European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3185

17.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/3185

tas-16 ta’ Diċembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1), l-Artikolu 41(2) u l-Artikolu 42(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 75(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) jistipula li l-Kunsill għandu jirrieżamina dik id-Deċiżjoni kull tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

(2)

Jenħtieġ li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 tissimplifika u ttejjeb il-proċessi rilevanti tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (FEP) b'mod immirat, filwaqt li tikkodifika l-prattika eżistenti, abbażi tal-esperjenza miġbura sal-lum.

(3)

Sabiex jallinja ċ-ċiklu politiku ma' dak baġitarju, jenħtieġ li l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) jipprovdi orjentazzjoni strateġika għas-sena n + 1 sal-31 ta' Mejju tas-sena n. Jenħtieġ li dan jinforma t-tħejjija tal-previżjoni għal-limitu massimu għall-pagamenti tas-sena n + 1.

(4)

Jenħtieġ li r-Rappreżentant Għoli jkun responsabbli għall-iżgurar tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu miżuri ta' assistenza f'konformità mal-Artikolu 27(1) TUE u għall-ippjanar u l-monitoraġġ tal-limitu massimu finanzjarju ġenerali u l-limiti massimi annwali tal-FEP. Jenħtieġ li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (sSEAE) jimmonitorja u jevalwa l-implimentazzjoni tal-arranġamenti tar-Rappreżentant Għoli mal-benefiċjarju sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill fir-rigward tal-miżuri ta' assistenza. Jenħtieġ li d-dokument ta' orjentazzjoni strateġika indikattiva jiġi infurmat minn konsultazzjoni minn qabel mal-Istati Membri.

(5)

B'mod eċċezzjonali skont il-każ u soġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit mill-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 (il-“Kumitat”), u b'kont meħud tal-Artikolu 10(4) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, jekk ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati d-dmirijiet għall-FEP li jmorru lil hinn mill-kapaċità jew l-għarfien espert tal-persunal ipprovdut mis-SEAE, in-nefqa relatata mal-persunal bil-kuntratt li jaħdem għall-FEP tistà tiġi ffinanzjata mill-FEP.

(6)

Jenħtieġ li l-miżuri ta' assistenza u l-operazzjonijiet stabbiliti qabel iżda mhux lesti sal-31 ta' Diċembru 2027 ikomplu jiġu implimentati wara dik id-data u sat-tlestija tagħhom, kif stabbilit fid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxihom. Għal dan l-għan, jenħtieġ li r-regoli rilevanti, b'mod partikolari dwar il-baġit, il-baġits emendatorji, it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet, u r-riporti jibqgħu applikabbli kif xieraq.

(7)

Soġġett għad-deċiżjonijiet tal-Kumitat u f'konformità mal-Artikolu 25(2) u l-Artikolu 29 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, jenħtieġ li kull amministratur ikompli jibgħat sejħiet għal kontribuzzjonijiet għall-approprjazzjonijiet ta' pagament li jappartjenu għar-responsabbiltajiet rispettivi tiegħu lil hinn mill-2027 kif meħtieġ għall-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet li jkunu għaddejjin u għall-ġestjoni tal-miżuri ta' assistenza stabbiliti qabel iżda mhux kompluti sal-31 ta' Diċembru 2027.

(8)

Abbażi tal-esperjenza miksuba, jenħtieġ li l-ippjanar finanzjarju tal-FEP jittejjeb, u jenħtieġ li l-effetti tal-astensjonijiet kostruttivi jiġu aġġustati kif xieraq. Konsegwentement, f'każijiet fejn l-Istati Membri jipprovdu kontribuzzjonijiet addizzjonali għal miżura ta' assistenza bħala riżultat tal-astensjoni minn miżura differenti, jenħtieġ li dawk il-kontribuzzjonijiet inaqqsu l-ammonti dovuti mill-Istati Membri għall-miżura ta' assistenza li tirċievi l-finanzjament addizzjonali. Dawk il-kontribuzzjonijiet addizzjonali jistgħu jiffinanzjaw sa 50 % tal-ammont ta' referenza tal-miżura ta' assistenza riċeventi, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor. Jenħtieġ li miżura ta' assistenza ma tiġix iffinanzjata esklużivament minn kontribuzzjonijiet addizzjonali.

(9)

Jenħtieġ li l-kompożizzjoni tal-abbozz tal-baġit annwali tkopri l-ispejjeż komuni għal operazzjonijiet li jkunu għaddejjin jew ippjanati u l-ispejjeż tal-miżuri ta' assistenza stabbiliti jew li għandhom jiġu approvati mill-Kunsill fl-ewwel kwart tas-sena finanzjarja ta' wara skont l-orjentazzjoni strateġika indikattiva proposta mir-Rappreżentant Għoli u l-orjentazzjoni provduta mill-KPS. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kalendarju baġitarju jiġi aġġustat, b'mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-limitu massimu għall-pagamenti u l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-baġit. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kontenut tal-istimi finanzjarji pprovduti perjodikament jittejjeb billi jiġu inkorporati previżjonijiet għall-ammonti u skeda indikattiva għas-sejħiet għal kontribuzzjonijiet.

(10)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-FEP mill-istabbiliment tagħha u minħabba s-sitwazzjoni speċifika tal-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza bi skemi ta' rimborż, huwa xieraq f'każijiet debitament ġustifikati u fuq bażi eċċezzjonali li tiġi permessa l-estensjoni tar-riporti soġġetti għall-approvazzjoni mill-Kumitat.

(11)

L-esperjenza miksuba turi li l-ambjent globali li qed jevolvi li fih topera l-FEP jista' jaffettwa l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza. Huwa xieraq li tiġi introdotta flessibbiltà baġitarja addizzjonali sabiex l-approprjazzjonijiet ta' impenn isiru jikkorrispondu għall-ammont ta’ diżimpenji magħmula b’riżultat tan-non-implimentazzjoni totali jew parzjali ta’ operazzjoni jew miżura ta' assistenza disponibbli għal darb’oħra għal operazzjonijiet jew miżuri ta’ assistenza oħra rispettivament, soġġett għall-approvazzjoni mill-Kumitat.

(12)

Jenħtieġ li kontribuzzjonijiet għal finanzjament bikri minn Stat Membru ma jintużawx biex jiffinanzjaw miżuri ta' assistenza li minnhom dak l-Istat Membru jastjeni f'konformità mal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

(13)

Jenħtieġ li r-rappurtar perjodiku dwar l-implimentazzjoni finanzjarja jittejjeb billi jiġi inkluż l-istatus tal-kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri u l-konsum tal-limiti massimi finanzjarji.

(14)

Jenħtieġ li l-awdituri jkollhom drittijiet ta' aċċess inkluż għall-bini, l-informazzjoni u d-data meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom.

