|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3084 |
6.12.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3084
tal-4 ta’ Diċembru 2024
dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2023/1115 jistabbilixxi regoli li jimminimizzaw il-kontribut tal-Unjoni għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti. Jagħmel dan billi jimponi obbligi tad-diliġenza dovuta fuq l-operaturi u n-negozjanti li jintroduċu u jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni jew jesportaw minnu ċerti komoditajiet u prodotti. Fejn issir referenza għall-operaturi f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li tinftiehem li tirreferi wkoll għal negozjanti li mhumiex SMEs li jqiegħdu prodotti rilevanti fis-suq jekk id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma ġeneralment applikabbli għalihom f’konformità mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2023/1115, speċifikament l-Artikolu 5(1) tiegħu. |
|
(2) |
L-operaturi formalment jassumu r-responsabbiltà għall-konformità tal-prodotti rilevanti li jkunu beħsiebhom jintroduċu fis-suq jew li jesportaw billi jagħmlu disponibbli dikjarazzjonijiet tad-diliġenza dovuta (“Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta”). |
|
(3) |
Jeħtieġ tiġi żviluppata sistema ta’ informazzjoni u jiġi pprovdut aċċess għaliha lill-operaturi u lin-negozjanti, u jekk applikabbli, lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, lill-awtoritajiet kompetenti, u lill-awtoritajiet doganali, biex jimplimentaw l-obbligi rispettivi tagħhom stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1115. Jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni tiffaċilita t-trasferiment tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet doganali. |
|
(4) |
Jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni tkun applikazzjoni tas-software bbażata fuq il-pjattaforma TRACES stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li għandha tiġi żviluppata u miżmuma mill-Kummissjoni. |
|
(5) |
Għalhekk, jeħtieġ jiġu stabbiliti l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali tal-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni biex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi u armonizzati tar-Regolament (UE) 2023/1115. |
|
(6) |
Sabiex jingħelbu l-ostakli lingwistiċi, jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tittraduċi l-interfaċċa tal-utent tas-sistema ta’ informazzjoni għal-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. |
|
(7) |
Sabiex jissodisfaw l-obbligi u l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2023/1115, l-operaturi, in-negozjanti, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali, u l-Kummissjoni jaf ikunu jeħtieġu jiskambjaw informazzjoni li jaf tkun tinkludi data personali. Jenħtieġ li kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni bħal dan ikun jikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2016/679 (3) u (UE) 2018/1725 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għaldaqstant, l-iskambju ta’ data personali meħtieġ biex ikun hemm konformità mal-obbligi u biex jitwettqu l-kompiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1115 jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ipproċessar legali tad-data skont l-Artikolu 5(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/1725, u l-Artikolu 6(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2016/679. |
|
(8) |
Jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni tintuża biex tappoġġa lill-operaturi, lin-negozjanti u lill-awtoritajiet kompetenti fil-preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa dwar prodotti rilevanti li ġew introdotti jew imqiegħda fis-suq jew esportati, jew fl-aċċess għaliha. Jenħtieġ li d-data personali li tista’ tiġi skambjata permezz tas-sistema ta’ informazzjoni tiġi pproċessata biss għall-fini li jiġu ssodisfati l-obbligi u l-kompiti skont ir-Regolament (UE) 2023/1115. Meta d-data personali tiġi pproċessata fl-operat tas-sistema ta’ informazzjoni għall-fini li jiġu ssodisfati l-obbligi u l-kompiti skont ir-Regolament (UE) 2023/1115, l-operaturi u n-negozjanti, u jekk applikabbli, ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti, u l-awtoritajiet doganali jenħtieġ li jkunu kontrolluri skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679, u l-Kummissjoni jenħtieġ li tkun kontrollur skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-attivitajiet ta’ pproċessar li jwettqu. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali jkunu kontrolluri konġunti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 għall-attivitajiet ta’ pproċessar meta jwettqu kompiti f’kooperazzjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/1115. |
|
(9) |
Jenħtieġ li fis-sistema ta’ informazzjoni jsiru l-ipproċessar, it-trażmissjoni, il-ħżin, u pproċessar ieħor tad-data personali ta’ persuni fiżiċi, għall-fini li jiġu ssodisfati l-obbligi u l-kompiti skont ir-Regolament (UE) 2023/1115. |
|
(10) |
Jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni tipproċessa d-data personali sa fejn ikun strettament meħtieġ għall-fini li jiġu ssodisfati l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2023/1115. Jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni tipproċessa biss il-kategoriji tad-data personali elenkati fl-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(11) |
Jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni ma taħżinx id-data personali ppreżentata mill-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni f’għamla li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal aktar żmien milli strettament meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi pproċessata d-data personali. Dan il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ 10 snin mid-data meta d-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta tiġi ppreżentata permezz tas-sistema ta’ informazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-proċessi tal-manifattura fuq perjodu twil ta’ żmien biex l-operaturi u n-negozjanti, u jekk applikabbli, ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, ikunu jistgħu jagħmlu referenza għad-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta eżistenti skont l-Artikolu 33(2)(c) tar-Regolament (UE) 2023/1115 u jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jaċċertaw li d-diliġenza dovuta relatata mal-prodotti rilevanti li jinsabu fil-prodotti rilevanti jew li huma magħmula minnhom ġiet eżerċitata skont l-Artikolu 4(9) tar-Regolament (UE) 2023/1115. Meta jkun meħtieġ, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li d-data personali tinħażen u tiġi pproċessata għal żmien itwal, sabiex jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet u l-obbligi individwali tal-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1115. |
|
(12) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi aċċess lill-pubbliku inġenerali għas-settijiet tad-data tas-sistema ta’ informazzjoni kompletament anonimizzati u f’format miftuħ li jinqara minn magna f’konformità mal-Politika tad-Data Miftuħa tal-Unjoni, li għandha tiġi stabbilita f’forma ta’ settijiet tad-data aggregati u anonimizzati kif suppost li jenħtieġ li jkunu aċċessibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni. |
|
(13) |
Skont il-prinċipji tal-protezzjoni mid-disinn u b’mod awtomatiku, jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni tiġi żviluppata u mfassla b’rispett dovut għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari minħabba r-restrizzjonijiet imposti fuq l-aċċess għad-data personali skambjata fis-sistema ta’ informazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni toffri livell konsiderevolment ogħla ta’ protezzjoni u sigurtà minn metodi oħra ta’ skambju tal-informazzjoni, bħat-telefown, il-posta regolari, jew il-posta elettronika. |
|
(14) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tforni u timmaniġġja s-software u l-infrastruttura tal-IT tas-sistema ta’ informazzjoni, tiżgura l-affidabbiltà, is-sigurtà, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni u l-operat tagħha, u tkun involuta fit-taħriġ u l-assistenza teknika li jingħataw l-atturi u l-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni. Jenħtieġ li s-sistema ta’ informazzjoni tippermetti skambju effettiv tad-data ma’ sistemi rilevanti u sorsi tad-data tas-Servizzi tal-Kummissjoni. |
|
(15) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tas-sistema ta’ informazzjoni biex jirriflettu l-istrutturi amministrattivi interni tagħhom, u biex jimplimentaw fis-sistema ta’ informazzjoni tip speċifiku ta’ xogħol jew ordni ta’ stadji fi proċess ta’ xogħol partikolari filwaqt li jirrispettaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Kapitolu 3 tar-Regolament (UE) 2023/1115. |
|
(16) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) 2023/1115, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu azzjonijiet fis-sistema ta’ informazzjoni biex jiżguraw il-konformità ma’ dak ir-Regolament, inkluż it-tfassil ta’ profili tar-riskju għall-pjan ta’ verifiki msemmi fl-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2023/1115, ir-riżultati tal-verifiki li jsiru fuq l-operaturi u n-negozjanti, is-sospensjoni tal-ħruġ ta’ numri ta’ referenza assenjati lid-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta u, f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mhux rettifikabbli, ir-rifjut tad-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta kkonċernati. Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2023/1115, li jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu verifiki fit-territorju tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jaġixxu fuq id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta li għalihom tiġi pprovduta informazzjoni fis-sistema ta’ informazzjoni, mill-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni, rigward l-Istat Membru fejn prodott jidħol jew joħroġ mis-suq tal-Unjoni jew jitqiegħed fih. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaġixxu fuq id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta tal-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom jew assoċjati miegħu. |
