|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/11 |
14.1.2025 |
REGOLAMENT (UE) 2025/11 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-19 ta’ Diċembru 2024
li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward ta’ Vanuatu
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punt (a), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri (il-“ħtieġa tal-viża”) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum (l-“eżenzjoni mill-viża”). |
|
(2) |
Ir-Repubblika ta’ Vanuatu hija elenkata fil-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 bħalha pajjiż terz li ċ-ċittadini tiegħu huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża. L-eżenzjoni mill-viża ilha tapplika għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu mit-28 ta’ Mejju 2015, meta l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (3) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat u sar applikabbli fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2017. |
|
(3) |
Mill-25 ta’ Mejju 2015, Vanuatu ilu jopera skemi ta’ ċittadinanza b’investiment li permezz tagħhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mingħajrhom ikunu soġġetti għall-ħtieġa tal-viża jkunu jistgħu jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Vanuatu bi skambju għal investiment, u b’hekk jiksbu aċċess mingħajr il-ħtieġa ta’ viża għall-Unjoni. |
|
(4) |
Peress li l-għoti taċ-ċittadinanza minn Vanuatu skont l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment tiegħu kien meqjus li jikkostitwixxi ċirkomvenzjoni tal-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir tal-Unjoni u tal-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u l-migrazzjoni li jinvolvi, kif ukoll żieda fir-riskju għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku tal-Istati Membri, il-Kunsill adotta, fit-3 ta’ Marzu 2022, id-Deċiżjoni (UE) 2022/366 (4) li ssospendiet parzjalment l-applikazzjoni tal-Ftehim, skont l-Artikolu 8(4) tal-Ftehim. Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim kienet limitata għall-passaporti ordinarji maħruġa minn Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem, meta l-għadd ta’ applikanti magħzula fl-ambitu tal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu beda jiżdied b’mod sinifikanti. |
|
(5) |
Fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/693 (5) li ssospenda temporanjament l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu mill-4 ta’ Mejju 2022 sat-3 ta’ Frar 2023 skont l-Artikolu 8(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/1806. |
|
(6) |
Fil-perjodu ta’ wara l-4 ta’ Mejju 2022, id-data li fiha bdiet tapplika s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża, u skont l-Artikolu 8(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni stabbiliet djalogu msaħħaħ ma’ Vanuatu bl-għan li tirrimedja ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża. Madankollu, Vanuatu ma impenjax ruħu b’mod sinifikanti matul dak id-djalogu. |
|
(7) |
Minħabba l-persistenza taċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża u n-nuqqas ta’ ingaġġ min-naħa ta’ Vanuatu biex jirrimedjahom, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2198, il-Kunsill ħassar id-Deċiżjoni (UE) 2022/366 u ssospenda l-applikazzjoni tal-Ftehim fl-intier tiegħu mill-4 ta’ Frar 2023 (6) |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 8(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2023/222 (7) fl-1 ta’ Diċembru 2022, li ssospenda temporanjament l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini kollha ta’ Vanuatu mill-4 ta’ Frar 2023 sat-3 ta’ Awwissu 2024. |
|
(9) |
Fil-perjodu ta’ wara l-4 ta’ Frar 2023, id-data li fiha beda japplika r-Regolament Delegat (UE) 2023/222, il-Kummissjoni kompliet id-djalogu msaħħaħ ma’ Vanuatu. Bejn Frar 2023 u April 2024 saru erba’ laqgħat u kien hemm bosta skambji ta’ informazzjoni bil-miktub. |
|
(10) |
Il-biċċa l-kbira tat-tħassib relatat mal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment operati minn Vanuatu u li ġew deskritti mill-Kummissjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/693 għadu jippersisti sal-lum. Filwaqt li Vanuatu adotta għadd ta’ bidliet leġiżlattivi fl-2023 bl-għan li jindirizza dak it-tħassib, huwa naqas milli jipprovdi prova sodisfaċenti li dawk il-bidliet qed jiġu implimentati u huma biżżejjed biex itaffu r-riskji għas-sigurtà maħluqa mill-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment tiegħu. |
