European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3089

9.12.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3089

tat-30 ta’ Settembru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 fir-rigward ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji tad-denfil komuni (Delphinus delphis) u ta’ ċetaċji żgħar oħra fil-Golf tal-Biskalja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (UE) 2019/1241, il-miżuri tekniċi għandhom jiġu adottati biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis u fejn possibbli, l-eliminazzjoni tal-qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet tal-baħar sensittivi, inklużi dawk elenkati skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (2) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jirriżultaw mis-sajd.

(2)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2019/1241, ir-rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata għall-fini tal-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 15(2), fir-rigward tal-protezzjoni ta’ speċijiet u ħabitats sensittivi, tista’ b’mod partikolari tispeċifika l-użu ta’ miżuri addizzjonali jew alternattivi għal dawk imsemmija fl-Anness XIII biex jiġu minimizzati l-qabdiet aċċessorji tal-ispeċijiet imsemmija fl-Artikolu 11, tipprovdi informazzjoni dwar l-effettività tal-miżuri ta’ mitigazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ eżistenti u tispeċifika r-restrizzjonijiet fuq it-tħaddim ta’ ċertu rkaptu jew tintroduċi projbizzjoni totali fuq l-użu ta’ ċertu rkaptu tas-sajd f’żona fejn tali rkaptu jirrappreżenta theddida għall-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet f’dik iż-żona kif imsemmi fl-Artikoli 10 u 11 jew ħabitats sensittivi oħra. L-Artikolu 11(1) jirreferi għall-mammiferi tal-baħar jew ir-rettili tal-baħar elenkati fl-Annessi II u IV tad-Direttiva 92/43/KEE u l-ispeċijiet ta’ għasafar tal-baħar koperti mid-Direttiva 2009/147/KE.

(3)

Id-denfil komuni (Delphinus delphis) hija speċi protetta strettament skont l-Anness IV tad-Direttiva 92/43/KEE, li jelenka ċ-ċetaċji kollha bħala speċi ta’ interess Komunitarju li jeħtieġu protezzjoni stretta. Skont l-ICES, l-abbundanza tad-denfil komuni fil-Golf tal-Biskalja hija ta’ 634 286 individwu (4). Il-qabdiet aċċessorji huma meqjusa bħala theddida kbira, u minn osservazzjonijiet fuq il-baħar hu stmat li bejn l-2019 u l-2021 inqabdu 5 938 denfil komuni. Dan il-valur huwa ogħla mil-limitu tat-Tneħħija Bijoloġika Potenzjali (PBR) (5), stmat bħala 4 926 individwu fis-sena (6).

(4)

Il-firxa ta’ delfinidi żgħar (dniefel komuni, dniefel bi strixxi u dniefel komuni jew strixxi mhux identifikati) kienet akbar fl-2021 milli fil-passat u l-osservazzjoni ta’ delfinidi żgħar fuq il-blata kontinentali tal-Golf tal-Biskalja kienet numeruża (7). 30 sena ilu nbdiet sensiela ta’ stħarriġiet fuq skala kbira bl-għan li jimmonitorjaw il-balieni, id-dniefel u l-foċeni fuq il-blata kontinentali u l-ilmijiet lil hinn mill-kosta tal-Atlantiku tal-Grigal. Parti mill-għan ġenerali huwa li jiġi vvalutat l-impatt tal-mortalità diretta kkawżata mill-attivitajiet tal-bniedem u li tiddaħħal l-informazzjoni li se tkun il-bażi biex tiġi identifikata kwalunkwe azzjoni ta’ konservazzjoni meħtieġa biex jiżdied l-istatus ta’ konservazzjoni taċ-ċetaċji (8).

(5)

L-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi r-regoli fil-livell reġjonali fir-rigward tal-miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi inkluż iċ-ċetaċji, billi jingħataw dettalji dwar iż-żoni ristretti, il-perjodi u l-limitazzjonijiet tal-irkaptu. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġbru d-data xjentifika dwar il-qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet sensittivi u biex jimmonitorjaw u jivvalutaw l-effettività tal-miżuri ta’ mitigazzjoni stabbiliti skont l-Anness XIII.

