġġornata, u filwaqt li jitqiesu l-vantaġġi tal-użu ta’ tali teknoloġija f’termini ta’ effettività u ta’ effiċjenza, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jkunu meħtieġa jiġbru tali data tal-API bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati, billi jaqraw informazzjoni mid-data li tinqara minn magna tad-dokument tal-ivvjaġġar. Meta l-użu ta’ tali mezzi awtomatizzati ma jkunx teknikament possibbli f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, it-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li b’mod eċċezzjonali jiġbru d-data tal-API manwalment, kemm fil-proċess taċ-check-in online kif ukoll bħala parti miċ-check-in fl-ajruport, b’tali mod li jiżguraw il-konformità mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament. |
|
(14) |
Il-ġbir tad-data tal-API b’mezzi awtomatizzati jenħtieġ li jkun strettament limitat għad-data alfanumerika li tinsab fid-dokument tal-ivvjaġġar u jenħtieġ li ma jwassalx għall-ġbir ta’ kwalunkwe data bijometrika minnu. Peress li l-ġbir tad-data tal-API huwa parti mill-proċess taċ-check-in, jew online jew fl-ajruport, dan ir-Regolament ma jinkludix obbligu għat-trasportaturi bl-ajru li jivverifikaw dokument tal-ivvjaġġar tal-passiġġier fil-mument tal-imbark. Il-konformità ma’ dan ir-Regolament ma tinkludi l-ebda obbligu fuq il-passiġġieri li jinġarr dokument tal-ivvjaġġar fil-mument tal-imbark. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn atti legali oħra tal-Unjoni jew minn liġi nazzjonali li tkun kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. |
|
(15) |
Il-ġbir tad-data tal-API mid-dokumenti tal-ivvjaġġar jenħtieġ li jkun konsistenti wkoll mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna, li ġew inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 (7) u tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 (8). |
|
(16) |
Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha t-trasportaturi bl-ajru jkollhom jistabbilixxu u jżommu konnessjonijiet multipli mal-PIUs tal-Istati Membri għat-trasferiment tad-data tal-API miġbura skont dan ir-Regolament, u b’hekk jiġu evitati l-ineffiċjenzi u r-riskji għas-sigurtà relatati, jenħtieġ li jiġi previsti disposizzjonijet għal router wieħed, maħluq u mħaddem fil-livell tal-Unjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2025/12, li jservi ta’ punt ta’ konnessjoni u ta’ distribuzzjoni għal dawk it-trasferimenti. Fl-interess tal-effiċenzja u l-kosteffettività, jenħtieġ li r-router, safejn ikun teknikament possibbli u f’konformità sħiħa mar-regoli ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2025/12, ikun jiddependi fuq komponenti tekniċi minn sistemi rilevanti oħra maħluqa skont id-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari s-servizz web imsemmi fir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-portal tat-trasportaturi msemmi fir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u l-portal tat-trasportaturi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Sabiex jitnaqqas l-impatt fuq it-trasportaturi bl-ajru u jiġi żgurat approċċ armonizzat lejn it-trasportaturi bl-ajru, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl- Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jenħtieġ li tiddisinja r-router, sa fejn ikun possibbli mil-lat tekniku u operazzjonali, b’mod li jkun koerenti u konsistenti mal-obbligi għat-trasportaturi bl-ajru stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226 u (UE) 2018/1240. |
|
(17) |
Bl-għan li jiġi żgurat li d-data tal-PNR tkun tista’ tinqara mill-PIUs u li s-sistemi tal-PNR tagħhom jiffunzjonaw tajjeb, il-messaġġi diġitali mibgħuta minn trasportatur bl-ajru li jkollu reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri wieħed jew aktar (“messaġġi PNR”), jenħtieġ li jiġu ttrasferiti mit-trasportaturi bl-ajru u trażmessi mir-router f’format standardizzat permezz ta’ kampijiet tad-data jew kodiċijiet standardizzati, kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll ta’ struttura. Qabel ma r-router jibda l-operat b’rabta mad-data tal-PNR l-oħra, it-testijiet li jridu jsiru mill-eu-Lisa jenħtieġ li jiżguraw il-kapaċità, il-veloċità u l-affidabbiltà tar-router li jipprovdi għal tali standardizzazzjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni eżistenti adottata skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2016/681 li tistabbilixxi protokolli komuni u formati tad-data appoġġjati. Tali reviżjoni jenħtieġ li titwettaq b’konsultazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri sabiex tibbaża fuq l-għarfien espert tagħhom u tiggarantixxi li l-aħjar prattiki li jkunu żviluppaw meta ġiet implimentata d-Direttiva (UE) 2016/681 fil-livell nazzjonali jkunu tqiesu fil-livell tal-Unjoni għall-funzjonament tar-router. Il-grupp ta’ Kuntatt API-PNR jenħtieġ li jappoġġja tali reviżjoni. |
|
(18) |
Sabiex tittejjeb l-effiċjenza tat-trażmissjoni tad-data dwar it-traffiku tal-ajru u jiġi appoġġjat il-monitoraġġ tad-data tal-API trażmessa lill-PIUs, ir-router jenħtieġ li jirċievi informazzjoni dwar it-traffiku tat-titjira f’ħin reali miġbura minn organizzazzjonijiet oħra, bħall-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (“Eurocontrol”). |
|
(19) |
Jenħtieġ li r-router iservi biss sabiex jiffaċilita t-trasferiment tad-data tal-API u data oħra tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lill-PIUs f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u jenħtieġ li ma jkunx repożitorju tad-data tal-API jew tad-data oħra tal-PNR. Għalhekk, u sabiex jiġi mminimizzat kwalunkwe riskju ta’ aċċess mhux awtorizzat jew ta’ użu ħażin ieħor u f’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, jenħtieġ li ma tinħażen ebda data ħlief jekk ikun strettament neċessarju għal finijiet tekniċi relatati mat-trażmissjoni u jenħtieġ li d-data tal-API jew tad-data oħra tal-PNR titħassar mir-router, immedjatament, b’mod permanenti u awtomatizzat, mill-mument li t-trażmissjoni tkun tlestiet jew, meta rilevanti skont dan ir-Regolament, id-data tal-API jew data oħra tal-PNR ma għandhomx jiġu trażmessi affattu. |
|
(20) |
Sabiex it-trasportaturi bl-ajru jibbenefikaw, malajr kemm jista’ jkun, mill-vantaġġi offruti mill-użu tar-router żviluppat minn eu-LISA f’konformità ma’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2025/12, u sabiex jiksbu esperjenza fl-użu tiegħu, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jingħataw il-possibbiltà, iżda mhux l-obbligu, li jużaw ir-router sabiex jittrasferixxu l-informazzjoni li huma meħtieġa jittrasferixxu skont id-Direttiva 2004/82/KE matul perjodu interim. Jenħtieġ li dak il-perjodu interim jibda fil-mument li fih ir-router jibda jopera u jintemm meta ma jibqgħux japplikaw l-obbligi skont dik id-Direttiva. Bil-għan li jiġi żgurat li kwalunkwe użu volontarju bħal dan tar-router iseħħ b’mod responsabbli, jenħtieġ li jkun meħtieġ il-qbil bil-miktub minn qabel tal-Istat Membru li għandu jirċievi l-informazzjoni, fuq talba tat-trasportatur bl-ajru u wara li dak l-Istat Membru jkun wettaq verifiki u kisbet assigurazzjonijiet, kif ikun meħtieġ. Bl-istess mod, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha t-trasportaturi bl-ajru jibdew u jieqfu jużaw ir-router ripetutament, ladarba trasportatur bl-ajru jibda dan l-użu fuq bażi volontarja, jenħtieġ li jkun meħtieġ ikompli bih, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi sabiex jitwaqqaf l-użu tar-router għat-trasferiment tal-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, bħall-fatt li jkun sar evidenti li l-informazzjoni ma tkunx qiegħda tiġi trasferita b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu. Fl-interess tal-applikazzjoni xierqa tal-possibbiltà ta’ użu volontarju tar-router, b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet u għall-interessi tal-partijiet affettwati kollha, jenħtieġ li r-regoli neċessarji dwar il-konsultazzjonijiet u l-għoti ta’ informazzjoni jiġu previsti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li kwalunkwe użu volontarju bħal dan tar-router b’applikazzjoni tad-Direttiva 2004/82/KE kif previst f’dan ir-Regolament ma jinftihemx li jaffettwa b’xi mod l-obbligi ta’ trasportaturi bl-ajru u ta’ Stati Membri skont dik id-Direttiva. |
|
(21) |
Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni korrispondenti jenħtieġ li jwasslu għall-implimentazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament mit-trasportaturi bl-ajru, u b’hekk jimminimizzaw l-ispiża tal-interkonnessjoni tas-sistemi rispettivi tagħhom. Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni armonizzata ta’ dawk ir-rekwiżiti mit-trasportaturi bl-ajru, b’mod partikolari fir-rigward tal-istruttura, il-format u l-protokoll tat-trażmissjoni tad-data, jenħtieġ li l-Kummissjoni, abbażi tal-kooperazzjoni tagħha mal-PIUs, mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra, mat-trasportaturi bl-ajru, u mal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, tiżgura li l-manwal prattiku li jrid jitħejja mill-Kummissjoni jipprovdi l-gwida u l-kjarifiki kollha meħtieġa. |
|
(22) |
Sabiex tittejjeb il-kwalità tad-data tal-API, ir-router li jiġi stabbilit skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jivverifika jekk id-data tal-API ttrasferita lilu mit-trasportaturi bl-ajru tikkonformax mal-formati tad-data appoġġjati. Meta l-verifikazzjoni tiddetermina li d-data mhijiex konformi ma’ dawk il-formati tad-data, jenħtieġ li r-router, immedjatament u b’mod awtomatizzat, jinnotifika lit-trasportatur bl-ajru kkonċernat. |
|
(23) |
Il-passiġġieri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jipprovdi ċerta data tal-API huma stess b’mod awtomatizzat waqt il-proċess taċ-check-in online, pereżempju, permezz ta’ applikazzjoni sigura fuq smartphone, kompjuter jew webcam tal-passiġġieri bil-kapaċità li jaqraw data li tinqara minn magna tad-dokument tal-ivvjaġġar. Meta l-passiġġieri ma jkunux għamlu ċ-check-in online, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jipprovdulhom il-possibbiltà li jipprovdu d-data meħtieġa tal-API li tinqara minn magna matul iċ-check-in fl-ajruport bl-assistenza ta’ kiosk self-service jew ta’ persunal tal-ajru mal-bank taċ-check-in. Mingħajr preġudizzju għal-libertà tat-trasportaturi bl-ajru li jistabbilixxu nollijiet tal-ajru u jiddefinixxu l-politika kummerċjali tagħhom, huwa importanti li l-obbligi skont dan ir-Regolament ma jwasslux għal ostakli sproporzjonati għall-passiġġieri li ma jkunux jistgħu jużaw mezzi online biex jipprovdu data tal-API, bħal tariffi addizzjonali għall-forniment ta’ data tal-API fl-ajruport. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi perjodu tranżitorju li matulu l-passiġġieri jingħataw il-possibbiltà li jipprovdu d-data tal-API manwalment bħala parti mill-proċess taċ-check-in online. F’każijiet bħal dawn, it-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li jużaw tekniki ta’ verifika tad-data. |
|
(24) |
Huwa importanti li s-sistemi awtomatizzati tal-ġbir tad-data u proċessi oħra stabbiliti skont dan ir-Regolament ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-impjegati fl-industrija tal-avjazzjoni, li għandhom jiġu pprovduti b’opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid li jżidu l-effiċjenza u l-affidabbiltà tal-ġbir u t-trasferimenti tad-data kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur. |
|
(25) |
Sabiex jiġi żgurat l-ipproċessar konġunt tad-data tal-API u tad-data tal-PNR biex jiġu miġġielda b’mod effettiv it-terroriżmu u l-kriminalità serja fl-Unjoni u fl-istess ħin tiġi minimizzata l-interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-passiġġieri protetti skont il-Karta, jenħtieġ li l-PIUs ikunu l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li jkunu fdati biex jirċievu, u sussegwentement jipproċessaw u jipproteġu ulterjorment, id-data tal-API miġbura u ttrasferita skont dan ir-Regolament. Fl-interess tal-effiċjenza u biex jiġi minimizzat kwalunkwe riskju għas-sigurtà, jenħtieġ li r-router, kif iddisinjat, żviluppat, ospitat u teknikament miżmum mill-eu-LISA f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2025/12, jittrażmetti d-data tal-API, miġbura u ttrasferita lilu mit-trasportaturi bl-ajru skont dan ir-Regolament, lill-PIUs rilevanti. Minħabba l-livell meħtieġ ta’ protezzjoni tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, inkluż biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkonċernata, jenħtieġ li d-data tal-API tiġi trażmessa mir-router lill-PIUs rilevanti b’mod awtomatizzat. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu punt uniku ta’ dħul tad-data li jiżgura l-konnessjoni u l-integrazzjoni tagħhom mar-router. |
|
(26) |
Bil-ħsieb li jiġi żgurat it-twettiq tad-drittijiet previsti fil-Karta, kif ukoll li jiġu żgurati għażliet tal-ivvjaġġar aċċessibbli u inklużivi, speċjalment għall-gruppi vulnerabbli u l-persuni b’diżabbiltà, u f’konformità mad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), it-trasportaturi bl-ajru, appoġġjati mill-Istati Membri, jenħtieġ li jiżguraw li tkun disponibbli f’kull ħin għażla għall-forniment tad-data meħtieġa mill-passiġġieri fl-ajruport. |
|
(27) |
Għal titjiriet barra l-UE, il-PIU tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se tinżel it-titjira jew li mit-territorju tiegħu se titlaq it-titjira jenħtieġ li tirċievi d-data tal-API mir-router għal dawk it-titjiriet kollha li d-data tal-PNR tinġabar għalihom f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/681. Jenħtieġ li r-router jidentifika t-titjira u l-PIUs korrispondenti bl-użu tal-informazzjoni li tinsab fil-lokalizzatur tar-rekords tal-PNR, element tad-data komuni għas-settijiet tad-data kemm tal-API kif ukoll tal-PNR li jippermetti l-ipproċessar konġunt tad-data tal-API u tad-data tal-PNR mill-PIUs. |
|
(28) |
Fir-rigward tat-titjiriet intra-UE, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE, sabiex tiġi evitata interferenza bla bżonn mad-drittijiet fundamentali rilevanti tal-passiġġieri kif protetti skont il-Karta u biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni, jenħtieġ li jiġi previst approċċ selettiv. Minħabba l-importanza li jiġi żgurat li d-data tal-API tkun tista’ tiġi pproċessata flimkien mad-data tal-PNR, jenħtieġ li dak l-approċċ jiġi allinjat ma’ dak tad-Direttiva (UE) 2016/681. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li d-data tal-API dwar dawk it-titjiriet tiġi trażmessa biss mir-router lill-PIUs rilevanti, fejn l-Istati Membri jkunu għażlu t-titjiriet ikkonċernati b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/681 u f’konformità mal-approċċ selettiv previst f’dan ir-Regolament. Huwa biss f’sitwazzjonijiet ta’ theddid terroristiku ġenwin u preżenti jew prevedibbli u abbażi ta’ deċiżjoni li tkun ibbażata fuq valutazzjoni tat-theddid, limitata fiż-żmien għal dak li huwa strettament meħtieġ u li tkun miftuħa għal rieżami effettiv, li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw id-Direttiva (UE) 2016/681 għat-titjiriet intra-UE kollha li jaslu fit-territorju tagħhom jew jitilqu minnu. F’sitwazzjonijiet oħra, jenħtieġ li jiġi previst approċċ selettiv. Kif imfakkar mill-QĠUE, l-għażla tinvolvi li l-Istati Membri jimmiraw l-obbligi inkwistjoni biss lejn, fost l-oħrajn, ċerti rotot, xejriet tal-ivvjaġġar jew ajruporti, soġġetti għar-rieżami regolari ta’ dik l-għażla. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-għażla tkun ibbażata fuq valutazzjoni oġġettiva, debitament raġunata u nondiskriminatorja, li tqis biss kriterji li jkunu rilevanti għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja b’rabta oġġettiva, inkluża rabta indiretta, mal-ġarr ta’ passiġġieri bl-ajru. Jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu d-dokumentazzjoni rilevanti kollha relatata mal-valutazzjoni sabiex jippermettu superviżjoni xierqa u jirrieżaminaw il-valutazzjoni tagħhom regolarment u mill-inqas kull 12-il xahar f’konformità mal-Artikolu 13(7) ta’ dan ir-Regolament. |
|
(29) |
Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni tal-approċċ selettiv skont dan ir-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet intra-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jfasslu l-listi tat-titjiriet jew tar-rotot li jkunu għażlu, u jdaħħluhom fir-router, sabiex l-eu-LISA tkun tista’ tiżgura li d-data tal-API għal dawk it-titjiriet biss id-data tal-API tiġi trażmessa mir-router lill-PIUs rilevanti u li d-data tal-API dwar titjiriet intra-UE oħrajn titħassar minnufih u b’mod permanenti. |
|
(30) |
Sabiex tiżdied il-koeżjoni fost l-approċċi selettivi li jieħdu l-Istati Membri differenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju regolari ta’ fehmiet dwar l-għażla tal-kriterji tal-għażla, inkluża l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll, fuq bażi volontarja, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar titjiriet magħżula. |
|
(31) |
