European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3030

9.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (Euratom) 2024/3030

tat-2 ta’ Diċembru 2024

li tapprova l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 101, it-tieni paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“TKE”) u l-Protokoll tiegħu dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali li għandhom x’jaqsmu magħha (“PEEREA”) ġew konklużi mill-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom (1) u daħlu fis-seħħ fis-16 ta' April 1998.

(2)

L-Artikolu 49 tat-TKE u l-Artikolu 21 tal-PEEREA jiddeżinja lill-Gvern tar-Repubblika Portugiża bħala d-depożitarju tat-TKE u tal-PEEREA. Fl-1 ta' Frar 2024, ir-Repubblika Portugiża nnotifikat l-intenzjoni tagħha li toħroġ mit-TKE u l-PEEREA. F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Repubblika Portugiża ser jieqaf jaqdi l-funzjoni tiegħu ta' depożitarju. Il-ħruġ tar-Repubblika Portugiża mit-TKE u l-PEEREA ser isir effettiv fit-2 ta' Frar 2025.

(3)

Emenda fl-Artikolu 49 tat-TKE u fl-Artikolu 21 tal-PEEREA hija neċessarja biex jiġi ddeżinjat depożitarju ġdid għat-TKE u l-PEEREA. Il-Partijiet Kontraenti għat-TKE (“Partijiet Kontraenti”) qablu fin-negozjati li jżidu tali emenda fit-test modernizzat tat-TKE, sabiex jiddeżinjaw lis-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija (is-“Segretarjat”) bħala depożitarju ġdid. Il-Partijiet Kontraenti qablu wkoll li jemendaw il-PEEREA b’mod simili. Il-Partijiet Kontraenti qablu wkoll li jipproponu għall-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fehim ġdid fir-rigward tal-Artikolu 49 tat-TKE u tal-Artikolu 21 tal-PEEREA dwar ir-rwoli tas-Segretarjat bħala depożitarju. Barra minn hekk, minħabba li mhux il-Partijiet Kontraenti kollha ser japplikaw it-TKE modernizzat b'mod proviżorju wara l-adozzjoni tiegħu, il-Partijiet Kontraenti qablu li jipproponu żewġ deċiżjonijiet għall-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija li ser tiddeżinja lis-Segretarjat bħala depożitarju interim mit-2 ta' Frar 2025, sakemm jidħlu fis-seħħ l-emendi tat-TKE u tal-PEEREA.

(4)

Skont l-Artikolu 34 tat-TKE, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tadotta t-testi tal-emendi tat-TKE. Skont l-Artikolu 12 tal-PEEREA, il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tadotta testi ta’ emendi għall-PEEREA.

(5)

Il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija ser tadotta l-atti proposti fil-laqgħa tagħha tat-3 ta' Diċembru 2024 fir-rigward tat-TKE u permezz ta' korrispondenza, imnedija fis-6 ta’ Novembru 2024 bi skadenza fit-30 ta’ Jannar 2025, fir-rigward tal-PEEREA. L-atti li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija ser ikunu vinkolanti fuq il-Euratom.

(6)

Jixraq li waqt il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, il-Euratom ma teżerċitax il-vot tagħha dwar l-emendi proposti għat-TKE u għall-PEEREA, kif ukoll dwar il-fehimiet u d-deċiżjonijiet proposti. Huwa xieraq ukoll li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti, li jaġixxu b'mod konġunt, għal kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Euratom. Dik il-pożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn il-Euratom u l-Istati Membri. Dik il-pożizzjoni tikkomplementa l-pożizzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2024/1645 (2).

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti, li huma preżenti waqt il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija jew li jivvotaw b’korrispondenza, jieħdu pożizzjoni li ma timpedix l-adozzjoni jew l-approvazzjoni tal-emendi, il-fehimiet u d-deċiżjonijiet proposti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   F'konformità mal-Artikolu 36(7) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“TKE”), waqt il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija, il-Euratom ma għandhiex teżerċita d-dritt tal-vot tagħha dwar l-emendi proposti u l-fehimiet fir-rigward tal-Artikolu 49 tat-TKE u l-Artikolu 21 tal-Protokoll tat-TKE dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali li għandhom x’jaqsmu magħha (“PEEREA”), u dwar id-deċiżjonijiet rigward id-deżnijazzjoni ta' depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-TKE u l-Artikolu 21 tal-PEEREA, mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għat-TKE għandhom, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt, jeżerċitaw il-vot tagħhom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-3 ta' Diċembru 2024, meta jkunu preżenti, jew permezz ta' korrispondenza, kif ikun il-każ, b'tali mod li:

(a)

ma jimpedux l-adozzjoni mill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija tal-emenda proposta tal-Artikolu 49 tat-TKE (CC 760 REV2), mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni;

(b)

ma jimpedux l-approvazzjoni tal-fehim fir-rigward tal-Artikolu 49 tat-TKE dwar ir-rwoli tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija (CC 762 REV2), mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

ma jimpedux l-approvazzjoni ta' deċiżjoni dwar il-ħatra tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bħala depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-TKE b'effett mit-2 ta' Frar 2025 (CC 814), mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni; u

(d)

ma jipprevenux l-adozzjoni permezz ta' korrispondenza tal-emenda proposta tal-Artikolu 21 tal-PEEREA u l-approvazzjoni tal-fehim assoċjat fir-rigward tal-Artikolu 21 tal-PEEREA u tad-deċiżjoni dwar id-deżinjazzjoni tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bħala depożitarju skont l-Artikolu 21 tal-PEEREA b'effett mit-2 ta' Frar 2025 (CC 823), mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY M.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1998/181/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2024/1645 tat-30 ta' Mejju 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem il-Euratom fil-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija (ĠU L, 2024/1645, 6.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1645/oj).


ANNESS

1.   

Emenda proposta tal-Artikolu 49 tat-TKE, inkluża fl-emendi proposti tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (id-dokument CC 760 REV2), kif ippreżentata lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-3 ta’ Settembru 2024

“Artikolu 49

Depożitarju

Il-Gvern tar-Repubblika Portugiza Is-Segretarjat għandu jkun id-Depożitarju ta’ dan it-Trattat (1).”

2.   

Fehim ġdid propost fir-rigward tal-Artikolu 49 dwar ir-rwoli tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija, inkluż fil-bidliet proposti tal-Fehimiet, tad-Dikjarazzjonijiet u tad-Deċiżjoni (id-dokument CC 762 REV2), kif ippreżentat lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-3 ta’ Settembru 2024

Fehim 16 fir-rigward tal-Artikolu 49 fit-TKE oriġinali

Fehim 18 fir-rigward tal-Artikolu 49 fit-TKE kif emendat fl-1998

Is-‘Segretarjat’ fl-Artikolu 49 għandu jfisser ‘Segretarjat’ definit fl-Artikolu 35. Sabiex jiġi evitat kull dubju, ir-referenzi kollha għad-‘Depożitarju’ f’dan it-Trattat għandhom ifissru s-‘Segretarjat’ definit fl-Artikolu 35 fil-kapaċità tad-Depożitarju.

”.

3.   

Deċiżjoni proposta tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija dwar id-Deżinjazzjoni tas-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija bħala Depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (id-dokument CC 814), kif ippreżentata lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fit-3 ta’ Settembru 2024.

“Il-35 Laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija

3 ta’ Diċembru 2024

DEŻINJAZZJONI TAS-SEGRETARJAT TAL-KARTA TAL-ENERĠIJA BĦALA DEPOŻITARJU SKONT L-ARTIKOLU 49 TAT-TRATTAT TAL-KARTA TAL-ENERĠIJA

Il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE)

Filwaqt li jieħdu nota tal-ħruġ tar-Repubblika Portugiża bħala Parti Kontraenti għat-TKE b’effett mit-2 ta’ Frar 2025,

Wara li kkunsidraw in-notifika tar-Repubblika Portugiża tas-7 ta’ Marzu 2024 li l-Gvern tar-Repubblika Portugiża ma għandux jibqa’ jwettaq il-funzjonijiet tad-Depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-TKE wara li jsir effettiv il-ħruġ tiegħu,

Filwaqt li jfakkru fl-emenda tal-Artikolu 49 li tiddeżinja lis-Segretarjat tal-Karta tal-Enerġija (Segretarjat) bħala d-Depożitarju tat-TKE adottata mill-35 Konferenza tal-Karta tal-Enerġija [CC 814],

Qablu kif ġej:

1.

