European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3234

23.12.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/3234 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1115 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mad-data tal-applikazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġie adottat biex jitnaqqsu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Jistabbilixxi regoli dwar l-introduzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni tal-prodotti relevanti, kif elenkati fl-Anness I tiegħu, li fihom, li ġew mitmugħa jew li saru bl-użu ta’ komoditajiet rilevanti, jiġifieri bhejjem tal-ifrat, il-kawkaw, il-kafè, iż-żejt tal-palm, il-lastiku, is-sojja u l-injam. B’mod partikolari, il-proposta għandha l-għan li tiżgura li dawk il-komoditajiet u l-prodotti rilevanti jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jew jiġu esportati biss jekk ikunu mingħajr deforestazzjoni, ikunu ġew prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni u koperti minn dikjarazzjoni ta’diliġenza dovuta. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw mit-30 ta’ Diċembru 2024.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li r-Regolament (UE) 2023/1115 jikseb l-objettivi tiegħu, l-operaturi u n-negozjanti li jqiegħdu fis-suq jew jesportaw prodotti rilevanti għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament sabiex jagħtu prova li l-prodotti rilevanti jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament. L-operaturi huma responsabbli għal eżaminazzjoni u analiżi bir-reqqa tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom stess, li jirrikjedi primarjament il-ġbir tad-data li hija rilevanti għar-Regolament (UE) 2023/1115, u d-dokumentazzjoni xierqa li tappoġġa dik id-data, minn kull fornitur partikolari.

(3)

Il-Kummissjoni ħadet passi sostanzjali biex tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115, bl-involviment tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati. B’mod partikolari, id-Dokument ta’ Gwida għar-Regolament (UE) 2023/1115 dwar il-prodotti li ma jinvolvux id-deforestazzjoni jipprovdi gwida lill-operaturi, lin-negozjanti kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-obbligi ewlenin stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1115 u jiċċara, fost l-oħrajn, l-interpretazzjoni tad-definizzjoni ta’ “użu agrikolu”, b’mod partikolari fir-rigward tal-konverżjoni ta’ foresti għal art li l-iskop tagħha mhuwiex użu agrikolu, kif mitlub mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

(4)

Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Novembru 2024 dwar il-Qafas Strateġiku għall-Involviment fil-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2023/1115 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti tipprovdi struttura komprensiva għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115. Tiddeskrivi wkoll il-prinċipji ġenerali li l-Kummissjoni biħsiebha tapplika għall-klassifikazzjoni ta’ pajjiżi b’riskju baxx u b’riskju għoli jew partijiet minnhom, f’konformità mal-Artikolu 29(3) tar-Regolament (UE) 2023/1115.

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3084 (4) jipprevedi sistema ta’ informazzjoni u l-aċċess għaliha mill-operaturi u min-negozjanti, u jekk applikabbli, mir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, mill-awtoritajiet kompetenti, u mill-awtoritajiet doganali biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi rispettivi tagħhom, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1115. Għalhekk, l-operaturi u n-negozjanti jkunu jistgħu jirreġistraw u jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ diliġenza dovuta anke qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115.

(6)

Id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2023/1115 li jistabbilixxu l-obbligi fuq l-operaturi, in-negozjanti u l-awtoritajiet kompetenti, elenkati fl-Artikolu 38(2) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi posposta bi 12-il xahar. Dan huwa meħtieġ biex il-pajjiżi terzi, l-Istati Membri, l-operaturi u n-negozjanti jkunu mħejjija bis-sħiħ, inkluż, biex ikun possibbli għal dawk l-operaturi li jistabbilixxu s-sistemi ta’ diliġenza dovuta meħtieġa li jkopru l-komoditajiet u l-prodotti rilevanti kollha, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom.

(7)

Fid-dawl tal-posponiment bi 12-il xahar tad-data tal-applikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) 2023/1115, id-dati f’dispożizzjonijiet interkonnessi ta’ dak ir-Regolament, jiġifieri d-dati previsti għat-tħassir tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u għall-applikazzjoni differita tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu għall-intrapriżi mikro jew l-intrapriżi żgħar, jenħtieġ li jiġu aġġustati kif xieraq.

(8)

Madankollu, biex l-operaturi u n-negozjanti jingħataw l-informazzjoni dwar l-assenjazzjoni tar-riskju lill-pajjiżi rilevanti tal-produzzjoni ferm qabel id-data minn meta japplikaw l-obbligi ta’ diliġenza dovuta tagħhom, id-data sa meta l-Kummissjoni trid tikklassifika l-pajjiżi, jew partijiet minnhom, li jippreżentaw riskju baxx jew għoli jenħtieġ li tiġi posposta b’6 xhur biss.

(9)

Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi posposta d-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2023/1115 li jistabbilixxu l-obbligi fuq l-operaturi, in-negozjanti u l-awtoritajiet kompetenti, ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri iżda jistgħu jinkisbu biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1115 jiġi emendat kif xieraq.

(11)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ qabel id-data inizjali tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2023/1115

Ir-Regolament (UE) 2023/1115 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 29, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fid-29 ta’ Ġunju 2023, il-pajjiżi kollha għandhom jiġu assenjati livell ta’ riskju standard. Il-Kummissjoni għandha tikklassifika l-pajjiżi jew partijiet minnhom, li jippreżentaw riskju baxx jew għoli f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-lista tal-pajjiżi jew partijiet minnhom li jippreżentaw riskju baxx jew għoli għandha tiġi ppubblikata permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36(2), mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2025. Dik il-lista għandha tiġi rieżaminata, u aġġornata jekk xieraq, kull meta jkun meħtieġ minħabba evidenza ġdida.”.

(2)

l-Artikolu 37 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 37

Tħassir

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 jitħassar b’effett mit-30 ta’ Diċembru 2025.

2.   Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 għandu jibqa’ japplika sal-31 ta’ Diċembru 2028 għall-injam u l-prodotti tal-injam kif definit fl-Artikolu 2, punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li ġew prodotti qabel id-29 ta’ Ġunju 2023 u li ġew introdotti fis-suq mit-30 ta’ Diċembru 2025.

3.   B’deroga mill-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-injam u l-prodotti tal-injam definiti fl-Artikolu 2, punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 li ġew prodotti qabel id-29 ta’ Ġunju 2023 u li ġew introdotti fis-suq mill-31 ta’ Diċembru 2028 għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.”

;

(3)

fl-Artikolu 38, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Soġġetta għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 3 sa 13, l-Artikoli 16 sa 24 u l-Artikoli 26, 31 u 32 għandhom jibdew japplikaw mit-30 ta’ Diċembru 2025.

3.   Ħlief fir-rigward tal-prodotti koperti fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, għall-operaturi li sal-31 ta’ Diċembru 2020 kienu stabbiliti bħala intrapriżi mikro jew intrapriżi żgħar skont l-Artikolu 3(1) jew (2) tad-Direttiva 2013/34/UE, rispettivament, l-Artikoli msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jibdew japplikaw mit-30 ta’ Ġunju 2026.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  L-opinjoni tat-23 ta’ Ottubru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2024.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010, ( ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3084 tal-4 ta’ Diċembru 2024 dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti (ĠU L, 2024/3084, 6.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3084/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3234/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)