|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3126 |
16.12.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3126
tad-9 ta’ Diċembru 2024
li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 385/2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 385/2013 (2), prodott magħmul minn 25 wipe magħmula minn drappijiet mhux minsuġa b’daqs ta’ madwar 15 cm × 20 cm kull biċċa, imxappin fost ingredjenti oħrajn b’ilma, żejt tal-fażola tas-sojja, żejt tal-lewż ħelu (Prunus dulcis), alkoħol ċetiliku, gomma tal-ksantan, fwieħa, ċitronellol, ġeranjol, gliċerina, tetrasodju EDTA u kokoamfodiaċetat tad-disodju, li jintuża biex jitneħħa l-make-up, jittonifika u biex jippurifika ġilda normali u ta’ tip żejtnija u xotta, u li jkun ġo borża tal-plastik għall-bejgħ bl-imnut, ġie kklassifikat taħt il-kodiċi 3304 99 00 tan-Nomenklatura Magħquda (NM) anness mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (3), bħala “preparati għall-kura tal-ġilda (għajr medikamenti)”. Peress li l-aġent tensjoattiv (kokoamfodiaċetat tad-disodju) li fih il-prodott kien meqjus li ma jagħtix lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu għax għandu biss il-funzjoni ta’ emulsjonant, ġiet eskluża l-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3401 . Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3307 ġiet eskluża wkoll peress li n-Nota 4 tal-Kapitolu 33 tan-NM tqieset inapplikabbli peress li l-prodott jintuża biex jitneħħa l-make-up, jittonifika u jippurifika l-ġilda, u għalhekk il-karattru essenzjali tal-prodott huwa dak tal-kura tal-ġilda. Konsegwentement, bl-applikazzjoni tar-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, il-prodott ġie kklassifikat taħt l-intestatura 3304 bħala preparat għall-kura tal-ġilda. |
|
(2) |
Matul it-73 sessjoni tiegħu f’Marzu 2024, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata (HSC, Harmonized System Committee) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO, World Customs Organization) approva l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 3307.90/4 li tikklassifika l-wipes tal-wiċċ imballati għall-bejgħ bl-imnut, li fihom 60 biċċa rettangolari ta’ drapp mhux minsuġ (10 cm × 12 cm), imprenjati b’ilma, b’aġenti idratanti (dipropilen glikol (DPG, dipropylene glycol), ijaluronat tas-sodju, żejt tal-ġoġoba) u b’aġenti tensjoattivi organiċi bħala emulsjonant (gliċeridi kapriliċi/kapriċi PEG-6 u polisorbat 20), maħsuba li jintużaw għall-kura tal-ġilda tal-wiċċ bħal biex jitneħħa l-make-up, inaddfu, jittonifikaw, jirrilassaw u jidrataw f’pass wieħed. Il-prodott ġie kklassifikat fl-intestatura 3307 tas-SA peress li n-Nota 4 tal-Kapitolu 33 tas-SA tistipula li l-espressjoni “preparati tal-fwejjaħ, kożmetiċi jew tat-twaletta” fl-intestatura 3307 tapplika, fost l-oħrajn, għad-drappijiet mhux minsuġin, imprenjati, miksijin jew mgħottijin bil-fwieħa jew bil-kożmetiċi, tqieset applikabbli għall-klassifikazzjoni tal-prodott. Konsegwentement, il-prodott ġie kklassifikat taħt is-subintestatura 3307 90 tas-SA li tikkorrispondi għall-kodiċi NM 3307 90 00 , bl-applikazzjoni tar-Regoli Ġenerali 1 (in-Nota 2 tat-Taqsima VI u n-Nota 4 tal-Kapitolu 33) u 6. |
|
(3) |
Minħabba l-karatteristiċi simili ħafna tal-prodott ma’ dawk tal-prodott deskritt fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 385/2013, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodott, kif stabbilita fl-Anness ta’ dak ir-Regolament, mhix f’konformità mal-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 3307.90/4. |
|
(4) |
Bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE (4), l-Unjoni hija parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti. L-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni approvati mill-HSC huma strumenti ta’ gwida għall-miżuri tariffarji tal-Unjoni. |
|
(5) |
Bil-għan li tiġi żgurata uniformità fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tas-Sistema Armonizzata fil-livell internazzjonali u meta jitqies li l-opinjoni ta’ klassifikazzjoni 3307.90/4 hija konformi mal-kliem tan-Nota 4 tal-Kapitolu 33 tan-NM, tal-intestatura 3307 tas-SA u tas-subintestatura 3307 90 tas-SA, jeħtieġ li jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 385/2013. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 385/2013 huwa mħassar.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Gerassimos THOMAS
Direttur Ġenerali
Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni
(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 385/2013 tat-22 ta’ April 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 117, 27.4.2013, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/385/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1987/369/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3126/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)