European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3228

30.12.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/3228 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Diċembru 2024

li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 524/2013, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2018/1724 fir-rigward tal-waqfien tal-Pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa, u ta mandat lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u żżomm, il-Pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online tat-Tilwim (il-“pjattaforma tal-ODR”) fil-livell tal-Unjoni, li toffri punt uniku ta’ dħul għall-konsumaturi u n-negozjanti li jkunu qed ifittxu soluzzjoni extraġudizzjarja għal- tilwim li jinqala’ minn kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ servizzi online.

(2)

Il-pjattaforma tal-ODR tieħu l-forma ta’ sit web interattiv fejn il-konsumaturi jistgħu jitolbu lin-negozjanti biex jaqblu li jużaw entità ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) li tkun elenkata t fuq il-pjattaforma tal-ODR, u li tikkonforma mad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 jobbliga lill-kummerċjanti online u s-swieq online jipprovdu, fuq is-sit web tagħhom, link faċilment aċċessibbli għall-pjattaforma tal-ODR. Dak l-obbligu, flimkien ma’ kampanji ta’ informazzjoni organizzatimill-Kummissjoni u mill-partijiet ikkonċernati nazzjonali, kull sena attira bejn żewġ u tliet miljun viżitatur lejn il-pjattaforma tal-ODR.

(4)

Madankollu, minoranza biss ta’ viżitaturi jużaw il-pjattaforma tal-ODR biex jissottomettu ilment u 2 % biss ta’ dawk l-ilmenti jirċievu tweġiba pożittiva min-negozjanti, li jfisser li t-talba tagħhom tkun tista’ tintbagħat lil entità tal-ADR elenkata fuq il-pjattaforma tal-ODR. Kollox ma’ kollox, dan jirrappreżenta madwar 200 każ fis-sena madwar l-Unjoni.

(5)

Il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal evidenza dwar l-adattament tal-metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim għas-swieq diġitali, li saret mit-28 ta’ Settembru sal-21 ta’ Diċembru 2022 Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pjattaforma tal-ODR kienet intużat biss minn 5 % tal-konsumaturi li wieġbu għal dik is-sejħa għal evidenza, u l-maġġoranza tar-rispondenti qiesu li l-pjattaforma tal-ODR jenħtieġ li tittejjeb b’mod sostanzjali jew titneħħa peress li ma kinitx kosteffettiva. L-evidenza tissuġġerixxi bil-qawwa li peress li mhux aktar minn 200 każ jiġu trasferiti fis-sena lil entità tal-ADR, iż-żamma ulterjuri tal-pjattaforma tal-ODR ma tikkorrispondix mal-prinċipji tal-effiċjenza u l-effettività kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(6)

Jenħtieġ li l-pjattaforma tal-ODR titneħħa u għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 jenħtieġ li jitħassar. Jenħtieġ li jingħata żmien xieraq biex jiġi żgurat li l-każijiet li jkunu għaddejjin jkunu jistgħu jiġu tterminati b’mod adegwat.

(7)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 524/2013, id-data personali relatata ma’ tilwima tinżamm fil-bażi tad-data stabbilita b’segwitu għal dak ir-Regolament għaż-żmien meħtieġ biex jinkisbu l-finijiet li għalihom tkun inġabret id-data u biex jiġi żgurat li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jaċċessaw id-data personali tagħhom sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 524/2013, dik id-data għandha titħassar awtomatikament mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-konklużjoni tat-tilwima li tkun ġiet trażmessa lill-pjattaforma tal-ODR. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-utenti tal-pjattaforma tal-ODR b’każijiet li jkunu għaddejjin dwar il-waqfien tal-pjattaforma tal-ODR fi żmien xieraq, u fi kwalunkwe każ mill-inqas erba’ xhur qabel ma dik il-pjattaforma titwaqqaf. Jenħtieġ li l-Kummissjoni toffri assistenza lil dawk l-utenti tal-pjattaforma tal-ODR li jixtiequ jirkupraw id-data relatata mal-każijiet tagħhom.

(8)

Peress li ssir referenza għall-pjattaforma tal-ODR f’atti legali oħra tal-Unjoni bħala pjattaforma li tippermetti lill-konsumaturi jitolbu lill-kummerċjanti biex jaqblu ma’ metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, jenħtieġ li dawk l-atti jiġu emendati biex jitneħħew ir-referenzi għall-pjattaforma tal-ODR. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2394 (6) u (UE) 2018/1724 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jiġu emendati skont dan. Id-Direttivi (UE) 2015/2302 (8), (UE) 2019/2161 (9) u (UE) 2020/1828 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fihom ukoll referenzi għar-Regolament (UE) Nru 524/2013. Huwa maħsub li dawk id-Direttivi jiġu emendati b’att legali separat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 jitħassar b’effett mill-20 ta’ Lulju 2025.

Artikolu 2

1.   Il-pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (il-“pjattaforma tal-ODR”) għandha titwaqqaf.

2.   Il-preżentazzjoni tal-ilmenti lill-pjattaforma tal-ODR għandha tieqaf fl-20 ta’ Marzu 2025.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-utenti tal-pjattaforma tal-ODR b’każijiet li jkunu għaddejjin dwar il-waqfien tal-pjattaforma tal-ODR sal-20 ta’ Marzu 2025 u toffri assistenza lil tali utenti biex tiġi rkuprata d-data relatata mal-każijiet tagħhom u aċċessibbli għalihom fejn dawn jixtiequ li jagħmlu dan.

4.   Mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju 2025 l-informazzjoni kollha, inkluż id-data personali, relatata mal-każijiet fil-pjattaforma tal-ODR għandha titħassar.

Artikolu 3

Emenda għar-Regolament (UE) 2017/2394

Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/2394, jitħassar il-punt 22.

Artikolu 4

Emenda għar-Regolament (UE) 2018/1724

Fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/1724, il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(7)

Il-lista ta’ entitajiet ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi stabbilita mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1)

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU C, C/2024/2482, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2482/oj.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tad-19 ta’ Novembru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Diċembru 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 7).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3228/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)