|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3172 |
31.12.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3172
tad-29 ta’ Novembru 2024
li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-divulgazzjonijiet pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-informazzjoni msemmija fil-Parti Tmienja, it-Titoli II u III, ta’ dak ir-Regolament u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 434a, il-ħames paragrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 (2) stabbilixxa formati uniformi ta’ divulgazzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Ir-Regolament (UE) 2024/1623 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex f’dak ir-Regolament jinkorpora l-istandards internazzjonali tat-tielet Qafas Regolatorju Internazzjonali għall-banek (li jissejjaħ “Basel III”) tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. Dawk l-istandards internazzjonali fihom standards ta’ divulgazzjoni prudenzjali biex tittejjeb it-trasparenza u l-konsistenza fil-qasam tar-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu emendati r-regoli dwar il-formati ta’ divulgazzjoni uniformi sabiex dawk il-bidliet jiġu riflessi fl-ispeċifikazzjonijiet rigward l-obbligi ta’ divulgazzjoni. |
|
(2) |
Id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mill-istituzzjonijiet dwar il-metriċi regolatorji ewlenin tagħhom jenħtieġ li tinkludi d-divulgazzjoni tal-kapital disponibbli ta’ istituzzjoni, l-assi ponderati għar-riskju tagħha, l-ingranaġġ tagħha, kif ukoll l-aktar metriċi ta’ likwidità rilevanti. |
|
(3) |
L-istituzzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jassorbu t-telf f’sitwazzjoni ta’ negozju avvjat jew negozju magħluq, għandhom bżonn il-fondi proprji fi kwantità u kwalità suffiċjenti, kif mitlub mill-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiddivulgaw l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni, il-kwantità u l-kwalità tal-fondi proprji, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jivvalutaw il-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tal-banek. |
|
(4) |
Id-divulgazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżit għal riżerva ta’ kapital kontroċiklika jenħtieġ li tirrifletti l-fatt li r-riżerva ta’ kapital kontroċiklika msemmija fil-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandha l-għan li taċċerta li r-rekwiżiti ta’ kapital tas-settur bankarju jqisu l-ambjent makrofinanzjarju li fih joperaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. |
|
(5) |
Huwa l-kruċjali li s-suq ikollu aċċess għall-informazzjoni dwar jekk istituzzjoni jenħtieġx li tiġi kklassifikata taħt l-istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs, global systemically important institutions). Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jiddivulgaw informazzjoni dwar jekk l-indikaturi ta’ sinifikat imsemmija fl-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE humiex issodisfati jew le. |
|
(6) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti mudelli uniformi biex jiġi aċċertat li l-istituzzjonijiet jiddivulgaw informazzjoni dwar il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ likwidità, inklużi l-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità u l-proporzjon ta’ ffinanzjar stabbli nett, b’mod uniformi u paragunabbli. |
|
(7) |
Huwa neċessarju li jiġu aċċertati l-koerenza u l-konsistenza bejn l-obbligi ta’ rappurtar stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni fil-qasam tar-riskji ESG, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Ir-regoli dwar id-divulgazzjoni tar-riskji ESG jenħtieġ għalhekk iqisu l-kriterji, il-klassifikazzjonijiet u d-definizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) 2020/852. B’mod partikolari, dawk ir-regoli jenħtieġ li jqisu l-kriterji għall-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, kif stipulat fir-Regolament (UE) 2020/852 u fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 (6). Għall-istess raġuni, meta tiġi ddivulgata informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-portafoll tal-proprjetà immobbli tagħhom, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jipprovdu dik l-informazzjoni fl-għamla ta’ ċertifikat dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 12 tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
