|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3134 |
13.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3134
tat-2 ta’ Diċembru 2024
dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (3),
Billi:
|
(1) |
L-Istati Membri u l-Unjoni jridu jaħdmu biex jiġu żviluppati strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u adattabbli, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu inklużivi, reżiljenti, orjentati lejn il-futur u li jkunu jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta’ livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, tkabbir ekonomiku bilanċjat, livell għoli ta’ protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). L-Istati Membri jridu jqisu l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u jridu jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dak ir-rigward fil-Kunsill. |
|
(2) |
L-Unjoni trid tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal kif stabbilit fl-Artikolu 3 TUE. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni trid tqis r-rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
(3) |
F’konformità mat-TFUE, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-politiki ekonomiċi u dawk dwar l-impjiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (“il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi”) stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, flimkien mal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (4), jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jridu jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, filwaqt li jirriflettu l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Is-sett ta’ politiki u riformi kkoordinati tal-Unjoni u nazzjonali li jirriżulta jikkostitwixxi taħlita kumplessiva xierqa u sostenibbli ta’ politiki ekonomiċi, soċjali u dawk dwar l-impjiegi, li jenħtieġ li tikseb effetti konsegwenzjali pożittivi għas-swieq tax-xogħol u għas-soċjetà inġenerali, issaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u twieġeb b’mod effettiv għall-isfidi fuq perjodu ta’ żmien medju u twil kif ukoll għall-impatti ta’ kriżijiet bħall-pandemija tal-COVID-19 u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. |
|
(4) |
Sabiex ikun hemm aktar progress ekonomiku u soċjali, inkluża l-konverġenza ’l fuq, sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tissaħħaħ il-bażi industrijali u l-kompetittività tal-Unjoni u jinkisbu swieq tax-xogħol inklużivi u reżiljenti fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet u jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità u inklużivi għal kulħadd, b’enfasi partikolari fuq it-titjib tal-ħiliet bażiċi, speċjalment fost l-istudenti żvantaġġati, u fuq is-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) fl-iskola u fl-edukazzjoni għolja, fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali orjentati lejn il-futur, fuq it-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tul il-ħajja, kif ukoll fuq politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi u fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-opportunitajiet ta’ karriera filwaqt li jiġu rrispettati r-rwol u l-awtonomija tas-sħab soċjali. Dak huwa ta’ rilevanza partikolari għar-reġjuni inqas żviluppati, remoti u ultraperiferiċi tal-Unjoni, fejn hemm l-akbar ħtiġijiet. In-nuqqasijiet jistgħu jkomplu jiġu indirizzati billi tittejjeb il-mobbiltà ġewwa l-Unjoni ekwa għall-ħaddiema u għall-istudenti u billi jiġi attirat it-talent minn barra l-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-rabtiet bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u s-suq tax-xogħol jissaħħu, u l-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u dak informali jenħtieġ li jkunu rikonoxxuti. |
|
(5) |
Il-Linji Gwida dwar l-Impjieg huma konsistenti mal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomikatal-Unjoni, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ April 2024 (5), u mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u ma’ diversi inizjattivi tal-Unjoni, inkluż ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 (6), tad-29 ta’ Novembru 2021 (7), tal-5 ta’ April 2022 (8), tas-16 ta’ Ġunju 2022 (9), tat-28 ta’ Novembru 2022 (10), tat-8 ta’ Diċembru 2022 (11), tat-30 ta’ Jannar 2023 (12), tat-12 ta’ Ġunju 2023 (13) u tas-27 ta’ Novembru 2023 (14), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402) (15), ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2021 (16), Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2021 dwar il-bini ta’ ekonomija għas-servizz tan-nies: pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali, tat-30 ta’ Settembru 2020 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027, tat-3 ta’ Marzu 2021 dwar Unjoni tal-Ugwaljanza: Strateġija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2021-2030, tas-7 ta’ Settembru 2022 dwar Strateġija Ewropea għall-Kura, tal-1 ta’ Frar 2023 dwar Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti, tal-25 ta’ Jannar 2023 dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea, tat-28 ta’ Settembru 2022 dwar Valutazzjoni aħjar tal-impatt distributtiv tal-politiki tal-Istati Membri, u tal-20 ta’ Marzu 2024 dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fl-UE: pjan ta’ azzjoni, id-Deċiżjonijiet (UE) 2021/2316 (17) u (UE) 2023/936 (18) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi (UE) 2022/2041 (19), (UE) 2022/2381 (20) u (UE) 2023/970 (21) u (UE) 2024/2831 (22) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(6) |
Is-Semestru Ewropew jikkombina diversi strumenti f’qafas ġenerali għall-koordinazzjoni u s-sorveljanza multilaterali integrati tal-politiki ekonomiċi u dawk dwar l-impjiegi fl-Unjoni. Filwaqt li jsegwi s-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, l-ekwità u l-istabbiltà makroekonomika, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’Novembru 2017 (23) (il-“Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”), u l-għodda ta’ monitoraġġ tiegħu, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, jippermetti li ssir analiżi tar-riskji u tal-isfidi għall-konverġenza soċjali ’l fuq fl-Unjoni, u jipprevedi involviment qawwi mas-sħab soċjali, mas-soċjetà ċivili u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn. Is-Semestru Ewropew jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti. Jenħtieġ li l-politiki ekonomiċi u dawk dwar l-impjiegi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f’id mat-tranżizzjoni ġusta tal-Unjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, itejbu l-kompetittività u l-produttività, jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu d-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, id-djalogu soċjali, il-ġustizzja soċjali, opportunitajiet indaqs u konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq, jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali, u jiġġieldu l-faqar u esklużjoni soċjali. |
|
(7) |
It-tibdil fil-klima u ċerti sfidi oħrajn relatati mal-ambjent, il-ħtieġa li tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika ġusta, l-indipendenza enerġetika u t-tisħiħ fil-kompetittività tal-industriji b’emissjonijiet żero netti u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa, kif ukoll l-iżvilupp fid-diġitalizzazzjoni, fl-intelliġenza artifiċjali u fl-ekonomija tal-pjattaformi, iż-żieda fit-telexogħol u t-tibdil demografiku qed jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet fl-Unjoni bil-kbir. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b’mod effettiv u proattiv dawn l-iżviluppi strutturali u jadattaw is-sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dak jirrikjedi azzjoni ta’ politika kkoordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol tas-sħab soċjali, f’konformità mat-TFUE u mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika, filwaqt li jitqies il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Jenħtieġ li din l-azzjoni politika tkun tinkludi spinta fl-investiment sostenibbli fir-reġjuni kollha tal-Unjoni, impenn imġedded għal riformi u investimenti b’sekwenza xierqa li jtejbu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, il-produttività, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, il-koeżjoni soċjali u territorjali, il-konverġenza soċjoekonomika ’l fuq, ir-reżiljenza u l-eżerċizzju tar-responsabbiltà fiskali.Kif iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ b’mod sistematiku f’politiki oħrajn relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u mal-iżvilupp sostenibbli f’perspettiva tul il-ħajja tista’ tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dawk il-politiki. Jenħtieġ li jingħata appoġġ mill-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-Unjoni, u b’mod partikolari mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) u mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali rregolat bir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), kif ukoll il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27). Jenħtieġ li l-azzjoni ta’ politika tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti ekonomiċi, ambjentali, tal-impjiegi u soċjali ta’ dawn il-miżuri. |