|
(11) |
L-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment operati minn Vanuatu għad ma fihom l-ebda rekwiżit għall-applikanti biex fil-fatt jirrisjedu jew ikunu fiżikament preżenti f’Vanuatu. Il-proċess ta’ applikazzjoni jkompli jiġi ġestit minn aġenziji speċjalizzati li ma jinsabux f’Vanuatu, li jfisser li l-applikanti ma għandhomx għalfejn ikollhom kuntatt dirett mal-awtoritajiet ta’ Vanuatu. Ma jsiru l-ebda intervisti mal-applikanti matul il-proċess tal-applikazzjoni. In-nuqqas ta’ rekwiżit għal intervista fiżika jnaqqas l-opportunitajiet għall-awtoritajiet ta’ Vanuatu biex jivvalutaw kif xieraq lill-applikanti u biex jivverifikaw l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni tagħhom, inklużi l-veraċità u l-kredibbiltà tagħha. |
|
(12) |
L-applikazzjonijiet ikomplu jiġu pproċessati bi skadenzi qosra ħafna. Pereżempju, il-proċess ta’ skrinjar u ta’ diliġenza dovuta għall-applikazzjonijiet jieħu massimu ta’ 14-il jum, li jistgħu jiġu estiżi għal 30 jum. Ir-rata ta’ rifjut għadha baxxa ħafna, u b’hekk tikkorrobora l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-proċess ta’ skrinjar mhuwiex affidabbli. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Vanuatu, fl-2022 u fl-2023, Vanuatu rċieva 1 988 applikazzjoni għaċ-ċittadinanza bi skambju għal investiment, li minnhom 27 biss ġew irrifjutati. |
|
(13) |
F’Marzu 2023, Vanuatu emenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tiegħu billi ssostitwixxa l-istituzzjonijiet responsabbli għall-iskrinjar u t-twettiq ta’ kontrolli tad-diliġenza dovuta fuq l-applikazzjonijiet u l-proċeduri għalihom. B’mod partikolari, il-Kumitat tal-Iskrinjar Intern preċedenti maħtur mill-Prim Ministru ġie sostitwit minn tliet istituzzjonijiet: il-Forza tal-Pulizija ta’ Vanuatu, l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja u s-Servizzi tal-Immigrazzjoni ta’ Vanuatu. Dawk l-istituzzjonijiet jiskrinjaw u jwettqu kontrolli ta’ diliġenza dovuta fuq l-applikazzjonijiet, inkluż billi jfittxu fil-bażijiet ta’ data tal-Interpol, u jirrapportaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni taċ-Ċittadinanza. Filwaqt li min-naħa waħda l-proċedura l-ġdida tidher li ttaffi r-riskju li tingħata ċ-ċittadinanza lil persuni li huma elenkati fil-bażijiet tad-data tal-Interpol, min-naħa l-oħra ma tinkludix elementi oħra li huma meħtieġa biex jiġi vvalutat kif xieraq jekk l-applikanti jikkostitwixxux riskju għas-sigurtà. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda mezz adegwat għall-awtoritajiet ta’ Vanuatu biex jivverifikaw il-veraċità tad-dokumenti maħruġa mill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tal-applikanti, bħal dokumenti tal-identità u rekords kriminali, peress li dawk l-awtoritajiet ma jiskambjawx informazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ residenza tal-applikanti. |
|
(14) |
Il-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti magħżula fl-2022 u fl-2023 jinkludu, l-aktar, pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għall-ħtieġa tal-viża. Fl-2023, il-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet kienu minn ċittadini taċ-Ċina (519) u tar-Russja (237). Għall-kuntrarju ta’ pajjiżi terzi oħra li joperaw skemi ta’ ċittadinanza b’investiment, Vanuatu kompla jaċċetta u jipproċessa applikazzjonijiet minn ċittadini Russi mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. |
|
(15) |
Qabel l-2021, persuni li kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Vanuatu permezz ta’ skema ta’ ċittadinanza b’investiment, sussegwentement setgħu japplikaw ukoll għal bidla tal-isem f’Vanuatu. Matul id-djalogu msaħħaħ, Vanuatu informa lill-Kummissjoni li fl-2021 il-leġiżlazzjoni rilevanti ġiet emendata sabiex tipprevedi li l-persuni li għandhom ċittadinanza doppja ma setgħux jirreġistraw bidla fl-isem f’Vanuatu. Madankollu, Vanuatu informa wkoll lill-Kummissjoni li ma għandu l-ebda rekord ta’ bidliet fl-isem irreġistrati qabel l-2019. Għalhekk, ma seta’ jipprovdi l-ebda informazzjoni dwar l-għadd ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza bi skambju għal investiment u sussegwentement biddlu isimhom jew dwar kwalunkwe kontroll ta’ segwitu fuq dawk il-persuni. |
|
(16) |