(6)

Skont il-punt 3 ta’ dak l-Anness, l-Istati Membri jridu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti għal miżuri ta’ mitigazzjoni addizzjonali għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet sensittivi, abbażi tal-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament, fejn l-evidenza xjentifika, ivvalidata mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jew mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), turi l-impatti negattivi tal-irkaptu tas-sajd fuq l-ispeċijiet ikkonċernati.

(7)

Fil-parir tiegħu tad-29 ta’ Ġunju 2023 (9), l-ICES ivvaluta mill-ġdid il-ħmistax-il xenarju ta’ mitigazzjoni li kien ittestja fil-parir tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2020 (10) u avża li sitta minn dawk ix-xenarji x’aktarx kienu jnaqqsu l-qabdiet aċċessorji tad-denfil komuni fis-sajd fil-Golf tal-Biskalja taħt il-limitu tat-tneħħija bijoloġika potenzjali (PBR), iżda biss għall-istimi tal-mortalità derivati mill-kampjunar fuq il-baħar. Barra minn hekk, l-ICES ikkunsidra li l-ebda wieħed mix-xenarji ta’ mitigazzjoni ma jirriżulta fi tnaqqis fil-mortalità annwali tad-denfil komuni taħt il-PBR għall-istimi tal-mortalità derivati kemm mill-kampjunar fuq il-baħar kif ukoll mill-irrokkar. L-ICES avża wkoll li: (i) l-għeluq temporali fis-Subżona 8 f’ċerti mestieri x’aktarx tkun l-aktar miżura ta’ ġestjoni effettiva biex titnaqqas il-mortalità tal-qabdiet aċċessorji fi żmien qasir; u (ii) li l-prestazzjoni tal-apparat akustiku deterrenti tiddependi fuq il-fatt li l-apparat akustiku deterrenti jaħdem bl-aħjar mod f’ċerti rkapti.

(8)

Fis-17 ta’ Jannar 2024, Franza adottat miżuri spazjo-temporali għall-bastimenti li jtajru bandiera barranija, bl-għan li jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji żgħar fil-Golf tal-Biskalja għas-sena 2024 (11), li kkompletaw il-miżuri diġà fis-seħħ għall-bastimenti Franċiżi bid-Digriet tal-24 ta’ Ottubru 2023, emendat bid-digriet tal-Conseil d’Etat tat-22 ta’ Diċembru 2023. Franza stabbiliet għeluq ta’ erba’ ġimgħat fejn is-sajd b’bastimenti ta’ aktar minn tmien metri li jużaw xbieki tat-tkarkir pelaġiku (OTM, PTM), xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi (PTB), għeżula (GNS), pariti (GTR) u tartaruni tal-borża (PS) kien ipprojbit mit-22 ta’ Jannar 2024 sal-20 ta’ Frar 2024 fl-ilmijiet Franċiżi tas-subżoni 8 a, b, c, u e tal-ICES. Fit-18 ta’ Jannar 2024, Spanja adottat regolament nazzjonali biex jiġi implimentat l-istess għeluq għall-flotta Spanjola fl-ilmijiet Franċiżi taż-żona 8 tal-ICES (12).

(9)