|
(8) |
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt għall-appoġġ ta’ swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati madwar tliet kategoriji: opportunitajiet u aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol, u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Dawk il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni strateġika lill-Unjoni, filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet lejn in-newtralità klimatika, is-sostenibbiltà ambjentali, u d-diġitalizzazzjoni u l-impatt tat-tibdil demografiku jkunu soċjalment ekwi u ġusti u jippreservaw il-koeżjoni territorjali. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, flimkien mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali li takkumpanjah, jikkostitwixxi gwida biex isir monitoraġġ tal-prestazzjoni soċjali u tal-impjiegi tal-Istati Membri, inkluż il-konverġenza soċjali ’l fuq fl-Unjoni, fi ħdan is-Semestru Ewropew, biex jixpruna r-riformi u l-investimenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u jirrikonċilja s-“soċjali” u s-“suq” fl-ekonomija moderna tal-lum il-ġurnata, inkluż permezz tal-protezzjoni tal-ekonomija soċjali. Fl-4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (il-“Pjan ta’ Azzjoni”), inkluż miri ewlenin ambizzjużi iżda realistiċi tal-Unjoni għall-2030 dwar l-impjiegi (li mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena jenħtieġ li tkun f’impjieg), il-ħiliet (li mill-inqas 60 % tal-adulti kollha jenħtieġ li jipparteċipaw f’taħriġ kull sena) u t-tnaqqis tal-faqar (li mill-inqas 15-il miljun persuna inqas jenħtieġ li jkunu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, inklużi 5 miljun tifel u tifla) (il-“miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030”) u sottomiri komplementari, kif ukoll Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali riveduta. |
|
(9) |
Kif rikonoxxut mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fis-Summit Soċjali ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021, l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ser issaħħaħ l-isforzi tal-Unjoni lejn tranżizzjoni diġitali, ekoloġika u ġusta u ser tikkontribwixxi għall-kisba ta’ konverġenza soċjali u ekonomika ’l fuq u għall-indirizzar tal-isfidi demografiċi. Il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern enfasizzaw li d-dimensjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-involviment attiv tas-sħab soċjali huma fil-qalba ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, u laqgħu b’sodisfazzjon il-miri ewlenin il-ġodda tal-Unjoni. Affermaw id-determinazzjoni tagħhom, kif stabbilit mill-Aġenda Strateġika 2019-2024 tal-Kunsill Ewropew, li jkomplu japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali, filwaqt li kkunsidraw kif xieraq il-kompetenzi rispettivi u l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità. Fl-aħħar nett, enfasizzaw l-importanza li jiġi segwit mill-qrib, inkluż fl-ogħla livell, il-progress miksub lejn l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030. |
|
(10) |
Il-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030 ġew milqugħa b’sodisfazzjon mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fis-Summit Soċjali ta’ Porto u mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021. Dawn ser jgħinu, flimkien mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, fil-monitoraġġ tal-progress lejn l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala parti mill-qafas tal-koordinazzjoni tal-politika fis-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, is-Summit Soċjali ta’ Porto appella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu miri nazzjonali ambizzjużi li, filwaqt li jqisu l-pożizzjoni inizjali ta’ kull Stat Membru, jenħtieġ li jagħtu kontribut adegwat biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030. Fuq stedina mill-Kummissjoni, l-Istati Membri ppreżentaw il-miri nazzjonali tagħhom bejn Settembru 2021 u Ġunju 2022. Fil-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur ta’ Ġunju 2022, il-Ministri tal-Istati Membri enfasizzaw l-importanza li jiġi segwit mill-qrib il-progress li nkiseb fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-miri ewlenin tal-Unjoni għall-2030. F’dan l-isfond, il-progress f’dawk il-miri nazzjonali huwa mmonitorjat fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi adottat mill-Kunsill fil-11 ta’ Marzu 2024 (ir-“Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024”), u huwa integrat fl-għodod ta’ monitoraġġ għas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2024 kien jinkludi, fuq bażi pilota, “analiżi tal-ewwel stadju tal-pajjiż” dwar ir-riskji potenzjali għall-konverġenza soċjali ’l fuq, abbażi tal-elementi tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali, bl-identifikazzjoni ta’ seba’ Stati Membribħala li qed jesperjenzaw riskji potenzjali. Dik il-konklużjoni wasslet għal “analiżi tat-tieni stadju” aktar profonda għal dawk is-seba’ Stati Membri, li wriet li l-isfidi ġenerali ma ġewx ikkonfermati għalihom kollha. |
|
(11) |
Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-azzjonijiet tar-Russja, li qed jippruvaw jimminaw is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali, u esprima solidarjetà mal-poplu Ukren, filwaqt li ssottolinja l-ksur, min-naħa tar-Russja, tal-liġi internazzjonali u tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Fil-kuntest attwali, il-protezzjoni temporanja, kif mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 (28) u estiża bid-deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 (29), toffri assistenza effettiva malajr fl-Unjoni lill-persuni spostati li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u tippermetti lil dawn il-persuni spostati jgawdu minn drittijiet minimi madwar l-Unjoni kollha li joffru livell adegwat ta’ protezzjoni. Billi jipparteċipaw fis-swieq tax-xogħol tal-Unjoni, il-persuni spostati mill-Ukrajna jistgħu jibqgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ekonomija tal-Unjoni u jgħinu fl-appoġġ lil pajjiżhom u lin-nies ta’ pajjiżhom. Fil-futur, l-esperjenza u l-ħiliet miksuba jistgħu jikkontribwixxu għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. Għat-tfal u l-adolexxenti mhux akkumpanjati, il-protezzjoni temporanja tagħti d-dritt għall-kustodja legali u għall-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jinvolvu lis-sħab soċjali fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ politika li l-għan tagħhom huwa li jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-impjiegi u mal-ħiliet, inkluż ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-persuni spostati mill-Ukrajna. Is-sħab soċjali jaqdu rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-impatt ta’ dik il-gwerra mil-lat tal-preservazzjoni tal-impjiegi u tal-produzzjoni. |
|
(12) |
Jenħtieġ li r-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar tal-pagi, josservawil-prattiki nazzjonali tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv kif ukoll l-awtonomija tas-sħab soċjali, bil-għan li jiġu pprovduti pagi ġusti li jippermettu standard tal-għajxien deċenti, tkabbir sostenibbli u konverġenza ekonomika u soċjali ’l fuq. Jenħtieġ li dawn ir-riformi jkunu jippermettu kunsiderazzjoni wiesgħa tal-fatturi soċjoekonomiċi, inkluż titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fl-innovazzjoni, fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, fid-demokrazija fuq il-post tax-xogħol, fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri, fil-faqar fost dawk li jaħdmu, fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika, fil-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali kif ukoll fl-introjti reali. L-importanza tad-djalogu soċjali fl-indirizzar tal-isfidi fid-dinja tax-xogħol, inkluż in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, ġiet affermata mill-ġdid fis-Summit ta’ Val Duchesse tal-2024. |
|
(13) |