(15)

Jenħtieġ li l-kompiti tal-awdituri interni jiġu definiti b'mod aktar ċar, b'mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta' kontroll intern applikabbli għall-FEP, li jinkorporaw prattiki tal-awditjar skont l-istandards internazzjonali. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-awdituri interni jirrapportaw lill-amministraturi u lis-SEAE r-riżultati tal-awditi tagħhom dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. L-amministraturi u s-SEAE jenħtieġ li jiżguraw li jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet mill-awditi interni. Jenħtieġ li l-Kumitat jirċievi rapport annwali mill-awdituri interni u jimmonitorja l-ħidma tagħhom kif ukoll is-segwitu xieraq tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar intern mid-dipartimenti rilevanti.

(16)

Jenħtieġ li l-Kumitat jistabbilixxi, abbażi ta' proposta mill-Kulleġġ tal-Awdituri, proċeduri għall-għażla, il-ħatra u s-sostituzzjoni, kif meħtieġ, tal-membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri u l-assistenti tagħhom.

(17)

Jenħtieġ li l-kontrolli mwettqa mill-Kulleġġ tal-Awdituri jiġu estiżi biex jinkludu l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-FEP, inkluż permezz ta' awditi tal-prestazzjoni.

(18)

Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat dwar l-iżvelar, ir-rapport tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar, u l-kontijiet annwali għandhom jiġu żvelati b'mod sħiħ jew parzjali, skont id-deċiżjoni tal-Kumitat.

(19)

Fl-interess ta' trattament proċedurali effiċjenti, jenħtieġ li jiġu ppreżentati noti kunċettwali lill-KPS għall-approvazzjoni. Barra minn hekk, il-KPS jenħtieġ li jkun jista' japprova l-bidu ta' ċerti attivitajiet urġenti waqt li tkun għadha pendenti l-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżura ta' assistenza rilevanti.

(20)

Jenħtieġ li jiġi ċċarat f'liema każijiet ta' trasferiment u riesportazzjoni ta' oġġetti mwassla taħt miżura ta' assistenza hemm bżonn li r-Rappreżentant Għoli jikseb il-kunsens minn qabel tal-KPS jew tal-Kumitat.

(21)

L-appoġġ militari taħt il-FEP għandu jiġi pprovdut f'konformità mal-qafas regolatorju rilevanti, inkluż ir-Regoli ta' Implimentazzjoni tal-FEP kif maqbula mill-Kumitat fit-30 ta' Novembru 2022 rigward ir-regoli tal-oriġini u r-regoli ta' nazzjonalità. Barra minn hekk, kwalunkwe appoġġ militari skont il-FEP għandu jingħata b'rispett sħiħ għall-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-Istati Membri, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-appoġġ iffinanzjat mill-FEP, u filwaqt li jitqiesu l-interessi ta' sigurtà u ta' difiża tal-Istati Membri kollha.

(22)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4, il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

‘attur responsabbli mill-implimentazzjoni’ tfisser attur li, fil-kuntest tal-ġestjoni indiretta, huwa fdat bl-implimentazzjoni ta' miżura ta' assistenza jew partijiet minnha u li jikkonkludi kuntratt mal-Faċilità għal dak il-għan;”

;

(2)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   F'każijiet fejn Stat Membru jkun astjena f'vot u għamel dikjarazzjoni formali f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE fir-rigward ta' miżura ta' assistenza li tippermetti l-forniment ta' tagħmir, jew pjattaformi, militari mfassla biex iwasslu forza letali, dak l-Istat Membru ma għandux jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta' dik il-miżura ta' assistenza. Minflok, dak l-Istat Membru għandu jagħmel kontribuzzjoni addizzjonali għal miżuri ta' assistenza oħra li ma jinvolvux il-forniment ta' tali tagħmir jew pjattaformi. F'każ bħal dan, l-ammont ta' referenza tal-miżura ta' assistenza li minnha l-Istat Membru jkun astjena għandu jibqa' l-istess bħala riżultat ta' tali astensjoni.”

;

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-finanzjament ta' kwalunkwe operazzjoni jew miżura ta' assistenza mill-Faċilità għandu jirrikjedi l-adozzjoni minn qabel ta' att legali bażiku fil-forma ta' deċiżjoni mill-Kunsill li tistabbilixxi l-operazzjoni skont l-Artikoli 42(4) u 43(2) TUE jew il-miżura ta' assistenza skont l-Artikolu 28 TUE. Bħala eċċezzjoni, att legali bażiku ma għandux ikun meħtieġ għall-finanzjament ta' spejjeż komuni matul il-fażi preparatorja ta' operazzjoni, ta' nefqa meħtieġa biex tiġi terminata operazzjoni, jew ta' spejjeż komuni ta' eżerċizzji, kif imsemmi fl-Artikolu 44(1), l-Artikolu 44(3) u l-Artikolu 45, rispettivament, ta' din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, att legali bażiku ma għandux ikun meħtieġ meta l-Kunsill ikun awtorizza l-finanzjament ta' miżuri preparatorji għal miżura ta' assistenza jew meta l-KPS ikun approva attivitajiet urġenti sakemm tittieħed deċiżjoni dwar miżura ta' assistenza, f'konformità mal-Artikolu 57(2) u l-Artikolu 58, rispettivament, ta' din id-Deċiżjoni.”

;

(4)

fl-Artikolu 9, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Fil-qafas tal-prijoritajiet strateġiċi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-KPS għandu jagħti orjentazzjoni strateġika għal operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza li jkunu ser jiġu ffinanzjati mill-Faċilità bil-ħsieb li tiġi ppreservata l-paċi, jiġu evitati l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, abbażi ta' diskussjonijiet minn qabel f'korpi preparatorji rilevanti oħra tal-Kunsill, inkluż f'formati ma' esperti rilevanti, sakemm il-KPS ma jiddeċidix mod ieħor. Għal dan il-għan, il-KPS għandu jorganizza dibattitu darbtejn fis-sena, ibbażat fuq orjentazzjoni strateġika indikattiva, proposta mir-Rappreżentant Għoli, bl-orjentazzjoni strateġika għas-sena n + 1 li għandha tiġi pprovduta sal-31 ta' Mejju tas-sena n. L-orjentazzjoni strateġika indikattiva, infurmata minn fehmiet espressi mill-Istati Membri, għandha tinkludi ġustifikazzjoni qasira tal-ammont ta' referenza previst għal kull miżura ta' assistenza fid-dawl tal-objettivi maħsuba tagħha, u skeda ta' żmien indikattiva tad-diskussjonijiet mistennija fil-Kunsill. Din għandha tiġi ppreżentata lill-KPS 30 jum qabel il-laqgħa, li fiha l-KPS jintalab jipprovdi l-orjentazzjoni strateġika. Fir-rigward ta' miżuri ta' assistenza, il-KPS għandu jallinja ruħu mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 56 u għandu jqis kif xieraq ir-rapporti pprovduti mir-Rappreżentant Għoli f'konformità mal-Artikolu 63.