Fl-20 ta’ Ġunju 2024, il-grupp reġjonali tal-Ilmijiet tal-Lbiċ (il-Belġju, Spanja, Franza, in-Netherlands u l-Portugall) ippreżenta rakkomandazzjoni konġunta li tipproponi miżuri speċifiċi biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji żgħar fil-Bajja ta’ Biscay (is-Subżona 8 tal-ICES). L-Istati Membri pproponew żewġ miżuri ta’ ġestjoni għat-tnaqqis tal-qabdiet aċċessorji, kif ukoll miżuri ta’ monitoraġġ anċillari biex itejbu l-għarfien dwar l-interazzjonijiet bejn iċ-ċetaċji u l-attivitajiet tas-sajd. Il-miżuri ta’ ġestjoni jikkonsistu fl-użu ta’ apparat akustiku deterrenti għax-xbieki tat-tkarkir pelaġiku ta’ nofs l-ilma u x-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi kollha, u fl-għeluq tas-sajd mit-22 ta’ Jannar sal-20 ta’ Frar. Il-miżuri ta’ monitoraġġ biex tinġabar id-data xjentifika jikkonsistu f’reġistrazzjonijiet ta’ qabdiet aċċessorji ta’ ċetaċji żgħar fil-ġurnal ta’ abbord, kif ukoll reġistrazzjonijiet li jsiru billi jiġu koperti ċerti perċentwali tal-isforz tas-sajd mal-osservaturi jew b’sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ li jinkorporaw kameras abbord.

(10)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta pproponiet ukoll li: (i) bastimenti tat-tkarkir pelaġiku bil-pariti u bl-għeżula u bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi huma mħeġġa jesperimentaw bi rkaptu u b’tagħmir ġdid biex jeskludu ċ-ċetaċji; u (ii) l-Istati Membri jiġbru u jikkondividu data dwar il-qabdiet inċidentali mal-ICES u bejniethom.

(11)

Huma u jiżviluppaw ir-rakkomandazzjoni konġunta, il-Kunsill Konsultattiv tal-Ilmijiet tal-Lbiċ u l-Kunsill Konsultattiv tal-Istokkijiet Pelaġiċi ġew mistiedna jattendu, parzjalment, għal-laqgħat tal-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Ilmijiet tal-Lbiċ u tal-Grupp Tekniku.

(12)

Fil-laqgħa plenarja tiegħu bejn it-12 u s-16 ta’ Lulju 2024, l-STECF ikkunsidra l-miżuri proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta u kkonkluda li filwaqt li dawn jibqgħu inqas stretti mill-miżuri rakkomandati mill-ICES biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tad-denfil komuni fil-Golf tal-Biskalja taħt il-livell tal-PBR, jirrappreżentaw pass ’il quddiem fit-tentattiv biex jitnaqqsu tali qabdiet (13). L-STECF ikkunsidra wkoll li filwaqt li ma hemmx biżżejjed data biex tiġi evalwata l-prestazzjoni tal-għeluq fir-rigward tal-limitu tal-PBR, b’riżultat tal-miżuri adottati minn Franza fis-17 ta’ Jannar 2024, l-għadd totali ta’ dniefel komuni li rrokkaw naqas meta mqabbel mal-2023.

(13)

Fid-19 ta’ Settembru 2024, l-Istati Membri aġġornaw ir-rakkomandazzjoni konġunta biex jiċċaraw il-kejl tal-isforz tas-sajd li japplika għall-għeżula u għall-pariti u biex iżidu l-għeżula u l-pariti (GTN) kkombinati mal-lista ta’ rkapti li għalihom japplika l-għeluq.

(14)

Il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sajd u l-Akkwakultura ġie kkonsultat fl-20 ta’ Settembru 2024.

(15)

Il-Kummissjoni tqis li filwaqt li l-miżuri proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta huma inqas stretti mill-miżuri rakkomandati mill-ICES fis-sitt xenarji ta’ mitigazzjoni li x’aktarx inaqqsu l-qabdiet inċidentali taħt il-limitu tal-PBR, dawn se jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tad-dniefel komuni fil-Golf tal-Biskalja fl-2025.

(16)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li: (i) filwaqt li l-STECF jenfasizza li l-użu tal-apparat akustiku deterrenti huwa inqas konklużiv għad-dniefel milli għal speċijiet oħra, jirreferi wkoll għal studji reċenti li juru proporzjon aktar baxx ta’ qabdiet aċċessorji meta jintużaw apparati deterrenti għad-delfini; (ii) l-STECF iqis li l-isforzi ta’ riċerka li għaddejjin bħalissa, b’mod partikolari fir-rigward tal-effettività ta’ apparati akustiċi deterrenti, dalwaqt għandhom jagħtu riżultat; u (iii) fir-rigward tal-interazzjonijiet bejn id-dniefel u ċetaċji żgħar oħra u s-sajd, l-STECF huwa tal-fehma li l-monitoraġġ elettroniku huwa effettiv biex jimmonitorja l-avvenimenti tal-qabdiet inċidentali u għall-ġbir tad-data li se tinforma r-rati tal-qabdiet inċidentali.