|
(8) |
L-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jirrikjedu li ċerti impriżi kbar li huma entitajiet ta’ interess pubbliku, jew entitajiet ta’ interess pubbliku li huma impriżi prinċipali ta’ grupp kbir, rispettivament, jinkludu fir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom jew fir-rapport ta’ ġestjoni kkonsolidat tagħhom informazzjoni dwar l-impatt tal-attività tagħhom fuq kwistjonijiet ambjentali, soċjali u tal-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kwistjonijiet kontra l-korruzzjoni u t-tixħim. Madankollu, dan l-obbligu ma japplikax għal impriżi oħra. B’riżultat ta’ dan, l-impriżi li mhumiex soġġetti għall-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE mhumiex meħtieġa jiddivulgaw tali informazzjoni u jistgħu ma jkunux jistgħu jipprovdu tali informazzjoni lill-istituzzjonijiet. Dawk l-impriżi li huma kontropartijiet għal istituzzjonijiet jistgħu għalhekk ikunu mistennija biss li jipprovdu dik l-informazzjoni u data fuq bażi volontarja. |
|
(9) |
Sabiex jimplimenta l-istandards ta’ Basel III, ir-Regolament (UE) 2024/1623 introduċa fl-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 limitu iktar baxx għar-rekwiżiti ta’ kapital ibbażat fuq ir-riskju (“il-limitu tal-output”) li huwa ugwali għal perċentwal tar-rekwiżiti ta’ kapital li kieku kienu japplikaw kieku ntużaw l-approċċi standardizzati. Għalhekk huwa xieraq li jiġu riflessi l-bidliet fil-mudelli ta’ divulgazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiddaħħlu żewġ mudelli ġodda ta’ divulgazzjoni sabiex jiġi pprovdut paragun bejn il-proporzjonijiet ta’ kapital ibbażat fuq ir-riskju li jinħadmu skont l-approċċi standardizzati u mmudellati internament fil-livell tar-riskju u fil-klassijiet tal-iskoperturi għar-riskju ta’ kreditu. |
|
(10) |
B’rabta mal-użu tal-Approċċ standardizzat (“AS”) għar-riskju ta’ kreditu, ir-Regolament (UE) 2024/1623 introduċa fil-Kapitolu 2 tat-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 trattament aktar granulari tal-ponderazzjoni tar-riskju ta’ skoperturi differenti, inkluż għall-iskoperturi għal istituzzjonijiet, skoperturi għal korporattivi, skoperturi fuq self speċjalizzat, skoperturi fil-livell tal-konsumatur, skoperturi garantiti permezz ta’ proprjetà immobbli, skoperturi ta’ dejn subordinat, skoperturi ta’ ekwità u skoperturi inadempjenti. Huwa neċessarju li dawk il-bidliet jiġu riflessi fil-mudelli ta’ divulgazzjoni, u li n-numerazzjoni tar-ringieli f’dawk il-mudelli ta’ divulgazzjoni tiġi allinjata ma’ dik użata fil-mudelli ta’ divulgazzjoni korrispondenti tal-BCBS. |
|
(11) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1623 introduċa fil-Kapitolu 3 tat-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, b’rabta mal-użu tal-Approċċ ta’ Klassifikazzjonijiet Interni (“IRB”, Internal Ratings Approach) għall-iskoperturi għar-riskju ta’ kreditu, qiegħed limitu fuq il-klassijiet tal-iskoperturi li għalihom jista’ jiġi applikat l-approċċ IRB avvanzat (A-IRB, advanced IRB) sabiex jiġu kkalkolati r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju ta’ kreditu. Speċifikament għall-iskoperturi għal istituzzjonijiet, issa jista’ jintuża biss l-approċċ IRB ta’ fondazzjoni (F-IRB, foundation IRB), u għall-iskoperturi ta’ ekwità, huwa permess biss l-użu tal-approċċ standardizzat, ħlief għal perjodu tranżitorju. Barra minn hekk, inħolqu klassijiet tal-iskoperturi ġodda għall-“Gvernijiet reġjonali jew awtoritajiet lokali” u għall-“Entitajiet tas-settur pubbliku” sabiex jiġi aċċertat trattament konsistenti ta’ dawk l-iskoperturi u sabiex tiġi evitata varjabbiltà mhux intenzjonata fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji relatati. Jenħtieġ li dawk l-emendi jiġu riflessi fil-mudelli ta’ divulgazzjoni dwar l-użu tal-approċċ IRB. Huwa wkoll neċessarju li tiġi allinjata l-istruttura tal-effett tal-mudelli fuq l-RWEAs tad-derivattivi ta’ kreditu użati bħala tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu (CRM, credit risk mitigation techniques) man-numerazzjoni tar-ringieli użata fil-mudell korrispondenti ta’ divulgazzjoni tal-BCBS. |
|
