|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3184 |
17.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/3184
tas-16 ta’ Diċembru 2024
li temenda d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Frar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/96/PESK (1), li tistabbilixxi missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia). |
|
(2) |
Fit-12 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2443 (2), li testendi l-EUTM Somalia sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(3) |
Fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku Olistiku tal-2024 tal-involviment tal-PSDK fil-Qarn tal-Afrika u fis-Somalja, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) irrakkomanda li l-mandat tal-EUTM Somalia jerġa’ jiġi estiż sat-28 ta’ Frar 2027. Barra minn hekk, il-KPS qabel li jenħtieġ li l-mandat tal-EUTM Somalia jiġi adattat, b’mod partikolari biex jiġu żviluppati aktar korsijiet ta’ tmexxija għall-Forzi Armati Nazzjonali Somali (SNAF), inkluż il-Flotta Navali, il-Gwardja tal-Kosta u l-Forza tal-Ajru, kif ukoll għall-Pulizija tad-Darwish Federali, biex jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ Kmand tal-Loġistika u Kmand tat-Taħriġ fi ħdan l-SNAF, biex gradwalment jiġi żviluppat komponent marittimu li jagħti pariri lill-Forza Navali u l-Gwardja tal-Kosta tas-Somalja u biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet tal-kmand u tal-kontroll tas-Somalja fiċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet Konġunt tal-SNAF. Barra minn hekk, il-KPS qabel li, fuq stedina mir-Repubblika tal-Djibouti, jenħtieġ li l-EUTM Somalia, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, tipprovdi taħriġ fiċ-Ċentru Reġjonali tat-Taħriġ ta’ Djibouti. |
|
(4) |
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/96/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2010/96/PESK hija b’dan emendata kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 1, il-paragrafi 3 u 3a huma sostitwiti b’dan li ġej: “3. L-EUTM Somalia għandha, b’mod partikolari, tiżviluppa korsijiet ta’ tmexxija għall-SNAF, inkluż għall-Flotta Navali, il-Gwardja tal-Kosta u l-Forza tal-Ajru, u għall-Pulizija tad-Darwish Federali. Barra minn hekk, l-EUTM Somalia għandha tipprovdi taħriġ speċjalizzat lill-SNAF. Għandha tappoġġa, permezz ta’ pariri u taħriġ, il-ħolqien fi ħdan l-SNAF ta’ Kmand tal-Loġistika u ta’ Kmand tat-Taħriġ. 3a. EUTM Somalia għandha tiżviluppa gradwalment komponent marittimu, b’koordinazzjoni ma’ EUCAP Somalia, stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK (*1), sabiex jipprovdi pariri militari dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, bil-ħsieb li tassumi r-responsabbiltà li tagħti pariri lill-Flotta Navali u l-Gwardja tal-Kosta tas-Somalja sal-31 ta’ Diċembru 2025, b’kont meħud tal-prijoritajiet tal-SNAF. (*1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas-16 ta’ Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalia) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 40).”;" |
|
(2) |
fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin “3b. EUTM Somalia għandha, fejn possibbli, tipprovdi appoġġ lill-kapaċitajiet tal-kmand u tal-kontroll Somali fiċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet Konġunt tal-SNAF permezz ta’ mentoraġġ, bil-ħsieb, b’mod partikolari, li tiżviluppa mekkaniżmu ta’ ġestjoni tal-għarfien fir-rigward tal-unitajiet u l-individwi li hija tkun ħarrġet. 3c. EUTM Somalia għandha tipprovdi wkoll appoġġ, kif neċessarju u skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, lil atturi oħra tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom rigward is-sigurtà u d-difiża fis-Somalja, b’mod partikolari lil EUCAP Somalia, fir-rigward tal-interoperabbiltà bejn l-SNAF u l-Forzi tal-Pulizija Somali. Barra minn hekk, EUTM Somalia għandha tiffaċilita l-appoġġ mogħti mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi, stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (*2), b’mod partikolari billi tagħti pariri lill-SNAF dwar l-identifikazzjoni tal-assistenza meħtieġa u billi tagħti pariri lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri dwar il-forniment ta’ din l-assistenza. 3d. Barra minn hekk, fuq stedina mir-Repubblika tal-Djibouti, EUTM Somalia għandha, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, tipprovdi taħriġ fiċ-Ċentru Reġjonali tat-Taħriġ ta’ Djibouti, b’mod partikolari b’appoġġ għall-isforzi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Gwardja tal-Kosta ta’ Djibouti. (*2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).”;" |
|
(3) |
fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej: “10. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-missjoni militari tal-UE għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2025 sat-28 ta’ Frar 2027 għandu jkun ta’ EUR 31 810 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 0 % għall-impenji u 0 % għall-pagamenti.”. |
|
(4) |
fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Il-mandat tal-missjoni militari tal-UE għandu jintemm fit-28 ta’ Frar 2027.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta’ Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Eworpea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2443 tat-12 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 84).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3184/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)