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ċerti fondi oħrajn tal-Unjoni qed jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ riformi u ta’ investimenti li jkunu f’konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni, u b’hekk l-ekonomiji u s-soċjetajiet fl-Unjoni jsiru aktar sostenibbli u reżiljenti u jkunu ppreparati aħjar għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fil-kuntest li qed jinbidel wara l-pandemija tal-COVID-19. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kompliet taggrava l-isfidi soċjoekonomiċi preeżistenti minħabba l-fatt li l-prezzijiet ogħla tal-enerġija affettwaw b’mod partikolari lill-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx. Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jkomplu jiżguraw li l-impatti soċjali, fuq l-impjiegi u ekonomiċi jittaffew u li t-tranżizzjonijiet ikunu soċjalment ekwi u ġusti, ukoll fid-dawl tal-fatt li aktar awtonomija strateġika miftuħa u tranżizzjoni ekoloġika mħaffa ser jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u ta’ prodotti u teknoloġiji strateġiċi oħrajn, b’mod partikolari mir-Russja. It-tisħiħ tar-reżiljenza u t-tfittxija ta’ soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jiġġestixxu l-bidla, u li fiha jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà u fl-ekonomija, huma essenzjali. |
|
(14) |
Jeħtieġ sett koerenti ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol, li jikkonsisti minn inċentivi temporanji u mmirati għar-reklutaġġ u t-tranżizzjoni, politiki dwar il-ħiliet, inkluż l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, u servizzi mmirati, effettivi u adattabbli għall-impjiegi, biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u jsir użu sħiħ mill-potenzjal mhux sfruttat tas-suq tax-xogħol, f’konformità wkoll mal-approċċ ta’ inklużjoni attiva u fid-dawl tat-trasformazzjoni ekoloġika u dik diġitali Jenħtieġ li jiġu żġurati kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, inkluż is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, u kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali tal-ħaddiema. |
|
(15) |
Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġi appoġġat l-impjieg ta’ gruppili huma sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li jiġu żgurati aċċess u opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u li l-faqar u l-esklużjoni soċjali, b’mod partikolari dawk tat-tfal, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni Rom, jitnaqqsu, b’mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati u inklużivi, kif stipulat fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 (30) u tat-30 ta’ Jannar 2023 (31). Barra minn hekk, jenħtieġ li jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, it-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol inklużivi u orjentati lejn il-futur.Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, skont il-Garanzija Ewropea għat-Tfal u r-Rakkomandazzjoni dwar il-“miri ta’ Barċellona għall-2030”, biex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jsiru aktar attraenti u inklużivi, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 (32), u fil-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u r-Rakkomandazzjonijiet dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli u dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola. L-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u adegwata, inkluż permezz ta’ akkomodazzjoni soċjali, huwa kundizzjoni meħtieġa biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs. Jenħtieġ li l-problema tal-persuni mingħajr dar tiġi speċifikament indirizzata permezz ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u billi jiġi promoss l-aċċess għal akkomodazzjoni permanenti u billi jingħataw servizzi ta’ appoġġ abilitanti. Huwa partikolarment rilevanti l-aċċess f’waqtu u ugwali għal kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 (33), u għal servizzi tal-kura tas-saħħa, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tal-kura tas-saħħa, fid-dawl tar-riskji potenzjali għas-saħħa fil-futur u f’kuntest ta’ soċjetajiet li qed jixjieħu. Jenħtieġ li l-potenzjal tal-persuni b’diżabbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp soċjali jkompli jiġi realizzat aktar, f’konformità mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà li stiednet lill-Istati Membri jistabbilixxu miri dwar l-impjiegi u l-apprendiment għall-adulti għall-persuni b’diżabbiltà. Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom (34), jenfasizza l-kapaċità fi ħdan il-komunitajiet Rom emarġinati li jtaffi n-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet u għandu l-għan li jnaqqas id-differenza fl-impjiegi bejn ir-Rom u l-popolazzjoni ġenerali mill-inqas bin-nofs. It-teknoloġiji l-ġodda u l-postijiet tax-xogħol li qed jevolvu madwar l-Unjoni kollha jippermettu li jkun hemm arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli kif ukoll titjib fil-produttività u fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li jikkontribwixxu għall-impenji ekoloġiċi tal-Unjoni. Dawk l-iżviluppi jġibu wkoll sfidi ġodda għas-swieq tax-xogħol, li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u l-aċċess effettiv għall-protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom. Jenħtieġ li l-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, jiżguraw li l-forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol jissarrfu f’impjiegi ta’ kwalità u f’postijiet tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, li ma jikkawżawx ħsara għas-saħħa u li jkunu sikuri, kif ukoll f’bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, f’tixjiħ attiv u b’saħħtu filwaqt li jżommu d-drittijiet soċjali u tax-xogħol stabbiliti u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Unjoni. |
|
(16) |
Jenħtieġ li l-Linji Gwida Integrati jservu ta’ bażi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jindirizza lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi ta’ REACT-EU tagħhom li huma disponibbli f’konformitàmar-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), li jsaħħaħ il-fondi tal-politika ta’ koeżjoniu l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn sal-2023. Minħabba l-kriżi attwali tal-Ukrajna, ir-Regolament (UE) 2020/2221 kompla jiġi kkomplementat bir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36), kif ukoll b’emenda oħra tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37) dwar żieda fil-prefinanzjament għal REACT-EU, u b’kost unitarju ġdid sabiex jgħin biex titħaffef l-integrazzjoni tal-persuni li qed jitilqu mill-Ukrajna u jidħlu fl-Unjoni kif previst fir-Regolament (UE) 2022/613 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38).Barra minn hekk, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u minn fondi oħrajn tal-Unjoni, inkluż il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u InvestEU, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), kif ukoll mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (Technical Support Instrument) biex jitrawmu impjiegi ta’ kwalità u investimenti soċjali, jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni, jiġu żgurati l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni, u jiġu promossi opportunitajiet għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet għall-forza tax-xogħol, apprendiment tul il-ħajja u edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali sabiex iċ-ċittadini jingħataw l-għarfien u l-kwalifiki meħtieġa għal ekonomija diġitali u ekoloġika. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ ukoll jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40) biex jiġu appoġġati l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minħabba avvenimenti ta’ ristrutturar maġġuri, bħat-trasformazzjonijiet soċjoekonomiċi li huma r-riżultat ta’ xejriet globali ta’ bidliet teknoloġiċi u ambjentali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tas-sħab soċjali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. |
|
(17) |
Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jenħtieġ lijimmonitorjaw kif jiġu implimentati l-politiki rilevanti fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, f’konformità mal-mandati rispettivi skont it-TFUE. Dawk il-kumitati u ċerti korpi preparatorji oħrajn tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u soċjali jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib. Jenħtieġ li d-djalogu politiku bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jibqa’ għaddej, b’mod partikolari fir-rigward tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi. |
|
(18) |
Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Linji Gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (il-“Linji Gwida dwar l-Impjiegi”), kif stabbilit fl-Anness, huma b’dan adottati. Il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi għandhom jiffurmaw parti mil-Linji Gwida Integrati.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom iqisu l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi fil-politiki dwar l-impjiegi u l-programmi ta’ riforma tagħhom, li għandhom jiġu rrappurtati f’konformità mal-Artikolu 148(3) TFUE.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY M.