(12) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1623 introduċa fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, qafas ġdid għall-ikkalkular tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq, abbażi tar-rieżami fundamentali tal-portafoll tan-negozjar (FRTB, fundamental review of the trading book) tal-BCBS. Dik l-emenda kienet neċessarja sabiex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati fil-qafas attwali tar-rekwiżiti ta’ kapital għar-riskju tas-suq għall-pożizzjonijiet fil-portafoll tan-negozjar. F’konformità mal-qafas il-ġdid, l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li japplikaw approċċ standardizzat simplifikat, standardizzat alternattiv jew ta’ mudell intern alternattiv sabiex jikkalkulaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq. Jenħtieġ li dawk l-emendi jiġu riflessi fil-mudelli ta’ divulgazzjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ sett komprensiv ta’ tabelli u mudelli ta’ divulgazzjoni. Dak is-sett ġdid ta’ tabelli u mudelli ta’ divulgazzjoni jenħtieġ li jkun effettiv meta l-qafas regolatorju għar-riskju tas-suq ibbażat fuq l-istandards FRTB ta’ Basel jibda japplika fl-Unjoni. Sadanittant, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni kif japplikaw bħalissa, jibqgħu japplikaw. Sabiex jifhmu b’mod komprensiv l-użu ta’ dak l-approċċ il-ġdid, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet li jużaw l-approċċ ta’ mudell intern alternattiv, fl-ewwel data tal-applikazzjoni tal-qafas il-ġdid tad-divulgazzjoni, jiddivulgaw l-informazzjoni kwantitattiva flimkien mal-informazzjoni kwalitattiva. |
|
(13) |
Jenħtieġ li jiġu stipulati formati ta’ divulgazzjoni uniformi biex tiġi aċċertata divulgazzjoni uniformi u paragunabbli dwar ir-riskji tal-aġġustamenti tal-valwazzjoni tal-kreditu (“CVA”, credit valuation adjustments). Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu introdotti mudelli u tabelli ġodda ta’ divulgazzjoni b’informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dwar ir-riskju ta’ CVA għal dak l-iskop. Jenħtieġ li dawk il-mudelli jqisu li l-istituzzjonijiet soġġetti għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għas-CVA jistgħu japplikaw l-approċċ standardizzat, bażiku jew simplifikat jew taħlita ta’ dawk l-approċċi u li r-riskju tas-CVA jenħtieġ li jaqbad kemm ir-riskju tal-firxiet tal-kreditu ta’ kontroparti ta’ istituzzjoni kif ukoll ir-riskju tas-suq tal-portafoll tat-tranżazzjonijiet innegozjati mill-istituzzjoni ma’ dik il-kontroparti. |
|
(14) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1623 introduċa fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 approċċ uniku ġdid mhux ibbażat fuq mudelli għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju operazzjonali sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ sensittività għar-riskju u ta’ komparabilità tal-approċċi eżistenti. B’segwitu għal diskrezzjoni inkluża fl-istandards ta’ Basel III, ir-rekwiżiti minimi ta’ fondi proprji tal-Unjoni huma bbażati unikament fuq il-kalkolu tal-komponent tal-indikatur tan-negozju (BIC, Business Indicator Component), filwaqt li r-rekords tat-telf jitqiesu għall-finijiet tad-divulgazzjoni biss. Jenħtieġ li dawk l-emendi jiġu riflessi fil-mudelli tad-divulgazzjoni, inter alia billi jiġu stipulati mudelli ġodda biex tingħata informazzjoni dwar it-telf operazzjonali annwali mġarrab matul l-10 snin li għaddew, il-kalkolu tal-indikatur, komponenti u subkomponenti tan-negozju, u r-rekwiżiti ta’ fondi proprji relatati u l-ammonti tal-iskoperturi għar-riskju. |
|
(15) |
L-Artikolu 501d(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jippreskrivi kif l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jikkalkulaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħhom għall-iskoperturi tal-kriptoassi sad-data tal-applikazzjoni tal-att leġiżlattiv imsemmi fl-Artikolu 501d(1) ta’ dak ir-Regolament. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi stabbilit kif l-istituzzjonijiet se jkollhom l-obbligu li jiddivulgaw l-iskoperturi tal-kriptoassi tagħhom matul dak il-perjodu tranżitorju. |
|