Sabiex ma tiġix ipperikolata l-effettività tas-sistema li tibbaża fuq il-ġbir u t-trasferiment tad-data tal-API stabbilita b’dan ir-Regolament, u tad-data tal-PNR skont is-sistema stabbilita bid-Direttiva (UE) 2016/681, għall-fini tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, b’mod partikolari billi jinħoloq ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni, l-informazzjoni dwar liema titjiriet intra-UE ntgħażlu mill-Istati Membri jenħtieġ li tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li tali informazzjoni ma tiġix kondiviża mat-trasportaturi bl-ajru u, għalhekk, jenħtieġ li huma jkunu meħtieġa jiġbru d-data tal-API dwar it-titjiriet kollha koperti minn dan ir-Regolament, inklużi t-titjiriet intra-UE kollha, u mbagħad jittrasferuha lir-router, fejn jenħtieġ li tiġi implimentata l-għażla meħtieġa. Barra minn hekk, bil-ġbir tad-data tal-API dwar it-titjiriet intra-UE kollha, il-passiġġieri ma jiġux mgħarrfa fuq liema titjiriet intra-UE magħżula d-data tal-API u, b’hekk ukoll tal-PNR, tiġi trażmessa lill-PIUs f’konformità mal-valutazzjoni tal-Istati Membri. Dak l-approċċ jiżgura wkoll li kwalunkwe bidla relatata ma’ dik l-għażla tkun tista’ tiġi implimentata malajr u b’mod effettiv, mingħajr ma jiġi impost kwalunkwe piż ekonomiku u operazzjonali bla bżonn fuq it-trasportaturi bl-ajru. |
|
(32) |
Dan ir-Regolament ma jippermettix il-ġbir jew it-trasferiment ta’ data tal-API fuq titjiriet intra-UE għall-finital-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, skont il-liġi tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-QĠUE. |
|
(33) |
Fl-interess li tiġi żgurata l-konformità mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidentifika l-kontrollur u l-proċessur u jistabbilixxi regoli dwar l-awditi. Fl-interess ta’ monitoraġġ effettiv, l-iżgurar ta’ protezzjoni adegwata tad-data personali u l-minimizzazzjoni tar-riskji għas-sigurtà, jenħtieġ li jiġu previsti wkoll regoli dwar ir-reġistrazzjoni, is-sigurtà tal-ipproċessar u l-awtomonitoraġġ. Meta jkunu relatati mal-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu konformi mal-atti legali tal-Unjoni ġeneralment applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 (14) u (UE) 2018/1725 (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(34) |
Mingħajr preġudizzju għal regoli aktar speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/679 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mit-trasportaturi bl-ajru skont dan ir-Regolament. Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) jenħtieġ li tappika għall-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, kif definit f’dik id-Direttiva, għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu. Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1725 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-eu-LISA meta twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha skont dan ir-Regolament. |
|
(35) |
Filwaqt li jqisu d-dritt tal-passiġġieri li jiġu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-passiġġieri jiġu pprovduti b’informazzjoni preċiża dwar il-ġbir tad-data tal-API, it-trasferiment ta’ tali data lill-PIU u d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data li tkun faċilment aċċessibbli u faċli biex tinftiehem, fil-mument tal-booking u fil-mument taċ-check-in. |
|
(36) |
Sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidentifika wkoll ir-regoli dwar l-awditi. L-awditi tal-protezzjoni tad-data personali li l-Istati Membri huma responsabbli għalihom jenħtieġ li jitwettqu mill-awtoritajiet superviżorji indipendenti msemmija fl-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680 jew minn korp tal-awditjar fdat b’dan il-kompitu mill-awtorità superviżorja. |
|
(37) |
Il-finijiet tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar skont dan ir-Regolament, jiġifieri t-trażmissjoni ta’ data tal-API mit-trasportaturi bl-ajru permezz tar-router lill-PIU tal-Istati Membri, għandhom jassistu lil dawk l-awtoritajiet fit-twettiq tal-obbligi u tal-kompiti tagħhom f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/681. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet biex ikunu kontrolluri għall-ipproċessar tad-data fir-router, għat-trażmissjoni tad-data mir-router lill-PIU, u għall-ipproċessar sussegwenti ta’ dik id-data f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/681. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkomunikaw dawk l-awtoritajiet lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA. Għall-ipproċessar tad-data personali fir-router, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kontrolluri konġunti f’konformità mal-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2016/680. It-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li jkunu kontrolluri separati fir-rigward tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, li huma jipproċessaw skont dan ir-Regolament. Fuq din il-bażi, jenħtieġ li kemm it-trasportaturi bl-ajru kif ukoll il-PIUs ikunu kontrolluri separati fir-rigward tal-operazzjoni ta’ pproċessar għad-data tal-API skont dan ir-Regolament. Peress li eu-LISA hijaresponsabbli għad-disinn, għall-iżvilupp, għall-hosting u għall-ġestjoni teknika tar-router, jenħtieġ li hija tkun il-proċessur għall-ipproċessar tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali permezz tar-router, inkluż it-trażmissjoni tad-data mir-router lill-PIUs u l-ħżin ta’ dik id-data fuq ir-router sa fejn tali ħżin ikun meħtieġ għal finijiet tekniċi. |
|
(38) |
Ir-router li għandu jinħoloq u jitħaddem skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2025/12 jenħtieġ li jnaqqas u jissimplifika l-konnessjonijiet tekniċi meħtieġa għat-trasferiment tad-data tal-API skont dan ir-Regolament, u jillimitahom għal konnessjoni waħda għal kull trasportatur bl-ajru u għal kull PIU. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi l-obbligu li l-PIUs u t-trasportaturi bl-ajru jistabbilixxu tali konnessjoni mar-router u jiksbu l-integrazzjoni meħtieġa miegħu, sabiex jiżguraw li s-sistema għat-trasferiment tad-data tal-API stabbilita minn dan ir-Regolament tkun tista’ tiffunzjona kif suppost. Id-disinn u l-iżvilupp tar-router mill-eu-LISA jenħtieġ li jippermettu konnessjoni u integrazzjoni effettivi u effiċjenti tas-sistemi u tal-infrastruttura tat-trasportaturi bl-ajru billi jipprevedu l-istandards u r-rekwiżiti tekniċi rilevanti kollha. Biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistema stabbilita b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu pprovduti regoli dettaljati. Meta tiddisinja u tiżviluppa r-router, jenħtieġ li l-eu-LISA tiżgura li d-data tal-API u data oħra tal-PNR ittrasferita mit-trasportaturi bl-ajru u trażmessa lill-PIUs tiġi kriptata fit-tranżitu. |
|
(39) |
Fid-dawl tal-interessi tal-Unjoni involuti, jenħtieġ li l-ispejjeż kollha magħmula mill-eu-LISA għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament fir-rigward tar-router jiġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni, inklużi d-disinn u l-iżvilupp tar-router, il-hosting u l-ġestjoni teknika tar-router, u l-istruttura ta’ governanza fl-eu-LISA biex tappoġġja d-disinn, l-iżvilupp, il-hosting u l-ġestjoni teknika tar-router. Jaf japplika l-istess għall-ispejjeż magħmula mill-Istati Membri b’rabta mal-konnessjonijiet u l-integrazzjoni tagħhom mar-router u l-manutenzjoni tagħhom, kif meħtieġ skont dan ir-Regolament, f’konformitá mal-liġi applikabbli tal-Unjoni. Huwa importanti li l-baġit tal-Unjoni jipprovdi appoġġ finanzjarju xieraq lill-Istati Membri għal dawk l-ispejjeż. Għal dak il-għan, il-ħtiġijiet finanzjarji tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu appoġġjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, f’konformità mar-regoli tal-eliġibbiltà u mar-rati ta’ kofinanzjament stabbiliti bl-atti legali tal-Unjoni rilevanti. Il-kontribuzzjoni annwali tal-Unjoni allokata lill-eu-LISA jenħtieġ li tkopri l-ħtiġijiet relatati mal-hosting u mal-ġestjoni teknika tar-router abbażi ta’ valutazzjoni mwettqa mill-eu-LISA. Il-baġit tal-Unjoni jenħtieġ li jkopri wkoll l-appoġġ, bħat-taħriġ ipprovdut mill-eu-LISA lit-trasportaturi bl-ajru u lill-PIUs biex jippermetti t-trasferiment u t-trażmissjoni effettivi tad-data tal-API permezz tar-router. L-ispejjeż magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni indipendenti b’rabta mal-kompiti fdati lilhom skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġġarrbu mill-Istati Membri rispettivi. |
|
(40) |
F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1726, l-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-eu-LISA bil-kompitu li tiffaċilita l-konnettività mat-trasportaturi bl-ajru sabiex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/681, b’mod partikolari billi jiġbru u jittrasferixxu d-data tal-PNR permezz ta’ router. Għal dak l-għan, u għal raġunijiet ta’ kosteffettività u effiċjenza kemm għall-Istati Membri kif ukoll għat-trasportaturi bl-ajru, jenħtieġ li dan ir-Regolament jirrikjedi li t-trasportaturi bl-ajru jużaw ir-router għat-trasferiment lill-bażijiet tad-data tal-PIUs rispettivi tagħhom ta’ data oħra tal-PNR koperta mid-Direttiva (UE) 2016/681, bħala parti mill-miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-dispożizzjoni ta’ dik id-Direttiva dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu, permezz tal-“metodu push”, id-data tal-PNR lill-PIUs rilevanti. |
|
(41) |
Sabiex jiġi żgurat li d-data inkwistjoni tiġi pproċessata b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu, ir-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament fir-rigward tar-router u tat-trażmissjoni tad-data tal-API mir-router lill-PIUs jenħtieġ li japplikaw ukoll kif xieraq għal data oħra tal-PNR. Dawk ir-regoli jinkludu wkoll l-obbligi ta’ dan ir-Regolament rigward it-trasferiment u t-trażmissjoni ta’ data b’rabta ma’ titjiriet intra-UE, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE, kif ukoll fir-rigward tal-konnessjonijiet tat-trasportaturi bl-ajru u tal-PIU mar-router. Fir-rigward tar-regoli dwar it-tempistika tat-trasferimenti, il-protokolli tat-trażmissjoni u l-formati tad-data li fihom il-messaġġi tal-PNR għandhom jiġu ttrasferiti lir-router, japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2016/681. |
|
(42) |
Huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-użu tar-router b’rabta ma’ data oħra tal-PNR jaffettwa biss il-mod li bih dik id-data tiġi trasferita u trażmessa lill-bażijiet tad-data tal-PIUs tal-Istati Membri kkonċernati. L-obbligi ta’ dan ir-Regolament rigward il-ġbir tad-data tal-API mhumiex applikabbli fir-rigward ta’ dik id-data tal-PNR l-oħra kollha. Dan il-ġbir minflok jenħtieġ li jkompli jiġi rregolat biss mid-Direttiva (UE) 2016/681, biss sa fejn it-trasportaturi bl-ajru jkunu diġà ġabru tali data fil-kors normali tan-negozju tagħhom fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjoni rilevanti ta’ dik id-Direttiva. Barra minn hekk, kif inhu l-każ għad-data tal-API miġbura mit-trasportaturi bl-ajru u trasferita lill-PIUs f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-regoli ta’ dik id-Direttiva fir-rigward ta’ kwistjonijiet mhux speċifikament koperti minn dan ir-Regolament, speċjalment ir-regoli dwar l-ipproċessar sussegwenti ta’ data oħra tal-PNR riċevuta mill-PIUs, jenħtieġ li ma jiġux affettwati. Għalhekk, dawk ir-regoli jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ tali data. |
|
(43) |
Ma jistax jiġi eskluż li, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u minkejja li jkunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-infrastruttura ċentrali jew wieħed mill-komponenti tekniċi tar-router, jew l-infrastrutturi tal-komunikazzjoni li jgħaqqdu l-PIUs u t-trasportaturi bl-ajru tagħhom jonqsu milli jiffunzjonaw kif suppost, u b’hekk iwasslu għal impossibbiltà teknika għat-trasportaturi bl-ajru li jittrasferixxu, jew għall-PIUs li jirċievu, id-data tal-API. Minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tar-router u li ġeneralment ma jkunx raġonevolment possibbli għat-trasportaturi bl-ajru li jittrasferixxu d-data tal-API affettwata min-nuqqas b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu permezz ta’ mezzi alternattivi, jenħtieġ li l-obbligu li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu tali data tal-API lir-router ma jibqax japplika sakemm tippersisti l-impossibbiltà teknika. Madankollu, biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data tal-API neċessarja għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jkomplu jiġbru u jaħżnu d-data tal-API sabiex tkun tista’ tiġi ttrasferita hekk kif tiġi solvuta l-impossibbiltà teknika. Sabiex jiġu minimizzati t-tul ta’ żmien u l-konsegwenzi negattivi ta’ kwalunkwe impossibbiltà teknika, jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati f’każ bħal dan jinformaw minnufih lil xulxin u jieħdu minnufih il-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizzaw l-impossibbiltà teknika. Jenħtieġ li dan l-arranġament ikun mingħajr preġudizzju għall-obbligi skont dan ir-Regolament tal-partijiet kollha kkonċernati biex jiżguraw li r-router u s-sistemi u l-infrastruttura rispettivi tagħhom jiffunzjonaw kif suppost, kif ukoll għall-fatt li t-trasportaturi bl-ajru huma soġġetti għal penali jekk jonqsu milli jissodisfaw dawk l-obbligi, inkluż f’każijiet fejn ifittxu li jiddependu fuq dan l-arranġament meta tali dipendenza ma tkunx ġustifikata. Sabiex jiskoraġġixxu tali abbuż u jiffaċilitaw is-superviżjoni u, fejn meħtieġ, l-impożizzjoni ta’ penali, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru li jiddependu fuq dan l-arranġament minħabba l-falliment tas-sistema u l-infrastruttura tagħhom stess jirrapportaw dwar dan lill-awtorità superviżorja kompetenti. |
|
(44) |
Meta t-trasportaturi bl-ajru jżommu konnessjonijiet diretti mal-PIUs għat-trasferiment tad-data tal-API, dawk il-konnessjonijiet jistgħu jikkostitwixxu mezzi xierqa, li jiżguraw il-livell neċessarju ta’ sigurtà tad-data għat-trasferiment tad-data tal-API direttament lill-PIUs fejn huwa teknikament impossiblili jintuża r-router. Jenħtieġ li l-PIUs, fil-każ eċċezzjonali ta’ impossibbiltà teknika li jużaw ir-router, ikunu jistgħu jitolbu lit-trasportaturi bl-ajru jużaw tali mezzi xierqa, li ma jimplikax obbligu fuq it-trasportaturi bl-ajru li jżommu jew jintroduċu tali konnessjonijiet diretti jew kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura l-livell neċessarju ta’ sigurtà tad-data biex jittrasferixxu d-data tal-API direttament lill-PIUs. It-trasferiment eċċezzjonali tad-data tal-API bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor, bħal email kriptata jew portal web sigur, u li jeskludi l-użu ta’ formati elettroniċi mhux standard, jenħtieġ li jiżgura l-livell neċessarju ta’ sigurtà tad-data, kwalità tad-data u protezzjoni tad-data. Id-data tal-API riċevuta mill-PIUs b’tali mezzi xierqa oħra jenħtieġ li tiġi pproċessata ulterjorment f’konformità mar-regoli u mas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/681. Wara n-notifika mill-eu-LISA li l-impossibbiltà teknika ġiet indirizzata b’suċċess, u meta jiġi kkonfermat li it-trażmissjoni tad-data tal-API permezz tar-router lill-PIUs tkun tlestiet, il-PIUs jenħtieġ li tħassar immedjatament id-data tal-API li tkun irċeviet qabel bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor. Jenħtieġ li dak it-tħassir ma jaffettwax każijiet speċifiċi fejn id-data tal-API li l-PIUs ikunu rċevew bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor sadanittant tkun ġiet ipproċessata ulterjorment f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/681 għall-finijiet speċifiċi tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati terroristiċi jew il-kriminalità serja. |
|
(45) |
Sabiex jiġi żgurat li r-regoli ta’ dan ir-Regolament jiġu applikati b’mod effettiv mit-trasportaturi bl-ajru, jenħtieġ li ssir dispożizzjoni għall-ħatra u għall-għoti tas-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali bħala awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-API nazzjonali inkarigati bil-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli. L-Istati Membri jistgħu jaħtru l-PIUs tagħhom bħala awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-API nazzjonali. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament dwar tali monitoraġġ, inkluż fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ penali fejn meħtieġ, jenħtieġ li jħallu l-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mad-Direttiva (UE) 2016/680 mhux affettwati, inkluż b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali skont dan ir-Regolament. |
|
(46) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jinkludu penali finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji, kontra dawk it-trasportaturi bl-ajru li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-ġbir tad-data tal-API permezz ta’ mezzi awtomatizzati u u t-trasferiment tad-data f’konformità mal-iskadenzi, il-formati u l-protokolli rikjesti. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li nuqqas rikorrenti min-naħa tat-trasportaturi bl-ajru bħala persuni ġuridiċi milli jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jittrasferixxu kwalunkwe data tal-API lir-router f’konformità ma’ dan ir-Regolament huwa soġġett għal penali finanzjarji proporzjonati sa 2 % tal-fatturat globali tat-trasportatur bl-ajru tas-sena finanzjarja preċedenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw penali, inklużi penali finanzjarji, fil-konfront tat-trasportaturi bl-ajru għal forom oħra ta’ nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament. |