(1) Opinjoni tat-22 ta’ Ottubru 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tat-23 ta’ Ottubru 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(3) Opinjoni tat-23 ta’ Ottubru 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta’ Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).
(5) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2021 dwar approċċi ta’ tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva (ĠU C 504, 14.12.2021, p. 21).
(8) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2022 dwar il-bini ta’ konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja (ĠU C 160, 13.4.2022, p. 1).
(9) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 1), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 10), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 26), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 35).
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel (ĠU C 469, 9.12.2022, p. 1).
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja (ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal: il-miri ta’ Barċellona għall-2030 (ĠU C 484, 20.12.2022, p. 1).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (ĠU C 41, 3.2.2023, p. 1).
(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2023 dwar it-tisħiħ tad-djalogu soċjali fl-Unjoni Ewropea (ĠU C, C/2023/1389, 6.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1389/oj).
(14) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2023 dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas tal-ekonomija soċjali (ĠU C, C/2023/1344, 29.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1344/oj).
(15) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/402 tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE) (ĠU L 80, 8.3.2021, p. 1).
(16) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021–2030), (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1).
(17) Id-Deċiżjoni (UE) 2021/2316 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar Sena Ewropea taż-Żgħażagħ (2022) (ĠU L 462, 28.12.2021, p. 1).
(18) Id-Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (ĠU L 125, 11.5.2023, p. 1).
(19) Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).
(20) Id-Direttiva (UE) 2022/2381 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpaniji elenkati u miżuri relatati (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 44).
(21) Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21).
(22) Id-Direttiva (UE) 2024/2831 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi (ĠU L, 2024/2831, 11.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2831/oj).
(23) Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10).
(24) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).
(25) Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).
(26) Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).
(27) Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).
(28) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).
(29) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 tad-19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2023/2409, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2409/oj).
(30) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
(31) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva (ĠU C 41, 3.2.2023, p. 1).
(32) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1).
(33) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja (ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1).
(34) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ottubru 2020, intitolata “Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni”, u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom (ĠU C 93, 19.3.2021, p. 1).
(35) Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 30).
(36) Ir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) (ĠU L 109, 8.4.2022, p. 1).
(37) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).
(38) Ir-Regolament (UE) 2022/613 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU u l-istabbiliment ta’ kost unitarju (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 38).
(39) Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).
(40) Ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48).
ANNESS
Linja Gwida 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol
L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u jiffaċilitaw u jappoġġaw l-investiment fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, filwaqt li jisfruttaw il-potenzjal marbut mat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika wkoll, fid-dawl tal-miri ewlenin tal-Unjoni u nazzjonali għall-2030 dwar l-impjiegi. Għal dak l-għan, għandhom inaqqsu l-ostakli li n-negozji jiffaċċjaw meta jiġu biex jimpjegaw in-nies, irawmu l-intraprenditorija responsabbli u l-impjieg indipendenti ġenwin u, b'mod partikolari, jappoġġaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, inkluż permezz ta' aċċess għal finanzjament, u billi jisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ċirkolari u rinnovabbli. L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, inkluż l-intrapriżi soċjali, u jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħha. Għandhom jiżviluppaw miżuri u strateġiji rilevanti għall-ekonomija soċjali, irawmu l-innovazzjoni soċjali u jħeġġu mudelli ta' negozju li joħolqu opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità u li jiġġeneraw benesseri soċjali, b'mod partikolari fil-livell lokali, inkluż fl-ekonomija ċirkolari u fit-territorji l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju u tekniku mmirat.
Sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza fid-dawl ta' xokkijiet ekonomiċi u/jew fis-swieq tax-xogħol possibbli jew bidliet strutturali persistenti, skemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar imfassla tajjeb u ċerti arranġamenti simili jaqdu rwol importanti. Barra minn hekk, jistgħu jappoġġaw it-trasformazzjonijiet strutturali billi jiffaċilitaw u jappoġġaw il-proċessi ta' ristrutturar u r-riallokazzjoni tax-xogħol mis-setturi li sejrin lura lejn dawk emerġenti, u b'hekk iżidu l-produttività u l-kompetittività, jippreservaw l-impjiegi u jgħinu fl-immodernizzar tal-ekonomija, anke permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet assoċjati. Għandhom jiġu kkunsidrati inċentivi għar-reklutaġġ u t-tranżizzjoni u miżuri għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet imfassla tajjeb, żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, sabiex jiġi appoġġat il-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità u t-tranżizzjonijiet tul il-ħajja tax-xogħol, u biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet, anke fid-dawl tat-trasformazzjoni diġitali u dik ekoloġika, tat-tibdil demografiku, kif ukoll tal-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
It-tassazzjoni fuq ix-xogħol għandha tgħaddi fuq sorsi oħrajn ta' tassazzjoni li jappoġġaw l-impjiegi u t-tkabbir inklużiv u li huma konformi mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, filwaqt li jitqies l-effett ridistributtiv tas-sistema tat-taxxa, kif ukoll l-effetti tagħha fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir.