(16) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1623 emenda l-Artikolu 434a(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u introduċa rekwiżit biex l-EBA tiżviluppa soluzzjonijiet tal-IT, inklużi struzzjonijiet, li jintużaw mill-istituzzjonijiet għad-divulgazzjonijiet mitluba skont it-Titoli II u III ta’ dak ir-Regolament. Bl-istess mod, il-mudelli tad-divulgazzjoni jenħtieġ li jindikaw b’biżżejjed ċarezza l-punti tad-data u l-informazzjoni li l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jiddivulgaw sabiex jiġi aċċertat li l-utenti jkollhom aċċess għal biżżejjed informazzjoni komprensiva u komparattiva u li tinżamm il-konsistenza mal-istandards internazzjonali dwar id-divulgazzjonijiet. Sabiex l-EBA tkun tista’ tiżviluppa soluzzjonijiet tal-IT adattati, dawk il-formati uniformi tad-divulgazzjoni jenħtieġ li ma jkunux vinkolanti fir-rigward tal-istruttura tagħhom u r-rappreżentazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-EBA tkun tista’ tabbanduna r-rappreżentazzjoni grafika u l-istruttura tabulari tal-mudelli tad-divulgazzjoni dment li l-informazzjoni u l-punti tad-data kollha meħtieġa jkunu inklużi fis-soluzzjoni tal-IT. |
|
(17) |
Sabiex l-istituzzjonijiet jingħataw sett integrat u komprensiv ta’ formati ta’ divulgazzjoni uniformi u sabiex jiġu aċċertati divulgazzjonijiet ta’ kwalità għolja, filwaqt li jiġi wkoll rifless l-approċċ skont l-Artikolu 434a(1) rivedut tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa meħtieġ li jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 u li dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jiġi sostitwit b’dan ir-Regolament. |
|
(18) |
Sabiex jiġu aċċertati divulgazzjonijiet fil-pront u ta’ kwalità mill-istituzzjonijiet, jenħtieġ li dawn jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw is-sistemi interni tagħhom fid-dawl tal-bidliet fil-qafas eżistenti tad-divulgazzjoni riflessi/inkorporati f’dan ir-Regolament. |
|
(19) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea. |
|
(20) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implementazzjoni li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Divulgazzjoni tal-metriċi ewlenin u ħarsa ġenerali lejn l-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 438, il-punti (a) sa (d), (f) u (g), u fl-Artikolu 447, il-punti (a) sa (g), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 1 - “Divulgazzjoni ta’ ħarsa ġenerali ta’ ġestjoni ta’ riskju, metriċi prudenzjali ewlenin u RWA” fl-Anness I.
Artikolu 2
Divulgazzjoni tal-objettivi u l-politiki għall-ġestjoni tar-riskju
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 435 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 2 – “Divulgazzjoni tal-objettivi u l-politiki għall-ġestjoni tar-riskju” fl-Anness I.
Artikolu 3
Divulgazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 436, il-punti minn (b) sa (h), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 3 – “Divulgazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni” fl-Anness I.
Artikolu 4
Divulgazzjoni tal-fondi proprji
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 437, il-punti minn (a) sa (f), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 4 – “Divulgazzjoni tal-fondi proprji” fl-Anness I.
Artikolu 5
Divulgazzjoni ta’ riżervi ta’ kapital kontroċikliċi
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 440, il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 5 – “Divulgazzjoni ta’ riżervi ta’ kapital kontroċikliċi” fl-Anness I.
Artikolu 6
Divulgazzjoni tal-proporzjon ta’ ingranaġġ
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 451(1), il-punti minn (a) sa (e), u fl-Artikolu 451(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 6 – “Divulgazzjoni ta’ proporzjon ta’ ingranaġġ” fl-Anness I.
Artikolu 7
Divulgazzjoni tal-indikaturi ta’ importanza sistemika globali
1. L-istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs, Global systemically important institutions) għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni dwar il-valuri tal-indikaturi użati għad-determinazzjoni tal-punteġġ tagħhom imsemmi fl-Artikolu 441 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 billi jużaw il-format ta’ divulgazzjoni uniformi msemmi fl-Artikolu 434a ta’ dak ir-Regolament. Il-G-SIIs għandhom jużaw dak il-format ta’ divulgazzjoni għall-ġbir tal-valuri tal-indikaturi mill-awtoritajiet rilevanti kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2014 (10), bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe entrata fil-memorandum u data anċillari miġbura f’konformità mal-Artikolu3(2) ta’ dak ir-Regolament Delegat.
