European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3082

5.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3082

tal-4 ta’ Diċembru 2024

dwar miżuri ta’ trasparenza li jikkonċernaw il-laqgħat li jsiru bejn il-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali u r-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/838/UE, Euratom

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-istituzzjonijiet għandhom, b’mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta’ azzjoni kollha tal-Unjoni u għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u mal-Artikolu 11(3) tat-TUE, il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa qabel tipproponi atti leġiżlattivi.

(2)

Skont l-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta’ amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti.

(3)

Sabiex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-leġittimità tal-proċessi politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-kuntatti mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess jitwettqu b’mod trasparenti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni hija impenjata li tippromwovi rappreżentanza tal-gruppi ta’ interess etika u trasparenti permezz tar-reġistru tat-trasparenza obbligatorju (1).

(4)

Fl-4 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2024/3081 (2) li tistabbilixxi miżuri ta’ trasparenza li jikkonċernaw il-laqgħat li jsiru bejn il-Membri tal-Kummissjoni jew il-membri tal-Kabinett tagħhom u r-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess. Il-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali jista’ jkollu wkoll laqgħat ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess għal skopijiet simili bħal-laqgħat imsemmija f’dik id-Deċiżjoni. Huwa għalhekk xieraq li jiġu applikati rekwiżiti ta’ trasparenza simili għal dawn il-laqgħat.

(5)

Fid-dawl tal-esperjenza pożittiva bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-laqgħat li jsiru bejn id-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess dwar kwistjonijiet relatati mat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-politika fl-Unjoni, jenħtieġ li tinżamm il-prattika li l-informazzjoni dwar tali laqgħat issir pubblika u li tiġi estiża għall-persunal kollu tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali. Filwaqt li ma hemmx bżonn ta’ aktar miżuri fir-rigward tal-parteċipazzjoni tad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni jew persunal ieħor tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali f’avvenimenti pubbliċi, peress li tali informazzjoni diġà tinsab fid-dominju pubbliku, jenħtieġ li l-persunal kollu tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali jippubblika l-informazzjoni dwar il-laqgħat kollha li jsiru minnu ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess.

(6)

Filwaqt li skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2018/0700 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea (3), il-Membri tal-Kummissjoni u l-membri tal-Kabinett tagħhom diġà jiltaqgħu biss ma’ dawk ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li huma rreġistrati fir-reġistru tat-trasparenza sakemm dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali, jenħtieġ li din il-miżura tapplika għall-persunal kollu tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali biex ikun hemm approċċ konsistenti u standard għoli ta’ trasparenza.

(7)

Il-laqgħat li ma jsirux fil-qafas tal-attivitajiet koperti, kif definiti fl-Artikoli 3 u 4 tal-Ftehim Interistituzzjonali jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, il-laqgħat ma’ rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni, li jirriflettu l-kors normali tar-relazzjonijiet interistituzzjonali, jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. Il-laqgħat mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, inklużi r-rappreżentanzi permanenti u l-ambaxxati tagħhom, fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali, jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni peress li dawk l-awtoritajiet isegwu l-interess ġenerali u jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Kummissjoni skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali. Il-laqgħat mal-assoċjazzjonijiet u man-networks tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew sottonazzjonali jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-assoċjazzjonijiet u n-networks jaġixxu esklużivament f’isem l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Sabiex jiġu protetti r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, il-laqgħat mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-missjonijiet diplomatiċi u l-ambaxxati tagħhom, jew l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, inklużi l-aġenziji u l-korpi li joħorġu minnhom, jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni.

(8)

Sabiex tirrispetta l-karattru speċifiku tad-djalogu mas-sħab soċjali, previst fl-Artikolu 154 tat-TFUE, kif ukoll il-karattru speċifiku tad-djalogu mal-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi jew l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali msemmi fl-Artikolu 17 tat-TFUE, il-laqgħat li jsiru f’dawn il-kuntesti jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni.

(9)

Fid-dawl tar-rwol speċifiku tal-partiti politiċi rikonoxxut mill-Artikolu 10(4) tat-TUE, il-laqgħat mar-rappreżentanti tal-partiti politiċi wkoll jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni.