L-Istati Membri, inkluż dawk b'pagi minimi statutorji, għandhom jippromwovu n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u jiżguraw involviment effettiv tas-sħab soċjali b'mod trasparenti u prevedibbli, u b'hekk ikun possibbli r-rispons adegwat tal-pagi għall-iżviluppi fil-produttività u t-trawwim ta' pagi ġusti li jippermettu standard ta' għajxien deċenti, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi b'introjtu baxx u medju bl-għan li tissaħħaħ il-konverġenza soċjoekonomika 'l fuq. Il-mekkaniżmi għall-iffissar tal-pagi għandhom ikunu jqisu wkoll il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż it-tkabbir fl-impjiegi, il-kompetittività, il-kapaċità tal-akkwist u l-iżviluppi reġjonali u settorjali. Filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom pagi adegwati billi jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn ftehimiet kollettivi jew minn pagi minimi statutorji adegwati, filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, fuq il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, fuq il-kapaċità tal-akkwist u fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu.
Linja Gwida 6: Insaħħu l-provvista tal-ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet tul il-ħajja u l-kompetenzi
Fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, u fil-kuntest tat-tibdil demografiku u tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Istati Membri għandhom jippromwovu s-sostenibbiltà, il-produttività, l-impjegabbilt, l-inklużività u l-iżvilupp tal-kapital uman, filwaqt li jrawmu l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet u tal-kompetenzi tul ħajjet in-nies u jwieġbu għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, anke fid-dawl tal-miri ewlenin tal-Unjoni u nazzjonali għall-2030 dwar il-ħiliet. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom, kif ukoll jinvestu fihom, biex jipprovdu edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja u inklużivi inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, itejbu l-eżiti edukattivi u l-forniment ta' opportunitajiet biex jiżviluppaw ħiliet u kompetenzi, inkluż dawk meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, u jiżguraw aċċess għall-apprendiment diġitali, għat-taħriġ lingwistiku (eż. fil-każ tar-refuġjati, fosthom dawk mill-Ukrajna, jew fl-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq tax-xogħol fir-reġjuni transfruntiera) u l-akkwiżizzjoni ta' ħiliet intraprenditorjali. L-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, mal-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, mal-intrapriżi u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u jtejbu l-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tagħhom, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju u tekniku mmirat. Dan jikkontribwixxi wkoll għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, għall-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet u tan-nuqqas ta' ħaddiema, inkluż għal attivitajiet relatati mal-industriji b'emissjonijiet żero netti u dawk diġitali, inkluż dawk rilevanti għas-sigurtà ekonomika tal-UE, u dawk relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika, bħall-użu tal-enerġija rinnovabbli jew ir-rinnovazzjoni tal-bini.
Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-indirizzar tal-isfidi marbuta mal-prestazzjoni edukattiva taż-żgħażagħ, speċjalment fil-qasam tal-ħiliet bażiċi. Tenħtieġ azzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati mill-professjoni tat-tagħlim, inkluż l-attraenza tagħha, l-indirizzar tan-nuqqas ta' għalliema, u l-ħtieġa tal-investiment fil-kompetenzi tal-ħiliet diġitali tal-għalliema u tal-ħarrieġa. Barra minn hekk, is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom jgħammru lill-istudenti kollha b'kompetenzi kruċjali, inkluż ħiliet bażiċi u diġitali kif ukoll kompetenzi trasversali, u bi ħsieb kritiku fid-dawl tat-theddida tad-diżinformazzjoni, biex jitqiegħdu s-sisien għall-adattabbiltà u r-reżiljenza tul il-ħajja, filwaqt li jiġi żgurat li l-għalliema jkunu ppreparati biex irawmu dawn il-kompetenzi fl-istudenti. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-adulti fl-età tax-xogħol biex jaċċessaw it-taħriġ, iqajmu kuxjenza wkoll fost l-impjegaturi dwar l-importanza ta' ambjent tax-xogħol li jiffavorixxi t-tagħlim tul il-ħajja u jżidu l-inċentivi għall-individwi u l-motivazzjoni tagħhom biex ifittxu li jitħarrġu, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' kontijiet individwali tal-apprendiment, u jiżguraw it-trasferibbiltà tagħhom matul it-tranżizzjonijiet professjonali, kif ukoll permezz ta' sistema affidabbli ta' valutazzjoni tal-kwalità tat-taħriġ. L-Istati Membri għandhom jesploraw l-użu tal-mikrokredenzjali biex jappoġġaw l-apprendiment tul il-ħajja u l-impjegabbiltà. Għandhom jippermettu lil kulħadd jantiċipa aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jadatta għalihom, b'mod partikolari permezz tat-titjib u t-tiġdid kontinwi tal-ħiliet u tal-forniment ta' gwida u konsulenza integrati, bil-ħsieb li jiġu appoġġati tranżizzjonijiet ekwi u ġusti għal kulħadd, jissaħħu l-eżiti tal-impjiegi u dawk soċjali u l-produttività, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol u l-ispariġġi fil-ħiliet, tittejjeb ir-reżiljenza kumplessiva tal-ekonomija għax-xokkijiet u l-aġġustamenti potenzjali jsiru aktar faċli.