|
(47) |
Meta jipprevedu r-regoli dwar il-penali applikabbli għat-trasportaturi bl-ajru skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jqisu jekk huwiex fattibbli mil-lat tekniku u operazzjonali li jiżguraw il-preċiżjoni kompluta tad-data. Barra minn hekk, meta jiġu imposti penali, l-applikazzjoni u l-valur tagħhom jenħtieġ li jiġu stabbiliti. L-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-API nazzjonali jistgħu jqisu l-azzjonijiet meħuda mit-trasportatur bl-ajru biex jimmitiga l-kwistjoni kif ukoll il-livell ta’ kooperazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet nazzjonali. |
|
(48) |
Peress li d-disinn, l-iżvilupp, il-hosting u l-ġestjoni teknika tar-router jenħtieġ li jsiru mill-eu-LISA, huwa neċessarju li r-Regolament (UE) 2018/1726 jiġi emendat billi jiżdied dak il-kompitu mal-kompiti tal-eu-LISA. Sabiex ir-rapporti u l-istatistika tar-router jinħażnu fuq ir-Repożitorju Ċentrali għar-Rapportar u għall-Istatistika (CRRS - Central Repository for Reporting and Statistics) stabbiliti bir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), jeħtieġ li dak ir-Regolament jiġi emendat. Sabiex jiġi appoġġjat l-infurzar ta’ dan ir-Regolament mill-awtorità ta’ superviżjoni tal-API nazzjonali, jeħtieġ li l-emendi tar-Regolament (UE) 2019/818 jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-isstatistika dwar jekk id-data tal-API hijiex preċiża u kompluta, pereżempju billi jiġi indikat jekk id-data nġabritx b’mezzi awtomatizzati. Huwa importanti wkoll li tinġabar statistika affidabbli u utli dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex jiġu appoġġjati l-objettivi tiegħu u jservu bħala informazzjoni għall-evalwazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Fuq talba tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-eu-LISA tipprovdilha statistika dwar aspetti speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, bħall-istatistika aggregata dwar it-trażmissjoni tad-data tal-API lill-PIUs. Jenħtieġ li tali statistika ma tinkludi l-ebda data personali. Għalhekk, is-CRRS jenħtieġ li jipprovdi statistika bbażata fuq id-data tal-API għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biss. Id-data li r-router jittrażmetti awtomatikament lis-CRRS għal dak il-għan jenħtieġ li ma tippermettix l-identifikazzjoni tal-passiġġieri kkonċernati. |
|
(49) |
Sabiex jiżdiedu ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, biex jingħata kontribut sabiex jiġu żgurati l-kwalità tad-data, jiġi żgurat l-użu responsabbli tal-mezzi awtomatizzati għall-ġbir ta’ data tal-API li tinqara minn magna skont dan ir-Regolament u jiġi żgurat il-ġbir manwali tad-data tal-API f’ċirkostanzi eċċezzjonali u matul il-perjodu tranżitorju, biex tiġi pprovduta ċarezza dwar ir-rekwiżiti tekniċi li huma applikabbli għat-trasportaturi bl-ajru u li huma neċessarji biex jiġi żgurat li d-data tal-API li jkunu ġabru skont dan ir-Regolament tiġi ttrasferita lir-router b’mod sigur, effettiv u rapidu, u sabiex ma jkollhiex impatt fuq it-trasportaturi tal-ivvjaġġar u bl-ajru tal-passiġġieri aktar milli meħtieġ, u biex jiġi żgurat li data mhux preċiża jew mhux kompluta jew data li ma tkunx aktar aġġornata tiġi kkoreġuta, ikkompletata jew aġġornata, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni biex biex il-perjodu tranżitorju għall-ġbir manwali tad-data jintemm; sabiex jiġu adottati miżuri relatati mar-rekwiżiti tekniċi u r-regoli operazzjonali jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jenħtieġ li jikkonformaw magħhom fir-rigward tal-użu ta’ mezzi awtomatizzati għall-ġbir ta’ data tal-API li tinqara minn magna skont dan ir-Regolament, u għall-ġbir manwali tad-data tal-PAI f’ċirkostanzi eċċezzjonali u waqt il-perjodu tranżitorju, inkluż ir-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data; sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati meħtieġa dwar il-protokolli komuni u l-formati tad-data appoġġjati li għandhom jintużaw għat-trasferimenti kriptati tad-data tal-API lir-router, inkluż ir-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data; u sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-korrezzjoni, l-ikkompletar u l-aġġornament tad-data tal-API. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi t-trasportaturi bl-ajru, matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (18). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. Filwaqt li jitqies l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, dawn ir-rekwiżiti tekniċi u r-regoli operazzjonali jistgħu jinbidlu maż-żmien. |
|
(50) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri fir-rigward tal-bidu tal-operazzjonijiet tar-router, tar-regoli tekniċi u proċedurali għall-verifiki u għan-notifiki tad-data, tar-regoli tekniċi u proċedurali għat-trażmissjoni tad-data tal-API mir-router lill-PIUs b’mod li jiżgura li t-trażmissjoni tkun sikura, effettiva u rapida u ma tħallix impatt fuq l-ivvjaġġar tal-passiġġieri u t-trasportaturi bl-ajru aktar minn kemm meħtieġ, u tal-konnessjonijiet tal-PIUs mar-router u l-integrazzjoni tagħhom miegħu, u li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri bħala kontrolluri konġunti, pereżempju fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-ġestjoni tal-inċidenti ta’ sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali, u r-relazzjoni bejn il-kontrolluri konġunti u l-eu-LISA bħala l-proċessur, inkluża l-assistenza tal-eu-LISA lill-kontrolluri b’miżuri organizzattivi u tekniċi xierqa, safejn ikun possibbli, biex jitwettqu l-obbligi tal-kontrollur li jirrispondi għar-rikjesti għall-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat jenħtieġ jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). |
|
(51) |
Il-partijiet interessati kollha u, b’mod partikolari, it-trasportaturi bl-ajru u l-PIUs, jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jagħmlu t-tħejjijiet meħtieġa biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies li xi wħud minn dawk it-tħejjijiet, bħal dawk li jirrigwardaw l-obbligi dwar il-konnessjoni u l-integrazzjoni mar-router, jistgħu jiġu ffinalizzati biss meta jkunu tlestew il-fażijiet tad-disinn u tal-iżvilupp tar-router u r-router jibda jopera. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss minn data xierqa wara d-data li fiha r-router jibda jopera, kif speċifikat mill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2025/12. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Kummissjoni tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament diġà minn data aktar bikrija, sabiex tiżgura li s-sistema stabbilita minn dan ir-Regolament tkun operattiva mill-aktar fis possibbli. |
|
(52) |
Jenħtieġ li l-fażijiet tad-disinn u tal-iżvilupp tar-router stabbiliti skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2025/12 jinbdew u jitlestew mill-aktar fis possibbli sabiex ir-router ikun jista’ jibda jopera mill-aktar fis possibbli, li jirrikjedi wkoll l-adozzjoni tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni rilevanti previsti b’dan ir-Regolament. Għall-iżvilupp bla xkiel u effettiv ta’ dawk il-fażijiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord tat-Tmexxija tal-Programm iddedikat bil-funzjoni li jwettaq is-superviżjoni tal-eu-LISA fit-twettiq tal-kompiti tagħha matul dawk il-fażijiet. Jenħtieġ li dan jieqaf jeżisti sentejn wara li r-router ikun beda l-operazzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, korp konsultattiv iddedikat, il-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR, jenħtieġ li jinħoloq f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1726, bl-objettiv li jipprovdi għarfien espert lill-eu-LISA u lill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm dwar il-fażijiet tad-disinn u tal-iżvilupp tar-router, kif ukoll lill-eu-LISA dwar il-hosting u l-ġestjoni tar-router. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm u l-Grupp Konsultattiv API-PNR jenħtieġ li jiġu stabbiliti u operati skont il-mudelli tal-bordijiet tat-tmexxija tal-programmi u tal-gruppi konsultattivi eżistenti. |
|
(53) |
Il-kjarifika pprovduta b’dan ir-Regolament rigward l-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet dwar l-użu ta’ mezzi awtomatizzati fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/82/KE jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll mingħajr dewmien. Għalhekk, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar dawk il-kwistjonijiet japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, sabiex ikun permess l-użu volontarju tar-router mill-aktar fis possibbli, id-dispożizzjonijiet dwar tali użu, kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet oħra meħtieġa biex jiġi żgurat li tali użu jsir b’mod responsabbli, jenħtieġ li japplikaw mill-mument l-aktar kmieni possibbli, jiġifieri, mill-mument li fih ir-router jibda jopera. |
|
(54) |
Jenħtieġ li jkun hemm struttura ta’ governanza unika għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament (UE) 2025/12. Bl-objettiv li tkun permessa u mrawma l-komunikazzjoni bejn ir-rappreżentanti tat-trasportaturi bl-ajru, u r- rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti skont dan ir-Regolament u skont ir-Regolament (UE) 2025/12 biex id-data tal-API tiġi trażmessa mir-router, jenħtieġ li jiġu stabbiliti żewġ korpi ddedikati mhux aktar tard minn sentejn wara l-bidu tat-tħaddim tar- router. Kwistjonijiet tekniċi relatati mal-użu u mal-funzjonament tar-router jenħtieġ li jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Kuntatt API-PNR fejn jenħtieġ li jkunu preżenti wkoll ir-rappreżentanti tal-eu-LISA. Kwistjonijiet ta’ politika bħal pereżempju dawk b’rabta mal-penali jenħtieġ li jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Esperti tal-API. |
|
(55) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun soġġett għal evalwazzjonijiet regolari sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-applikazzjoni effettiva tiegħu. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-ġbir tad-data tal-API ma jkunx għad-detriment tal-esperjenza tal-ivvjaġġar ta’ passiġġieri leġittimi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi fir-rapporti ta’ evalwazzjoni regolari tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament valutazzjoni tal-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-esperjenza tal-ivvjaġġar ta’ passiġġieri leġittimi. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tinkludi wkoll valutazzjoni tal-kwalità tad-data mibgħuta mir-router, kif ukoll il-prestazzjoni tar-router fir-rigward tal-PIUs. |
|
(56) |
Minħabba li dan ir-Regolament jirrikjedi aġġustamenti min-naħa tat-trasportaturi bl-ajru, kif ukoll spejjeż amministrattivi u ta’ aġġustament addizzjonali, jenħtieġ li l-piż regolatorju ġenerali għas-settur tal-avjazzjoni jinżamm taħt rieżami mill-qrib. F’dan l-isfond, ir-rapport li jevalwa l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jivvaluta l-punt sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u sa liema punt huwakellu impatt fuq il-kompetittività tas-settur. |
|
(57) |
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni, għall-iskoperta, għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, fid-dawl tad-dimensjoni tranżnazzjonali tar-reati kkonċernati u l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni fuq bażi transfruntiera sabiex dawn jiġu indirizzati b’mod effettiv, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
|
(58) |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tal-liġi nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali, dment li tali liġi tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni. |
|
(59) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jiġbru, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, data dwar il-passiġġieri minn fornituri tat-trasport għajr dawk speċifikati f’dan ir-Regolament, dment li tali liġi nazzjonali tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni. |
|
(60) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(61) |
F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
|
(62) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fit-8 ta’ Frar 2023 (20), |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Għall-fini tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja, dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar:
|
(a) |
il-ġbir mit-trasportaturi bl-ajru ta’ data ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri (“API” - advance passenger information) dwar titjiriet barra l-UE u titjiriet intra-UE; |
|
(b) |
it-trasferiment tad-data tal-API u data oħra tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lir-router; |
|
(c) |
it-trażmissjoni tal-API u data oħra tal-PNR mir-router lill-unitajiet ta’ informazzjoni dwar il-passiġġieri (“PIUs”- passenger information units) tad-data dwar titjiriet barra l-UE u titjiriet intra-UE magħżula. |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679, ir-Regolament (UE) 2018/1725 u d-Direttiva (UE) 2016/680.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika għat-trasportaturi bl-ajru li jwettqu:
|
(a) |
titjiriet barra l-UE; |
|
(b) |
titjiriet intra-UE li jitilqu mit-territorju ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed, jaslu fih jew jagħmlu waqfa fihli jkun innotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li japplika d-Direttiva (UE) 2016/681 għal titjiriet intra-UE skont l-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva. |
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“trasportatur bl-ajru” tfisser trasportatur bl-ajru kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/681; |
|
(2) |
“titjira barra l-UE” tfisser kwalunkwe titjira barra l-UE kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2016/681; |
|
(3) |
“titjira intra-UE” tfisser kwalunkwe titjira intra-UE kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (3), tad-Direttiva (UE) 2016/681; |
|
(4) |
“titjira skedata” tfisser titjira skedata kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2025/12; |
|
(5) |
“titjira mhux skedata” tfisser titjira kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (6), tar-Regolament (UE) 2025/12; |
|
(6) |
“passiġġier” tfisser kwalunkwe passiġġier kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2016/681; |
|
(7) |
“ekwipaġġ” tfisser kwalunkwe persuna abbord inġenju tal-ajru waqt it-titjira, għajr passiġġier, li taħdem fuq l-inġenju tal-ajru jew toperah, inklużi l-ekwipaġġ tat-titjira u l-ekwipaġġ tal-kabina; |
|
(8) |
“informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri” jew “data tal-API” tfisser id-data u l-informazzjoni dwar it-titjira kif imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) rispettivament; |
|
(9) |
“data oħra tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri” jew “data oħra tal-PNR” tfisser ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (5), tad-Direttiva (UE) 2016/681, kif elenkat fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-punt 18 ta’ dak l-Anness; |
|
(10) |
“unità ta’ informazzjoni dwar il-passiġġieri” jew “PIU” tfisser l-unità ta’ informazzjoni dwar il-passiġġieri, kif tinsab fin- notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni u l-modifiki tagħhom ippubblikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva (UE) 2016/681; |
|
(11) |
“reati terroristiċi” tfisser reati terroristiċi kif imsemmi fl-Artikoli minn 3 sa 12 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21); |
|
(12) |
“kriminalità serja” tfisser kriminalità serja kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (9) tad-Direttiva (UE) 2016/681; |
|
(13) |
“ir-router” tfisser ir-router kif msemmi fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2025/12; |
|
(14) |
“data personali” tfisser data personali kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1) tad-Direttiva (UE) 2016/680, u l-Artikolu 4, il-punt (1) tar-Regolament (UE) 2016/679; |
|
(15) |
“data dwar it-traffiku tat-titjiriet f’ħin reali” tfisser informazzjoni dwar it-traffiku ta’titjiriet ġejjin u sejrin minn ajruport koperti minn dan ir-Regolament. |
KAPITOLU 2
IL-ĠBIR, IT-TRASFERIMENT, IL-ĦŻIN U T-TĦASSIR TAD-DATA TAL-API
Artikolu 4
Il-ġbirtad-data tal-API mit-trasportaturi bl-ajru
1. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiġbru d-data tal-API ta’ kull passiġġier u membru tal-ekwipaġġ fuq it-titjiriet imsemmija fl-Artikolu 2, biex dik id-data tiġi ttrasferita lir-router f’konformità mal-Artikolu 5. Meta t-titjira jkollha l-kodiċi kondiviż bejn trasportaturi bl-ajru, huwa t-trasportatur tl-ajru li jopera t-titjira li għandu jkollu l-obbligu li jittrasferixxi d-data tal-API.