(10)

F’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali, il-laqgħat spontanji, il-laqgħat ta’ natura purament privata jew soċjali u l-laqgħat li jsiru fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva stabbilita mit-TUE jew mit-TFUE jew mill-atti legali tal-Unjoni jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tkoprix kuntatti ma’ persuni fiżiċi li jaġixxu f’kapaċità strettament personali u mhux f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn.

(11)

Il-laqgħat li jsiru fil-qafas tal-għoti ta’ pariri legali u professjonali oħra jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. Il-laqgħat organizzati għall-iskop li jsiru preżentazzjonijiet bħala parti jew parti terza fil-qafas tal-proċedura legali jew amministrattiva stabbilita bid-dritt tal-Unjoni jew bid-dritt internazzjonali applikabbli għall-Unjoni, jew preżentazzjonijiet ibbażati fuq relazzjoni kuntrattwali ma’ kwalunkwe waħda mill-istituzzjonijiet firmatarji jew fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ għotja ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni, jew preżentazzjonijiet b’reazzjoni għal talbiet diretti jew speċifiċi minn kwalunkwe istituzzjoni tal-Unjoni, ir-rappreżentanti jew il-persunal tagħha, għal informazzjoni fattwali, data jew għarfien espert, jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni.

(12)

Sabiex tissaħħaħ aktar it-trasparenza fir-rigward tar-rappreżentanza ta’ gruppi ta’ interessi u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jkunu konxji mill-kontenut tal-iskambji li jsiru bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, jenħtieġ li l-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali jippubblika l-minuti tal-laqgħat kollha li jsiru minnu mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess.

(13)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Hija wkoll bla preġudizzju għar-rekwiżiti jew l-impenji msaħħa tat-trasparenza li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew minn ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw it-trasparenza tal-laqgħat li l-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali jkollu ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali” tfisser membru tal-persunal tal-Kummissjoni li jokkupa kariga li tikkorrispondi għat-tip ta’ kariga ta’ Segretarju Ġenerali, Direttur Ġenerali, Deputat Segretarju Ġenerali jew Deputat Direttur Ġenerali, Direttur jew ekwivalenti, Kap tal-Unità jew ekwivalenti fis-sens tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)8979 tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar it-tipi ta’ kariga u t-titoli tal-karigi;

(b)

“rappreżentant ta’ grupp ta’ interess” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp, assoċjazzjoni jew network formali jew informali, li tinvolvi ruħha f’attivitajiet imwettqa bl-objettiv li tkun influwenzata l-formulazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ politika jew leġiżlazzjoni, jew il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni;

(c)

“laqgħa” tfisser laqgħa organizzata fuq l-inizjattiva ta’ rappreżentant ta’ grupp ta’ interess jew ta’ persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali biex tiġi diskussa kwistjoni relatata mal-formulazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ politika jew leġiżlazzjoni fl-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tkopri l-laqgħat li ġejjin:

(a)

laqgħat spontanji, laqgħat ta’ natura purament privata jew soċjali u laqgħat li jsiru fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva stabbilita mit-TUE jew mit-TFUE jew mill-atti legali tal-Unjoni;

(b)

laqgħat li jsiru ma’:

(i)

sħab soċjali li jaġixxu bħala parteċipanti fid-djalogu soċjali skont l-Artikolu 154 tat-TFUE;

(ii)

persuni fiżiċi li jaġixxu f’kapaċità strettament personali u mhux f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn;

(iii)

awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, inklużi r-rappreżentanzi permanenti u l-ambaxxati tagħhom, fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali;

(iv)

assoċjazzjonijiet u networks tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew sottonazzjonali, bil-kundizzjoni li jaġixxu esklużivament f’isem l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti;

(v)

organizzazzjonijiet intergovernattivi, inkluż l-aġenziji u l-korpi li joħorġu minnhom;

(vi)

awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi, inkluż il-missjonijiet diplomatiċi u l-ambaxxati tagħhom, minbarra fejn tali awtoritajiet ikunu rrappreżentati minn entitajiet legali, uffiċċji jew networks mingħajr status diplomatiku jew ikunu rrappreżentati minn intermedjarju; kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (e) tal-Ftehim Interistituzzjonali;

(vii)

partiti politiċi, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe organizzazzjoni maħluqa minn partiti politiċi jew affiljata magħhom;

