|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3097 |
6.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/3097
tal-5 ta’ Diċembru 2024
b'appoġġ għall-programm komprensiv dwar l-appoġġ għall-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir u Munizzjon Konvenzjonali fix-Xlokk tal-Ewropa
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Għal bosta deċennji, l-istati fix-Xlokk tal-Ewropa ilhom jiffaċċaw riskji u sfidi sinifikanti relatati mal-akkumulazzjoni destabbilizzanti u t-tixrid bla kontroll ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u munizzjon konvenzjonali illeċiti (CA). Dawk ir-riskji għandhom implikazzjonijiet negattivi usa’ għall-Ewropa kollha kemm hi, u lil hinn minnha. |
|
(2) |
Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom, bit-titlu “Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”). |
|
(3) |
Fil-livell reġjonali, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tikkommetti lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu assistenza fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu identifikati, imfixkla u pprojbiti n-networks tat-traffikar u sabiex jiġi evitat li l-armi tan-nar jaslu f'idejn terroristi u kriminali permezz tas-suq illeċitu. |
|
(4) |
Kif deskritt fid-dokument ta’ eżitu tar-raba’ Konferenza tan-NU għar-Rieżami tal-Progress li sar fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu, li saret f'Ġunju 2024, l-Istati Membri tan-NU impenjaw ruħhom li jsaħħu, kif xieraq, is-sħubiji u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tas-SALW. |
|
(5) |
Fl-2000, l-Istati parteċipanti fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) impenjaw ruħhom li jiġġieldu t-traffikar illeċitu tas-SALW fl-aspetti kollha tiegħu. Fl-2020, l-OSKE aġġornat il-Gwida tagħha dwar l-Aħjar Prattika għad-Diżattivazzjoni tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir, filwaqt li rrikonoxxiet l-importanza li jiġu żgurati diżattivazzjoni jew qerda irriversibbli tas-SALW, abbażi tal-eżitu tat-tielet Konferenza tan-NU għar-Rieżami tal-Progress. |
|
(6) |
Il-proġett appoġġat minn din id-Deċiżjoni ser iqis inizjattivi reġjonali oħra, b’mod partikolari l-Pjan Direzzjonali tal-Balkani tal-Punent il-ħidma tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP)/ iċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) u l-attivitajiet rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea fix-Xlokk tal-Ewropa relatati mal-kontroll tal-armi u t-traffikar illeċitu tal-armi. |
|
(7) |
Fil-passat, l-Unjoni appoġġat l-attivitajiet tal-OSKE dwar is-SALW bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2012/662/PESK (1), (PESK) 2017/1424 (2) u (PESK) 2019/2009 (3). |
|
(8) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2133 (4) appoġġat il-fażi I ta' proġett li sostna l-programm komprensiv dwar l-appoġġ għall-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tas-SALW u s-CA fix-Xlokk tal-Ewropa. Issa huwa xieraq li tiġi appoġġata l-fażi II ta’ dak il-proġett, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni huwa li jitnaqqsu r-riskji ta’ traffikar illeċitu u tixrid mhux ikkontrollat ta’ Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) fi, lejn jew mix-Xlokk tal-Ewropa li jdgħajfu s-sikurezza u s-sigurtà billi jimpedixxu l-konsolidazzjoni tal-paċi u l-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli kif ukoll billi jikkontribwixxu għad-diżintegrazzjoni fl-ordni, iħeġġu t-terroriżmu u l-vjolenza kriminali jew iwasslu biex jerġa’ jibda l-kunflitt.
2. Sabiex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa azzjonijiet, fost oħrajn, fl-oqsma prijoritarji li ġejjin:
|
(a) |
assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Albanija biex jitnaqqas ir-riskju tal-proliferazzjoni u l-użu ħażin tas-SALW; |
|
(b) |
indirizzar tar-riskji għas-sigurtà u s-sikurezza tal-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom fil-Bożnija-Ħerzegovina; |
|
(c) |
appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċità K-9 tal-pulizija tal-Kosovo (*1) biex jiġu identifikati u kkonfiskati s-SALW, il-munizzjon u l-isplussivi; |
|
(d) |
assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq biex jitnaqqas ir-riskju tal-proliferazzjoni u l-użu ħażin tas-SALW; |
|
(e) |
tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Montenegro biex b'mod aktar effettiv jitnaqqsu, jiġu evitati, u miġġielda t-traffikar illeċitu u l-użu ħażintas-SALW, munizzjon u splussivi; |
|
(f) |
indirizzar tar-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà relatati mal-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom fis-Serbja; |
|
(g) |
tisħiħ tal-azzjoni tal-OSKE kontra l-proliferazzjoni illeċita ta' Munizzjon Konvenzjonali u l-Ħażna tiegħu - Fażi 3. |
3. Il-benefiċjarji tal-proġett stabbilit fl-Anness (il-“proġett”) għandhom ikunu l-awtoritajiet fix-Xlokk tal-Ewropa b'mandat u responsabbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tas-SALW u s-CA.
4. Fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni hemm deskrizzjoni dettaljata tal-proġett.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett għandha titwettaq mis-Segretarjat tal-OSKE.
3. Is-Segretarjat tal-OSKE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tal-OSKE.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni għandu jkun ta’ EUR 3 763 170.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun ġestita f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, għandha tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament meħtieġ mas-Segretarjat tal-OSKE. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li s-Segretarjat tal-OSKE jrid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.
Artikolu 4
1. Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti narrattivi regolari mħejjija mis-Segretarjat tal-OSKE. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim f’dak il-perjodu.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
CSEPREGHY N.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/662/PESK tal-25 ta' Ottubru 2012 b'appoġġ għall-attivitajiet biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu fi, u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fir-reġjun kopert mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) (ĠU L 297, 26.10.2012, p. 29).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1424 tal-4 ta' Awwissu 2017 b'appoġġ għall-attivitajiet tal-OSKE biex jitnaqqas ir-riskju tat-traffikar illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u munizzjon konvenzjonali — fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u fil-Georgia (ĠU L 204, 5.8.2017, p. 82).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2009 tat-2 ta' Diċembru 2019 b’appoġġ għall-Isforzi tal-Ukrajna għall-Ġlieda Kontra t-Traffikar Illeċitu ta’ Armi, Munizzjon u Splussivi, f’kooperazzjoni mal-OSKE (ĠU L 312, 3.12.2019, p. 42).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2133 tat-2 ta’ Diċembru 2021 b’appoġġ għall-programm komprensiv dwar l-appoġġ għall-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SALW) u Munizzjon Konvenzjonali (CA) fix-Xlokk tal-Ewropa (ĠU L 432, 3.12.2021, p. 36).
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3097/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)