2. Id-data tal-API għandha tikkonsisti biss mid-data li ġejja relatata ma’ kull passiġġier u membru tal-ekwipaġġ fuq it-titjira:
|
(a) |
il-kunjom (isem il-familja), l-ewwel isem jew l-ismijiet (l-ismijiet mogħtija); |
|
(b) |
id-data tat-twelid, is-sess u n-nazzjonalità; |
|
(c) |
it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar; |
|
(d) |
id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar; |
|
(e) |
in-numru li jidentifika reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri użat minn trasportatur bl-ajru biex isib passiġġier fis-sistema ta’ informazzjoni tiegħu (lokalizzatur tar-rekords tal-PNR); |
|
(f) |
l-informazzjoni dwar is-seating li tikkorrispondi għas-seat fl-inġenju tal-ajru assenjat lil passiġġier, meta tali informazzjoni tkun disponibbli; |
|
(g) |
in-numru jew numri tat-tag(s) tal-bagalji u l-għadd ta’ bagalji u l-piż tal-bagalji rreġistrati fiċ-check-in, meta tali informazzjoni tkun disponibbli; |
|
(h) |
kodiċi li jindika l-metodu użat biex tinġabar u tiġi vvalidata d-data msemmija fil-punti (a) sa (d). |
3. Id-data tal-API għandha wkoll tikkonsisti biss mill-informazzjoni li ġejja dwar it-titjira b’rabta mat-titjira ta’ kull passiġġier u membru tal-ekwipaġġ:
|
(a) |
in-numru ta’ identifikazzjoni tat-titjira jew, meta t-titjira jkollha l-kodiċi kondiviż bejn trasportaturi bl-ajru, in-numri ta’ identifikazzjoni tat-titjira, jew, jekk ma jkun jeżisti l-ebda numru bħal dan, mezzi oħra ċari u xierqa li bihom tiġi identifikata t-titjira; |
|
(b) |
fejn applikabbli, il-punt ta’ qsim tal-fruntiera tad-dħul fit-territorju tal-Istat Membru; |
|
(c) |
il-kodiċi tal-ajruport tal-wasla jew, meta t-titjira tkun ippjanata li tinżel l-art f’ajruport wieħed jew f’diversi ajruporti fit-territorji ta’ Stat Membru wieħed jew aktar li għalihom japplika dan ir-Regolament, il-kodiċijiet tal-ajruporti tal-waqfa fit-territorji tal-Istati Membri kkonċernati; |
|
(d) |
il-kodiċi tal-ajruport tat-tluq tat-titjira; |
|
(e) |
il-kodiċi tal-ajruport tal-punt inizjali tal-imbark, meta applikabbli; |
|
(f) |
id-data u l-ħin lokali tat-tluq; |
|
(g) |
id-data u l-ħin lokali tal-wasla; |
|
(h) |
id-dettalji ta’ kuntatt tat-trasportatur bl-ajru; |
|
(i) |
il-format użat għat-trasferiment tad-data. |
4. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiġbru d-data tal-API b’tali mod li d-data tal-API li jittrasferixxu f’konformità mal-Artikolu 5 tkun akkurata, kompluta u aġġornata. Il-konformità ma’ dan l-obbligu ma tirrikjedix li t-trasportaturi bl-ajru jivverifikaw id-dokument tal-ivvjaġġar fil-mument tal-imbark tal-inġenju tal-ajru, mingħajr preġudizzju għal -liġi nazzjonali li huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.
5. Dan ir-Regolament ma jimponix obbligu fuq il-passiġġieri li jġorru dokument tal-ivvjaġġar meta jivvjaġġaw, mingħajr preġudizzju għal atti legali oħra tal- -Unjoni jew tal-liġi nazzjonali li jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.
6. Stat Membru jista’ jimponi obbligu fuq it-trasportaturi bl-ajru biex jipprovdu l-possibbiltà li l-passiġġieri jtellgħu b’mod volontarju d-data msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (a) sa (d), tar-Regolament (UE) 2025/12 b’mezzi awtomatizzati u biex tali data tinħażen mit-trasportatur bl-ajru bil-ħsieb li tiġi ttrasferita d-data għall-finijiet ta’ titjiriet futuri f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament u b’mod konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 4, 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu. Stat Membru li jimponi tali obbligu għandu jistabbilixxi r-regoli u s-salvagwardji dwar il-protezzjoni tad-data, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, inklużi r-regoli dwar il-perjodu tal-ħżin. Madankollu, id-data għandha titħassar meta l-passiġġier ma jibqax jagħti l-kunsens tiegħu għall-ħżin tad-data, jew mhux aktar tard mid-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar.
7. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiġbru d-data tal-API msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) sa (d) bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati biex tinġabar id-data li tinqara minn magna tad-dokument tal-ivvjaġġar tal-passiġġier ikkonċernat. Huma għandhom jagħmlu dan f’konformità mar-rekwiżiti tekniċi dettaljati u mar-regoli operazzjonali msemmija fil-paragrafu 12, ladarba tali regoli jkunu ġew adottati u jkunu applikabbli.
Meta t-trasportaturi bl-ajru jipprovdu proċess ta’ check-in online, huma għandhom jippermettu lill-passiġġieri jipprovdu d-data tal-API msemmija fil-pargrafu 2, il-punti (a) sa (d) b’mezzi awtomatizzati matul dan il-proċess taċ-check-in online. Meta l-passiġġieri ma jagħmlux iċ-check-in online, jenħtieġ li t-trasportaturi bl-ajru jippermettu lil dawk il-passiġġieri jipprovdu d-data tal-API b’mezzi awtomatizzati matul iċ-check-in fl-ajruport bl-assistenza ta’ kiosk self-service jew ta’ persunal tat-trasportatur bl-ajru mal-bank taċ-check-in.
Meta l-użu ta’ mezzi awtomatizzati ma jkunx teknikament possibbli it-trasportaturi bl-ajru għandhom eċċezzjonalment jiġbru d-data tal-API msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) sa (d), manwalment, jew bħala parti miċ-check-in online jew bħala parti miċ-check-in fl-ajruport, b’tali mod li tiġi żgurata l-konformità mal-paragrafu 4.
8. Kwalunkwe mezz awtomatizzat użat mit-trasportaturi bl-ajru għall-ġbir tad-data tal-API skont dan ir-Regolament għandu jkun affidabbli, sigur u aġġornat. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw li d-data tal-API tiġi kriptata matul it-trażmissjoni ta‘ tali data mingħand il-passiġġier għal għand it-trasportaturi bl-ajru.
9. Matul il-perjodu tranżitorju, u flimkien mal-mezzi awtomatizzati msemmija fil-paragrafu 7, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jippermettu lill-passiġġieri li jipprovdu d-data tal-API manwalment bħala parti miċ-check-in online. F’tali każijiet, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jużaw it-tekniki ta’ verifika tad-data sabiex jiżguraw il-konformità mal-paragrafu 4.
10. Il-perjodu tranżitorju msemmi fil-paragrafu 9 ma għandux jaffettwa d-dritt tat-trasportaturi bl-ajru li jivverifikaw fl-ajruport qabel l-imbark tal-inġenju tal-ajru d-data tal-API miġbura bħala parti miċ-check-in online sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-paragrafu 4, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli.
11. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, sa minn erba’ snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet tar-router fir-rigward tad-data tal-API msemmija fl-Artikolu 34, u abbażi ta’ evalwazzjoni tad-disponibbiltà u aċċessibbiltà ta’ mezzi awtomatizzati għall-ġbir tad-data tal-API, att delegat f’konformità mal-Artikolu 43 biex jintemm il-perjodu tranżitorju msemmi fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.
12. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 43 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi dettaljati u r-regoli operazzjonali meħtieġa għall-ġbir tad-data tal-API msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a) sa (d), ta’ dan l-Artikolu, bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati f’konformità mal-paragrafi 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll għall-ġbir manwali tad-data tal-API f’ċirkostanzi eċċezzjonali f’konformità mal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu u matul il-perjodu tranżitorju msemmi fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu. Dawk ir-rekwiżiti tekniċi u r-regoli operazzjonali għandhom jinkludu rekwiżiti għas-sigurtà tad-data u għall-użu tal-aktar mezzi awtomatizzati affidabbli disponibbli biex għall-ġbir tad -data li tinqara minn magna tad-dokument tal-ivvjaġġar.
Artikolu 5
Obbligi fuq it-trasportaturi bl-ajru rigward trasferimenti tad-data tal-API u data oħra tal-PNR
1. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data kriptata tal-API lir-router b’mezzi elettroniċi, għall-finijiet tat-trażmissjoni tagħha lill-PIUs f’konformità mal-Artikolu 12. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-API f’konformità mar-regoli dettaljati msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, ladarba tali regoli jkunu ġew adottati u jkunu applikabbli.
2. Meta jadottaw miżuri skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2016/681, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu kwalunkwe data oħra tal-PNR li jiġbru fil-kors normali tan-negozju tagħhom esklużivament lir-router, skont il-protokolli komuni u l-formati tad-data stabbiliti skont l-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva.
3. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data tal-API:
|
(a) |
għall-passiġġieri:
|
|
(b) |
għall-membri kollha tal-ekwipaġġ immedjatament wara l-għeluq tat-titjira, jiġifieri ladarba l-ekwipaġġ ikun abbord l-inġenju tal-ajru bi tħejjija għat-tluq u ma jkunx għadu possibbli għalihom li jitilqu mill-inġenju tal-ajru. |
4. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 43 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli dettaljati meħtieġa dwar il-protokolli komuni u l-formati tad-data appoġġjati li għandhom jintużaw għat-trasferimenti kriptati tad-data tal-API lir-router imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż it-trasferiment tad-data tal-API fil-mument taċ-check-in u r-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data. Tali regoli dettaljati għandhom jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jittrasferixxu d-data tal-API bl-użu tal-istess struttura u kontenut.
Artikolu 6
Il-perjodu ta’ ħżin u t-tħassir tad-data tal-API
It-trasportaturi bl-ajru għandhom jaħżnu għal perjodu ta’ 48 siegħa mill-mument li r-router jirċievi d-data tal-API ttrasferita lilu skont l-Artikoli 5(3), il-punt (a)(ii) u l-punt (b), id-data tal-API li tirrigwarda -passiġġieri kollha u l-ekwipaġġ kollu li huma jkunu ġabru skont l-Artikolu 4. Huma għandhom, minnufih u b’mod permanenti jħassru dik id-data tal-API wara li jkun skada dak il-perjodu ta’ żmien, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li t-trasportaturi bl-ajru jżommu u jużaw id-data, fejn meħtieġ, f’konformità mal-liġi applikabbli u mal-Artikolu 16(1) u (3).
Artikolu 7
Korrezzjoni, ikkompletar u aġġornament tad-data tal-API
1. Meta trasportatur bl-ajru jsir konxju li d-data li jaħżen skont dan ir-Regolament tkun ġiet ipproċessata b’mod illegali, jew li ma tikkostitwix data tal-API, huwa għandu jħassar dik id-data minnufih u b’mod permanenti. Jekk dik id-data tkun ġiet ittrasferita lir-router, it-trasportatur bl-ajru għandu jinforma minnufih lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA). Malli tirċievi tali informazzjoni, l-eu-LISA għandha tinforma minnufih lill-PIU li rċeviet id-data trażmessa permezz tar-router.
2. Meta trasportatur bl-ajru jsir konxju li d-data li jaħżen skont dan ir-Regolament mhijiex preċiża, mhijiex kompluta jew ma għadhiex aġġornata, dan għandu minnufih jikkoreġi, jikkompleta jew jaġġorna dik id-data. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li t-trasportaturi bl-ajru jżommu u jużaw id-data, fejn meħtieġ, għall-kors normali tan-negozju tagħhom f’konformità mad-dritt applikabbli.
3. Meta trasportatur bl-ajru jsir konxju wara t-trasferiment ta’ data tal-API skont l-Artikolu 5(3), il-punt (a)(i), iżda qabel it-trasferiment skont l-Artikolu 5(3), il-punt (a)(ii), li d-data li jkun ittrasferixxa ma tkunx preċiża, it-trasportatur bl-ajru għandu minnufih jittrasferixxi d-data tal-API kkoreġuta lir-router.
4. Meta trasportatur bl-ajru jsir konxju, wara t-trasferiment ta’ data tal-API skont l-Artikolu 5(3), il-punt (a) jew (b), li d-data li jkun ittrasferixxa ma tkunx preċiża, ma tkunx kompluta jew ma tkunx għadha aġġornata, it-trasportatur bl-ajru għandu jittrasferixxi minnufih id-data tal-API kkoreġuta, kompluta jew aġġornata lir-router.
5. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 43 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi r-regoli dettaljati meħtieġa dwar il-korrezzjoni, l-ikkompletar u l-aġġornament ta’ data tal-API skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 8
Drittijiet fundamentali
1. Il-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2025/12 mit-trasportaturi bl-ajru u mill-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jirriżultaw f’diskriminazzjoni kontra persuni għar-raġunijiet imsemmijin fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”).
2. Dan ir-Regolament għandu jirrispetta bis-sħiħ id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata tal-individwu, għall-ażil, għall-protezzjoni tad-data personali, għal-libertà ta’ moviment u għal rimedji legali effettivi.
3. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal, lill-anzjani, lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni vulnerabbli. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom jikkostitwixxu kunsiderazzjoni primarja meta jiġi implimentat dan ir-Regolament.
KAPITOLU 3
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IR-ROUTER
Artikolu 9
Ir-router
1. L-eu-LISA għandha tiddisinja, tiżviluppa, tospita u tamministra mil-lat tekniku, f’konformità mal-Artikoli 25 u 26, router sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment tad-data kriptata tal-API u ta’ data oħra tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lill-PIUs f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
2. Ir-router għandu jkun magħmul minn:
|
(a) |
infrastruttura ċentrali, li tinkludi sett ta’ komponenti tekniċi li jippermettu l-wasla u t-trażmissjoni tad-data kriptata tal-API u data oħra tal-PNR; |
|
(b) |
kanal ta’ komunikazzjoni sigur bejn l-infrastruttura ċentrali u l-PIUs, u kanal ta’ komunikazzjoni sigur bejn l-infrastruttura ċentrali u t-trasportaturi bl-ajru, għat-trasferiment u t-trażmissjoni tad-data tal-API u data tal-PNR oħra u għal kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħhom, kif ukoll għad-dħul mill-Istati Membri ta’ titjiriet magħżula kif imsemmi fl-Artikolu 12(4) fir-router u kwalunkwe aġġornament relatat; |
|
(c) |
kanal sigur biex tiġi riċevuta data dwar it-traffiku tat-titjiriet f’ħin reali. |
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, ir-router għandu, fejn xieraq u sa fejn ikun teknikament possibbli, jikkondividi u jerġa’ juża l-komponenti tekniċi, inklużi l-komponenti tal-hardware u tas-software, tas-servizz tal-web imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-portal għat-trasportaturi msemmi fl-Artikolu 6(2), il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2018/1240 u l-portal għat-trasportaturi msemmi fl-Artikolu 45c tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
L-eu-LISA għandha tiddisinja r-router, sa fejn ikun possibbli mil-lat tekniku u operattiv, b’mod li jkun koerenti u konsistenti mal-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226 u (UE) 2018/1240.