3.   Metodoloġija tar-riskju u tas-salvagwardji għall-miżuri ta' assistenza li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill u tiġi rieżaminata regolarment mill-KPS. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jimmonitorja u jevalwa l-implimentazzjoni tal-arranġamenti magħmula mir-Rappreżentant Għoli mal-benefiċjarju, f’konformità mal-Artikolu 62.”

;

(5)

l-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

Ġestjoni tal-Faċilità

1.   Il-Faċilità għandha tiġi ġestita taħt l-awtorità u d-direzzjoni tal-Kumitat tal-Faċilità msemmi fl-Artikolu 11, minn:

(a)

amministratur għall-operazzjonijiet;

(b)

il-kmandant tal-operazzjoni ta' kull operazzjoni, fir-rigward tal-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand u ta' kwalunkwe miżura ta' assistenza, jew parti minnha, li l-operazzjoni tista' timplimenta, kif previst fl-Artikolu 60;

(c)

amministratur għall-miżuri ta' assistenza; u

(d)

uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet u uffiċjal tal-kontabilità għall-miżuri ta' assistenza.

2.   Il-Faċilità għandha tagħmel użu kemm jista' jkun mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni. Għandha tirrikorri primarjament għall-istrutturi amministrattivi u l-persunal eżistenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, u għall-persunal issekondat mill-Istati Membri, fuq talba tal-amministratur rispettiv.

3.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jipprovdi lill-amministratur għall-operazzjonijiet u lill-uffiċjal tal-kontabilità għall-operazzjonijiet bil-persunal u r-riżorsi amministrattivi meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

4.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu miżuri ta' assistenza f'konformità mal-Artikolu 27(1) TUE u għall-ippjanar u l-monitoraġġ tal-limitu massimu finanzjarju ġenerali u l-limiti massimi annwali tal-Faċilità, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5.

5.   Għall-fini tal-implimentazzjoni finanzjarja ta' miżuri ta' assistenza, bl-eċċezzjoni ta' miżuri ta' assistenza jew kwalunkwe parti minnhom li jkunu implimentati minn operazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jiġi assistit mill-amministratur għall-miżuri ta' assistenza u l-uffiċjal tal-kontabilità għall-miżuri ta' assistenza. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jeżerċita din ir-responsabbiltà bl-appoġġ tad-dipartiment tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 9(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (*1) u servizzi oħrajn tal-Kummissjoni skont il-ħtieġa.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/427/oj).”;"

(6)

L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Il-Kumitat, fuq proposta konġunta mill-amministraturi, għandu jadotta r-regoli li ġejjin għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità, li jissupplimentaw ir-regoli stipulati f'din id-Deċiżjoni:

(a)

ir-regoli ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet militari, li għandhom ikunu simili f'termini ta' flessibbiltà għar-regoli finanzjarji li jkunu applikaw għall-mekkaniżmu biex jamministra l-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża stabbiliti mid-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (il-‘mekkaniżmu Athena’);

(b)

ir-regoli ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-miżuri ta' assistenza, li għandhom ikunu konsistenti mal-istess livell ta' ġestjoni finanzjarja tajba, it-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni u jiggarantixxuh, bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 (*2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawk ir-regoli għandhom jiġġustifikaw b'mod espliċitu l-każijiet fejn tkun meħtieġa diverġenza mir-regoli tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 sabiex jippermettu l-flessibbiltà mmirata, u għandhom jiżguraw li r-regoli tal-kontabilità adottati mill-uffiċjal tal-kontabilità skont il-punt (d) tal-Artikolu 13(4) ikunu konformi mal-istandards tal-kontabilità aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku.

Il-Kumitat għandu jeżamina r-regoli ta' implimentazzjoni proposti msemmija fil-punti (a) u (b) f'kooperazzjoni mill-qrib mal-amministraturi, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġi żgurat li r-regoli ta' implimentazzjoni jkunu f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u n-nondiskriminazzjoni u r-rispett għad-drittijiet fundamentali.

Ir-regoli ta' implimentazzjoni kif maqbula għall-miżuri ta' assistenza, inkluż għal dawk imsemmija fl-Artikolu 60, għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 56(2), u b'mod partikolari l-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-appoġġ ipprovdut mill-Faċilità, u filwaqt li jqisu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Istati Membri kollha.

(*2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj)”;"

(b)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“10.   Ir-rappreżentanti tas-SEAE għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“10a.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 9, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat, kif xieraq, mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu.”

;

(7)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Kull kmandant tal-operazzjoni għandu jkun awtorizzat biex jadotta kwalunkwe miżura, f'konformità ma' din id-Deċiżjoni u mar-regoli stabbiliti mill-Kumitat skont l-Artikolu 11(6), li jqis neċessarju biex jimplimenta n-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità, għall-operazzjoni li tagħha jkollu l-kmand u għal kwalunkwe miżura ta' assistenza jew parti minnha li l-operazzjoni jista' jkun timplimenta. Għandu jgħarraf lill-amministratur għall-operazzjonijiet u lill-Kumitat b'dan. Id-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija, fil-kapaċità tiegħu ta' Kmandant tal-Missjoni, jista' jiċċentralizza ċerti kompiti ta' ġestjoni finanzjarja tal-operazzjonijiet subordinati fil-livell tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija, li jservi bħala Kwartieri Ġenerali tal-Missjoni.”

;

(8)

l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

l-approprjazzjonijiet meqjusa meħtieġa biex ikopru:

l-ispejjeż komuni għal operazzjonijiet li jkunu għaddejjin jew ippjanati,

l-ispejjeż tal-miżuri ta' assistenza stabbiliti jew li għandhom jiġu approvati mill-Kunsill fl-ewwel kwart tas-sena finanzjarja ta' wara, skont l-informazzjoni pprovduta fil-proposta mir-Rappreżentant Għoli skont l-Artikolu 9(2) u l-orjentazzjoni strateġika pprovduta mill-KPS;”

;

(b)

il-paragrafi 7 u 8 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“7.   Id-dħul, sottodiviż skont it-titolu, għandu jkun magħmul minn:

(a)

kontribuzzjonijiet pagabbli mill-Istati Membri kontribwenti u, fejn xieraq, minn partijiet terzi kontribwenti;

(b)

dħul mixxellanju, li jinkludi, inter alia:

l-eżitu tal-baġit mis-sena finanzjarja preċedenti kif deċiż mill-Kumitat,

imgħax riċevut u dħul minn bejgħ,

irkupri ta' fondi mhux minfuqa matul l-implimentazzjoni.

8.   L-amministraturi għandhom jipproponu l-abbozz ta' baġit annwali lill-Kumitat sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ottubru. Il-Kumitat għandu jadotta l-baġit sat-30 ta' Novembru. L-amministraturi għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri u lil partijiet terzi kontribwenti dwar il-baġit ladarba jiġi adottat.”