L-Istati Membri għandhom irawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd billi jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż f'termini ta' kopertura reġjonali. B'mod partikolari, it-tfal għandhom jingħataw aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal affordabbli u ta' kwalità għolja, f'konformità mal-“miri ta' Barċellona” l-ġodda u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal. L-Istati Membri għandhom jgħollu l-livelli ġenerali tal-kwalifiki, inaqqsu l-għadd ta' persuni li jabbandunaw l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni, jappoġġaw l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni tat-tfal minn gruppi żvantaġġati u minn żoni remoti, iżidu l-attraenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET, vocational education and training), jappoġġaw l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja u t-tlestija tagħha, u jżidu l-għadd ta' gradwati fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM, science, technology, engineering and mathematics) kemm fil-VET kif ukoll fl-edukazzjoni terzjarja, speċjalment in-nisa. Anke l-aqwa prestazzjoni u l-eċċellenza fl-eżiti edukattivi għandhom jiġu appoġġati, minħabba r-rwol tagħhom fit-trawwim tal-innovazzjoni potenzjali futura tal-UE. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg għaż-żgħażagħ permezz ta' traineeships u apprendistati ta' kwalità, kif ukoll billi jżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fl-apprendiment kontinwu, b'mod partikolari fost l-istudenti minn sfondi żvantaġġati u dawk l-inqas kwalifikati, filwaqt li jindirizzaw ostakli speċifiċi għall-ġeneru u ostakli oħra li jistgħu jaffettwaw l-aċċess u l-parteċipazzjoni tagħhom. Filwaqt li jqisu r-rekwiżiti l-ġodda tas-soċjetajiet diġitali, ekoloġiċi u li qed jixjieħu, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw u jżidu l-provvista u l-użu tal-VET inizjali u kontinwi flessibbli, isaħħu l-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-VET tagħhom, inkluż permezz ta' apprendistati aċċessibbli, ta' kwalità u effettivi, u jappoġġaw lill-adulti b'livell baxx ta' ħiliet biex iżommu l-impjegabbiltà tagħhom. Għandhom jiġu pprovduti opportunitajiet ta' taħriġ biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jattendu programmi ta' taħriġ matul il-ħinijiet tax-xogħol (u mingħajr ħlas għall-ħaddiema). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom isaħħu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja u, fejn xieraq, tar-riċerka; itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħiliet; jagħmlu l-ħiliet u l-kwalifiki aktar viżibbli u komparabbli, inkluż dawk miksuba barra mill-pajjiż, u jiżguraw użu aktar konsistenti tal-klassifikazzjonijiet fl-UE kollha (jiġifieri ESCO); u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u għall-validazzjoni tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba barra mill-edukazzjoni u taħriġ formali, inkluż għar-refuġjati u l-persuni bi status ta' protezzjoni temporanja. Lil hinn mill-użu tal-potenzjal mhux sfruttat tal-forza tax-xogħol domestika tal-UE, anke l-attirar ta' talent u ta' ħiliet minn barra l-UE permezz ta' migrazzjoni ġestita, il-prevenzjoni ta' kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi u l-ġlieda kontra xogħol mhux iddikjarat jistgħu jikkontribwixxu għall-indirizzar tan-nuqqas ta' ħiliet u ta' ħaddiema, inkluż dawk marbuta mat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali bħal fis-setturi STEM u fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persuni qiegħda u lill-persuni inattivi assistenza effettiva, f'waqtha, koordinata u mfassla apposta bbażata fuq appoġġ għat-tiftix tax-xogħol, taħriġ, titjib u tiġdid tal-ħiliet u aċċess għal servizzi oħrajn ta' sostenn, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u lil persuni affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali jew mix-xokkijiet fis-suq tax-xogħol. Għandhom jittieħdu mill-aktar fis possibbli miżuri konkreti li jinkludu valutazzjoni individwali fil-fond ta' persuni qiegħda, mhux aktar tard minn wara 18-il xahar qiegħda, bil-ħsieb li jitnaqqas b'mod sinifikanti u jiġi evitat il-qgħad fit-tul u strutturali. Għandhom ikomplu jiġu indirizzati l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u mit-taħriġ u tat-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż bl-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ rinforzata, li għandha wkoll tappoġġa opportunitajiet ta' impjieg taż-żgħażagħ ta' kwalità. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jagħtu spinta lill-isforzi b'mod partikolari biex jenfasizzaw kif it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali joffru perspettiva mġedda għall-futur u opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol.
L-Istati Membri għandu jkollhom l-għan li jneħħu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u jipprovdu inċentivi għaliha, b'mod partikolari għall-ħaddiema b'introjtu baxx, dawk li huma t-tieni sors ta' introjtu (ta' spiss ikunu nisa) u dawk l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol. Fid-dawl tan-nuqqas kbir ta' ħaddiema f'ċerti okkupazzjonijiet u setturi (b'mod partikolari fis-setturi STEM, ICT, fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, fl-edukazzjoni, fit-trasport u fil-kostruzzjoni), l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għat-trawwim tal-provvista ta' ħaddiema, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta' pagi adegwati u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u tal-iżgurar li t-tfassil tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji jkun jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol ikunu effettivi u aċċessibbli, filwaqt li jiġi rrispettat ir-rwol u l-awtonomija tas-sħab soċjali. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw ukoll ambjent tax-xogħol adattat għall-persuni b'diżabbiltà, inkluż b'appoġġ finanzjarju u tekniku mmirat, informazzjoni u sensibilizzazzjoni, u servizzi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. Għandhom jiġu indirizzati d-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi u fil-pagi u l-istereotipi marbuta mal-ġeneri. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż billi jiġu żgurati opportunitajiet u progressjoni tal-karriera ugwali u jitneħħew l-ostakli għall-aċċess għat-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll billi jiġu indirizzati l-vjolenza u l-fastidju fuq ix-xogħol li hija problema li taffettwa l-aktar lin-nisa. Għandhom jiġu żgurati pagi ugwali għal xogħol ugwali, jew xogħol ta' valur ugwali, u trasparenza fil-pagi. Għandha tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, tal-familja u tal-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b'mod partikolari permezz ta' aċċess għal kura fit-tul u servizzi tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal affordabbli u ta' kwalità kif ukoll permezz ta' politiki adegwati li jieħdu ħsieb il-bidliet li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni fid-dinja tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġenituri u persuni oħrajn b'responsabbiltajiet ta' kura jkollhom aċċess għal liv relatat mal-familja adegwat u arranġamenti tax-xogħol flessibbli sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bilanċjat ta' dawk l-intitolamenti bejn il-ġenituri.
Linja Gwida 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali
Sabiex jibbenefikaw minn forza tax-xogħol dinamika u produttiva u minn xejriet tax-xogħol u mudelli kummerċjali ġodda, l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fuq kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, trasparenti u prevedibbli, li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi. Għandhom inaqqsu u jipprevjenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju u jrawmu t-tranżizzjoni lejn forom ta' impjieg ta' tul indefinit. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu kemm ambjent xieraq għar-reklutaġġ kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa għal min iħaddem biex jadatta malajr għall-bidliet fil-kuntest ekonomiku, filwaqt li jipproteġu d-drittijiet tax-xogħol u jiżguraw il-protezzjoni soċjali, livell xieraq ta' sigurtà u ambjenti tax-xogħol tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati tajjeb għall-ħaddiema kollha. Il-promozzjoni tal-użu ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli bħat-telexogħol tista' tikkontribwixxi għal livelli ogħla ta' impjiegi u għal swieq tax-xogħol aktar inklużivi. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-ħaddiema, lin-negozji, u lil atturi oħrajn fit-trasformazzjoni diġitali, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-adozzjoni ta' għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) etiċi u affidabbli. Dan jista' jvarja minn politiki għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema għal okkupazzjonijiet ġodda u inċentivi biex il-kumpaniji jiżviluppaw u jużaw teknoloġiji li għandhom il-potenzjal li jżidu l-produttività, jikkomplementaw ix-xogħol tal-bniedem, u jtaffu n-nuqqas ta' ħaddiema fis-setturi kritiċi. B'mod ġenerali, u fil-kuntest tat-tibdil fil-klima u b'mod partikolari t-trasformazzjoni diġitali, huwa importanti li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ħaddiema f'termini tal-kundizzjonijiet tax-xogħol (inkluż il-ħin tax-xogħol, u arranġamenti tax-xogħol li jikkunsidraw il-mewġ ta' sħana), is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jiġu rispettati. Għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż każijiet li jinvolvu l-ħaddiema tal-pjattaformi, billi jiġu żgurati l-ekwità, it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-użu tal-algoritmi, u billi jiġi miġġieled l-abbuż ta' kuntratti atipiċi. F'każijiet ta' tkeċċija inġusta għandu jkun garantit l-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim li tkun effettiva u imparzjali kif ukoll dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat fejn applikabbli.