2. Il-G-SIIs għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rapport tal-Pilastru 3 tagħhom ta’ tmiem is-sena. Il-GSIIs għandhom jiddivulgaw mill-ġdid l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fl-ewwel rapport tal-Pilastru 3 tagħhom b’segwitu għas-sottomissjoni finali tal-valuri tal-indikaturi lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, meta ċ-ċifri sottomessi jkunu differenti miċ-ċifri ddivulgati fir-rapport tal-Pilastru 3 ta’ tmiem is-sena.
Artikolu 8
Divulgazzjoni tar-rekwiżiti ta’ likwidità
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 435(1) u fl-Artikolu 451a(2), (3) u (4), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 7 – “Divulgazzjoni tar-rekwiżiti tal-likwidità” fl-Anness I.
Artikolu 9
Divulgazzjoni ta’ skoperturi għar-riskju ta’ kreditu, ir-riskju ta’ dilwizzjoni u l-kwalità tal-kreditu
1. L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 435(1), il-punti (a), (b), (d) u (f), u fl-Artikolu 442 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 8 – “Divulgazzjoni tal-kwalità tar-riskju ta’ kreditu” fl-Anness I.
2. Istituzzjonijiet kbar li għandhom proporzjon bejn l-ammont riportat gross ta’ self u avvanzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 47a(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-ammont riportat gross totali ta’ self u avvanzi li jaqgħu taħt l-Artikolu 47a(1) ta’ dak ir-Regolament ugwali għal 5 % jew aktar, għandhom, apparti l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jiddivulgaw informazzjoni addizzjonali biex jikkonformaw mal-Artikolu 442, il-punti (c) u (f), ta’ dak ir-Regolament. Dawk l-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw dik l-informazzjoni fuq bażi annwali.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-istituzzjonijiet għandhom jeskludu s-self u l-avvanzi klassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ, bilanċi ta’ flus f’banek ċentrali u depożiti ta’ domanda oħrajn kemm mid-denominatur kif ukoll min-numeratur tal-proporzjon.
4. L-istituzzjonijiet għandhom jibdew id-divulgazzjoni skont il-paragrafu 2 meta jkunu laħqu jew qabżu l-livell limitu ta’ 5 % msemmi f’dak il-paragrafu f’żewġ trimestri konsekuttivi matul l-erba’ trimestri qabel id-data ta’ referenza tad-divulgazzjoni. Għad-data ta’ referenza tal-ewwel divulgazzjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni konċernata billi jużaw il-mudelli msemmija f’dan il-paragrafu meta jaqbżu l-livell limitu ta’ 5 % f’dik id-data ta’ referenza tad-divulgazzjoni.
5. L-istituzzjonijiet ma għandhomx ikunu aktar obbligati jiddivulgaw skont il-paragrafu 2 meta jkunu niżlu taħt il-livell limitu ta’ 5 % għal tliet trimestri konsekuttivi matul l-erba’ trimestri qabel id-data ta’ referenza tad-divulgazzjoni.
Artikolu 10
Divulgazzjoni tal-użu ta’ tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 453, il-punti minn (a) sa (f), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 9 – “Divulgazzjoni ta’ tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu” fl-Anness I.
Artikolu 11
Divulgazzjoni tal-użu tal-Approċċ Standardizzat
L-istituzzjonijiet li jikkalkulaw l-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju skont l-Approċċ Standardizzat għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni li ġejja dwar l-użu tal-Approċċ Standardizzat:
|
(a) |
l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 444, il-punti minn (a) sa (e), u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 453, il-punti (g), (h) u (i), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 10 – “Divulgazzjoni tar-riskju ta’ kreditu SA” fl-Anness I; |
|
(b) |
l-informazzjoni dwar il-valuri tal-iskopertura mnaqqsin minn fondi proprji msemmija fl-Artikolu 444, il-punt (e), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 4 – “Divulgazzjoni tal-fondi proprji” fl-Anness I. |
Artikolu 12
Divulgazzjoni tal-użu tal-Approċċ IRB għar-riskju tal-kreditu
L-istituzzjonijiet li jikkalkulaw l-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju skont l-Approċċ IRB għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 438, il-punt (h), l-Artikolu 452, il-punti minn (a) sa (h), u fl-Artikolu 453, il-punti (g) u (j), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 11 – “Divulgazzjoni tar-riskju ta’ kreditu IRB” fl-Anness I.
