European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3019

12.12.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/3019 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Novembru 2024

dwar it-trattament tal-ilma mormi urban

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (4) ġiet emendata kemm-il darba b'mod sostanzjali (5). Peress li għandhom isiru iżjed emendi, jenħtieġ li dik id-Direttiva tiġi riformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

L-ilma huwa ġid primarju li jappartjeni lil kulħadd u li huwa għal kulħadd. Bħala riżorsa naturali li hija essenzjali, insostitwibbli u indispensabbli għall-ħajja, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat u integrat fit-tliet dimensjonijiet tiegħu: soċjali, ekonomika u ambjentali.

(3)

Id-Direttiva 91/271/KEE tistabbilixxi l-qafas legali għall-ġbir, it-trattament u l-iskariku ta' ilma mormi urban u l-iskariku ta' ilma mormi bijodegradabbli minn ċerti setturi industrijali. L-ilma mormi urban jista' jiġi ffurmat minn taħlitiet differenti ta' ilma mormi domestiku, ilma tax-xeba' urban u ilma mormi mhux domestiku minn oriġini oħra. L-ilma mormi minn istituzzjonijiet bħal uffiċċji, skejjel, kċejjen bi preparazzjoni tal-ikel, li joriġina b'mod predominanti mill-metaboliżmu tal-bniedem jikkwalifika bħala ilma mormi domestiku. L-objettiv tad-Direttiva 91/271/KEE huwa li tipproteġi l-ambjent milli jiġi affettwat b'mod negattiv minn skariki tal-ilma mormi urban li ma jiġux ittrattati biżżejjed. Hija kkontribwiet biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkompli ssegwi l-istess objettiv filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika skont l-approċċ Saħħa waħda li għandu l-għan li jibbilanċja u jottimizza s-saħħa tan-nies, tal-annimali u tal-ekosistemi b'mod sostenibbli, meta pereżempju l-ilma mormi urban jiġi skarikat f'ilmijiet għall-għawm jew f'korpi tal-ilma użati għall-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb, jew meta l-ilma mormi urban jintuża bħala indikatur għall-parametri rilevanti għas-saħħa pubblika. Jenħtieġ ukoll li tiżgura l-aċċess għall-miżuri sanitarji u għall-informazzjoni ewlenija relatata mal-governanza tal-attivitajiet tal-ġbir u tat-trattament tal-ilma mormi urban. Jenħtieġ li din id-Direttiva jkollha l-għan ukoll li żżid is-sinerġiji mal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-azzjonijiet biex l-ekosistemi urbani jiġu restawrati b’mod partikolari permezz ta’ ppjanar integrat għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban, filwaqt li jsir l-aħjar użu mid-diġitalizzazzjoni. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li din id-Direttiva tikkontribwixxi għat-tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra minn attivitajiet tal-ġbir u tat-trattament tal-ilma mormi urban, b’mod partikolari billi tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tan-nitroġenu iżda wkoll billi tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija u l-produzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli, u b’hekk jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-objettiv tal-2050 tan-Newtralità Klimatika stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). B’mod konformi mal-Artikolu 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri jistgħu jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi mogħtija f'din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw pereżempju li japplikaw skadenzi jew livelli limitu aktar stretti minn dawk inklużi f'din id-Direttiva, jilħqu n-newtralità enerġetika jew klimatika aktar malajr jew jimponu rekwiżiti addizzjonali għall-applikazzjoni tas-sistemi nazzjonali tagħhom tar-responsabbiltà estiża tal-produttur jew iwessgħu l-ispettru tagħha.