Il-politiki għandu jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, it-tlaqqigħ tal-offerta mad-domanda tax-xogħol u t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, inkluż f'reġjuni żvantaġġati u fid-dawl tat-tibdil demografiku. L-Istati Membri għandhom jattivaw u jagħtu s-setgħa b'mod effettiv lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, speċjalment gruppi sottorappreżentati, bħan-nisa u ż-żgħażagħ, kif ukoll persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħall-persuni b'livell baxx ta' ħiliet u l-persuni li jkunu ilhom qiegħda, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni, inkluż il-persuni bi status ta' protezzjoni temporanja, il-persuni minn komunitajiet Rom emarġinati u l-ħaddiema akbar fl-età. L-Istati Membri għandhom isaħħu l-ambitu u l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jżidu l-mira, il-firxa u l-kopertura tagħhom u billi jorbtuhom aħjar mas-servizzi soċjali, mat-taħriġ u mal-appoġġ għall-introjtu għall-persuni qiegħda, waqt li jkunu qed ifittxu x-xogħol u abbażi tad-drittijiet u tar-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jużaw il-finanzjament u l-appoġġ tekniku tal-UE bl-aħjar mod biex isaħħu l-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi ħalli jipprovdu assistenza f'waqtha u mfassla apposta lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg, jirrispondu għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni, filwaqt li jappoġġaw il-kapaċità tagħhom li jużaw id-data u t-teknoloġija diġitali. Anke s-servizzi privati tal-impjiegi jaqdu rwol f'dan ir-rigward.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persuni qiegħda benefiċċji tal-qgħad adegwati fuq tul ta' żmien raġonevoli, konformi mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta' eliġibbiltà nazzjonali. Il-benefiċċji tal-qgħad ma għandhomx jiddiżinċentivaw ritorn minnufih lejn l-impjieg u għandhom ikunu akkumpanjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inkluż miżuri ta' titjib u tiġdid tal-ħiliet, anke fid-dawl tan-nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet.
Il-mobbiltà tal-istudenti, tal-apprendisti u tal-ħaddiema għandha tiżdied u tiġi appoġġata b'mod adegwat, speċjalment għall-istudenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b'inqas esperjenzi ta' mobbiltà, bl-għan li jittejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tagħhom, jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew u jsir kontribut għall-kompetittività fil-livell tal-UE, filwaqt li jiġu indirizzati l-effetti demografiċi ħżiena possibbli tal-mobilità (inkluż l-eżodu ta' mħuħ). Għandhom jiġu indirizzati l-isfidi għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol intra-UE, inkluż il-proċeduri għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali jew it-trasferiment tad-drittijiet miksuba fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u deċenti għal dawk kollha li jwettqu attività transfruntiera billi tiġi evitata d-diskriminazzjoni u jiġi żgurat trattament ugwali, tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE u tiżdied il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħaddiema mobbli, bil-benefiċċju tal-assistenza tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol.
Il-mobbiltà tal-ħaddiema f'okkupazzjonijiet kritiċi u ta' ħaddiema transfruntiera, staġonali u stazzjonati għandha tiġi appoġġata fil-każ ta' għeluq temporanju tal-fruntieri kkawżat minn kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika. L-Istati Membri għandhom itejbu l-perkorsi tal-migrazzjoni legali u jipprevedu politika ta' integrazzjoni effettiva għall-ħaddiema u l-familji tagħhom, li tinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-taħriġ fil-lingwi, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni, f'konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali tagħhom.
L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu ħilithom biex joħolqu l-kundizzjonijiet xierqa għal forom ta' xogħol u metodi ta' ħidma ġodda, filwaqt li jwettqu l-potenzjal tagħhom fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi u jiżguraw li jkunu konformi mad-drittijiet soċjali eżistenti. Għandhom jipprovdu pariri u gwida dwar id-drittijiet u l-obbligi li japplikaw fil-kuntest ta' kuntratti atipiċi u forom ġodda ta' xogħol, bħax-xogħol permezz ta' pjattaformi tax-xogħol diġitali u t-telexogħol. F'dan ir-rigward, is-sħab soċjali jistgħu jaqdu rwol strumentali u l-Istati Membri għandhom jappoġġawhom biex jilħqu u jirrappreżentaw lin-nies f'forom atipiċi u ġodda ta' xogħol. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll li jipprovdu appoġġ għall-infurzar – bħal linji gwida jew taħriġ apposta għall-ispettorati tax-xogħol – dwar l-isfidi li jirriżultaw minn forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol, inkluż l-użu tat-teknoloġiji diġitali u tal-IA, bħall-ġestjoni algoritmika, is-sorveljanza tal-ħaddiema u t-telexogħol. L-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni u n-negozjar kollettiv huma kruċjali fl-iżvilupp u r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-kuntest tal-proċessi ta' diġitalizzazzjoni, u fl-użu tal-IA u l-algoritmi fl-organizzazzjoni tax-xogħol u r-relazzjonijiet tax-xogħol.
