European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3109

9.12.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3109

tas-6 ta’ Diċembru 2024

dwar ċerti miżuri interim ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija

(notifikata bid-dokument C(2024) 8778)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(Il-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar hija marda infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-annimali kaprini jew ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra ta’ annimali kaprini jew ovini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u ddefinit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluża l-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Il-Bulgarija infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali fit-territorju tagħha fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar. Fil-25 ta’ Novembru 2024 ġiet ikkonfermata tifqigħa ta’ dik il-marda f’annimali kaprini u ovini miżmuma fil-muniċipalità ta’ Velingrad, fir-reġjun ta’ Pazardzhik. B’reazzjoni u f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, il-Bulgarija stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żona ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u żona ristretta ulterjuri, fejn qed jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

Sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-marda, biex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta għall-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll żona ristretta ulterjuri, fil-Bulgarija.

(6)

Id-daqs u d-durata taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u taż-żona ristretta ulterjuri, kif ukoll il-miżuri li għandhom jiġu applikati f’dawk iż-żoni jenħtieġ li jiġu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluż is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fiż-żoni affettwati minn dik il-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll il-livell tar-riskju ta’ aktar tixrid ta’ dik il-marda. Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri tqis ukoll l-istandards internazzjonali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH).

(7)

Minħabba s-severità u l-urġenza tas-sitwazzjoni u sabiex jiġi limitat minnufih it-tixrid tal-marda wara din l-ewwel okkorrenza f’dak l-Istat Membru, jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-movimenti tal-annimali miż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u miż-żona ristretta ulterjuri lejn destinazzjonijiet barra mill-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri ma jseħħux, u li jiġu esklużi derogi possibbli mill-projbizzjoni li l-annimali jiġu mċaqalqa kif previst fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, għal ċertu perjodu ta’ żmien, sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda fuq distanza twila.

(8)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar u l-ħtieġa li l-marda ma tinxteridx mill-istabbilimenti affettwati fil-Bulgarija lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jenħtieġ li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u ż-żona ristretti ulterjuri fil-Bulgarija jenħtieġ li jiġu stabbiliti minnufih u jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u tiġi stabbilita d-durata ta’ dak iż-żonar u jenħtieġ li jiġu ristretti l-movimenti tal-annimali.

(10)

Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni fir-rigward tal-pesta tar-ruminanti żgħar, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sat-28 ta’ Frar 2025.

(11)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bulgarija għandha tiżgura li:

(a)

tiġi stabbilita minnufih mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru żona ristretta li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll żona ristretta ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u ż-żona ristretta ulterjuri msemmija fil-punt (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

il-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u fiż-żona ristretta ulterjuri, huma applikati mill-inqas sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż miż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u miż-żona ristretta ulterjuri lejn destinazzjoni li tinsab barra l-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri kif previst fil-Punt B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma pprojbiti sad-dati elenkati għal kull żona fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta’ Frar 2025.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta' mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta' speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).


ANNESS

A.   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata

Unità reġjonali u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fil-Bulgarija kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun ta’ Pazardzhik

BG-PPR-2024-00001

Żona ta’ protezzjoni:

Those parts of Pazardzhik region, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 42.0156, Long. 23.9989 (2024/1)

30.12.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of Pazardzhik region, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 42.0156, Long. 23.9989 (2024/1) excluding the areas contained in the protection zone

8.1.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of Pazardzhik region, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 42.0156, Long. 23.9989 (2024/1)

31.12.2024 sa 8.1.2025

B.   Żoni ristretti ulterjuri

Unità reġjonali

Żoni inklużi fiż-żona ristretta ulterjuri stabbilita fil-Bulgarija kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun ta’ Pazardzhik

Entire territory of Pazardzhik region, excluding the areas included in any protection or surveillance zone.

7.2.2025

Entire territory of Pazardzhik region

1.1.2025 sa 7.2.2025


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3109/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)