(17)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi emendat skont dan, ħlief għall-miżuri miġbura fil-qosor fil-premessa 10, peress li: (i) ir-Regolament (UE) 2019/1241 diġà jippermetti lill-bastimenti tat-tkarkir pelaġiku bil-pariti u bl-għeżula, u lill-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi jesperimentaw bi rkaptu u b’tagħmir ġdid biex jeskludu ċ-ċetaċji; u (ii) l-Istati Membri diġà għandhom l-obbligu legali li jiġbru u jikkondividu d-data dwar il-qabdiet inċidentali mal-ICES u bejniethom.

(18)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-użu tal-kameras abbord ikun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Għalhekk, jenħtieġ li l-materjal vidjo rreġistrat miksub mill-kameras abbord jikkonċerna biss l-irkaptu u l-partijiet tal-bastimenti fejn il-qabdiet jittellgħu abbord, jiġu ttrattati, jinħażnu u ż-żoni kollha fejn jistgħu jseħħu qabdiet aċċessorji ta’ ċetaċji żgħar, u jenħtieġ li, kemm jista’ jkun, ma jippermettux l-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw ukoll l-anonimizzazzjoni tad-data personali mill-aktar fis possibbli.

(19)

Dan ir-Regolament Delegat huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tad-dniefel komuni u ċetaċji żgħar oħra li l-Kummissjoni tista’ tadotta skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (15) jew, f’każ ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati relatati ma’ theddida serja għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew għall-ekosistema tal-baħar skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), u miżuri nazzjonali aktar stretti li l-Istati Membri jistgħu jadottaw għal dak l-għan fl-ilmijiet tagħhom f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u r-Regolament (UE) 2019/1241.

(20)

Peress li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(3)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(4)  ICES (2020). Talba tal-UE dwar miżuri ta’ emerġenza sabiex tiġi evitata l-qabda aċċessorja tad-denfil komuni (Delphinus delphis) u tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali (Phocoena phocoena) fl-Atlantiku tal-Grigal, https://doi.org/10.17895/ices.advice.6023.

(5)  Il-limitu stmat mill-ICES biex jiġi żgurat li popolazzjoni tibqa’ fil-livell ta’ produttività netta massima tagħha jew tirkupra għalih (tipikament 50 % tal-popolazzjonijiet li jġorru l-kapaċità), bi probabbiltà ta’ 95 %, f’perjodu ta’ 100 sena.

(6)  ICES (2023). Workshop dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji tad-dniefel komuni fil-Golf tal-Biskalja (WKEMBYC2), https://doi.org/10.17895/ices.pub.21940337.v1.

(7)  ICES. 2023. Workshop dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji tad-dniefel komuni fil-Golf tal-Biskalja.

(8)  ASCOBANS. Iċ-Ċetaċji ż-Żgħar fl-ilmijiet Ewropej tal-Atlantiku u fil-Baħar tat-Tramuntana (SCANS-III): Introduzzjoni tal-Proġett. L-20 Laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv ASCOBANS. https://www.ascobans.org/sites/default/files/document/AC20_4.1.a_SCANSIII.pdf.

(9)  ICES (2023). Talba tal-UE dwar miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji tad-denfil komuni (Delphinus delphis) fil-Golf tal-Biskalja (Subżona 8 tal-ICES), https://doi.org/10.17895/ices.advice.23515176.

(10)  ICES (2020). Talba tal-UE dwar miżuri ta’ emerġenza sabiex tiġi evitata l-qabda aċċessorja tad-denfil komuni (Delphinus delphis) u tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali (Phocoena phocoena) fl-Atlantiku tal-Grigal, https://doi.org/10.17895/ices.advice.6023.