4. Ir-router għandu, b’mod awtomatiku jislet id-data u jagħmilha disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament, għar-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS - central repository for reporting and statistics) stabbilit skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/818.
5. L-eu-LISA għandha tfassal u tiżviluppa r-router b’mod li, għal kwalunkwe trasferiment ta’ data tal-API u data oħra tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru lir-router f’konformità mal-Artikolu 5, u għal kwalunkwe trażmissjoni ta’ data tal-API u data oħra tal-PNR mir-router lill-PIUs f’konformità mal-Artikolu 12 u lis-CRRS f’konformità mal-Artikolu 39(2), id-data tal-API u data oħra tal-PNR tkun kriptata minn tarf sa tarf matul it-tranżitu.
Artikolu 10
Użu esklużiv tar-router
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-router għandu jintuża biss:
|
(a) |
mit-trasportaturi bl-ajru biex jittrasferixxu d-data kriptata tal-API u data oħra tal-PNR f’konformità ma’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
mill-PIUs biex jirċievu d-data kriptata tal-API u data oħra tal-PNR f’konformità ma’ dan ir-Regolament; |
|
(c) |
abbażi ta’ ftehimiet internazzjonali li jippermettu t-trasferiment tad-data tal-PNR permezz tar-router, konklużi mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi li jkunu kkonkludew ftehim li jipprevedi l-assoċjazzjoni tagħhom mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen. |
Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2025/12.
Artikolu 11
Verifiki tal-formati u tat-trasferimenti tad-data
1. Ir-router għandu, b’mod awtomatizzat u abbażi ta’ data dwar it-traffiku tat-titjiriet f’ħin reali, jivverifika jekk it-trasportatur bl-ajru ttrasferiex id-data tal-API f’konformità mal-Artikolu 5(1) jew data oħra tal-PNR f’konformità mal-Artikolu 5(2).
2. Ir-router għandu, minnufih u b’mod awtomatizzat, jivverifika jekk id-data tal-API ttrasferita lilu f’konformità mal-Artikolu 5(1) tikkonformax mar-regoli dettaljati dwar il-formati tad-data appoġġati msemmijin fl-Artikolu 5(4).
3. Ir-router għandu, minnufih u b’mod awtomatizzat, jivverifika jekk id-data l-oħra tal-PNR ittrasferita lilu f’konformità mal-Artikolu 5(2) tikkonformax mar-regoli dwar il-formati tad-data appoġġati msemmijin fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2016/681.
4. Meta l-verifika msemmija fil-paragrafu 1 tiddetermina li d-data ma ġietx ittrasferita mit-trasportatur bl-ajru jew meta l-verifika msemmija fil-paragrafu 2 jew 3 tiddetermina li d-data ma tkunx konformi mar-regoli dettaljati dwar il-formati tad-data appoġġati, ir-router għandu, immedjatament u b’mod awtomatizzat, jinnotifika lit-trasportatur bl-ajru kkonċernat u lill-PIUs tal-Istati Membri li lilhom kellha tiġi trażmessa d-data skont l-Artikolu 12(1). F’dawn il-każijiet, it-trasportatur bl-ajru għandu jittrasferixxi minnufih id-data tal-API u data oħra tal-PNR f’konformità mal-Artikolu 5.
5. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli tekniċi u proċedurali dettaljati meħtieġa għall-verifiki u n-notifiki msemmijin fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(2).
Artikolu 12
Trażmissjoni tad-data tal-API u data oħra tal-PNR mir-router lill-PIUs
1. Ladarba jkunu saru l-verifiki tal-format tad-data u tat-trasferiment tagħha msemmijin fl-Artikolu 11, ir-router għandu jittrażmetti d-data tal-API kriptata u kwalunkwe data oħra tal-PNR, ittrasferiti lilu mit-trasportaturi bl-ajru skont l-Artikolu 5(1) u (2), u fejn applikabbli, l-Artikolu 7(3) u (4), lill-PIUs tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu se tinżel it-titjira jew li mit-territorju tiegħu se titlaq it-titjira, jew lit-tnejn li huma fil-każ ta’ titjiriet intra-UE. Huwa għandu jittrażmetti dik id-data minnufih u b’mod awtomatizzat, mingħajr ma jbiddel, b’ebda mod, il-kontenut tagħha. Meta titjira jkollha waqfa waħda jew aktar fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn għajr dak li minnu tkun telqet, ir-router għandu jittrażmetti d-data tal-API u kwalunkwe data oħra tal-PNR lill-PIUs tal-Istati Membri kollha kkonċernati.
Għall-finijiet ta’ tali trażmissjoni, l-eu-LISA għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata tabella ta’ korrispondenza bejn l-ajruporti differenti tal-oriġini u tad-destinazzjoni u l-pajjiżi li jappartjenu għalihom.
Madankollu, għat-titjiriet intra-UE, ir-router għandu jittrażmetti biss id-data tal-API u data oħra tal-PNR tat-titjiriet inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 4 lill-PIUs rilevanti.
2. Ir-router għandu jittrażmetti d-data tal-API u data oħra tal-PNR f’konformità mar-regoli dettaljati msemmijin fil-paragrafu 6, ladarba tali regoli jkunu ġew adottati u jkunu applikabbli.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PIUs tagħhom, ladarba jirċievu d-data tal-API u data oħra tal-PNR f’konformità mal-paragrafu 1, jikkonfermaw lir-router, minnufih u b’mod awtomatizzat, li jkunu rċevew tali data.
4. L-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw id-Direttiva (UE) 2016/681 għal titjiriet intra-UE f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva għandhom jistabbilixxu individwalment lista tat-titjiriet intra-UE jew rotot magħżula. L-Istati Membri jistgħu jużaw il-kodiċi tal-ajruport tat-tluq u tal-ajruport tal-wasla biex jindikaw it-titjiriet jew ir-rotot magħżula. Dawk l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva u l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, jagħmlu rieżami regolarment u, fejn meħtieġ, jaġġornaw dawk il-listi. Stat Membru jista’ jagħżel it-titjiriet jew ir-rotot kollha intra-UE meta jkun debitament iġġustifikat, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/681 u mal-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament.
L-Istati Membri għandhom, sad-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 45, it-tieni paragrafu, idaħħlu t-titjiriet jew ir-rotot magħżula fir-router, b’mezzi awtomatizzati permezz tal-kanal ta’ komunikazzjoni sigur imsemmi fl-Artikolu 98(2)(b), u wara dan jipprovdu lir-router bi kwalunkwe aġġornament tagħhom.
5. L-informazzjoni li l-Istati Membri jdaħħlu fir-router għandha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali u l-aċċess għal dik l-informazzjoni mill-persunal tal-eu-LISA għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jissolvew problemi tekniċi. L-eu-LISA għandha tiżgura, malli r-router jirċievi dik l-informazzjoni jew kwalunkwe aġġornament tagħha minn Stat Membru, li r-router jittrażmetti minnufih id-data tal-API u data oħra tal-PNR lill-PIU ta’ dak l-Istat Membru fir-rigward tat-titjiriet jew ir-rotot magħżula, f’konformità mal-paragrafu 1.
6. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli tekniċi u proċedurali dettaljati meħtieġa għat-trażmissjonijiet tad-data tal-API u data oħra tal-PNR mir-router imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għad-dħul ta’ informazzjoni fir-router imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, inkluż dwar ir-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(2).
Artikolu 13
Għażla ta’ tijiriet intra-UE
1. L-Istati Membri li jiddeċiedu, f’konformità mal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/681, li japplikaw dik id-Direttiva u konsegwentement dan ir-Regolament għal titjiriet intra-UE għandhom jagħżlu tali titjiriet intra-UE f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
2. L-Istati Membri jistgħu japplikaw id-Direttiva (UE) 2016/681 u konsegwentement dan ir-Regolament unikament għat-titjiriet intra-UE kollha li jaslu fit-territorju tagħhom jew jitilqu minnu biss f’sitwazzjonijiet ta’ theddida terroristika ġenwina u attwali jew prevedibbli, abbażi ta’ deċiżjoni li tkun ibbażata fuq valutazzjoni tat-theddida, limitata fiż-żmien għal dak li huwa strettament meħtieġ u miftuħa għal rieżami effettiv jew minn qorti jew minn korp amministrattiv indipendenti li d-deċiżjoni tagħhom tkun vinkolanti.
3. Fin-nuqqas ta’ theddida terroristika ġenwina u attwali jew prevedibbli, l-Istati Membri li japplikaw id-Direttiva (UE) 2016/681 u konsegwentement dan ir-Regolament għal titjiriet intra-UE għandhom jagħżlu tali titjiriet intra-UE skont l-eżitu ta’ valutazzjoni mwettqa abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu.
4. Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha:
|
(a) |
titwettaq b’mod oġġettiv, motivat kif jixraq u mhux diskriminatorju f’konformità mal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/681; |
|
(b) |
tqis biss il-kriterji li huma rilevanti għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja li għandhom rabta oġġettiva, inkluża rabta indiretta, mat-trasport ta’ passiġġieri bl-ajru, u ma jkunux ibbażati purament fuq ir-raġunijiet kif elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta ta’ kwalunkwe passiġġier jew grupp ta’ passiġġieri; |
|
(c) |
tuża biss informazzjoni li tista’ tappoġġa valutazzjoni oġġettiva, motivata kif jixraq u mhux diskriminatorja. |
5. Abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jagħżlu biss titjiriet intra-UE relatati ma’, fost l-oħrajn, rotot speċifiċi, xejriet tal-ivvjaġġar jew ajruporti li għalihom hemm indikazzjonijiet ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja u li jiġġustifikaw l-ipproċessar tad-data tal-API u ta’ data oħra tal-PNR. L-għażla ta’ titjiriet intra-UE għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva (UE) 2016/681 u ta’ dan ir-Regolament.
6. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dokumentazzjoni kollha tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, inkluż fejn rilevanti kwalunkwe rieżami tagħha, u jagħmluha disponibbli, f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/680, għall-awtoritajiet superviżorji indipendenti u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tagħhom fuq talba.
7. L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2016/681, jirrieżaminaw il-valutazzjoni tagħhom imsemmija fil-paragrafu 3 regolarment u mill-inqas kull 12-il xahar, sabiex jitqiesu l-bidliet fiċ-ċirkostanzi li ġġustifikaw l-għażla ta’ titjiriet intra-UE u għall-fini li jiġi żgurat li l-għażla ta’ titjiriet intra-UE tkompli tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ.
8. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita skambju regolari ta’ fehmiet dwar il-kriterji tal-għażla għall-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, inkluża l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll, fuq bażi volontarja, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar titjiriet magħżula.
Artikolu 14
Tħassir ta’ data tal-API u ta’ data oħra tal-PNR mir-router
Id-data tal-API u data oħra tal-PNR, ittrasferita lir-router skont dan ir-Regolament għandha tinħażen fuq ir-router biss sa fejn tkun neċessarja sabiex titlesta t-trażmissjoni lill-PIUs rilevanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u għandha titħassar mir-router, minnufih, b’mod permanenti u awtomatizzat, fiż-żewġ sitwazzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
meta jiġi kkonfermat, f’konformità mal-Artikolu 12(3), li t-trażmissjoni tad-data tal-API u data oħra tal-PNR lill-PIUs rilevanti tkun tlestiet; |
|
(b) |
meta d-data tal-API jew data oħra tal-PNR tkun relatata ma’ titjiriet intra-UE għajr dawk inklużi fil-listi msemmijin fl-Artikolu 12(4). |
Ir-router għandu jinforma awtomatikament lill-eu-LISA u lill-PIUs dwar it-tħassir immedjat ta’ titjiriet intra-UE kif imsemmi fil-punt (b).
Artikolu 15
Proċessar tad-data tal-API u ta’ data oħra tal-PNR mill-PIUs
Id-data tal-API u data oħra tal-PNR trażmessa lill-PIUs f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom sussegwentement jiġu pproċessati mill-PIUs f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/681, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data tal-API u data oħra tal-PNR mill-PIUs, inkluż dawk stabbiliti fl-Artikoli 6, 10, 12 u 13 ta’ dik id-Direttiva, u unikament għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja.
Il-PIUs jew l-awtoritajiet kompetenti oħra m’għandhom fl-ebda ċirkostanza jipproċessaw id-data tal-API jew data oħra tal-PNR għal finijiet tat-tfassil ta’ profili, kif imsemmi fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680.
Artikolu 16
Azzjonijiet meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router
1. Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router biex tiġi trażmessa d-data tal-API jew data oħra tal-PNR minħabba nuqqas ta’ funzjonament tar-router, l-eu-LISA għandha tinnotifika minnufih lit-trasportaturi bl-ajru u lill-PIUs b’dik l-impossibbiltà teknika b’mod awtomatizzat. F’dak il-każ, l-eu-LISA għandha minnufih tieħu miżuri biex tindirizza l-impossibbiltà teknika li tuża r-router u għandha tinnotifika minnufih lit-trasportaturi bl-ajru u lill-PIUs meta din tkun ġiet indirizzata b’suċċess.
Matul il-perjodu ta’ żmien bejn dawk in-notifiki, l-Artikolu 5(1) ma għandux japplika, sa fejn l-impossibbiltà teknika tipprevjeni t-trasferiment tad-data tal-API jew data oħra tal-PNR lir-router. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jaħżnu d-data tal-API jew data oħra tal-PNR sakemm l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess. Malli l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data lir-router f’konformità mal-Artikolu 5(1).
Fejn ikun teknikament impossibbli li jużaw ir-router u f’każijiet eċċezzjonali relatati mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament li jagħmluha neċessarja għall-PIUs li jirċievu minnufih data tal-API jew data oħra tal-PNR matul l-impossibbiltà teknika li jintuża r-router, il-PIUs jistgħu jitolbu lit-trasportaturi bl-ajru jużaw kwalunkwe mezz xieraq ieħor, li jiżgura l-livell meħtieġ ta’ sigurtà tad-data, kwalità tad-data u protezzjoni tad-data, biex jittrasferixxu d-data tal-API jew data oħra tal-PNR direttament lill-PIUs. Il-PIUs għandhom jipproċessaw id-data tal-API jew data oħra tal-PNR riċevuta permezz ta’ kwalunkwe mezz xieraq ieħor f’konformità mar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/681.
Wara n-notifika mill-eu-LISA li l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, u meta jiġi kkonfermat f’konformità mal-Artikolu 12(3) li t-trażmissjoni tad-data tal-API jew data oħra tal-PNR permezz tar-router lill-PIU rilevanti tkun ġiet kompluta, il-PIU għandha tħassar minnufih id-data tal-API jew data oħra tal-PNR li tkun irċeviet bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor.
2. Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router biex tiġi trażmessa d-data tal-API jew data oħra tal-PNR minħabba nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi jew tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 23 ta’ Stat Membru, il-PIU ta’ dak l-Istat Membru għandu jinnotifika minnufih lill-PIUs l-oħrajn, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni b’dik l-impossibbiltà teknika b’mod awtomatizzat. F’dak il-każ, dak l-Istat Membru għandu minnufih jieħu miżuri biex jindirizza l-impossibbiltà teknika li juża r-router u għandu jinnotifika minnufih lill-PIUs l-oħrajn, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni meta din tkun ġiet indirizzata b’suċċess. Ir-router għandu jaħżen id-data tal-API jew data oħra tal-PNR sakemm l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess. Malli l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, ir-router għandu jittrażmetti d-data f’konformità mal-Artikolu 12(1).