;

(9)

fl-Artikolu 20, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Madankollu, u soġġett għall-Artikolu 51(5), l-approvazzjoni minn qabel mill-Kumitat għandha tkun meħtieġa meta t-trasferiment ippjanat bejn il-kapitoli jaqbeż 20 % f'titoli relatati ma' operazzjonijiet u miżuri ta' assistenza, tal-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-kapitolu li minnu jkunu qed jittieħdu l-approprjazzjonijiet, kif ikun jidher fil-baġit adottat għas-sena finanzjarja fid-data meta ssir il-proposta għat-trasferiment inkwistjoni. Dan ir-rekwiżit m'għandux japplika għal trasferimenti f'titolu għal miżura ta' assistenza li tieħu l-forma ta' programm ġenerali.”

;

(10)

fl-Artikolu 21, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kumitat jista' jiddeċiedi sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, dwar proposti minn kull amministratur rispettiv biex jirriporta approprjazzjonijiet ta' impenn li ma jkunux ġew impenjati sa tmiem is-sena finanzjarja preċedenti, u jekk meħtieġ approprjazzjonijiet ta' pagament korrispondenti, f'liema każ jistgħu jiġu impenjati u mħallsa sal-31 ta' Diċembru. Jekk ma jkunux impenjati jew imħallsa sa din id-data, il-Kumitat jista' jiddeċiedi li jirriporta dawk l-approprjazzjonijiet sa tmiem is-sena ta' wara f'każijiet debitament ġustifikati u fuq bażi eċċezzjonali.”

;

(11)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 21a

Użu mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet

Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kumitat, l-approprjazzjonijiet ta' impenn li jikkorrispondu għall-ammont ta' diżimpenji magħmula bħala riżultat tan-nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali ta' operazzjoni jew miżura ta' assistenza jistgħu jerġgħu jsiru disponibbli għall-benefiċċju tat-titoli tal-baġit għal operazzjonijiet jew għal miżuri ta' assistenza rispettivament.”

;

(12)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 24a

Tipi ta' kontribuzzjoni

Minbarra l-kontribuzzjonijiet pagabbli mill-Istati Membri li jikkontribwixxu għal operazzjoni jew miżura ta' assistenza f'konformità mal-Artikolu 26(5), il-Faċilità tista' tirċievi dan li ġej:

(a)

‘kontribuzzjonijiet addizzjonali’, tfisser l-ammonti addizzjonali li huma pagabbli minn Stat Membru li astjena mill-adozzjoni ta' miżura ta' assistenza u li ma jikkontribwixxix għal dik il-miżura, u li huma diretti mill-ġdid lejn miżuri ta' assistenza oħra, f'konformità mal-Artikolu 26(7), l-Artikolu 27 u l-Artikolu 73(10);

(b)

‘kontribuzzjonijiet bil-quddiem’, tfisser kontribuzzjonijiet imħallsa bil-quddiem mill-Istati Membri fuq bażi volontarja, flimkien mal-pagamenti magħmula wara sejħa għal kontribuzzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 29(15);

(c)

‘kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji’, tfisser ammonti li jistgħu jiġu riċevuti f'konformità mal-Artikolu 30.”

;

(13)

l-Artikolu 25 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 25

Tbassir bikri

“1.   L-amministraturi, f'koordinazzjoni mas-SEAE u b'kont meħud tal-ippjanar finanzjarju kkonsolidat għall-Faċilità, għandhom jippreżentaw sal-31 ta' Mejju tas-sena n:

(a)

previżjoni tal-ammonti u skeda indikattiva għas-sejħiet għal kontribuzzjonijiet għas-sena n;

(b)

previżjoni għal-limitu massimu għall-pagamenti għas-sena n + 1 biex jitqiesu l-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza li jkunu għaddejjin u dawk futuri jew li qed jespandu, inkluż distribuzzjoni indikattiva bejn il-pagamenti previsti meħtieġa għal miżuri ta' assistenza li jippermettu l-provvista ta' tagħmir militari, jew pjattaformi, imfassla biex iwasslu forza letali u miżuri ta' assistenza li ma jippermettux tali appoġġ;

(c)

stima indikattiva għall-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għas-sena n + 2, n + 3 u n + 4 skont il-ħtiġijiet stmati;

2.   Il-Kumitat għandu jiddeċiedi dwar il-limitu massimu għall-pagamenti għas-sena n + 1 sat-30 ta' Ġunju tas-sena n.

3.   L-amministraturi għandhom jippreżentaw lill-Kumitat, sal-15 ta' Ottubru tas-sena n:

(a)

previżjoni għall-ammonti u skeda indikattiva għas-sejħiet għal kontribuzzjonijiet għas-sena n + 1;

(b)

previżjoni indikattiva riveduta bbażata fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli għall-ammonti annwali ta' kontribuzzjonijiet għas-snin n + 2, n + 3 u n + 4.”

;

(14)

fl-Artikolu 26, il-paragrafi 7 u 8 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“7.   Fejn, skont l-Artikolu 5(3), Stat Membru jastjeni mill-adozzjoni ta' miżura ta' assistenza u ma jikkontribwixxix għal dik il-miżura, għandu jikkontribwixxi ammont addizzjonali għal miżuri ta' assistenza ħlief dawk li jikkonċernaw il-forniment ta' tagħmir jew pjattaformi militari mfassla biex iwasslu forza letali. Tali ammont addizzjonali għandu jiżgura li l-kontribuzzjoni globali ta' dak l-Istat Membru għall-miżuri ta' assistenza tkun f'konformità mas-sehem tiegħu tad-DNG. Miżura ta' assistenza tista' tiġi ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet addizzjonali sa 50 % tal-ammont ta' referenza tagħha, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor. Miżura ta' assistenza ma għandiex tiġi ffinanzjata esklużivament minn kontribuzzjonijiet addizzjonali. Il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-Istati Membri għall-miżuri li jirċievu tali kontribuzzjonijiet addizzjonali għandhom jitnaqqsu bl-ammont ta' dawk il-kontribuzzjonijiet.

8.   Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri fi kwalunkwe sena partikolari ma għandhomx jaqbżu s-sehem rispettiv tagħhom tal-limitu massimu ta' pagament speċifikat fl-Artikolu 25(2). Dan il-limitu ma għandux japplika għal kontribuzzjonijiet bil-quddiem kif imsemmi fl-Artikolu 29(15).”

;

(15)

l-Artikolu 28 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 28

Finanzjament bikri

1.   Il-Faċilità għandu jkollha sistema ta' depożitu minimu li tipprovdi finanzjament bikri għall-operazzjonijiet ta' rispons rapidu, attivitajiet urġenti tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 58 u, soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kumitat, għal miżuri ta' assistenza individwali, fejn ma jkunux disponibbli fondi suffiċjenti u fejn il-proċedura ordinarja għall-ġbir ta' kontribuzzjonijiet ma tkunx tippermetti li dawk il-ħtiġijiet jiġu ssodisfati fi żmien opportun. Id-depożiti minimi għandhom jiġu amministrati minn kull amministratur rispettivament.