(11)  Arrêté du 17 janvier 2024 établissant des mesures spazjo-temporelles pour les navires battant pavillon étranger, visant la réduction des captures accidentelles de petits cétacés dans le golfe de Gascogne pour l’année 2024.

(12)  Orden APA/24/2024, de 18 de enero, por la que se modifica la Orden APA/1200/2020, de 16 de diciembre, por la que se establecen medidas de mitigación y mejora del conocimiento científico para reducir las capturas accidentales de cetáceos durante las actividades pesqueras.

(13)  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – Is-76 Rapport Plenarju (STECF-PLEN-24-02), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024.

(14)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(15)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (“id-Direttiva dwar il-Ħabitats”) (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(16)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).


ANNESS

Il-Parti A tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 hija emendata kif ġej:

(1)

l-entrata li ġejja tiżdied mat-tabella fil-punt 1.1(b) tal-punt 1:

“Żona

Irkaptu

Is-subżona 8 tal-ICES

Xbieki tat-tkarkir pelaġiku ta’ nofs l-ilma (OTM, PTM, TM) u xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi (PTB) (*1)

(2)

jiżdied li punt li ġej:

“4.   Miżuri speċjali fil-Golf tal-Biskalja (Subżona 8 tal-ICES)

4.1.

Projbizzjoni tas-sajd:

Is-sajd għandu jkun ipprojbit fl-ilmijiet Franċiżi sal-limitu estern taż-żona ekonomika esklużiva ta’ Franza fis-Subżona 8 tal-ICES bejn it-22 ta’ Jannar u l-20 ta’ Frar 2025 għal bastimenti ta’ aktar minn 8 metri li jġorru abbord xbieki tat-tkarkir pelaġiku (PTM, OTM), xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi (PTB), tartaruni tal-borża (PS), għeżula tal-qiegħ (GNS), pariti (GTR) jew għeżula u pariti kkombinati (GTN).

4.2.

Miżuri ta’ monitoraġġ:

4.2.1.

Il-miżuri ta’ monitoraġġ li ġejjin għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2025.

4.2.2.

Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni għandhom jirreġistraw separatament fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd il-qabdiet inċidentali tad-dniefel komuni u ta’ ċetaċji żgħar oħra*, irrispettivament mill-kwantitajiet u mill-piż;

4.2.3.

L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data dwar il-qabdiet tad-dniefel komuni u ċ-ċetaċji żgħar oħra permezz ta’ osservaturi abbord jew sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ li jinkorporaw kameras, billi jkopru:

mill-inqas 1 % tal-isforz totali tas-sajd imkejjel f’għadd ta’ jiem fuq il-baħar għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku bil-paranzi (PTM), bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi (PTB), bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti pelaġiċi (OTM), bil-pariti (GTR), bl-għeżula tal-qiegħ (GNS) u bit-tartaruni tal-borża (PS) tul is-sena kollha, u

mill-inqas 5 % tal-isforz totali tas-sajd imkejjel f’għadd ta’ jiem fuq il-baħar għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku bil-paranzi (PTM), bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi (PTB) u bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti pelaġiċi (OTM) minn Jannar sa Marzu 2025;

4.2.4.

matul il-perjodu ta’ riskju għoli ta’ qabdiet aċċessorji:

L-Istati Membri jistgħu jżidu l-kopertura tal-monitoraġġ fuq il-pariti (GTR) u l-għeżula ankrati (GNS) bejn 2 % u 5 % tal-isforz totali tas-sajd imkejjel f’jiem fuq il-baħar;

il-bastimenti jistgħu jkunu mgħammra b’sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ li jinkorporaw kameras.

*

L-ispeċijiet tal-familja Delphinidae u l-familja Phocoenidae li huma preżenti (b’mod permanenti jew temporanju) fis-subżona 8 tal-ICES.”

(*1)  Din il-miżura għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.”;


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3089/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)