Artikolu 13
Divulgazzjoni ta’ skoperturi speċjalizzati ta’ self u ta’ ekwità
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 438, il-punt (e), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 12 – “Divulgazzjoni ta’ skoperturi speċjalizzati ta’ self u ta’ ekwità” fl-Anness I.
Artikolu 14
Divulgazzjoni ta’ skoperturi għal riskju ta’ kreditu tal-kontroparti
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 438, il-punt (h), u l-Artikolu 439 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 13 – “Divulgazzjoni tar-riskju tal-kreditu tal-kontroparti” fl-Anness I.
Artikolu 15
Divulgazzjoni ta’ skoperturi għal pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 449 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 14 – “Divulgazzjoni ta’ skoperturi għal pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni” fl-Anness I.
Artikolu 16
Divulgazzjoni tal-użu tal-approċċ standardizzat u tal-mudelli interni alternattivi għar-riskju tas-suq
1. L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 435(1), il-punti minn (a) sa (d), l-Artikolu 438, l-Artikolu 445(1) u (2), l-Artikolu 455(1), il-punti (a) sa (f), u l-Artikolu 455(2) u (3), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 15 – “Divulgazzjoni tar-riskju tas-suq” fl-Anness I.
2. Sal-31 ta’ Diċembru 2025, l-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu d-divulgazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 (11).
3. Fl-ewwel data ta’ applikazzjoni tal-użu tal-approċċi alternattivi msemmija fl-Artikolu 325az tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet li jużaw l-approċċ ta’ mudell intern alternattiv għar-riskju tas-suq għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni kwalitattiva msemmija fl-Artikolu 455(1), il-punti minn (a) sa (f), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 flimkien mal-informazzjoni kwantitattiva msemmija fl-Artikolu 455(2) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 17
Divulgazzjoni tar-riskju ta’ aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 438, il-punti (d) u (h), l-Artikolu 439, il-punt (h), u l-Artikolu 445a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 16 – “Divulgazzjoni ta’ aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu” fl-Anness I.
Artikolu 18
Divulgazzjoni tar-riskju operazzjonali
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 435, l-Artikolu 438, il-punt (d), u l-Artikolu 446 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 17 – “Divulgazzjoni tar-riskju operazzjonali” fl-Anness I.
Artikolu 19
Divulgazzjoni tal-iskoperturi għar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax fuq pożizzjonijiet mhux miżmuma fil-portafoll tan-negozjar
1. L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 448(1), il-punti minn (a) sa (g), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 18 – “Divulgazzjoni tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax ta’ attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar” fl-Anness I.
2. L-istituzzjonijiet li jiddivulgaw l-informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 għall-ewwel darba ma għandhomx ikunu obbligati li jiddivulgaw dik l-informazzjoni relatata mad-data ta’ referenza preċedenti.
Artikolu 20
Divulgazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 450 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 19 – “Divulgazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni” fl-Anness I.
Artikolu 21
Divulgazzjoni ta’ assi vinkolati u assi mhux vinkolati
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 443 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 20 – “Divulgazzjoni ta’ assi vinkolati u assi mhux vinkolati” fl-Anness I.
Artikolu 22
Divulgazzjoni ta’ riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (riskji ESG)
1. L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 449a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 21 – “Divulgazzjoni ta’ divulgazzjonijiet prudenzjali dwar ir-riskji ESG” fl-Anness I. Dik l-informazzjoni għandha tkopri dan kollu li ġej:
|
(a) |
informazzjoni kwalitattiva dwar ir-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza; |
|
(b) |
informazzjoni kwalitattiva dwar ir-riskju ta’ tranżizzjoni tat-tibdil fil-klima; |
|
(c) |
informazzjoni kwantitattiva dwar ir-riskji fiżiċi tat-tibdil fil-klima; |
|
(d) |
informazzjoni kwantitattiva azzjonijiet ta’ mitigazzjoni assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 fil-konfront tal-kontropartijiet li huma soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE, fil-konfront tal-unitajiet domestiċi u fil-konfront tal-gvernijiet lokali kif imsemmi fil-Parti 1, il-punt 42(b), tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 (12); |
|
(e) |
informazzjoni kwantitattiva dwar azzjonijiet ta’ mitigazzjoni oħra u skoperturi għal riskji relatati mat-tibdil fil-klima li ma jikkwalifikawx bħala attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 iżda jappoġġaw lill-kontropartijiet fil-proċess ta’ tranżizzjoni jew adattament għall-objettivi tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għat-tibdil fil-klima. |
2. L-istituzzjonijiet jistgħu jagħżlu li jiddivulgaw informazzjoni kwantitattiva dwar azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u skoperturi dwar riskji relatati mat-tibdil fil-klima assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852, fil-konfront ta’ kontropartijiet li jkunu korporazzjonijiet mhux finanzjarji li mhumiex soġġetti għall-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE u li mhumiex soġġetti għall-obbligi ta’ divulgazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 (13).