2.   L-ammont tad-depożiti minimi għandu jiġi deċiż, u rivedut kif meħtieġ, mill-Kumitat, wara proposti mill-amministratur.

3.   Għall-fini tal-finanzjament bikri tad-depożiti minimi, l-Istati Membri għandhom jew:

(a)

iħallsu bil-quddiem kontribuzzjonijiet lill-Faċilità, bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet jirrifletti s-sehem rispettiv tad-DNG ta' dak l-Istat Membru fl-aggregat totali tad-DNG tal-Istati Membri fiż-żmien meta l-kontribuzzjoni bil-quddiem titħallas lill-Faċilità. Dak is-sehem għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid għall-valur finali tiegħu meta tiġi mnedija l-operazzjoni ta' rispons rapidu li għaliha jikkontribwixxu, u meta miżuri ta' assistenza individwali jiġu approvati mill-Kunsill jew meta l-attivitajiet urġenti msemmija fl-Artikolu 58 jiġu approvati mill-KPS; jew

(b)

iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom fi żmien 15-il jum wara li tintbagħat is-sejħa, fil-livell tal-ammont ta' referenza tal-operazzjoni ta' rispons rapidu jew tal-ispiża awtorizzata tal-attivitajiet urġenti jew tal-miżura ta' assistenza individwali meta l-Kunsill jiddeċiedi li jniedi operazzjoni ta' rispons rapidu li huma jikkontribwixxu għaliha, meta l-KPS japprova attivitajiet urġenti kif imsemmi fl-Artikolu 58, jew meta l-Kumitat jawtorizza l-użu tagħha għal miżuri ta' assistenza individwali skont il-paragrafu 1, u jkun meħtieġ li wieħed jirrikorri għad-depożitu minimu, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor. Fil-każ ta' dewmien, għandu japplika l-Artikolu 31(1).”

;

(16)

L-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

baġit għal sena finanzjarja jiġi adottat mill-Kumitat. L-ewwel sejħa għal kontribuzzjonijiet għandha tkopri l-ħtiġijiet ta' pagamenti sal-ewwel tmien xhur, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri. Is-sejħiet sussegwenti għal kontribuzzjonijiet għandhom ikopru l-bilanċ li jifdal ta' kontribuzzjonijiet, b'kont meħud tal-bilanċ tas-sena preċedenti meta l-Kumitat ikun iddeċieda li jdaħħal tali bilanċ fil-baġit attwali. Is-sejħiet għal kontribuzzjonijiet għandhom jieħdu kont tal-iskeda indikattiva għas-sejħa għal kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(3), il-punt (a);”

;

(b)

il-paragrafu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“15.   Minbarra l-pagamenti magħmula wara sejħa għal kontribuzzjonijiet maħruġa f'konformità ma' dan l-Artikolu, Stat Membru, fuq bażi volontarja u f'koordinazzjoni mal-amministratur responsabbli, jista' jħallas kontribuzzjonijiet bil-quddiem f'sena finanzjarja partikolari. F'każ bħal dan, l-Istat Membru li pprovda l-kontribuzzjoni bil-quddiem għandu jindika f'koordinazzjoni mal-amministratur responsabbli s-snin finanzjarji, li jistgħu jinkludu s-sena li fiha jsir il-pagament bil-quddiem, li fir-rigward tagħhom dak l-ammont għandu jitnaqqas mill-kontribuzzjonijiet futuri tiegħu.”

;

(17)

fl-Artikolu 33, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Miżura ta' assistenza tista' tiġi implimentata permezz ta' ġestjoni diretta jew indiretta. Meta miżura ta' assistenza tiġi implimentata permezz ta' ġestjoni diretta, għandhom japplikaw l-Artikoli 35, 36 u 37, kif xieraq. Meta miżura ta' assistenza tiġi implimentata permezz ta' ġestjoni indiretta, l-atturi ta' implimentazzjoni jistgħu jiġu nnominati mill-Kunsill minn waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

il-ministeri jew id-dipartimenti tal-Gvern tal-Istati Membri, jew il-korpi u l-aġenziji tal-liġi pubblika l-oħra tagħhom, jew korpi rregolati mil-liġi privata b'missjoni ta' servizz pubbliku sa fejn dawn tal-aħħar jingħataw garanziji finanzjarji adegwati;

(b)

organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni reġjonali, jew il-korpi u l-aġenziji tagħhom;

(c)

Stat terz jew il-korpi u l-aġenziji tal-liġi pubblika tiegħu, dment li tali Stat terz ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u li jirrispetta l-liġi internazzjoni u, fejn rilevanti, il-prinċipju ta' relazzjonijiet tajbin ta' viċinat mal-Istati Membri;

(d)

l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni li għandhom personalità ġuridika;

(e)

persuni jew korpi fdati bl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti;

(f)

korpi stabbiliti fi Stat Membru, irregolati mid-dritt privat ta' Stat Membru jew id-dritt tal-Unjoni u eliġibbli li jiġu fdati, f'konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur, bl-implimentazzjoni ta' fondi tal-Unjoni jew garanziji baġitarji, sal-punt li tali korpi jkunu kkontrollati minn korpi kif stipulat fil-punt (a) u jiġu pprovduti b'garanziji finanzjarji adegwati fil-forma ta' responsabbiltà in solidum mill-korpi ta' kontroll jew garanziji finanzjarji ekwivalenti u li jistgħu jkunu, għal kull azzjoni, limitati għall-ammont massimu tal-appoġġ tal-Unjoni.”

;

(18)

l-Artikolu 38 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 38

Rapporti finanzjarji regolari lill-Kumitat

“1.   Kull tliet xhur, kull amministratur, bl-appoġġ tal-uffiċjal tal-kontabilità responsabbli u l-kmandanti tal-operazzjonijiet, għandu jippreżenta lill-Kumitat rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu sa mill-bidu tas-sena finanzjarja, rapport tal-fluss tal-flus, rapport dwar id-depożitu minimu korrispondenti u rapport dwar il-kontribuzzjonijiet addizzjonali dovuti mill-Istati Membri abbażi tar-rekord imsemmi fl-Artikolu 27(4).

2.   Darbtejn fis-sena, is-SEAE, f'kooperazzjoni maż-żewġ amministraturi, għandu jippreżenta lill-Kumitat rapport dwar il-konsum tal-limitu massimu globali msemmi fl-Artikolu 2(1) u tal-limitu massimu annwali korrispondenti.”