|
(17) |
L-informazzjoni li tasal lill-awtorità kompetenti, lill-awtorità doganali, lill-Kummissjoni, jew lil kwalunkwe awtorità oħra li ngħatat aċċess għall-informazzjoni permezz tas-sistema ta’ informazzjoni minn awtorità kompetenti oħra, minn awtorità doganali oħra, mill-Kummissjoni jew minn awtorità oħra bħal din jenħtieġ li ma tiġix imċaħħda mill-valur tagħha bħala evidenza fi proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali rilevanti biss għar-raġuni li oriġinat minn Stat Membru ieħor, jew waslet b’mezzi elettroniċi. Jenħtieġ li tali informazzjoni tiġi ttrattata mill-utenti rilevanti tas-sistema ta’ informazzjoni kif jiġu ttrattati dokumenti simili li joriġinaw mill-Istat Membru tagħha. |
|
(18) |
Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu pproċessati l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni jekk dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi u jiġu ssodisfati l-obbligi tar-Regolament (UE) 2023/1115 u ta’ dan ir-Regolament, inkluż il-monitoraġġ tal-użu tas-sistema ta’ informazzjoni mill-amministraturi tas-sistema ta’ informazzjoni u mill-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni, l-inizjattivi ta’ komunikazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni, u l-ġbir ta’ informazzjoni b’rabta mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115, jew l-assistenza reċiproka skont dak ir-Regolament. |
|
(19) |
Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv tal-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni u r-rappurtar dwaru, l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali, jew awtoritajiet oħra li jkunu ngħataw aċċess għas-sistema ta’ informazzjoni jenħtieġ li jagħmlu l-informazzjoni rilevanti disponibbli għall-Kummissjoni meta tali informazzjoni tkun meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament (UE) 2023/1115 u skont dan ir-Regolament. |
|
(20) |
Jenħtieġ li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom fis-sistema ta’ informazzjoni u d-drittijiet li jibbenefikaw minnhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt tal-aċċess għad-data li tikkonċernahom, u d-dritt li d-data mhux preċiża tiġi kkoreġuta u li d-data pproċessata illegalment titħassar. |
|
(21) |
Kull utent tas-sistema ta’ informazzjoni, bħala kontrollur fir-rigward tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data li jwettaq fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115 jenħtieġ li jiżgura li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725. Jenħtieġ li dan jinkludi l-istabbiliment ta’ proċess sabiex tiġi ttestjata, ivvalutata u evalwata b’mod regolari l-effettività tal-miżuri tekniċi u organizzazzjonali ħalli tiġi żgurata s-sigurtà tal-ipproċessar. |
|
(22) |
Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-prestazzjoni tas-sistema ta’ informazzjoni jiġu mmonitorjati fir-rapport dwar il-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni bbażat fuq data statistika mis-sistema ta’ informazzjoni u kwalunkwe data rilevanti oħra. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Jenħtieġ li r-rapport jindirizza wkoll aspetti relatati mal-protezzjoni tad-data personali fis-sistema ta’ informazzjoni, inkluża s-sigurtà tad-data. |
|
(23) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fil-5 ta’ Novembru 2024. |
|
(24) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolament (UE) dwar il-prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-funzjonament tas-sistema ta’ informazzjoni, inkluż ir-regoli għall-protezzjoni tad-data personali u għall-iskambju tad-data ma’ sistemi oħra tal-IT.
Artikolu 2
Varar u użu tas-sistema ta’ informazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha:
|
(a) |
tiżviluppa s-sistema ta’ informazzjoni bħala modulu indipendenti tal-pjattaforma TRACES; |
|
(b) |
tiżgura l-funzjonament, il-manutenzjoni, l-appoġġ u kwalunkwe aġġornament jew żvilupp meħtieġ tas-sistema ta’ informazzjoni. |
2. Is-sistema ta’ informazzjoni għandha tintuża mill-operaturi u min-negozjanti, u jekk ikun applikabbli, mir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, biex jippreżentaw u jimmaniġġaw id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta u biex jivverifikaw il-validità tan-numri ta’ referenza, u mill-awtoritajiet kompetenti, mill-awtoritajiet doganali u mill-Kummissjoni biex jaċċessaw id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta u jaġixxu fuqhom, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni li tkun tinkludi data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet doganali u l-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar tar-Regolament (UE) 2023/1115. Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni bħal dan għandu jikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.