Fejn ikun teknikament impossibbli li jużaw ir-router u f’każijiet eċċezzjonali relatati mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament li jagħmluha neċessarja għall-PIUs li jirċievu minnufih data tal-API jew data oħra tal-PNR matul l-impossibbiltà teknika li jintuża r-router, il-PIUs jistgħu jitolbu lit-trasportaturi bl-ajru jużaw kwalunkwe mezz xieraq ieħor, li jiżgura l-livell meħtieġ ta’ sigurtà tad-data, kwalità tad-data u protezzjoni tad-data biex jittrasferixxu d-data tal-API jew data oħra tal-PNR direttament lill-PIUs. Il-PIUs għandhom jipproċessaw id-data tal-API jew data oħra tal-PNR riċevuta permezz ta’ kwalunkwe mezz xieraq ieħor f’konformità mar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/681.
Wara n-notifika mill-eu-LISA li l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, u meta jiġi kkonfermat f’konformità mal-Artikolu 12(3) li t-trażmissjoni tad-data tal-API jew data oħra tal-PNR permezz tar-router lill-PIU rilevanti tkun ġiet kompluta, il-PIU għandha tħassar minnufih id-data tal-API jew data oħra tal-PNR li tkun irċeviet bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor.
3. Meta jkun teknikament impossibbli li jintuża r-router biex tiġi trasferita d-data tal-API jew data oħra tal-PNR minħabba nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi jew tal-infrastruttura msemmija fl-Artikolu 24 ta’ trasportatur bl-ajru, dak it-trasportatur bl-ajru għandu jinnotifika minnufih lill-PIUs, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni b’dik l-impossibbiltà teknika b’mod awtomatizzat. F’dak il-każ, dak it-trasportatur bl-ajru għandu minnufih jieħu miżuri biex jindirizza l-impossibbiltà teknika li juża r-router u għandu jinnotifika minnufih lill-PIUs, lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni meta din tkun ġiet indirizzata b’suċċess.
Matul il-perjodu ta’ żmien bejn dawk in-notifiki, l-Artikolu 5(1) ma għandux japplika, sa fejn l-impossibbiltà teknika tipprevjeni t-trasferiment tad-data tal-API jew data oħra tal-PNR lir-router. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jaħżnu d-data tal-API jew data oħra tal-PNR sakemm l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess. Malli l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jittrasferixxu d-data lir-router f’konformità mal-Artikolu 5(1).
Fejn ikun teknikament impossibbli li jużaw ir-router u f’każijiet eċċezzjonali relatati mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament li jagħmluha neċessarja għall-PIUs li jirċievu minnufih data tal-API jew data oħra tal-PNR matul l-impossibbiltà teknika li jintuża r-router, il-PIUs jistgħu jitolbu lit-trasportaturi bl-ajru jużaw kwalunkwe mezz xieraq ieħor li jiżgura l-livell meħtieġ ta’ sigurtà tad-data, kwalità tad-data u protezzjoni tad-data biex jittrasferixxu d-data tal-API jew data oħra tal-PNR direttament lill-PIUs. Il-PIUs għandhom jipproċessaw id-data tal-API jew data oħra tal-PNR riċevuta permezz ta’ kwalunkwe mezz xieraq ieħor f’konformità mar-regoli u s-salvagwardji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/681.
Wara n-notifika mill-eu-LISA li l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, u meta jiġi kkonfermat f’konformità mal-Artikolu 12(3) li t-trażmissjoni tad-data tal-API jew data oħra tal-PNR permezz tar-router lill-PIU rilevanti tkun ġiet kompluta, il-PIU għandha tħassar minnufih id-data tal-API jew data oħra tal-PNR li tkun irċeviet bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor.
Meta l-impossibbiltà teknika tkun ġiet indirizzata b’suċċess, it-trasportatur bl-ajru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jissottometti lill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API msemmija fl-Artikolu 15 rapport li jkun fih id-dettalji kollha meħtieġa dwar l-impossibbiltà teknika, inklużi r-raġunijiet għall-impossibbiltà teknika, il-firxa u l-konsegwenzi tagħha, kif ukoll il-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata.
KAPITOLU 4
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-PROTEZZJONI TA’ DATA PERSONALI U S-SIGURTÀ
Artikolu 17
Żamma ta’ reġistrazzjonijiet
1. It-trasportaturi bl-ajru għandhom joħolqu reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar relatati mad-data tal-API skont dan ir-Regolament imwettqa bl-użu tal-mezzi awtomatizzati msemmijin fl-Artikolu 4(7). Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom ikopru d-data, il-ħin u l-post tat-trasferiment tad-data tal-API. Dawk ir-reġistrazzjonijiet ma għandhom jinkludu l-ebda data personali, għajr l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi identifikat il-membru rilevanti tal-persunal tat-trasportatur bl-ajru.
2. L-eu-LISA għandha żżomm ir-reġistrazzjonijiet tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar relatati mat-trasferiment u t-trażmissjoni tad-data tal-API u data oħra tal-PNR permezz tar-router skont dan ir-Regolament. Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandhom ikopru dan li ġej:
|
(a) |
it-trasportatur bl-ajru li ttrasferixxa d-data tal-API u data oħra tal-PNR lir-router; |
|
(b) |
it-trasportatur bl-ajru li ttrasferixxa data oħra tal-PNR lir-router; |
|
(c) |
il-PIUs li lilhom ġiet trażmessa d-data tal-API permezz tar-router; |
|
(d) |
il-PIUs li lilhom ġiet trażmessa data oħra tal-PNR permezz tar-router; |
|
(e) |
id-data u l-ħin tat-trasferiment jew tat-trażmissjoni msemmijin fil-punti (a) sa (d), u l-post tat-trasferiment jew tat-trażmissjoni; |
|
(f) |
kwalunkwe aċċess mill-persunal tal-eu-LISA meħtieġ għall-manutenzjoni tar-router, kif imsemmi fl-Artikolu 26(3); |
|
(g) |
kwalunkwe informazzjoni oħra relatata ma’ dawk l-operazzjonijiet ta’ pproċessar meħtieġa biex jiġu monitorjati s-sigurtà u l-integrità tad-data tal-API u data oħra tal-PNR u l-legalità ta’ dawk l-operazzjonijiet ta’ pproċessar. |
Dawk ir-reġistrazzjonijiet ma għandhom jinkludu l-ebda data personali, għajr l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi identifikat il-membru rilevanti tal-persunal tal-eu-LISA, imsemmi fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu.
3. Ir-reġistrazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jintużaw biss biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-integrità tad-data tal-API u data oħra tal-PNR u l-legalità tal-ipproċessar, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, inklużi l-proċedimenti għall-penali għal ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti f’konformità mal-Artikoli 37 u 38.
4. It-trasportaturi bl-ajru u l-eu-LISA għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu r-reġistrazzjonijiet li jkunu ħolqu skont il-paragrafi 1 u 2, rispettivament, kontra aċċess mhux awtorizzat u riskji oħrajn għas-sigurtà.
5. L-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API msemmija fl-Artikolu 37 u l-PIUs għandu jkollhom aċċess għar-reġistrazzjonijiet rilevanti msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu meta jkun meħtieġ għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
6. It-trasportaturi bl-ajru u l-eu-LISA għandhom iżommu r-reġistrazzjonijiet li jkunu ħolqu skont il-paragrafi 1 u 2, rispettivament, għal perjodu ta’ sena mill-mument tal-ħolqien ta’ dawk ir-reġistrazzjonijiet. Huma għandhom iħassru dawk ir-reġistrazzjonijiet minnufih u b’mod permanenti mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu.
Madankollu, jekk dawk ir-reġistrazzjonijiet ikunu meħtieġa għal proċeduri għall-monitoraġġ jew għall-iżgurar tas-sigurtà u l-integrità tad-data tal-API jew il-legalità tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar, kif imsemmi fil-paragrafu 3, u dawk il-proċeduri jkunu diġà bdew fil-mument tal-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, it-trasportaturi bl-ajru u l-eu-LISA għandhom iżommu dawk ir-reġistrazzjonijiet għat-tul ta’ żmien li jkun meħtieġ għal dawk il-proċeduri. F’dak il-każ, huma għandhom iħassru dawk ir-reġistrazzjonijiet minnufih meta ma jkunux għadhom meħtieġa għal dawk il-proċeduri.
Artikolu 18
Responsabbiltajiet tal-protezzjoni tad-data
1. Trasportaturi bl-ajru għandhom ikunu kontrolluri, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679, għall-ipproċessar tad-data tal-API u data oħra tal-PNR li tikkostitwixxi data personali b’rabta mal-ġbir ta’ tali data u t-trasferiment tagħha lir-router skont dan ir-Regolament.
2. Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti bħala kontrollur f’konformità ma’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-eu-LISA u lill-Istati Membri l-oħra dwar dawk l-awtoritajiet.
L-awtoritajiet kompetenti kollha maħtura mill-Istati Membri għandhom ikunu kontrolluri konġunti f’konformità mal-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2016/680 għall-finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali fir-router.
3. L-eu-LISA għandha tkun proċessur skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-finijiet tal-ipproċessar ta’ data tal-API u data oħra tal-PNR li jikkostitwixxu data personali skont dan ir-Regolament permezz tar-router, inkluż it-trażmissjoni tad-data mir-router lill-PIUs u l-ħżin għal raġunijiet tekniċi ta’ dik id-data fuq ir-router. L-eu-LISA għandha tiżgura li r-router jitħaddem f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti u l-obbligi rispettivi bejn il-kontrolluri konġunti u l-proċessur. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(2).
Artikolu 19
Informazzjoni għall-passiġġieri
F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679, it-trasportaturi bl-ajru għandhom jipprovdu lill-passiġġieri, fuq titjiriet koperti minn dan ir-Regolament, b’informazzjoni dwar il-fini tal-ġbir tad-data personali tagħhom, it-tip ta’ data personali miġbura, ir-riċevituri tad-data personali u l-mezzi biex jiġu eżerċitati d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data.
Dik l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-passiġġieri bil-miktub u f’format faċilment aċċessibbli fil-mument tal-booking u fil-mument taċ-check-in, irrispettivament mill-mezzi użati biex tinġabar id-data personali fil-mument taċ-check-in, f’konformità mal-Artikolu 4.
Artikolu 20
Sigurtà
1. L-eu-LISA għandha tiżgura s-sigurtà u l-kriptaġġ tad-data tal-API u ta’ data oħra tal-PNR, b’mod partikolari d-data li tikkostitwixxi data personali, li tipproċessa skont dan ir-Regolament. Il-PIUs u t-trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw is-sigurtà tad-data tal-API, b’mod partikolari d-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, li jipproċessaw skont dan ir-Regolament. L-eu-LISA, il-PIUs u t-trasportaturi bl-ajru għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom u mal-liġi tal-Unjoni, biex jiżguraw tali sigurtà.
2. L-eu-LISA għandha tiżgura s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data relatata mat-titjiriet u r-rotot magħżula mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 12(4). Il-PIUs u t-trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw is-sigurtà tad-data tal-API, b’mod partikolari d-data tal-API li tikkostitwixxi data personali, li jipproċessaw skont dan ir-Regolament. L-eu-LISA, il-PIUs u t-trasportaturi bl-ajru għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom u mal-liġi tal-Unjoni, biex jiżguraw tali sigurtà.
3. L-eu-LISA għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura s-sigurtà tar-router u tad-data tal-API u ta’ data oħra tal-PNR, u b’mod partikolari d-data li tikkostitwixxi data personali, trażmessa permezz tar-router, inkluż billi tistabbilixxi, timplimenta u taġġorna regolarment pjan ta’ sigurtà, pjan għall-kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru f’każ ta’ diżastru, sabiex:
|
(a) |
tipproteġi fiżikament ir-router, fost l-oħrajn billi toħloq pjanijiet ta’ kontinġenza għall-protezzjoni tal-komponenti kritiċi tiegħu; |
|
(b) |
tipprevjeni kwalunkwe pproċessar mhux awtorizzat tad-data tal-API jew ta’ data oħra tal-PNR, inkluż kwalunkwe aċċess mhux awtorizzat għaliha u l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir tagħha, kemm matul it-trasferiment tad-data tal-API jew ta’ data oħra tal-PNR lejn u mir-router kif ukoll waqt kwalunkwe ħżin tad-data tal-API jew ta’ data oħra tal-PNR fuq ir-router fejn meħtieġ biex titlesta t-trażmissjoni, b’mod partikolari permezz ta’ tekniki xierqa ta’ kriptaġġ; |
|
(c) |
tiżgura li l-persuni awtorizzati biex jaċċedu għar-router ikollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni ta’ aċċess tagħhom; |
|
(d) |
tiżgura li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema PIUs tista’ tiġi trażmessa data tal-API jew data oħra tal-PNR permezz tar-router; |
|
(e) |
tirrapporta kif xieraq lill-Bord tat-Tmexxija tagħha kwalunkwe ħsara fil-funzjonament tar-router; |
|
(f) |
timmonitorja l-effettività tal-miżuri ta’ sigurtà meħtieġa skont dan l-Artikolu u skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, u tivvaluta u taġġorna dawk il-miżuri ta’ sigurtà, fejn ikun meħtieġ, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi jew operattivi. |
Il-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx jaffettwaw l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew l-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2016/680.
Artikolu 21
Awtomonitoraġġ
It-trasportaturi bl-ajru u l-PIUs għandhom jimmonitorjaw il-konformità tagħhom mal-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar min-naħa tagħhom tad-data tal-API li tikkostitwixxi data personali. Għat-trasportaturi bl-ajru, il-monitoraġġ għandu jinkludi verifika frekwenti tar-reġistrazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17.
Artikolu 22
Awditi tal-protezzjoni ta’ data personali
1. L-awtoritajiet superviżorji indipendenti msemmijin fl-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680 għandhom iwettqu awditu tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar ta’ data tal-API li tikkostitwixxi data personali mwettqa mill-PIUs għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament mill-inqas darba kull erba’ snin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji indipendenti tagħhom ikollhom biżżejjed riżorsi u għarfien espert biex iwettqu l-kompiti fdati lilhom skont dan ir-Regolament.
2. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jwettaq awditu tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data tal-API u ta’ data oħra tal-PNR li jikkostitwixxu data personali mwettqa mill-eu-LISA għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti tal-awditjar tal-anqas darba fis-sena. Rapport ta’ dak l-awditu għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-eu-LISA. L-eu-LISA għandha tingħata opportunità tagħmel kummenti qabel jiġu adottati r-rapporti.
3. Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar imsemmijin fil-paragrafu 2, fuq talba, l-eu-LISA għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandha tagħti lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data aċċess għad-dokumenti kollha li jitlob u għar-reġistrazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 17(2), u għandha tippermetti lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data aċċess għall-bini kollu tal-eu-LISA fi kwalunkwe ħin.
KAPITOLU 5
KWISTJONIJIET RELATATI MAR-ROUTER
Artikolu 23
Konnessjonijiet tal-PIUs mar-router
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PIUs tagħhom ikunu konnessi mar-router. Huma għandhom jiżguraw li s-sistemi u l-infrastruttura nazzjonali tagħhom għar-riċeviment u l-ipproċessar ulterjuri tad-data tal-API u data oħra tal-PNR ittrasferiti skont dan ir-Regolament ikunu integrati mar-router.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konnessjoni mar-router u l-integrazzjoni miegħu jippermettu lill-PIUs tagħhom jirċievu u jipproċessaw aktar dik id-data tal-API u data oħra tal-PNR, kif ukoll jiskambjaw kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħha, b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli dettaljati meħtieġa dwar il-konnessjonijiet u l-integrazzjoni mar-router imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż dwar ir-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(2).
Artikolu 24
Konnessjonijiet tat-trasportaturi bl-ajru mar-router
1. It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw li jkunu konnessi mar-router. Huma għandhom jiżguraw li s-sistemi u l-infrastruttura tagħhom għat-trasferiment tad-data tal-API u data oħra tal-PNR lir-router skont dan ir-Regolament ikunu integrati mar-router.