Filwaqt li Vanuatu informa lill-Kummissjoni li, abbażi tal-ġurisprudenza tiegħu, huwa possibbli li tiġi revokata ċ-ċittadinanza fejn tkun inkisbet b’mod frodulenti jew illegalment, ma pprovdiex informazzjoni dwar każijiet reali li fihom iċ-ċittadinanza miksuba permezz tal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment tiegħu ġiet revokata. Barra minn hekk, Vanuatu ma implimenta l-ebda mekkaniżmu strutturali ta’ monitoraġġ ex post biex jindirizza l-lakuni potenzjali tas-sigurtà ta’ aktar minn 10 000 passaport maħruġa qabel l-emenda tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza tiegħu u l-introduzzjoni tal-proċedura ta’ skrinjar allegatament aktar robusta. Fi Frar 2023, Vanuatu stabbilixxa kummissjoni ta’ inkjesta bil-kompitu li tinvestiga kwalunkwe allegat għemil ħażin imwettaq matul l-operat tal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment sa mill-istabbiliment tagħhom. F’April 2024, Vanuatu informa lill-Kummissjoni li dik l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja u li ma setgħetx tipprovdi ċerta data sa meta l-Kummissjoni ta’ Inkjesta se tipprovdi l-konlużjonijiet tagħha. |
|
(17) |
Skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament (UE) 2018/1806, qabel ma waqaf japplika r-Regolament Delegat (UE) 2023/222, il-Kummissjoni ssottomettiet rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu, li fih iddeskriviet fid-dettall id-djalogu msaħħaħ ma’ Vanuatu u kkonkludiet li Vanuatu ma kienx irrimedja ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża. |
|
(18) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1806 jiġi emendat billi r-referenza għal Vanuatu tiġi trasferita mill-Parti 1 tal-Anness II għall-Parti 1 tal-Anness I sabiex terġa tiġi introdotta l-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu. |
|
(19) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9). |
|
(20) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis- sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B u C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11). |
|
(21) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengenfis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (12) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B u C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (13). |
|
(22) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihoml-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (14); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(23) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 2018/1806 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fil-Parti 1 tal-Anness I, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata “l-Użbekistan”: “Vanuatu” ; |
|
(2) |
fil-Parti 1 tal-Anness II, titħassar l-entrata li ġejja: “Vanuatu (*1) (*1) L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta’ Vanuatu hija sospiża mill-4 ta’ Frar 2023 sat-3 ta’ Frar 2025.”." |
L-Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Novembru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2024.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1806/oj).
(3) ĠU L 173, 3.7.2015, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2015/1035/oj.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366 tat-3 ta’ Marzu 2022 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir (ĠU L 69, 4.3.2022, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/366/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/693 tas-27 ta’ April 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu (ĠU L 129, 3.5.2022, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/693/oj).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2198 tat-8 ta’ Novembru 2022 dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (ĠU L 292, 11.11.2022, p. 47, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2198/oj).
(7) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/222 tal-1 ta’ Diċembru 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini kollha ta’ Vanuatu (ĠU L 32, 3.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/222/oj).
(8) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).
(10) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).
(12) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2011/350/oj.
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).
(14) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/11/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)