3. Id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta huma attribwiti fis-sistema ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti f’din l-ordni:
|
(a) |
jekk l-utent tas-sistema ta’ informazzjoni jipprovdi informazzjoni li tindika l-Istat Membru fejn il-prodott rilevanti jidħol jew joħroġ mis-suq tal-Unjoni, jew fin-nuqqas ta’ dan, fejn il-prodott rilevanti jiġi introdott jew jitqiegħed fis-suq, id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta għandhom jiġu attribwiti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru; |
|
(b) |
fin-nuqqas tal-informazzjoni meħtieġa mis-subparagrafu a), id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta għandhom jiġu attribwiti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-utent tas-sistema ta’ informazzjoni. F’każ li l-utent tas-sistema ta’ informazzjoni jkun stabbilit barra mill-Unjoni, id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta għandhom jiġu attribwiti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li miegħu jkun assoċjat l-utent tas-sistema ta’ informazzjoni skont l-identifikatur li jingħata meta jirreġistra fis-sistema ta’ informazzjoni. |
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2023/1115, fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679, u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
it-terminu “sistema ta’ informazzjoni” jfisser is-sistema ta’ informazzjoni stabbilita u miżmuma mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2023/1115; |
|
(b) |
it-terminu “attur tas-sistema ta’ informazzjoni” jfisser l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali skont ir-Regolament (UE) 2023/1115, u l-Kummissjoni, li jwettqu l-kompiti mogħtija lilhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1115; |
|
(c) |
it-terminu “utent tas-sistema ta’ informazzjoni” jfisser l-operaturi u n-negozjanti, u r-rappreżentanti awtorizzati tagħhom, fejn applikabbli, skont ir-Regolament (UE) 2023/1115 li huma identifikati permezz ta’ reġistrazzjoni individwali fl-EU Login, is-servizz ta’ awtentikazzjoni tal-utenti tal-Kummissjoni Ewropea; |
|
(d) |
it-terminu “Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta” jfisser Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta ppreżentata mill-utent tas-sistema ta’ informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2023/1115; |
|
(e) |
it-terminu “numru ta’ referenza” jfisser in-numru ta’ referenza assenjat mis-sistema ta’ informazzjoni lid-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta ppreżentata mill-utent tas-sistema ta’ informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2023/1115; |
|
(f) |
it-terminu “numru ta’ verifika” jfisser numru tas-sigurtà assenjat mis-sistema ta’ informazzjoni lid-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta ppreżentata mill-utent tas-sistema ta’ informazzjoni biex tiġi żgurata sigurtà addizzjonali tad-data li tinsab fid-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta; |
|
(g) |
it-terminu “tfassil ta’ profili tar-riskju” jfisser l-identifikazzjoni tar-riskji ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ prodott rilevanti fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1115 fis-sistema ta’ informazzjoni, abbażi ta’ kriterji tar-riskju, għall-fini li jiġi assenjat lil kull Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta ppreżentata fis-sistema ta’ informazzjoni, inkluż wara kull darba li tiġi emendata, status tar-riskju li jirrifletti dawn ir-riskji. |
KAPITOLU II
FUNZJONAMENT TAS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI
Artikolu 4
Preżentazzjoni tad-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta
1. Ħlief meta d-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta ssir disponibbli permezz tal-interfaċċa elettronika msemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2023/1115, l-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni għandhom jippreżentaw u jimmaniġġjaw id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta tal-prodotti rilevanti fis-sistema ta’ informazzjoni.
2. Meta prodott rilevanti jkun fih l-injam jew ikun sar bl-użu tal-injam, l-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni għandhom idaħħlu fid-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta l-ismijiet komuni u l-ismijiet xjentifiċi sħaħ tal-ispeċijiet tal-injam li fihom il-prodotti rilevanti jew li jkunu saru bihom.
Artikolu 5
Emenda u rtirar ta’ Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta
1. Is-sistema ta’ informazzjoni għandha tippermetti lill-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni jemendaw jew jirtiraw id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta fi żmien 72 siegħa wara li n-numru ta’ referenza għad-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta jkun sar disponibbli fis-sistema ta’ informazzjoni.
2. Id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta ma jistgħux jiġu emendati jew irtirati fiż-żmien stipulat fil-paragrafu 1 wara li d-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta tkun intużat bħala referenza f’Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta ppreżentata mill-istess utent jew minn utent ieħor tas-sistema ta’ informazzjoni.