;

(19)

fl-Artikolu 40, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-persuni responsabbli għall-awditjar tad-dħul u n-nefqa tal-Faċilità għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-bini, l-informazzjoni u d-data rilevanti kollha, mingħajr dewmien u mingħajr ma jagħtu avviż minn qabel. Dan jinkludi l-aċċess għad-dokumenti u għall-kontenut tal-mezzi kollha ta' data relatati ma' dak id-dħul u n-nefqa u mal-bini fejn jinżammu dawk id-dokumenti u l-mezzi. Huma jistgħu jagħmlu kopji tagħhom. Il-persuni involuti fl-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa tal-Faċilità għandhom jipprovdu lill-amministraturi u l-persuni responsabbli għall-awditjar ta' dak id-dħul u dik in-nefqa l-assistenza neċessarja għat-twettiq tal-kompitu tagħhom.”

;

(20)

l-Artikolu 41 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 41

Awditjar intern tal-Faċilità

1.   Fuq proposta mill-amministratur għall-operazzjonijiet u wara li jiġi mgħarraf il-Kumitat, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jaħtar awditur intern, u mill-inqas viċi awditur intern wieħed, għall-operazzjonijiet. Fuq proposta mill-amministratur għall-miżuri ta' assistenza u wara li jiġi mgħarraf il-Kumitat, ir-Rappreżentant Għoli għandu jaħtar awditur intern għall-miżuri ta' assistenza.

2.   L-awdituri interni għandhom jinħatru għal perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġġedded għal perjodu totali ta' mhux aktar minn tmien snin. L-awdituri interni jrid ikollhom il-kwalifiki professjonali meħtieġa u jaderixxu mal-istandards tal-awditjar intern aċċettati internazzjonalment. L-awdituri interni ma jistgħux ikunu uffiċjali awtorizzanti jew uffiċjali tal-kontabilità, u ma jistgħux jieħdu sehem fit-tħejjija ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji relatati mal-Faċilità.

3.   Kull awditur intern għandu jwettaq kompiti ta' awditjar u konsultazzjoni kif xieraq u għandu jagħti pariri lill-amministratur responsabbli dwar il-ġestjoni tar-riskju, billi joħroġ opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u billi jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni ta' ġestjoni finanzjarja tajba abbażi tar-riżultati tax-xogħol tal-awditjar tiegħu. L-awdituri interni għandhom ikunu responsabbli b'mod partikolari għall-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi interni ta' amministrazzjoni, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-dipartimenti rilevanti fl-implimentazzjoni ta' politiki u fil-ksib ta' objettivi b'referenza għar-riskji assoċjati. Huma għandhom jivvalutaw ukoll l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta' kontroll intern applikabbli għall-Faċilità.

4.   L-awditur intern għall-operazzjonijiet għandu jirrapporta dwar ir-riżultati tal-awditi tiegħu lill-amministratur responsabbli. Il-kmandanti tal-operazzjonijiet għandhom jiġu mgħarrfa mill-awditur intern responsabbli dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu. L-amministratur tal-operazzjonijiet għandu jiżgura li, għal kwistjonijiet li jappartjenu għar-responsabbiltajiet tiegħu jew tagħha, jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi interni, inkluż billi jinħarġu l-istruzzjonijiet meħtieġa lill-kmandanti tal-operazzjonijiet.

5.   L-awditur intern għall-miżuri ta' assistenza għandu jirrapporta dwar ir-riżultati tal-awditi tiegħu lill-amministratur u/jew lis-SEAE dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma lill-atturi responsabbli mill-implimentazzjoni dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditur intern, kif xieraq. L-amministratur u s-SEAE għandhom jiżguraw li, għal kwistjonijiet li jappartjenu għar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditi interni.

6.   L-awditur intern għandu jippreżenta rapport kull sena lill-Kumitat dwar ix-xogħol tal-awditjar intern li jkun sar, li jindika l-għadd u t-tip ta' awditi interni mwettqa, l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, u l-istatus tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa fis-snin preċedenti. Il-Kumitat għandu jissorvelja l-ħidma tal-awditur intern u s-segwitu xieraq tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar intern mid-dipartimenti rilevanti.

7.   Il-proċedimenti u r-rapporti tal-awdituri interni għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Kulleġġ tal-Awdituri stabbilit skont l-Artikolu 42, flimkien mad-dokumenti ta' prova kollha relatati magħhom.”

;

(21)

l-Artikolu 42 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 42

Awditjar estern tal-Faċilità

1.   Għandu jiġi stabbilit Kulleġġ tal-Awdituri. Id-dħul u n-nefqa li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 1(2), kif ukoll il-kontijiet annwali tal-operazzjonijiet u l-miżuri ta' assistenza, għandhom jiġu awditjati mill-Kulleġġ tal-Awdituri.

2.   Il-Kumitat, fuq proposta mill-Kulleġġ tal-Awdituri, għandu jiddetermina l-għadd ta' awdituri meħtieġa u jaqbel dwar il-proċeduri biex jintgħażlu, jinħatru u jiġu sostitwiti kif meħtieġ membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri għal perjodu ta' mhux aktar minn erba' snin, li jista' jiġġedded darba, minn kandidati proposti mill-Istati Membri. Il-Kumitat jista' jestendi mandat ta' membru b'mhux aktar minn sitt xhur. Il-kandidati għandhom ikunu membri tal-ogħla korp nazzjonali tal-awditjar ta' Stat Membru, jew rakkomandati minn dak il-korp, u joffru garanziji adegwati ta' sigurtà u indipendenza.

3.   Il-Kumitat jista' jaħtar assistenti għall-membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri fuq talba mill-Kulleġġ tal-Awdituri. Il-Kumitat, fuq proposta mill-Kulleġġ tal-Awdituri, għandu jaqbel dwar il-proċeduri għall-għażla, il-ħatra u s-sostituzzjoni kif meħtieġ tal-assistenti. L-assistenti jridu joffru garanziji adegwati ta' sigurtà u indipendenza. Fuq talba mill-Kulleġġ tal-Awdituri, il-Kumitat jista' japprova rikors mill-Kulleġġ tal-Awdituri għal appoġġ estern kwalifikat għall-awditjar estern tal-Faċilità.

4.   Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jivverifika, kemm matul is-sena finanzjarja u ex post, permezz ta' kontrolli fuq il-post kif ukoll b'dokumenti ta' prova, li n-nefqa ffinanzjata jew prefinanzjata permezz tal-Faċilità tiġi implimentata f'konformità ma' din id-Deċiżjoni u mar-regoli adottati skont l-Artikolu 11(6), kif ukoll mħal-liġijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali rilevanti. Fit-twettiq ta' dawk il-kontrolli, il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jevalwa l-konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, jiġifieri l-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effikaċja, u jekk il-kontrolli interni humiex adegwati, u għandu jissorvelja l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-Faċilità, inkluż billi jwettqu awditi tal-prestazzjoni.

5.   Il-membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri u l-assistenti tagħhom għandhom jibqgħu jitħallsu mill-korp tal-awditjar ta' oriġini tagħhom; il-Faċilità għandha ġġarrab l-ispejjeż tal-missjoni tagħhom f'konformità mar-regoli li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat, kif ukoll l-ispejjeż tal-appoġġ estern kwalifikat.