It-trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw li l-konnessjoni u l-integrazzjoni mar-router jippermettulhom jittrasferixxu dik id-data tal-API u data oħra tal-PNR kif ukoll jiskambjaw kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħha, b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu. Għal dak l-għan, it-trasportaturi bl-ajru għandhom iwettqu testijiet tat-trasferiment tad-data tal-API u data oħra tal-PNR lir-router f’kooperazzjoni mal-eu-LISA f’konformità mal-Artikolu 27(3).
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ir-regoli dettaljati meħtieġa dwar il-konnessjonijiet u l-integrazzjoni mar-router imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż dwar ir-rekwiżiti għas-sigurtà tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(2).
Artikolu 25
Kompiti tal-eu-LISA relatati mad-disinn u l-iżvilupp tar-router
1. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli mid-disinn tal-arkitettura fiżika tar-router, inkluża d-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu.
2. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli mill-iżvilupp tar-router, inkluż kwalunkwe adattament tekniku meħtieġ biex jopera r-router.
L-iżvilupp tar-router għandu jikkonsisti fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-ittestjar u l-ġestjoni ġenerali tal-proġett u l-koordinazzjoni tal-fażi tal-iżvilupp.
3. L-eu-LISA għandha tiżgura li r-router ikun iddisinjat u żviluppat b’tali mod li r-router jipprovdi l-funzjonalitajiet speċifikati f’dan ir-Regolament, u li r-router jibda jopera mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-atti delegati previsti fl-Artikolu 4(12), fl-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 7(2), u tal-atti ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 11(5), fl-Artikolu 12(4), fl-Artikolu 23(2), fl-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-Regolament, u tal-atti ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/681, u wara t-twettiq ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2016/679.
4. L-eu-LISA għandha tipprovdi sett għall-ittestjar tal-konformità lill-PIUs, lil awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri u lit-trasportaturi bl-ajru. Is-sett għall-ittestjar tal-konformità għandu jinkludi ambjent għall-ittestjar, simulatur, settijiet ta’ data għall-ittestjar, u pjan għall-ittestjar. Is-sett għall-ittestjar tal-konformità għandu jippermetti testijiet komprensivi tar-router imsemmi fil-paragrafi 5 u 6 u għandu jibqa’ disponibbli wara li jitlestew dawk it-testijiet.
5. Meta l-eu-LISA tqis li l-fażi ta’ żvilupp tkun tlestiet fir-rigward tad-data tal-API, hija għandha, mingħajr dewmien żejjed, twettaq test komprensiv tar-router, f’kooperazzjoni mal-PIUs u ma’ awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri u mat-trasportaturi bl-ajru u tinforma lill-Kummissjoni bl-eżitu ta’ dak it-test.
6. Meta l-eu-LISA tqis li l-fażi tal-iżvilupp tkun ġiet kompluta fir-rigward ta’ data oħra tal-PNR, hija għandha, mingħajr dewmien żejjed, twettaq testijiet komprensivi tar-router biex tiżgura l-affidabbiltà tal-konnessjonijiet tar-router mat-trasportaturi bl-ajru u l-PIUs, it-trażmissjoni standardizzata meħtieġa ta’ data oħra tal-PNR mit-trasportaturi bl-ajru u t-trasferiment u t-trażmissjoni ta’ data oħra tal-PNR f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2016/681, inkluż l-użu tal-protokolli komuni u l-formati tad-data standardizzati appoġġati msemmijin fl-Artikolu 16, il-paragrafi 2 u 3, ta’ dik id-Direttiva biex tiġi żgurata l-leġġibbiltà tad-data oħra tal-PNR. Testijiet bħal dawn għandhom jitwettqu f’kooperazzjoni mal-PIUs u mal-awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Membri u mat-trasportaturi bl-ajru. L-eu-LISA għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-eżitu ta’ dawk it-testijiet.
Artikolu 26
Kompiti tal-eu-LISA relatati mal-hosting u mal-ġestjoni teknika tar-router
1. L-eu-LISA għandha tospita r-router fis-siti tekniċi tagħha.
2. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli mill-ġestjoni teknika tar-router, inkluż il-manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi tiegħu, b’tali mod li tiżgura li d-data tal-API u data oħra tal-PNR jiġu trażmessi b’mod sigur, effettiv u rapidu permezz tar-router, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
Il-ġestjoni teknika tar-router għandha tikkonsisti fit-twettiq tal-kompiti kollha u fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet tekniċi kollha meħtieġa għall-funzjonament xieraq tar-router skont dan ir-Regolament, mingħajr interruzzjoni, 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Għandha tinkludi x-xogħol ta’ manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li r-router jiffunzjona f’livell sodisfaċenti ta’ kwalità teknika, b’mod partikolari fir-rigward tad-disponibbiltà, tal-preċiżjoni u tal-affidabbiltà tat-trażmissjoni tad-data tal-API u data oħra tal-PNR, f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, kemm jista’ jkun, b’mod allinjat mal-ħtiġijiet operattivi tal-PIUs u tat-trasportaturi bl-ajru.
3. Il-persunal tal-eu-LISA ma għandu jkollu aċċess għall-ebda data tal-API jew data oħra tal-PNR li tiġi trażmessa permezz tar-router. Madankollu, dik il-projbizzjoni ma għandhiex tipprekludi lill-persunal tal-eu-LISA milli jkollha tali aċċess sa fejn ikun strettament neċessarju għall-manutenzjoni u l-ġestjoni teknika tar-router.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (22), l-eu-LISA għandha tapplika regoli xierqa ta’ segretezza professjonali jew ta’ dmirijiet ekwivalenti oħrajn ta’ kunfidenzjalità għall-persunal tagħha li jkun meħtieġ jaħdem bid-data tal-API u data oħra tal-PNR trażmessa permezz tar-router. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dawn il-membri tal-persunal iħallu l-kariga jew l-impjieg jew wara li jintemmu l-attivitajiet tagħhom.
Artikolu 27
Kompiti ta’ appoġġ tal-eu-LISA li jirrigwardaw ir-router
1. Fuq talba tal-PIUs, awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri jew it-trasportaturi tal-ajru, l-eu-LISA għandha tipprovdilhom taħriġ dwar l-użu tekniku tar-router u dwar il-konnessjoni u l-integrazzjoni tagħhom mar-router.
2. L-eu-LISA għandha tipprovdi appoġġ lill-PIUs fir-rigward tal-wasla tad-data tal-API u data oħra tal-PNR permezz tar-router skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 12 u 23.
3. F’konformità mal-Artikolu 24(1) u bl-użu tas-sett għall-ittestjar tal-konformità msemmi fl-Artikolu 25(4), l-eu-LISA għandha twettaq, f’kooperazzjoni mat-trasportaturi bl-ajru, testijiet tat-trasferiment tad-data tal-API u ta’ data oħra tal-PNR lir-router.
KAPITOLU 6
GOVERNANZA
Artikolu 28
Bord tat-Tmexxija tal-Programm
1. Sat-28 ta’ Jannar 2025, il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandu jistabbilixxi Bord tat-Tmexxija tal-Programm. Għandu jkun kompost minn 10 membri u għandu jikkonsisti f’dawn li ġejjin:
|
(a) |
seba’ membri maħtura mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA minn fost il-membri tiegħu jew is-sostituti tiegħu; |
|
(b) |
il-president tal-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR imsemmi fl-Artikolu 29; |
|
(c) |
membru wieħed tal-persunal tal-eu-LISA maħtur mid-Direttur Eżekuttiv tagħha; u |
|
(d) |
membru wieħed maħtur mill-Kummissjoni. |
Rigward il-punt (a), il-membri maħtura mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandhom jiġu eletti biss mill-membri tiegħu jew mis-sostituti tiegħu minn dawk l-Istati Membri li għalihom japplika dan ir-Regolament.
2. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jabbozza r-regoli ta’ proċedura tiegħu li għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA.
Il-Presidenza għandha tkun f’idejn Stat Membru li jkun membru tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm.
3. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jissorvelja t-twettiq effettiv tal-kompiti tal-eu-LISA relatati mad-disinn u l-iżvilupp tar-router f’konformità mal-Artikolu 25.
Fuq talba tal-Bord tat-Tmexxija tal-Programm, l-eu-LISA għandha tipprovdi informazzjoni dettaljata u aġġornata dwar id-disinn u l-iżvilupp tar-router, inkluż dwar ir-riżorsi allokati mill-eu-LISA.
4. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jippreżenta, b’mod regolari u mill-inqas tliet darbiet kull trimestru, rapporti bil-miktub dwar il-progress fid-disinn u l-iżvilupp tar-router lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA.
5. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm ma għandu jkollu l-ebda setgħa li jieħu deċiżjonijiet, u lanqas xi mandat biex jirrappreżenta lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA jew lill-membri tiegħu.
6. Il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm għandu jiġi xolt sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 45, it-tieni paragrafu.
Artikolu 29
Grupp Konsultattiv tal-API-PNR
1. Mit-28 ta’ Jannar 2025, il-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR, stabbilit skont l-Artikolu 27(1), il-punt (de), tar-Regolament (UE) 2018/1726, għandu jipprovdi lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA l-għarfien espert meħtieġ relatat mal-API-PNR b’mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tiegħu u r-rapport annwali tal-attività tiegħu.
2. Kull meta jkunu disponibbli, l-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR bil-verżjonijiet, anke dawk intermedjarji, tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u tas-settijiet għall-ittestjar tal-konformità msemmijin fl-Artikolu 25(1), (2) u (4).
3. Il-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR għandu jeżerċita l-funzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
jipprovdi għarfien espert lill-eu-LISA u lill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm dwar id-disinn u l-iżvilupp tar-router f’konformità mal-Artikolu 25; |
|
(b) |
jipprovdi għarfien espert lill-eu-LISA dwar il-hosting u l-ġestjoni teknika tar-router f’konformità mal-Artikolu 26; |
|
(c) |
jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm, fuq talba tiegħu, dwar il-progress fid-disinn u l-iżvilupp tar-router, inkluż dwar il-progress fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u s-settijiet għall-ittestjar tal-konformità msemmijin fil-paragrafu 2. |
4. Il-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR ma għandu jkollu l-ebda setgħa li jieħu deċiżjonijiet, u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA jew lill-membri tiegħu.
Artikolu 30
Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR
1. Sad-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 45, it-tieni paragrafu, il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandu jistabbilixxi Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR.
2. Il-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR għandu jippermetti l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u t-trasportaturi bl-ajru dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mal-kompiti u l-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament.
3. Il-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u tat-trasportaturi bl-ajru, il-president tal-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR u esperti tal-eu-LISA.
4. Il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR, wara opinjoni tal-Grupp Konsultattiv tal-API-PNR.
5. Meta jitqies meħtieġ, il-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA jista’ jistabbilixxi wkoll sottogruppi tal-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR biex jiddiskutu kwistjonijiet tekniċi speċifiċi relatati mal-kompiti u l-obbligi rispettivi tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u tat-trasportaturi bl-ajru skont dan ir-Regolament.
6. Il-Grupp ta’ Kuntatt tal-API-PNR, inklużi s-sottogruppi tiegħu, ma għandu jkollhom l-ebda setgħa li jieħdu deċiżjonijiet, u lanqas xi mandat biex jirrappreżentaw lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA jew lill-membri tiegħu.
Artikolu 31
Grupp ta’ Esperti tal-API
1. Sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 45, it-tieni paragrafu, il-punt (a), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp ta’ Esperti tal-API f’konformità mar-regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.
2. Il-Grupp ta’ Esperti tal-API għandu jagħti lok għal komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, u bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u t-trasportaturi bl-ajru, dwar kwistjonijiet ta’ politika relatati mal-kompiti u l-obbligi rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-penali msemmijin fl-Artikolu 38.
3. Il-Grupp ta’ Esperti tal-API għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni u kostitwit f’konformità mar-regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni. Dan għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, rappreżentanti tat-trasportaturi bl-ajru u esperti tal-eu-LISA. Meta jkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Grupp ta’ Esperti tal-API jista’ jistieden lil partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari lil rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali indipendenti, biex jipparteċipaw fil-ħidma tiegħu.
4. Il-Grupp ta’ Esperti tal-API għandu jwettaq il-kompiti tiegħu f’konformità mal-prinċipju ta’ trasparenza. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti tal-API u dokumenti rilevanti oħra fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
Artikolu 32
Spejjeż imġarrba mill-eu-LISA, mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u mill-Istati Membri
1. L-ispejjeż imġarrbamill-eu-LISA fir-riward tal-istabbiliment u t-tħaddim tar-router skont dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2. L-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari mal-konnessjonijiet tagħhom u l-integrazzjoni mar-router imsemmija fl-Artikolu 23, għandhom jiġu appoġġati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, f’konformità mar-regoli ta’ eliġibbiltà u r-rati ta’ kofinanzjament stabbiliti fl-atti legali tal-Unjoni applikabbli.
3. L-ispejjeż imġarrba mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fir-rigward tal-kompiti assenjati lilu skont dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
4. L-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali indipendenti fir-rigward tal-kompiti assenjati lilhom skont dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mill-Istati Membri.
Artikolu 33
Responsabbiltà fir-rigward tar-router
Jekk Stat Membru jew trasportatur bl-ajru jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament, u dan jikkawża ħsara lir-router, dak l-Istat Membru jew it-trasportatur bl-ajru għandu jinżamm responsabbli għat-tali ħsara, kif previst fil-liġi applikabbli tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali, ħlief jekk u sa fejn jintwera li l-eu-LISA, Stat Membru ieħor jew trasportatur bl-ajru ieħor ikunu naqsu milli jieħdu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjenu li sseħħ il-ħsara jew sabiex jimminimizzaw l-impatt tagħha.
Artikolu 34
Il-bidu tal-operazzjonijiet tar-router fir-rigward tad-data tal-API
Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, mingħajr dewmien żejjed, id-data minn meta r-router jibda jopera fir-rigward tad-data tal-API permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ladarba l-eu-LISA tkun informat lill-Kummissjoni dwar it-tlestija b’suċċess tat-test komprensiv tar-router imsemmi fl-Artikolu 25(5). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(2).
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-data msemmija fl-ewwel paragrafu sa mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tal-adozzjoni ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 35
Bidu tal-operazzjonijiet tar-router fir-rigward ta’ data oħra tal-PNR
Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, mingħajr dewmien żejjed, id-data minn meta r-router jibda jopera fir-rigward ta’ data oħra tal-PNR permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni ladarba l-eu-LISA tkun infurmat lill-Kummissjoni bit-tlestija b’suċċess tat-testijiet komprensivi tar-router imsemmijin fl-Artikolu 25(6), inkluż dwar l-affidabbiltà tal-konnessjonijiet tar-router mat-trasportaturi bl-ajru u l-PIUs u dwar il-leġġibbiltà ta’ data oħra tal-PNR ittrasferita mit-trasportaturi bl-ajru u trażmessa mir-router fil-format standardizzat meħtieġ, f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2016/681. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(2).
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-data msemmija fl-ewwel paragrafu sabiex tkun mhux aktar minn 30 jum mid-data tal-adozzjoni ta’ dak l-att ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 36
Użu volontarju tar-router
1. It-trasportaturi bl-ajru għandhom ikunu intitolati jużaw ir-router sabiex jittrażmettu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2004/82/KE jew data oħra tal-PNR miġbura f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2016/681 lil PIU responsabbli waħda jew aktar, f’konformità ma’ dawk id-Direttivi, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun qabel ma’ tali użu, minn data xierqa stabbilita minn dak l-Istat Membru. Dak l-Istat Membru għandu jaqbel biss wara li jkun stabbilixxa li, b’mod partikolari fir-rigward kemm tal-konnessjoni tal-PIU tiegħu stess mar-router kif ukoll ta’ dik tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, l-informazzjoni tista’ tiġi trażmessa b’mod legali, sigur, effettiv u rapidu.
2. Meta trasportatur bl-ajru jibda juża r-router f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, huwa għandu jkompli juża r-router sabiex jittrażmetti tali informazzjoni lill-PIU tal-Istat Membru kkonċernat sad-data rilevanti ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 45, it-tieni paragrafu. Madankollu, dak l-użu għandu jitwaqqaf, minn data xierqa stabbilita minn dak l-Istat Membru, meta dak l-Istat Membru jqis li jkun hemm raġunijiet oġġettivi li jeħtieġu tali waqfien u jkun informa lit-trasportatur bl-ajru skont dan.