3. Id-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta ma għandhiex tiġi emendata jew irtirata minn utent tas-sistema ta’ informazzjoni wara li:
|
(a) |
l-utent tas-sistema ta’ informazzjoni jkun ġie nnotifikat dwar l-intenzjoni li titwettaq verifika tad-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta jew tal-prodott rilevanti assoċjat mad-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta, għall-perjodu tal-verifika; |
|
(b) |
il-prodott rilevanti ġie introdott jew tqiegħed fis-suq tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2023/1115; |
|
(c) |
in-numru ta’ referenza tad-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta kien ipprovdut lill-awtoritajiet doganali jew sar disponibbli għalihom qabel ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera jew l-esportazzjoni ta’ prodott rilevanti li jidħol jew joħroġ mis-suq bħala parti mill-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu 4 tar-Regolament (UE) 2023/1115. |
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 u 3, fuq talba individwali u motivata ta’ utent tas-sistema ta’ informazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jestendu l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 qabel jiskadi. Din l-estensjoni ma għandhiex tkun itwal minn 8 ijiem kalendarji. It-talba għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-utent tas-sistema ta’ informazzjoni, li għandu, bħala parti mit-talba motivata tiegħu, jiddikjara li l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu mhuwiex applikabbli. Din l-estensjoni għandha tkun possibbli wkoll b’mod retroattiv wara li jkun intemm il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.
5. Id-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta emendata għandha tkun soġġetta għat-tfassil ta’ profili tar-riskju kif stabbilit fl-Artikolu 6. It-tfassil ta’ profili tar-riskju għandu japplika għad-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta emendata kollha.
Artikolu 6
Tfassil ta’ profili tar-riskju
1. Is-sistema ta’ informazzjoni għandha tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw sitwazzjonijiet fis-sistema ta’ informazzjoni fejn il-prodotti rilevanti jkunu jippreżentaw riskju tant għoli ta’ nuqqas ta’ konformità li jkunu jeħtieġu azzjoni immedjata qabel dawk il-prodotti rilevanti jiġu introdotti jew jitqiegħdu fis-suq jew jiġu esportati, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2023/1115, u jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw il-verifiki li għandhom jitwettqu u biex iwettqu l-kompiti mogħtija lilhom skont il-Kapitolu 3 tar-Regolament (UE) 2023/1115.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, is-sistema ta’ informazzjoni għandha tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu profili tar-riskju fis-sistema ta’ informazzjoni biex jappoġġaw deċiżjoni infurmata għall-għażla ta’ operaturi jew negozjanti jew prodotti rilevanti assoċjati mad-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta li fuqhom għandhom jitwettqu l-verifiki. Dawn il-profili tar-riskju għandhom ikunu bbażati, inter alia, fuq il-kriterji tar-riskju stabbiliti fil-pjan annwali ta’ verifiki tagħhom skont l-Artikolu 16(5) tar-Regolament (UE) 2023/1115, li huwa stabbilit f’konformità mal-approċċ tagħhom ibbażat fuq ir-riskju, skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2023/1115.
3. Hekk kif tiġi ppreżentata fis-sistema ta’ informazzjoni, kull Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta għandha tkun soġġetta għal tfassil ta’ profili tar-riskju elettroniku awtomatizzat, u s-sistema ta’ informazzjoni għandha tassenja status tar-riskju lil kull Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta.
4. Fi kwalunkwe stadju wara li tiġi ppreżentata Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrevedu Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta biex jiddeterminaw jekk prodott rilevanti jikkonformax mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2023/1115. F’każ bħal dan, minħabba r-riżultat tar-rieżami, dawn l-awtoritajiet jistgħu jassenjaw status tar-riskju ġdid lid-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta. Jekk l-awtorità kompetenti tassenja status tar-riskju ġdid lil Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta, dan l-istatus tar-riskju ġdid jieħu preċedenza fuq status tar-riskju assenjat skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 7
Assenjar u disponibbiltà tan-numri ta’ referenza
1. Is-sistema ta’ informazzjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tassenja numru ta’ referenza u numru ta’ verifika lid-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta ppreżentata mill-utent tas-sistema ta’ informazzjoni wara li tikkonkludi t-tfassil ta’ profili tar-riskju msemmi fl-Artikolu 6.
2. In-numru ta’ referenza u n-numru ta’ verifika għandhom ikunu disponibbli għall-utent tas-sistema ta’ informazzjoni malli jiġi konkluż it-tfassil ta’ profili tar-riskju msemmi fl-Artikolu 6.