L-Istati Membri għandhom, filwaqt li jibnu prattiki nazzjonali eżistenti, irawmu demokrazija fix-xogħol u jiżguraw ambjent favoreli għal djalogu soċjali bipartitiku u tripartitiku fil-livelli kollha, inkluż in-negozjar kollettiv, fis-settur pubbliku u f'dak privat f'konformità mad-dritt u/jew il-prattika nazzjonali, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'kooperazzjoni mill-qrib magħhom, filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinvolvu lis-sħab soċjali b'mod sistematiku, sinifikanti u f'waqtu fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-impjiegi, soċjali u, meta rilevanti, ekonomiċi u ta' politiki pubbliċi oħrajn inkluż fl-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji. L-Istati Membri għandhom jippromwovu livell ogħla ta' kopertura tan-negozjar kollettiv, inkluż billi jippromwovu l-bini u t-tisħiħ tal-kapaċità tas-sħab soċjali, jippermettu negozjar kollettiv effettiv fil-livelli xierqa kollha u jħeġġu l-koordinazzjoni bejn dawk il-livelli u fihom. Is-sħab soċjali għandhom jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva. Ir-rwol tas-sħab soċjali huwa kruċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ibbilanċjati li jiffaċilitaw tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija dekarbonizzata.
Fejn rilevanti, u filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, l-Istati Membri għandhom iqisu l-esperjenza rilevanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi kwistjonijiet tal-impjiegi u soċjali.
Linja Gwida 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar
L-Istati Membri għandhom jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi u miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi biex jeliminaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni u jiżguraw opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u b'mod partikolari għall-gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, filwaqt li anke jagħtu attenzjoni xierqa lid-dimensjoni reġjonali u territorjali. Għandhom jiżguraw trattament ugwali fir-rigward tal-impjiegi, assistenza lil persuni li jfittxu impjieg tal-protezzjoni soċjali, tal-kura tas-saħħa, tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, tal-kura fit-tul, tal-edukazzjoni u tal-aċċess għal oġġetti u servizzi, inkluż l-akkomodazzjoni, irrispettivament mill-ġeneru, mir-razza jew mill-oriġini etnika, mir-reliġjon jew mit-twemmin, mid-diżabbiltà, mill-età jew mill-orjentazzjoni sesswali.
L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-sistemi ta' protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali adegwata, effettiva, effiċjenti u sostenibbli għal kulħadd, matul l-istadji kollha tal-ħajja, filwaqt li jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-mobbiltà soċjali għall-aħjar, jinċentivaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jappoġġaw l-investiment soċjali, jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u jindirizzaw l-inugwaljanzi, inkluż permezz tat-tfassil tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji tagħhom u billi jivvalutaw l-impatt distributtiv tal-politiki. L-approċċi universali kkomplementati b'approċċi mmirati jtejbu l-effettività tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali. Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali għandu jkollha l-għan ukoll li ttejjeb ir-reżiljenza tagħhom għal sfidi multidimensjonali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli li huma affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika u minn dik diġitali u mil-livell elevat tal-għoli tal-ħajja, inkluż l-akkomodazzjoni u l-kostijiet tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom ikomplu jindirizzaw il-lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom fid-dawl taż-żieda ta' forom atipiċi ta' xogħol.
L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw u jintegraw it-tliet fergħat ta' inklużjoni attiva: appoġġ adegwat għall-introjtu, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' sostenn ta' kwalità, biex jitwieġbu l-ħtiġijiet individwali. Is-sistemi ta' protezzjoni soċjali għandhom jiżguraw benefiċċji adegwati għall-introjtu minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jappoġġaw u jħeġġu lin-nies jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, inkluż bil-provvediment immirat ta' servizzi soċjali. Id-disponibbiltà ta' servizzi ta' akkomodazzjoni affordabbli u aċċessibbli u servizzi ta' kwalità bħall-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, il-kura barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, u l-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs. F'konformità mal-miri ewlenintal-Unjoni u nazzjonali għall-2030 dwar it-tnaqqis tal-faqar, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu. Għandhom jiġu indirizzati b'mod speċjali l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali permezz ta' miżuri komprensivi u integrati, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kulħadd, inkluż it-tfal, ikollu aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità tajba. Għal dawk fil-bżonn jew f'qagħda vulnerabbli għandhom jiżguraw ukoll aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u affordabbli, inkluż akkomodazzjoni soċjali, jew assistenza għall-akkomodazzjoni. Għandhom jiżguraw tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta u jindirizzaw il-faqar enerġetiku bħala forma dejjem aktar sinifikanti ta' faqar, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' miżuri ta' appoġġ maħsuba għall-unitajiet domestiċi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli. L-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jagħmlu użu effettiv mill-finanzjament u l-appoġġ tekniku tal-UE biex jinvestu fl-akkomodazzjoni soċjali jew fl-assistenza għall-akkomodazzjoni, fir-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni u fis-servizzi ta' akkumpanjament u jindirizzaw il-ħtieġa urġenti għal akkomodazzjoni affordabbli u adegwata. B'rabta ma' dawk is-servizzi, għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni b'diżabbiltà, inkluż l-aċċessibbiltà. Il-problema tal-persuni mingħajr dar għandha tiġi speċifikament indirizzata permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni u billi jiġi promoss l-aċċess għal akkomodazzjoni permanenti u billi jingħataw servizzi ta' appoġġ abilitanti.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess f'waqtu għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva affordabbli u għal kura fit-tul ta' kwalità għolja, filwaqt li jħarsu s-sostenibbiltà fit-tul. Fil-kuntest ta' domanda dejjem akbar għall-kura fit-tul, marbuta wkoll mal-bidliet demografiċi, għandhom jiġu indirizzati l-lakuni fl-adegwatezza kif ukoll in-nuqqas ta' forza tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena.
Fid-dawl tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u f'konformità mal-attivazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (1), l-Istati Membri għandhom ikomplu joffru livell adegwat ta' protezzjoni lill-persuni spostati mill-Ukrajna. Għall-minorenni mhux akkumpanjati għandhom jimplimentaw ukoll il-miżuri meħtieġa. Għandu jiġi żgurat li t-tfal spostati jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u għas-servizzi ewlenin oħra f'konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal.
F'kuntest ta' żieda fil-lonġevità u ta' tibdil demografiku, l-Istati Membri għandhom jassiguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, filwaqt li jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiksbu u jakkumulaw id-drittijiet tal-pensjoni, inkluż permezz ta' skemi supplimentari biex jiġi żgurat introjtu adegwat fix-xjuħija. Ir-riformi tal-pensjonijiet għandhom ikunu appoġġati minn politiki li jkollhom l-għan li jnaqqsu d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet, jippromwovu tixjiħ attiv u b'saħħtu u jtawlu l-ħajja tax-xogħol, pereżempju biż-żieda tal-età effettiva tal-irtirar, b'mod partikolari bl-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-iżgurar ta' kundizzjonijiet tax-xogħol adatti għall-ħtiġijiet ta' persuni akbar fl-età. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu djalogu kostruttiv mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, u jippermettu introduzzjoni gradwali xierqa tar-riformi.
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3134/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)