3. L-Istat Membru kkonċernat għandu:
|
(a) |
jikkonsulta lill-eu-LISA qabel ma jaqbel mal-użu volontarju tar-router skont il-paragrafu 1; |
|
(b) |
ħlief f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza ġġustifikati kif jixraq, jagħti lit-trasportatur bl-ajru kkonċernat opportunità li jikkummenta dwar l-intenzjoni tiegħu li jwaqqaf tali użu f’konformità mal-paragrafu 2 u, meta jkun rilevanti, jikkonsulta wkoll lill-eu-LISA dwar dan; |
|
(c) |
jinforma minnufih lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe użu bħal dan li jkun qabel dwaru u kwalunkwe waqfien minn tali użu, billi jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa, inklużi d-data tal-bidu tal-użu, id-data tal-waqfien mill-użu u r-raġunijiet għall-waqfien mill-użu, skont kif ikun applikabbli. |
KAPITOLU 7
SUPERVIŻJONI, PENALI, STATISTIKA U MANWAL
Artikolu 37
Awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API waħda jew aktar responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni fit-territorju tagħhom mit-trasportaturi bl-ajru tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għall-iżgurar tal-konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API jkollhom il-mezzi kollha u s-setgħat investigattivi u ta’ infurzar kollha meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż billi jimponu l-penali msemmijin fl-Artikolu 38, fejn xieraq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API ikun soġġett għal salvagwardji xierqa f’konformità mad-drittijiet fundamentali ggarantiti skont il-liġi tal-Unjoni.
3. L-Istati Membri għandhom, sad-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 45, it-tieni paragrafu, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-isem u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet li jkunu ħatru skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla jew emenda sussegwenti għalihom.
4. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji msemmijin fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679, fl-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680 u fl-Artikolu 15 tad-Direttiva (UE) 2016/681.
Artikolu 38
Penali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. L-Istati Membri għandhom, sad-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmija fl-Artikolu 45, it-tieni paragrafu, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API, meta jiddeċiedu jekk jimponux penali u meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ penali, iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti, li jistgħu jinkludu:
|
(a) |
in-natura, il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur; |
|
(b) |
il-grad ta’ tort tat-trasportatur bl-ajru; |
|
(c) |
ksur preċedenti mit-trasportatur bl-ajru; |
|
(d) |
il-livell ġenerali ta’ kooperazzjoni tat-trasportatur bl-ajru mal-awtoritajiet kompetenti; |
|
(e) |
id-daqs tat-trasportatur bl-ajru, bħal pereżempju l-għadd annwali ta’ passiġġieri ttrasportati; |
|
(f) |
jekk il-penali preċedenti jkunux diġà ġew applikati minn awtoritajiet superviżorji nazzjonali oħra tal-API lill-istess trasportatur bl-ajru għall-istess ksur. |
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li nuqqas rikorrenti ta’ trasferiment ta’ data tal-API f’konformità mal-Artikolu 5(1) ikun soġġett għal penali finanzjarji proporzjonati ta’ mhux aktar minn 2 % tal-fatturat globali tat-trasportatur bl-ajru fis-sena finanzjarja preċedenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li nuqqas ta’ konformità ma’ obbligi oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament ikun soġġett għal penali proporzjonati, inkluż penali finanzjarji.
Artikolu 39
Statistika
1. Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u abbażi tal-informazzjoni statistika msemmija fil-paragrafi 5 u 6, l-eu-LISA għandha tippubblika, kull tliet xhur, statistika dwar il-funzjonament tar-router, u dwar il-konformità tat-trasportaturi bl-ajru mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dik l-istatistika ma għandhiex tagħti lok għall-identifikazzjoni ta’ individwi.
2. Għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, ir-router għandu jittrażmetti b’mod awtomatiku d-data elenkata fil-paragrafi 5 u 6 lis-CRRS.
3. Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kull sena, l-eu-LISA għandha tiġbor id-data statistika f’rapport annwali għas-sena preċedenti. Għandha tippubblika dak ir-rapport annwali u tibagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni tal-API msemmijin fl-Artikolu 37. Ir-rapport annwali ma għandux jiżvela metodi ta’ ħidma kunfidenzjali jew jipperikola investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
4. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-eu-LISA għandha tipprovdilha statistika dwar aspetti speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-istatistika skont il-paragrafu 3.
5. Is-CRRS għandu jipprovdi lill-eu-LISA bl-informazzjoni statistika meħtieġa li ġejja għar-rapportar imsemmi fl-Artikolu 44 u għall-ġenerazzjoni tal-istatistika f’konformità ma’ dan l-Artikolu, mingħajr ma statistika bħal din dwar id-data tal-API tippermetti l-identifikazzjoni tal-passiġġieri kkonċernati:
|
(a) |
jekk id-data tikkonċernax passiġġier jew membru tal-ekwipaġġ; |
|
(b) |
in-nazzjonalità, is-sess u s-sena tat-twelid tal-passiġġier jew tal-membru tal-ekwipaġġ; |
|
(c) |
id-data u l-punt inizjali tal-imbark, id-data u l-ajruport tat-tluq, u d-data u l-ajruport tal-wasla; |
|
(d) |
it-tip tad-dokument tal-ivvjaġġar, il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti u d-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar; |
|
(e) |
l-għadd ta’ passiġġieri li jkunu għamlu ċ-check-in fuq l-istess titjira; |
|
(f) |
il-kodiċi tat-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira; |
|
(g) |
jekk it-titjira hijiex titjira skedata jew titjira mhux skedata; |
|
(h) |
jekk id-data tal-API ġietx ittrasferita immedjatament wara l-għeluq tat-titjira; |
|
(i) |
jekk id-data personali tal-passiġġier hijiex preċiża, kompluta u aġġornata. |
|
(j) |
il-mezzi tekniċi użati biex tinġabar id-data tal-API. |
6. Is-CRRS għandu jipprovdi lill-eu-LISA bl-informazzjoni statistika meħtieġa li ġejja għar-rapportar imsemmi fl-Artikolu 44 u għall-ġenerazzjoni tal-istatistika f’konformità ma’ dan l-Artikolu, mingħajr ma statistika bħal din dwar data oħra tal-PNR tippermetti l-identifikazzjoni tal-passiġġieri kkonċernati:
|
(a) |
id-data u l-ħin meta r-router ikun irċieva l-messaġġ tal-PNR; |
|
(b) |
informazzjoni dwar it-titjira inkluża fl-itinerarju tal-vjaġġ fil-messaġġ tal-PNR speċifiku; |
|
(c) |
informazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-kodiċi inkluża fil-messaġġ speċifiku tal-PNR. |
7. Għall-finijiet tar-rapportar imsemmi fl-Artikolu 44 u għall-ġenerazzjoni tal-istatistika f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-eu-LISA għandha taħżen id-data msemmija fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu fis-CRRS. Għandha taħżen dik id-data għal perjodu ta’ ħames snin f’konformità mal-paragrafu 2, filwaqt li tiżgura li d-data ma tippermettix l-identifikazzjoni tal-passiġġieri kkonċernati. Is-CRRS għandu jipprovdi lill-persunal debitament awtorizzat tal-PIUs u awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Membri b’rapporti u statistika adattabbli skont il-ħtieġa dwar id-data tal-API kif imsemmi fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u data oħra tal-PNR kif imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
8. L-użu tad-data msemmija fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jirriżulta fit-tfassil ta’ profili ta’ individwi kif imsemmi fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 jew f’diskriminazzjoni kontra persuni għar-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 21 tal-Karta. Id-data msemmija fil-paragrafu 5 u fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tintuża biex tiġi paragunata jew titqabbel ma’ data personali jew biex tiġi kkombinata ma’ data personali.
9. Il-proċeduri stabbiliti mill-eu-LISA biex timmonitorja l-iżvilupp u l-funzjonament tar-router imsemmi fl-Artikolu 39(2) tar-Regolament (UE) 2019/818 għandhom jinkludu l-possibbiltà li jiġu prodotti statistiki regolari biex jiġi żgurat dak il-monitoraġġ.
Artikolu 40
Manwal prattiku
Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-PIUs, ma’ awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri, ma’ trasportaturi bl-ajru u ma’ korpi u aġenziji rilevanti tal-Unjoni, għandha tħejji u tagħmel disponibbli għall-pubbliku manwal prattiku, li jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar il-konformità mad-drittijiet fundamentali kif ukoll dwar il-penali f’konformità mal-Artikolu 38.
Il-manwal prattiku għandu jqis manwali rilevanti oħra.
Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal prattiku fil-forma ta’ rakkomandazzjoni.
KAPITOLU 8
IR-RELAZZJONI MA’ STRUMENTI EŻISTENTI OĦRAJN
Artikolu 41
Emenda għar-Regolament (UE) 2019/818
Fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/818, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“1. Repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS - central repository for reporting and statistics) hu stabbilit għall-fini li jappoġġa l-objettivi tas-SIS, tal-Eurodac u tal-ECRIS-TCN, f’konformità mal-istrumenti legali rispettivi li jirregolaw dawk is-sistemi, u biex jipprovdi data statistika bejn is-sistemi u rapportar analitiku għall-finijiet ta’ politika, ta’ operat u ta’ kwalità tad-data. Is-CRRS għandu jappoġġa wkoll l-objettivi tar-Regolament (UE) 2025/13 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).
2. L-eu-LISA għandha tistabbilixxi, timplimenta u tospita fis-siti tekniċi tagħha s-CRRS li jkun fih id-data u l-istatistika msemmija fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1862 u fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/816 separati b’mod loġiku mis-sistema ta’ informazzjoni tal-UE. L-eu-LISA għandha tiġbor ukoll id-data u l-istatistika mir-router kif imsemmi fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2025/13. L-aċċess għas-CRRS għandu jingħata permezz ta’ aċċess sigur u kkontrollat u profili ta’ utenti speċifiċi, unikament għall-finijiet ta’ rapportar u statistika, lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) 2018/1862, fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2019/816 u fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2025/13.
KAPITOLU 9
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 42
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 43
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(11) u (12), fl-Artikolu 5(4), u fl-Artikolu 7(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ 5 snin mit-28 ta’ Jannar 2025. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
Fir-rigward ta’ att delegat adottat skont l-Artikolu 4(11), jekk tkun ġiet espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma għandhomx jopponu l-estensjoni taċita msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 4(12), fl-Artikolu 5(4) u fl-Artikolu 7(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(11) jew (12), l-Artikolu 5(4) jew l-Artikolu 7(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrinjoġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 44
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1. L-eu-LISA għandha tiżgura li jkun hemm fis-seħħ proċeduri għall-monitoraġġ tal-iżvilupp tar-router fid-dawl tal-objettivi relatati mal-ippjanar u l-ispejjeż, u għall-monitoraġġ tal-funzjonament tar-router fid-dawl tal-objettivi relatati mar-rendiment tekniku, il-kosteffettività, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz.
2. Sad-29 ta’ Jannar 2026 u kull sena wara matul il-fażi ta’ żvilupp tar-router, l-eu-LISA għandha tipproduċi rapport dwar is-sitwazzjoni attwali tal-iżvilupp tar-router u tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż magħmula u dwar kwalunkwe riskju li jista’ jkollu impatt fuq l-ispejjeż ġenerali li jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 32.
3. Ladarba r-router jibda jopera, l-eu-LISA għandha tipproduċi rapport li jispjega fid-dettall kif ikunu ntlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari dawk relatati mal-ippjanar u mal-ispejjeż, u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u tagħti raġunijiet għal kwalunkwe diverġenzi.
4. Sad-29 ta’ Jannar 2029, u kull erba’ snin wara, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport li jkun fih evalwazzjoni ġenerali ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar il-ħtieġa u l-valur miżjud tal-ġbir tad-data tal-API, inkluz valutazzjoni ta’:
|
(a) |
l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
kemm dan ir-Regolament laħaq l-objettivi tiegħu; |
|
(c) |
l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq id-drittijiet fundamentali protetti skont il-liġi tal-Unjoni; |
|
(d) |
l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-esperjenza tal-ivvjaġġar ta’ passiġġieri leġittimi; |
|
(e) |
l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq il-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni u l-piż imġarrab min-negozji; |
|
(f) |
il-kwalità tad-data trażmessa mir-router lill-PIUs; |
|
(g) |
il-prestazzjoni tar-router fir-rigward tal-PIUs. |
Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu, ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jindirizza wkoll l-interazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ atti leġiżlattivi rilevanti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226 u (UE) 2018/1240, sabiex jivvaluta l-impatt ġenerali tal-obbligi ta’ rapportar relatati fuq it-trasportaturi bl-ajru, jidentifika d-dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu aġġornati u ssimplifikati, fejn xieraq, biex jittaffa l-piż fuq it-trasportaturi bl-ajru, u jikkunsidra azzjonijiet u miżuri li jistgħu jittieħdu biex titnaqqas il-pressjoni tal-ispejjeż totali fuq it-trasportaturi bl-ajru.
5. L-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tinkludi wkoll valutazzjoni tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-effettività li jiġu inklużi l-ġbir u t-trasferiment obbligatorji tad-data tal-API relatata ma’ titjiriet intra-UE fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
6. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. Jekk ikun xieraq, fid-dawl tal-evalwazzjoni mwettqa, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ħsieb li temenda dan ir-Regolament.
7. L-Istati Membri u t-trasportaturi bl-ajru għandhom, fuq talba, jipprovdu lil eu-LISA u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ tabbozza r-rapporti imsemmi fil-paragrafi 2, 3 u 4. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar il-ġbir tad-data tal-API minn perspettiva operattiva. L-informazzjoni pprovduta ma għandhiex tinkludi data personali. L-Istati Membri jistgħu joqogħdu lura milli jipprovdu tali informazzjoni jekk, u sa fejn, ikun meħtieġ li ma jiddivulgawx metodi ta’ ħidma kunfidenzjali jew li ma jipperikolawx l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin tal-PIUs tagħhom jew ta’ awtoritajiet kompetenti oħrajn. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali pprovduta tkun protetta kif xieraq.
Artikolu 45
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika fir-rigward:
|
(a) |
tad-data tal-API, mid-data li tkun sentejn mid-data li fiha r-router jibda jopera, kif speċifikat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 34; u |
|
(b) |
ta’ data oħra tal-PNR, mid-data li tkun erba’ snin mid-data li fiha jibda jopera r-router, kif determinat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 35. |
Madankollu:
|
(a) |
l-Artikolu 4(12), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 7(5), l-Artikolu 11(5), l-Artikolu 12(6), l-Artikolu 18(4), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 24(2), l-Artikolu 25, l-Artikolu 28, l-Artikolu 29, l-Artikolu 32(1), l-Artikolu 34, l-Artikolu 35, l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43 għandhom japplikaw mit-28 ta’ Jannar 2025; |
|
(b) |
l-Artikolu 6, l-Artikolu 17(1), (2) u (3), l-Artikolu 18(1), (2) u (3), l-Artikolu 19, l-Artikolu 20, l-Artikolu 26, l-Artikolu 27 u l-Artikolu 33 għandhom japplikaw mid-data li fiha jibda jopera r-router, kif determinata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 34 u l-Artikolu 35. |
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) ĠU C 228, 29.6.2023, p. 97.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2024.
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-obbligu tat-trasportaturi li jikkomunikaw data dwar il-passiġġieri (ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24).
(4) Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 132).
(5) Ir-Regolament (UE) 2025/12 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 dwar il-ġbir u t-trasferiment ta’ informazzjoni bil-quddiem dwar il-passiġġieri għat-titjib u għall-faċilitazzjoni tal-verifiki fil-fruntieri esterni, li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726 u (UE) 2019/817, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE (ĠU L, 2025/12, 8.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/12/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2019/1157 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 67).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1).
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 tat-18 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/PESK (ĠU L 163, 20.6.2019, p. 1).
(9) Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).
(10) Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).
(12) Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).
(13) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).
(14) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(15) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(16) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(17) Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).
(18) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(19) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(21) Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/13/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)