6.   Matul il-mandat tagħhom, il-membri tal-Kulleġġ tal-Awdituri u l-assistenti tagħhom:

(a)

la għandhom jitolbu u lanqas jirċievu struzzjonijiet ħlief mill-Kumitat; fil-limiti tal-mandat tal-awditjar tiegħu, il-Kulleġġ tal-Awdituri u l-membri tiegħu għandhom ikunu kompletament indipendenti u responsabbli huma biss għat-tmexxija tal-awditu estern tagħhom;

(b)

għandhom jirrapportaw dwar il-kompitu tagħhom lill-Kumitat biss.

7.   Kull sena, il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri tiegħu jew jestendi l-mandat tal-President attwali tiegħu. Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jadotta r-regoli applikabbli għall-awditi mwettqa mill-membri tiegħu f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali. Għandu japprova r-rapporti ta' awditu mfassla mill-membri tiegħu qabel ma dawn jintbagħtu lill-amministraturi u lill-Kumitat.

8.   L-amministraturi jew il-persuni maħturin minn kwalunkwe wieħed mill-amministraturi jistgħu fi kwalunkwe żmien iwettqu awditi tan-nefqa ffinanzjata permezz tal-Faċilità. Barra minn hekk, il-Kumitat, fuq il-bażi ta' proposta minn kwalunkwe wieħed mill-amministraturi jew minn Stat Membru, jista' fi kwalunkwe ħin jaħtar awdituri esterni addizzjonali fuq bażi ad hoc, li tagħhom għandu jiddetermina l-kompiti u l-kundizzjonijiet tas-servizz.”

;

(22)

fl-Artikolu 43, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-Kulleġġ tal-Awdituri għandu jipprovdi r-rapport tal-awditjar, inkluż l-opinjoni tal-awditjar sat-30 ta' Settembru wara tmiem is-sena finanzjarja. Il-Kumitat għandu jeżamina r-rapport tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u l-kontijiet annwali bil-ħsieb li jagħti kwittanza lil kull amministratur u lil kull kmandant tal-operazzjoni. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat dwar l-iżvelar, ir-rapport tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar, u l-kontijiet annwali għandhom jiġu żvelati b'mod sħiħ jew parzjali, f'konformità mad-deċiżjoni tal-Kumitat. Kull amministratur u kull kmandant tal-operazzjoni għandhom jirrapportaw kull sena lill-Kumitat dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kulleġġ tal-Awdituri dwar kwistjonijiet fi ħdan ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.”

;

(23)

fl-Artikolu 51, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Matul il-perjodu qabel l-adozzjoni ta' baġit għal operazzjoni, il-Kumitat, abbażi ta' proposta mill-amministratur għall-operazzjonijiet, il-kmandant tal-operazzjoni jew Stat Membru, jista' joħroġ direttivi dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa matul dak il-perjodu.”

;

(24)

fl-Artikolu 52, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Id-destinazzjoni finali tat-tagħmir u l-infrastruttura ffinanzjati b'mod komuni għandha tiġi approvata mill-Kumitat, b'kont meħud tal-ħtiġijiet operazzjonali u l-kriterji finanzjarji. Id-destinazzjoni finali tista' tkun b'mod partikolari kif ġej:

(a)

l-infrastruttura tista' tinbiegħ, tiġi ttrasferita jew tingħata b'donazzjoni permezz tal-Faċilità lill-pajjiż ospitanti, lil Stat Membru, lil operazzjonijiet oħra, lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, jew lil parti terza;

(b)

it-tagħmir jista' jinbiegħ, jiġi ttrasferit jew jingħata b'donazzjoni permezz tal-Faċilità lil Stat Membru, lil operazzjoni oħra, lil istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, lill-pajjiż ospitanti, lil pajjiż terz jew lil parti terza, jew jinħażen u jinżamm mill-Faċilità, minn Stat Membru jew minn parti terza, għal użu f'operazzjoni sussegwenti.”

;

(25)

fl-Artikolu 56, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-miżuri ta' assistenza għandhom ikunu mirfuda mill-prinċipji li ġejjin:

(a)

iridu jkunu konsistenti mal-politiki u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni li għandha l-għan li tibni l-paċi, tipprevjeni l-konflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali;

(b)

iridu jikkonformaw mal-dritt tal-Unjoni u mal-politiki u l-istrateġiji tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Qafas Strateġiku tal-UE biex tiġi appoġġata r-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u l-Approċċ Integrat għal konflitti u kriżijiet esterni, l-Approċċ Strateġiku tal-UE għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà kif ukoll mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

(c)

iridu jirrispettaw l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u ld-dritt umanitarju internazzjonali;

(d)

ma għandhomx jippreġudikaw il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' Stat Membru u ma għandhomx imorru kontra l-interessi ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Għal dan il-għan, għandhom jiġu żgurati t-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-appoġġ ipprovdut mill-Faċilità.”.

(26)

l-Artikolu 57 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   In-nota kunċettwali għandha tiġi ppreżentata lill-KPS għall-approvazzjoni. Fl-approvazzjoni ta' nota kunċettwali, il-KPS jista' jawtorizza miżuri biex jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għat-tħejjija tal-miżura ta' assistenza possibbli.

3.   In-nota kunċettwali għandha tinkludi stima inizjali tal-ispiża tal-miżura. Stat Membru li jkollu l-intenzjoni li jastjeni mill-adozzjoni ta' miżura għall-forniment ta' tagħmir jew pjattaformi militari, maħsubin biex iwasslu forza letali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), u li jagħmel dikjarazzjoni formali f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) TUE għandu jindika dik l-intenzjoni permezz ta' komunikazzjoni bil-miktub lill-Kunsill fi żmien xieraq qabel l-adozzjoni tal-miżura. L-Istat Membru kkonċernat jista' jindika wkoll miżuri ta' assistenza oħra li jixtieq jikkontribwixxi għalihom minflok.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Fil-prinċipju, il-Kunsill ma għandux jiddiskuti proposti għal miżuri ta' assistenza sa mill-inqas 10 ijiem wara s-sottomissjoni tagħhom. Id-diskussjonijiet għandhom jinkludu analiżi militari, kif xieraq.”

;

(27)

l-Artikolu 58 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 58

Tħaffif ta' proċess għall-bidu ta' miżura ta' assistenza

1.   Fejn l-urġenza tas-sitwazzjoni titlob hekk, sakemm ma tittieħed deċiżjoni dwar miżura ta' assistenza, il-KPS jista' japprova li l-bidu tal-attivitajiet jiġi ffinanzjat mill-Faċilità, b'kont meħud tal-metodoloġija ta' riskju u ta' salvagwardji stabbiliti skont l-Artikolu 9(3). Attivitajiet urġenti bħal dawn, l-ispiża stmata tagħhom u l-attur rilevanti responsabbli mill-implimentazzjoni, kif xieraq, jistgħu jiġu identifikati fin-nota kunċettwali li tiddeskrivi miżura ta' assistenza possibbli jew fil-proposta għall-istabbiliment ta' miżura ta' assistenza skont l-Artikolu 57 u l-Artikolu 59(1) rispettivament.