(viii)

knejjes u assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi, kif ukoll organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali msemmija fl-Artikolu 17 tat-TFUE, bl-eċċezzjoni ta’ uffiċċji, entitajiet ġuridiċi, jew networks maħluqa biex jirrappreżentaw knejjes, komunitajiet reliġjużi jew organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tagħhom;

(c)

laqgħat li jsiru fil-qafas tal-għoti ta’ pariri legali u professjonali oħra, meta:

(i)

dan jikkonsisti f’rappreżentanza ta’ klijenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni jew medjazzjoni bil-għan li tipprevjeni t-tressiq ta’ tilwima quddiem korp ġudizzjarju jew amministrattiv;

(ii)

il-parir jingħata lill-klijenti biex jgħinhom jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom jikkonformaw mal-qafas legali eżistenti;

(iii)

dan jikkonsisti fir-rappreżentanza tal-klijenti u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali jew proċedurali tagħhom, bħad-dritt li jinstemgħu, id-dritt ta’ proċess ġust, u d-dritt tad-difiża fi proċedimenti amministrattivi, u jinkludi attivitajiet imwettqa minn avukati jew minn kwalunkwe professjonist ieħor involut fir-rappreżentanza tal-klijenti u s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali jew proċedurali tagħhom;

(d)

laqgħat organizzati għall-iskop li jsiru preżentazzjonijiet:

(i)

bħala parti jew parti terza fil-qafas tal-proċedura legali jew amministrattiva stabbilita bid-dritt tal-Unjoni jew bid-dritt internazzjonali applikabbli għall-Unjoni;

(ii)

ibbażati fuq relazzjoni kuntrattwali mal-Kummissjoni jew fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ għotja ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni;

(iii)

b’reazzjoni għal talbiet diretti u speċifiċi mill-Kummissjoni, ir-rappreżentanti jew il-persunal tagħha għal informazzjoni fattwali, data jew għarfien espert.

Artikolu 4

Kundizzjonalità tal-laqgħat

Il-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali għandu jiltaqa’ biss ma’ dawk ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, li huma rreġistrati fir-reġistru tat-trasparenza sakemm dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali.

Artikolu 5

Informazzjoni dwar il-laqgħat

1.   Il-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali għandu jippubblika l-informazzjoni dwar il-laqgħat kollha li jkollu ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-informazzjoni li għandha ssir pubblika għandha tikkonsisti minn:

(a)

id-data tal-laqgħa;

(b)

il-post tal-laqgħa;

(c)

l-isem u l-funzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali;

(d)

l-isem/ismijiet tar-rappreżentant(i) ta’ grupp(i) ta’ interess;

(e)

is-suġġett tal-laqgħa.

Artikolu 6

Minuti tal-laqgħat

1.   Għandhom jittieħdu l-minuti tal-laqgħat kollha li l-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali jkollu mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess.

2.   Il-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali għandu jippubblika l-minuti tal-laqgħat, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Il-minuti ta’ laqgħa għandhom jitfasslu bħala dokument uniku li jinkludi:

(a)

l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2);

(b)

il-punti ewlenin imqajma u l-pożizzjonijiet espressi fil-laqgħa;

(c)

il-konklużjonijiet mil-laqgħa, fejn applikabbli.

Artikolu 7

Pubblikazzjoni

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) u dokument imfassal f’konformità mal-Artikolu 6(3) għandhom jiġu ppubblikati f’format standardizzat fis-sit web uffiċjali tad-dipartiment rispettiv tal-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn wara l-laqgħa.

Artikolu 8

Data personali tal-individwi li jattendu l-laqgħat

Id-data personali tal-individwi (li jaġixxu f’isem ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess) jew tal-persunal tal-Kummissjoni (għajr il-persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali) li jattendu l-laqgħat ma għandhiex issir pubblika.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/838/UE, Euratom, li l-effetti tagħha għandhom jieqfu japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Il-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Reġistru Obbligatorju ta’ Trasparenza (ĠU L 207,11.6.2021, p.1) (“il-Ftehim Interistituzzjonali”).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3081 tal-4 ta’ Diċembru 2024 dwar miżuri ta’ trasparenza li jikkonċernaw il-laqgħat li saru bejn il-Membri tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/839/UE, Euratom (ĠU L 2024/3081, 5.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3081/oj).

(3)   ĠU C 65, 21.2.2018, p. 7.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3082/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)