Għall-kalkolu tal-perċentwal tal-iskoperturi għal attivitajiet li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 (skoperturi allinjati mat-tassonomija) lejn dawk il-kontropartijiet, l-istituzzjonijiet:
|
(a) |
jistgħu, meta disponibbli, jużaw l-informazzjoni riċevuta mill-kontropartijiet tagħhom fuq bażi volontarja u bilaterali permezz tal-oriġinazzjoni tas-self, u proċessi regolari ta’ rieżami u monitoraġġ tal-kreditu; |
|
(b) |
meta l-kontroparti ma tkunx tista’ jew ma tkunx lesta li tipprovdi d-data kkonċernata fuq bażi bilaterali, tista’ tuża stimi u indikaturi interni u tispjega fin-narrattiva li takkumpanja l-mudell sa liema punt intużaw dawk l-istimi u l-indikaturi interni, u liema stimi u indikaturi interni ġew applikati; |
|
(c) |
meta ma jkunux jistgħu jiġbru fuq bażi bilaterali l-informazzjoni kkonċernata, jew ma jkunux jistgħu jużaw stimi u indikaturi interni, jew ma jkunux jistgħu jiġbru dik l-informazzjoni jew jużaw dawk l-istimi u l-indikaturi b’mod li ma jkunx ta’ piż żejjed għalihom jew għall-kontropartijiet tagħhom, jistgħu jispjegaw dik l-inabbiltà fin-narrattiva li takkumpanja l-mudell. |
Għall-finijiet tal-punt (a), l-istituzzjonijiet għandhom jinfurmaw lill-kontropartijiet tagħhom li l-għoti ta’ tali informazzjoni huwa volontarju.
Artikolu 23
Divulgazzjoni tal-kriptoassi
L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħhom għall-iskoperturi tal-kriptoassi f’konformità mal-Artikolu 501d(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif speċifikat fit-Taqsima 22 – “Divulgazzjoni għall-iskoperturi għall-kriptoassi” fl-Anness I.
Artikolu 24
Soluzzjonijiet tal-IT
L-EBA għandha tiżgura li s-soluzzjonijiet tal-IT, inklużi l-istruzzjonijiet, żviluppati għad-divulgazzjonijiet meħtieġa taħt it-Titoli II u III tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jikkonformaw fi kwalunkwe mument mal-formati ta’ divulgazzjoni uniformi stipulati f’dan ir-Regolament u jinkludu l-informazzjoni u l-punti tad-data kollha elenkati fil-mudelli tad-divulgazzjoni.
L-EBA għandha tagħmel disponibbli s-soluzzjonijiet tal-IT li jsir riferiment għalihom fl-ewwel paragrafu u kwalunkwe struzzjoni relatata fuq is-sit web tagħha. L-EBA għandha tara li dawk is-soluzzjonijiet tal-IT u l-istruzzjonijiet jinżammu aġġornati u disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha.
Artikolu 25
Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-formati ta’ divulgazzjoni uniformi
1. In-numerazzjoni tar-ringieli jew tal-kolonni fil-formati ta’ divulgazzjoni uniformi msemmija fl-Anness I inklużi fis-soluzzjonijiet tal-IT żviluppati mill-EBA ma għandhiex tiġi mmodifikata meta istituzzjoni tħalli barra divulgazzjoni waħda jew iktar f’konformità mal-Artikolu 432 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
2. L-istituzzjonijiet għandhom jagħmlu nota ċara fin-narrattiva li takkumpanja l-mudell jew it-tabella kkonċernati bbażati fuq is-soluzzjonijiet tal-IT billi jindikaw liema ringieli jew kolonni huma vojta u billi jagħtu raġuni għaliex ħallew id-divulgazzjoni barra.