2.   Attivitajiet urġenti ma għandhom jinkludu l-ebda provvediment ta' tagħmir imsemmi fl-Artikolu 5(3).

3.   B'deroga mill-Artikolu 17(6), l-approvazzjoni mill-KPS ta' attivitajiet urġenti għandha tintitola lill-amministratur għall-miżuri ta' assistenza biex jikkommetti u jħallas l-ispejjeż għal tali attivitajiet sal-ispiża awtorizzata.”

;

(28)

fl-Artikolu 62, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-arranġamenti magħmula f'konformità mal-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet, f'konformità mat-termini tal-miżura ta' assistenza jew ta' kwalunkwe deċiżjoni rilevanti mill-Kunsill jew mill-Kumitat, inkluż dwar salvagwardji, biex jiżguraw:

(a)

użu tajjeb u effiċjenti tal-assi għall-għanijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(b)

konservazzjoni adegwata tal-assi biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jintużaw u biex tiġi żgurata d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-assi;

(c)

li l-assi mhux ser jintilfu, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-qbil minn qabel tar-Rappreżentant Għoli lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati fl-arranġamenti. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jikseb il-kunsens minn qabel tal-KPS għat-trasferiment ta' oġġetti fuq il-Lista Militari komuni tal-Unjoni u fil-każ ta' riesportazzjoni ta' oġġetti forniti taħt miżura ta' assistenza. Għat-trasferiment ta' oġġetti oħra forniti taħt miżura ta' assistenza, ir-Rappreżentant Għoli għandu jikseb il-kunsens minn qabel tal-Kumitat;

(d)

konformità ma' kwalunkwe rekwiżit ieħor stabbilit mill-Kunsill;

(e)

li l-benefiċjarju jagħti lir-Rappreżentant Għoli, u lil dawk il-persuni indikati minnu jew minnha, inkluż awdituri tal-Faċilità, aċċess u assistenza meħtieġa biex iwettqu kontrolli u awditi fuq il-post fuq talba.”

;

(29)

l-Artikolu 63 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 63

Rappurtar u segwitu

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' assistenza darbtejn fis-sena jew meta l-KPS jitlob dan. Dawk ir-rapporti għandhom ikopru l-aspetti politiċi, operazzjonali u finanzjarji tal-miżura ta' assistenza. Dawn għandhom jinkludu it-tagħmir ewlieni mwassal, evalwazzjoni tal-impatt tagħha u l-ġestjoni u l-użu tal-assi, kif ukoll aġġornamenti dwar l-analiżi tas-sensittività tal-konflitt u tal-kuntest u l-valutazzjoni tar-riskju u tal-impatt. Is-SEAE u l-amministraturi għandhom perjodikament jippreżentaw informazzjoni aktar dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' assistenza, inkluż, inter alia, dwar l-attivitajiet imwettqa relatati ma' arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, il-kontrolli u s-salvagwardji, fil-Kumitat u l-korpi rilevanti tal-Kunsill. Il-preżentazzjonijiet għandu jkollhom l-għan li jkopru l-iżviluppi fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' assistenza fuq bażi annwali.”

;

(30)

fl-Artikolu 66, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Meta jaġixxi bħala attur responsabbli mill-implimentazzjoni, l-amministratur ma għandux iwettaq valutazzjoni tal-entitajiet li ġejjin imsemmija fl-Artikolu 33(2):

(a)

ministeri jew dipartimenti tal-Gvern tal-Istati Membri fejn huma maħtura bħala atturi responsabbli mill-implimentazzjoni;

(b)

aġenziji u korpi tal-Unjoni;

(c)

persuni jew korpi fdati bl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.

L-amministratur jista' jiddeċiedi li ma jwettaqx valutazzjoni ta':

(a)

korpi regolati bil-liġi pubblika u aġenziji oħra tal-Istati Membri;

(b)

Stati terzi jew il-korpi regolati bil-liġi pubblika u l-aġenziji li jkunu nnominaw.”

;

(31)

fl-Artikolu 73 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“11.   Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-kontinwazzjoni tal-Faċilità fiċ-ċiklu baġitarju li jmiss, f'konformità mal-Artikolu 75(1) u fil-kuntest ta' negozjati baġitarji usa' rigward il-perjodu ta' wara l-2027.

12.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni skont il-paragrafu 11 ta' dan l-Artikolu sal-15 ta' Ottubru 2027, u soġġett għall-approvazzjoni mill-Kumitat skont l-Artikolu 18(8), l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġits annwali u fil-baġits emendatorji lil hinn mill-2027 biex ikopru:

(a)

in-nefqiet tal-operazzjonijiet li jkunu għaddejjin u tal-parti ġenerali tal-baġit annwali msemmija fl-Artikolu 18(3), il-punt (b);

(b)

in-nefqiet previsti fl-Artikolu 18(3), il-punt (c), biex jippermettu l-ġestjoni tal-miżuri ta' assistenza stabbiliti qabel iżda li ma jitlestux sal-31 ta' Diċembru 2027.

L-approprjazzjonijiet ta' impenn imdaħħla fil-baġit annwali lil hinn mill-2027 imsemmija f'dan il-paragrafu ma għandhomx jaqbżu l-approprjazzjonijiet ta' impenn approvati mill-Kumitat fil-baġit annwali tal-2027 taħt it-titoli korrispondenti.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu tal-punt (b), u bl-eċċezzjoni tal-parti ġenerali tal-baġit annwali msemmija fl-Artikolu 18(3), il-punt (c), u tal-approprjazzjonijiet riportati f'konformità mal-Artikolu 21, l-uffiċjal awtorizzanti għall-miżuri ta' assistenza jista' jagħmel impenji baġitarji biss sal-31 ta' Diċembru 2027.”

(32)

l-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“7a.

fuq bażi ta' każ b'każ u soġġett għall-approvazzjoni mill-Kumitat, il-missjonijiet esploratorji u t-tħejjijiet (b'mod partikolari missjonijiet ta' tiftix tal-fatti u rikonjizzjoni) mill-persunal tas-SEAE biex jappoġġaw lir-Rappreżentant Għoli fil-proposta ta' miżuri ta' assistenza inklużi fl-orjentazzjoni strateġika prevista f'konformità mal-Artikolu 9(2) jew imwettqa fuq it-talba ta' Stat Membru;”

;

(b)

il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.

il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, inkluż kif imsemmi fl-Artikolu 9(3) fir-rigward tal-miżuri ta' assistenza;”

;

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3185/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)