3. Is-sistema ta’ informazzjoni għandha tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jdewmu d-disponibbiltà tan-numru ta’ referenza biex jistabbilixxu jekk il-prodotti rilevanti jikkonformawx mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2023/1115 u, b’mod partikolari, biex jivverifikaw li s-sitwazzjoni identifikata msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament mhijiex applikabbli għal dak il-prodott rilevanti. Dan id-dewmien għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u ma għandux jaqbeż il-perjodu stipulat fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2023/1115. Jista’ jerġa’ jiġi estiż jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk.
Artikolu 8
Rifjut tad-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta
1. Sabiex jiġi evitat li prodott rilevanti li ma jikkonformax mar-Regolament (UE) 2023/1115 jiġi introdott jew jitqiegħed fis-suq jew jiġi esportat skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2023/1115, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrifjutaw Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta, sakemm in-numru ta’ referenza ta’ Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta ma jkunx diġà sar disponibbli għall-utent tas-sistema ta’ informazzjoni.
2. Il-prodott rilevanti ddikjarat f’Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta rrifjutata għandu jitqies mhux kopert minn Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta kif meħtieġ mill-Artikolu 3, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/1115.
3. Ir-rifjut għandu jiġi rifless fis-sistema ta’ informazzjoni bl-assenjazzjoni ta’ status speċifiku lid-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta kkonċernata.
KAPITOLU III
FUNZJONIJIET U RESPONSABBILTAJIET FIR-RIGWARD TAS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI
Artikolu 9
Funzjonijiet u responsabbiltajiet tal-Kummissjoni
Minbarra l-kompiti elenkati fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti li ġejjin fir-rigward tas-sistema ta’ informazzjoni:
|
(a) |
il-provvista ta’ għarfien, taħriġ, u appoġġ, inkluża assistenza teknika, lill-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni u lill-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni fir-rigward tal-użu tas-sistema ta’ informazzjoni; |
|
(b) |
l-għoti ta’ aċċess lill-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni maħtura minn kull Stat Membru; |
|
(c) |
l-għoti ta’ aċċess lill-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni, li huma taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti; |
|
(d) |
l-ipproċessar tad-data personali fis-sistema ta’ informazzjoni, meta jkun meħtieġ minn dan ir-Regolament, jew għall-implimentazzjoni u l-infurzar skont ir-Regolament (UE) 2023/1115; |
|
(e) |
il-provvista ta’ servizzi tal-web biex l-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni jippreżentaw u jimmaniġġjaw id-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta fis-sistema ta’ informazzjoni b’mod awtomatizzat; |
|
(f) |
il-provvista ta’ servizzi tal-web biex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu l-kompiti marbuta mad-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta ppreżentati fis-sistema ta’ informazzjoni b’mod awtomatizzat. |
|
(g) |
il-provvista tal-interfaċċa elettronika skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2023/1115; |
|
(h) |
is-sospensjoni u r-revoka tal-aċċess tal-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-utent tas-sistema ta’ informazzjoni, jew, f’każ li l-utent ikun stabbilit barra mill-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li miegħu jkun assoċjat l-utent tas-sistema ta’ informazzjoni skont l-identifikatur li jingħata meta jirreġistra fis-sistema ta’ informazzjoni. |
Artikolu 10
Drittijiet ta’ aċċess tal-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni
1. L-utenti rreġistrati tas-sistema ta’ informazzjoni biss għandu jkollhom aċċess għas-sistema ta’ informazzjoni.
2. L-awtentikazzjoni għas-sistema ta’ informazzjoni għandha ssir permezz tal-EU Login, is-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
3. L-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni li jkunu ppreżentaw fis-sistema ta’ informazzjoni, jew li jkunu ngħataw aċċess għaliha minn utent ieħor tas-sistema ta’ informazzjoni permezz ta’ numri ta’ referenza u numri ta’ verifika tad-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta assoċjati.
Artikolu 11
Drittijiet ta’ aċċess tal-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għad-data, l-informazzjoni u d-dokumenti kollha fis-sistema ta’ informazzjoni għall-fini tal-produzzjoni ta’ rapporti u għall-iżvilupp, il-funzjonament u l-manutenzjoni tas-sistema.
2. Il-Kummissjoni għandha tagħti u tista’ tirrevoka d-drittijiet ta’ aċċess lill-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni f’każ ta’ bidla fil-kompetenzi skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2023/1115.