3. L-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 431 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandha tkun ċara u komprensiva, filwaqt li tippermetti lill-utenti ta’ dik l-informazzjoni jifhmu d-divulgazzjonijiet kwantitattivi, u għandha titqiegħed maġenb il-mudelli li magħhom tkun relatata dik l-informazzjoni.
4. Il-valuri numeriċi għandhom jiġu ppreżentati kif ġej:
|
(a) |
data monetarja kwantitattiva għandha tiġi ddivulgata permezz ta’ preċiżjoni minima ekwivalenti għal miljuni ta’ unitajiet; |
|
(b) |
data kwantitattiva ddivulgata bħala “perċentwal” għandha tiġi espressa bħala unità bi preċiżjoni minima ekwivalenti għal erba’ deċimali. |
5. L-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu wkoll l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
id-data ta’ referenza u l-perjodu ta’ referenza tad-divulgazzjoni; |
|
(b) |
il-munita tar-rapportar; |
|
(c) |
l-isem u, meta rilevanti, l-identifikatur ta’ entità ġuridika (LEI, legal entity identifier) tal-istituzzjoni li tiddivulga; |
|
(d) |
meta rilevanti, l-istandard kontabilistiku użat; |
|
(e) |
meta rilevanti, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsolidazzjoni. |
Artikolu 26
Perjodi ta’ divulgazzjoni u frekwenza
1. Il-perjodi ta’ divulgazzjoni għandhom jiġu ddefiniti bħala perjodi trimestrali T, T-1, T-2, T-3 u T-4.
2. Ir-ringieli jew il-kolonni fil-formati ta’ divulgazzjoni uniformi msemmija fl-Anness I inklużi fis-soluzzjonijiet tal-IT żviluppati mill-EBA għandhom jimtlew f’konformità mal-frekwenza tad-divulgazzjoni stipulata fl-Artikoli 433a, 433b u 433c tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
3. L-istituzzjonijiet soġġetti għall-obbligu li jippubblikaw id-divulgazzjonijiet għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni bil-frekwenza li ġejja:
|
(a) |
l-istituzzjonijiet li jiddivulgaw l-informazzjoni li tinsab fl-Anness I fuq bażi trimestrali għandhom jipprovdu data għall-perjodi T, T-1, T-2, T-3 u T-4; |
|
(b) |
l-istituzzjonijiet li jiddivulgaw l-informazzjoni li tinsab fl-Anness I fuq bażi semiannwali għandhom jipprovdu data għall-perjodi T, T-2 u T-4; |
|
(c) |
l-istituzzjonijiet li jiddivulgaw l-informazzjoni li tinsab fl-Anness I fuq bażi annwali għandhom jipprovdu data għall-perjodi T u T-4. |
4. L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw id-dati li jikkorrispondu għall-perjodi ta’ divulgazzjoni.
5. Id-divulgazzjoni tad-data għal perjodi preċedenti ma għandhiex tkun meħtieġa meta d-data tiġi ddivulgata għall-ewwel darba.
Artikolu 27
Tħassir
1. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 għandu jieqaf japplika mill-1 ta’ Jannar 2025, għajr għall-Artikolu 15 u l-Annessi XXIX u XXX. L-Artikolu 15 u l-Annessi XXIX u XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 għandhom jibqgħu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2025 għall-finijiet biss tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament.
2. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 jitħassar b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2025.
3. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 28
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/637 tal-15 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-divulgazzjonijiet pubbliċi mill-istituzzjonijiet tal-informazzjoni msemmija fit-Titoli II u III tal-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1423/2013, ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1555, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/200 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2295 (ĠU L 136, 21.4.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/637/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2024/1623 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti għar-riskju ta' kreditu, għar-riskju ta' aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu, għar-riskju operazzjonali, għar-riskju tas-suq u għall-minimu tal-output. (ĠU L, 2024/1623, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1623/oj).
(4) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/852/oj).
(6) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi (ĠU L 406, 3.12.2020, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1818/oj).
(7) Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/31/oj).
(8) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).
(10) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2014 tat-8 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta’ subkategoriji ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1222/oj).
(11) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2453 tat-30 ta’ Novembru 2022 li jemenda l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/637 fir-rigward tad-divulgazzjoni tar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ĠU L 324, 19.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2453/oj).
(12) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju tal-istituzzjonijiet u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (ĠU L 97, 19.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/451/oj).
(13) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 tas-6 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar (ĠU L 443, 10.12.2021, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/2178/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3172/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)