Sakemm jidħlu fis-seħħ l-emendi tat-TKE adottati fit-3 ta’ Diċembru 2024 għal kwalunkwe Parti Kontraenti, is-Segretarjat għandu jwettaq il-funzjonijiet tad-Depożitarju tat-TKE fuq bażi interim għal kull Parti Kontraenti bħal din mit-2 ta’ Frar 2025.

2.

Is-Segretarjat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura t-tranżizzjoni tal-funzjonijiet tad-Depożitarju mill-Gvern tar-Repubblika Portugiża u jassumi dawn il-funzjonijiet fuq bażi interim skont is-subparagrafu (1) fit-2 ta’ Frar 2025.”.

4.   

Emendi proposti għall-Artikolu 21 tal-PEEREA (dokument CC 823), kif ippreżentata lill-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija fis-6 ta’ Novembru 2024

“EMENDI GĦALL-PROTOKOLL TAL-KARTA TAL-ENERĠIJA DWAR EFFIĊJENZA FL-ENERĠIJA U ASPETTI AMBJENTALI LI GĦANDHOM X’JAQSMU MAGĦHA

Il-Partijiet Kontraenti għall-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali Li għandhom x’jaqsmu magħha,

Filwaqt li jieħdu nota tal-irtirar tar-Repubblika Portugiża bħala Parti Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali li għandhom x’jaqsmu magħha effettiv fit-2 ta’ Frar 2025,

Wara li kkunsidraw in-notifika tar-Repubblika Portugiża tas-7 ta’ Marzu 2024 li l-Gvern tar-Repubblika Portugiża ma għandux jibqa’ jwettaq il-funzjonijiet tad-Depożitarju skont l-Artikolu 49 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija wara li jsir effettiv l-irtirar tiegħu,

qablu kif ġej:

Artikolu 1

Emendi

Il-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali li għandhom x’jaqsmu magħha, kif jinsab fl-Anness 3 tal-Att Finali tal-Konferenza Ewropea tal-Karta tal-Enerġija, għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 21 tal-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali li għandhom x’jaqsmu magħha għandu jiġi emendat kif ġej: ‘Il-Gvern tar-Repubblika Portugiża’ jigi ssostiwit bi ‘Is-Segretarjat’.

2.

L-Artikolu 22 tal-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali li għandhom x’jaqsmu magħha għandu jiġi emendat kif ġej: jitħassar ‘Taljan,’.

Artikolu 2

Fehimiet

Il-Partijiet Kontraenti għall-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali li għandhom x’jaqsmu magħha jadottaw il-fehim li ġej fir-rigward tal-Artikolu 21:

‘Is-“Segretarjat” fl-Artikolu 21 ta’ dan il-Protokoll għandu jfisser is-Segretarjat stabbilit skont l-Artikolu 35 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Sabiex jiġi evitat kull dubju, ir-referenzi kollha għad-“Depożitarju” f’dan il-Protokoll għandhom ifissru s-Segretarjat stabbilit fl-Artikolu 35 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija fil-kapaċità tad-Depożitarju ta’ dan il-Protokoll.’.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet Interim

1.   Sakemm jidħlu fis-seħħ l-emendi għall-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali li għandhom x’jaqsmu magħha adottati fit-30 ta’ Jannar 2025 għal kwalunkwe Parti Kontraenti, is-Segretarjat għandu jwettaq il-funzjonijiet tad-Depożitarju tal-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar effiċjenza fl-enerġija u aspetti ambjentali li għandhom x’jaqsmu magħha fuq bażi interim għal kull Parti Kontraenti bħal din mit-2 ta’ Frar 2025.

2.   Is-Segretarjat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura t-tranżizzjoni tal-funzjonijiet tad-Depożitarju mill-Gvern tar-Repubblika Portugiża u jassumi dawn il-funzjonijiet fuq bażi interim skont il-paragrafu (1) fit-2 ta’ Frar 2025.”.


(1)  Il-formulazzjoni l-ġdida proposta hija sottolinjata u t-test issuġġerit li għandu jitħassar jidher b'tipa ingassata.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3030/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)