3. L-awtentikazzjoni għas-sistema ta’ informazzjoni għandha ssir permezz tal-EU Login, is-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
4. L-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni għandhom jistabbilixxu mezzi xierqa biex jiżguraw li l-utenti individwali li jirrappreżentaw lill-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni fis-sistema ta’ informazzjoni jitħallew jaċċessaw id-data personali pproċessata fis-sistema ta’ informazzjoni biss fejn ikun strettament meħtieġ għall-implimentazzjoni u l-infurzar skont ir-Regolament (UE) 2023/1115.
5. L-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha fis-sistema ta’ informazzjoni li hija meħtieġa għall-fini tal-issodisfar tal-obbligi u l-kompiti tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2023/1115.
KAPITOLU IV
IPPROĊESSAR TAD-DATA PERSONALI U SIGURTÀ
Artikolu 12
Ipproċessar tad-data personali fis-sistema ta’ informazzjoni
1. It-trażmissjoni, il-ħżin u pproċessar ieħor tad-data personali fis-sistema ta’ informazzjoni jistgħu jsiru biss kif meħtieġ, b’mod proporzjonat u għall-finijiet li ġejjin biss:
|
(a) |
l-appoġġ tal-komunikazzjonijiet bejn l-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni b’rabta mal-implimentazzjoni u l-infurzar skont ir-Regolament (UE) 2023/1115; |
|
(b) |
l-immaniġġjar ta’ każijiet mill-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni meta jwettqu l-attivitajiet tagħhom stess b’rabta mal-implimentazzjoni u l-infurzar skont ir-Regolament (UE) 2023/1115; |
|
(c) |
it-twettiq tat-trasformazzjonijiet tan-negozju u tekniċi tad-data elenkata f’dan ir-Regolament, meta dan ikun meħtieġ biex jippermetti l-iskambju u l-użu tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b). |
2. L-ipproċessar tad-data personali fis-sistema ta’ informazzjoni jista’ jsir biss fir-rigward tal-kategoriji tad-data personali li ġejjin:
|
(a) |
data ta’ identifikazzjoni: l-isem u l-kunjom, l-identifikatur uniku inkluż in-numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (“EORI”, Economic Operators Registration and Identification number), f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jekk applikabbli; |
|
(b) |
id-dettalji ta’ kuntatt professjonali: l-email u l-indirizz postali, il-pajjiż tar-residenza jew il-pajjiż tal-uffiċċju rreġistrat, in-numru tat-telefown u n-numru tal-fax, jekk applikabbli; |
|
(c) |
ir-rwol tal-utent tas-sistema ta’ informazzjoni; |
|
(d) |
data dwar il-ġeolokalizzazzjoni skont l-Artikolu 2(28) tar-Regolament (UE) 2023/1115, fejn jistgħu jiġu identifikati l-persuni fiżiċi; |
|
(e) |
l-awtentikazzjoni tal-utent u d-data dwar l-aċċess biex tiġi aċċessata s-sistema ta’ informazzjoni: l-indirizz IP u l-identifikatur tal-utent. |
3. Is-sistema ta’ informazzjoni għandha taħżen il-kategoriji tad-data personali elenkati fil-paragrafu 2, li ġiet ipproċessata għall-implimentazzjoni u l-infurzar skont ir-Regolament (UE) 2023/1115.
4. Il-ħżin tad-data msemmi fil-paragrafu 2 għandu jitwettaq bl-użu tal-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informazzjoni li tinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea.
5. Is-sistema ta’ informazzjoni għandha taħżen id-data personali li tinsab fid-Dikjarazzjonijiet tad-Diliġenza Dovuta għal mhux aktar minn 10 snin mid-data meta d-Dikjarazzjoni tad-Diliġenza Dovuta tiġi ppreżentata fis-sistema ta’ informazzjoni. Il-perjodu tal-ħżin jista’ jerġa’ jiġi estiż mill-Kummissjoni fuq talba individwali tal-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni jew tal-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni, meta dan ikun meħtieġ biex jikkonformaw mar-responsabbiltajiet u l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2023/1115.
6. Mingħajr preġudizzju għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikolu 14, kull attur tas-sistema ta’ informazzjoni għandu jkun kontrollur separat skont it-tifsira tar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data li jitwettqu mill-attur tas-sistema ta’ informazzjoni.
