|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3218 |
23.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3218
tat-12 ta’ Diċembru 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 84, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 (1), fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 (2), fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, sa fejn dawn jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 66(1) tal-Konvenzjoni, il-Grupp ta’ Esperti dwar l-azzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“GREVIO”) għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Partijiet. Skont l-Artikolu 68(3) tal-Konvenzjoni, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni sussegwenti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tax-xenarju ta’ referenza tal-GREVIO rigward ir-rapporti dwar miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni sottomessi mill-Partijietgħandhom jinqasmu f’ċikli (“ċikli ta’ evalwazzjoni tematika”). Skont l-Artikolu 68(11) tal-Konvenzjoni, il-GREVIO għandu jadotta r-rapport u l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-miżuri meħuda mill-Parti kkonċernata. Skont l-Artikolu 68(12) tal-Konvenzjoni, fuq il-bażi tar-rapport u l-konklużjonijiet tal-GREVIO, il-Kumitat tal-Partijiet stabbilit bl-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parti kkonċernata. |
|
(3) |
L-ewwel miċ-ċikli ta’ evalwazzjoni tematika, intitolat “Nibnu l-fiduċja bl-għoti ta’ appoġġ, protezzjoni u ġustizzja”, tnieda fl-2022 u ser jopera mill-2023 sal-2031. Dan jindirizza 19-il dispożizzjoni speċifika tal-Konvenzjoni, jiġifieri l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 14, 15, 16, 18, 20, 22, 25, 31, 48, 49, 50, 51, 52, 53 u 56, u jikkonċerna l-implimentazzjoni mill-Partijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, pereżempju kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi ta’ vjolenza fuq in-nisa u vjolenza domestika. |
|
(4) |
F’Settembru 2024, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet qasam mal-Partijiet abbozz ta’ deċiżjoni IC-CP(2024)10 dwar rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu adottati fid-dawl tar-rapporti tal-GREVIO adottati bħala parti mill-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika (l-“abbozz ta’ deċiżjoni”). L-abbozz ta’ deċiżjoni jipprevedi proċedura għall-adozzjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni ta’, rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat tal-Partijiet u fih mudell ta’ rakkomandazzjoni. L-abbozz ta’ deċiżjoni għandu jiġi diskuss u, jekk jista’ jkun, adottat fis-17-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet fis-17 ta’ Diċembru 2024. |
|
(5) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet peress li l-abbozz ta’ deċiżjoni jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Partijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, sa fejn dawn ikunu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet ser ikunu kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni fis-sens li jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni fil-futur. |
|
(6) |
L-abbozz ta’ deċiżjoni jipprovdi li r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu limitati għall-aktar tħassib urġenti identifikat mill-GREVIO fir-rapporti tiegħu. Dan it-tħassib jinkludi nuqqasijiet li l-GREVIO jikkunsidra li jeħtieġu azzjoni immedjata, indikata bl-uża tal-verb “iħeġġeġ”, kif ukoll dawk il-kwistjonijiet li l-GREVIO jqis li jenħtieġ li jiġu rimedjati fil-futur qrib, indikati mill-verb “jinkoraġġixxi bil-qawwa”, li jkopru l-kapitoli kollha tal-Konvenzjoni. |
|
(7) |
L-abbozz ta’ deċiżjoni jipprevedi li l-Kumitat tal-Partijiet għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet billi jitlob lill-Parti kkonċernata biex tippreżenta rapport bil-miktub dwar il-miżuri meħuda fi żmien 3 snin mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Skont l-abbozz ta’ deċiżjoni, minn hemm “il quddiem, il-Kumitat tal-Partijiet ikun jista” jagħżel li ma jieħu l-ebda pass ulterjuri fis-superviżjoni tiegħu sabiex jevita d-duplikazzjoni ma’ kwalunkwe ċiklu futur ta’ evalwazzjoni tematika. |
|
(8) |
L-abbozz ta’ deċiżjoni jipprevedi li r-rakkomandazzjonijiet għandhom jirrakkomandaw li l-Parti kkonċernata timplimenta l-proposti inqas urġenti tal-GREVIO li jkun għad fadal, bħala mod kif jiġu approvati l-konklużjonijiet tal-GREVIO fl-intier tagħhom, u li dik il-Parti tiġi mistiedna għal tkomplija tad-djalogu mal-GREVIO. |
|
(9) |
L-Unjoni jenħtieġ li taqbel mal-abbozz ta’ deċiżjoni, peress li l-proċedura stabbilita hemmhekk tallinja mal-proċedura ta’ evalwazzjoni tax-xenarju ta’ referenza taħt l-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni, li kienet effettiva, u tiżgura implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet kollha magħżula għall-evalwazzjoni tematika, filwaqt li tevita proċessi ta’ monitoraġġ duplikati. |
|
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni, inkluż il-mudell ta’ rakkomandazzjoni propost stabbilit fl-Appendiċi I tagħha. |
|
(11) |
Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul il-laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet, jenħtieġ li jkun previst li bidliet speċifiċi fl-abbozz ta’ deċiżjoni jkunu jistgħu jiġu miftiehma f’isem l-Unjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(13) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-17-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet, stabbilit skont bl-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-“Konvenzjoni”), għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni IC-CP(2024)10 dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat tal-Partijiet (l-“abbozz tad-deċiżjoni”), inkluż il-mudell ta’ rakkomandazzjoni propost stabbilit fl-Appendiċi I tagħha (“Appendiċi I”).
Artikolu 2
Meta l-punti li ġejjin tal-Appendiċi I ma jkunux jistgħu jiġu miftiehma kif jinsabu fl-abbozz tat-test, ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet jistgħu, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, jaqblu dwar it-tibdil li ġej:
|
— |
il-punt B: l-estensjoni tal-iskadenza ta’ 3 snin għall-Parti kkonċernata biex tippreżenta rapport bil-miktub lill-Kumitat tal-Partijiet dwar il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni; |
|
— |
il-punt C: it-tħassir tar-rakkomandazzjoni li l-Parti kkonċernata tieħu miżuri biex timplimenta l-konklużjonijiet ulterjuri tal-ewwel rapporti ta’ evalwazzjoni tematika tal-GREVIO; |
|
— |
il-punt D: it-tħassir tal-istedina lill-Parti kkonċernata biex tkompli d-djalogu dwar il-progress mal-GREVIO. |
Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-Partijiet jistgħu wkoll, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, jagħmlu bidliet żgħar fl-abbozz tad-deċiżjoni, inkluż fl-Appendiċi I, li ma jbiddlux is-sustanza tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
PINTÉR S.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1075/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement (ĠU L 143 I, 2.6.2023, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1076/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3218/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)