7. L-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, li t-tnejn li huma jaġixxu fl-ambitu tal-kompetenza rispettiva tagħhom, għandhom jiżguraw superviżjoni kkoordinata tas-sistema ta’ informazzjoni u l-użu tagħha mill-atturi tas-sistema ta’ informazzjoni u mill-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 13
Ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tkun kontrollur skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (8), tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni, inkluż l-ipproċessar tad-data personali meta tirreġistra lill-utenti tas-sistema ta’ informazzjoni fis-sistema ta’ informazzjoni.
2. Meta l-Kummissjoni tipproċessa d-data personali fl-operat tas-sistema ta’ informazzjoni f’isem atturi oħra tas-sistema ta’ informazzjoni għall-fini tal-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2023/1115, għandha titqies bħala proċessur skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2018/1725.
3. Il-Kummissjoni għandha tkun proċessur skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-ipproċessar tad-data personali mwettqa għal investigazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/1115 imwettqa fil-kuntest tal-implimentazzjoni u l-infurzar skont ir-Regolament (UE) 2023/1115.
Artikolu 14
Kontroll konġunt fis-sistema ta’ informazzjoni
Meta l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali skont ir-Regolament (UE) 2023/1115 iwettqu l-implimentazzjoni u l-infurzar f’kooperazzjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2023/1115, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet doganali kkonċernati għandhom ikunu kontrolluri konġunti, skont it-tifsira tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, għat-trażmissjoni, il-ħżin, u pproċessar ieħor tad-data personali fis-sistema ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni partikolari. Fejn meħtieġ skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, il-kontrolluri għandhom jiddeterminaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2016/679 permezz ta’ arranġament bejniethom.
Artikolu 15
Sigurtà
1. Il-Kummissjoni għandha ddaħħal fis-seħħ il-miżuri meħtieġa u tal-ogħla livell biex tiżgura s-sigurtà tad-data personali pproċessata fis-sistema ta’ informazzjoni, inkluż kontroll xieraq tal-aċċess għad-data u pjan tas-sigurtà, li għandhom jinżammu aġġornati.
2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa u tal-ogħla livell f’każ ta’ inċident ta’ sigurtà, tieħu azzjoni ta’ rimedju, u tiżgura li għandu jkun possibbli li jiġi vverifikat liema data personali tkun ġiet ipproċessata fis-sistema ta’ informazzjoni, meta, minn min, u għal liema fini.
3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-miżuri rigward il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 16
Kunfidenzjalità
1. Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom japplikaw ir-regoli tagħhom dwar is-segretezza professjonali jew dmirijiet ekwivalenti oħra ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tas-sistema ta’ informazzjoni f’konformità mad-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni.
2. Kull attur tas-sistema ta’ informazzjoni għandu jiżgura li t-talbiet ta’ atturi oħra tas-sistema ta’ informazzjoni għat-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni skambjata fis-sistema ta’ informazzjoni jiġu rispettati mill-individwi li jaħdmu taħt l-awtorità tagħhom.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 17
Traduzzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel is-sistema ta’ informazzjoni disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.
2. Attur tas-sistema ta’ informazzjoni jista’ jipproduċi u juża, fir-rigward tat-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu li jingħata f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1115, kwalunkwe informazzjoni, dokument, sejba, dikjarazzjoni, jew kopja attestata li jkun irċieva fis-sistema ta’ informazzjoni, fuq l-istess bażi ta’ informazzjoni simili miksuba f’pajjiżu stess, għal finijiet kompatibbli ma’ dawk li għalihom id-data inġabret oriġinarjament u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali rilevanti.
Artikolu 18
Kostijiet
1. Il-kostijiet imġarrba għall-istabbiliment, il-manutenzjoni u l-operat tas-sistema ta’ informazzjoni għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni.
2. Il-kostijiet assoċjati mas-sistema ta’ informazzjoni fil-livell ta’ Stat Membru, inkluż ir-riżorsi umani meħtieġa għat-taħriġ, il-promozzjoni, l-attivitajiet ta’ assistenza teknika, kif ukoll għall-użu tas-sistema ta’ informazzjoni fil-livell nazzjonali u kwalunkwe adattament meħtieġ għan-networks u s-sistemi ta’ informazzjoni nazzjonali għandhom jitħallsu mill-Istat Membru li jġarrabhom.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1115/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1 (ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/3084/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)