(4)

Fl-2019, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tad-Direttiva 91/271/KEE taħt il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (l-“evalwazzjoni”). Minn dak l-eżerċizzju, deher evidenti li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva kellhom jiġu aġġornati. Ġew identifikati tliet sorsi importanti ta' tniġġis mhux indirizzati kompletament taħt dik id-Direttiva mill-ilma mormi urban li jistgħu jiġu evitati, jiġifieri t-tifwir tal-ilma tal-maltemp u skariki mniġġsa ta' ilma tax-xeba' urban, sistemi individwali li potenzjalment jiffunzjonaw ħażin, jiġifieri sistemi li jittrattaw l-ilma mormi domestiku li ma jidħolx f'sistemi ta' ġbir, u agglomerazzjonijiet żgħar li bħalissa mhumiex koperti kompletament mid-Direttiva 91/271/KEE. Dawk it-tliet sorsi ta' tniġġis jagħmlu pressjoni sinifikanti fuq il-korpi tal-ilma tal-wiċċ fl-Unjoni. Barra minn hekk, ir-rapport tal-evalwazzjoni enfasizza wkoll il-ħtieġa li jittejbu t-trasparenza u l-governanza tal-attivitajiet tal-ilma mormi urban, li tinħataf l-opportunità offruta mis-settur tat-trattament tal-ilma mormi urban biex jintuża l-potenzjal tiegħu għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u li jsiru passi tanġibbli lejn in-newtralità enerġetika bħala kontribut għan-newtralità klimatika, u li tiġi armonizzata s-sorveljanza tal-ilma mormi urban għall-parametri tas-saħħa, bħall-virus tal-COVID-19 u l-varjanti tiegħu, bħala mezz ta’ appoġġ tal-azzjoni tas-saħħa pubblika.

(5)

Skont ir-rapport tal-2018 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) dwar l-ilmijiet Ewropej, agglomerazzjonijiet żgħar jagħmlu pressjoni sinifikanti fuq 11 % tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ fl-Unjoni. Biex jiġi indirizzat aħjar it-tniġġis minn agglomerazzjonijiet bħal dawn, u biex jiġu evitati l-iskariki ta' ilma mormi urban mhux ittrattat fl-ambjent, jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jinkludi l-agglomerazzjonijiet kollha b'ekwivalenti ta' popolazzjoni (e.p.) ta' 1 000 u aktar.

(6)

Sabiex jiġi żgurat it-trattament effettiv tal-ilma mormi urban qabel l-iskariku fl-ambjent, jenħtieġ li l-ilma mormi urban kollu minn agglomerazzjonijiet ta' 1 000 e.p. u aktar jinġabar f'sistemi ta' ġbir, sakemm l-Istati Membri ma jiġġustifikawx il-ħtieġa għal deroga għall-użu ta' sistemi individwali skont din id-Direttiva. Meta jagħmlu delineazzjoni tal-agglomerazzjonijiet tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-limitu ta' referenza indikattiv ta' 10 sa 25 e.p. għal kull ettaru, u jekk dan il-limitu jinqabeż f'żona speċifika, il-popolazzjoni, possibbilment f'kombinament ma' attivitajiet ekonomiċi, titqies li tkun ikkonċentrata biżżejjed. Jenħtieġ li, meta diġà jkunu installati sistemi ta' ġbir, l-Istati Membri jiżguraw li s-sorsi kollha tal-ilma mormi domestiku jkunu konnessi magħhom.

(7)

Ser ikunu meħtieġa investimenti sinifikanti biex jiġu implimentati r-rekwiżiti l-ġodda introdotti minn din id-Direttiva. Huwa għalhekk meħtieġ li titqies is-sitwazzjoni speċifika ta' kull Stat Membru u, fejn xieraq, jiġu adattati l-iskadenzi għall-implimentazzjoni ta' ċerti rekwiżiti eżiġenti. Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri li jkollhom għadd kbir ta' agglomerazzjonijiet żgħar affettwati mir-rekwiżiti l-ġodda ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban għal agglomerazzjonijiet ta' bejn 1 000 u 2 000 e.p. jitħallew jestendu l-iskadenzi għall-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti l-ġodda fl-ewwel programm tagħhom ta' implimentazzjoni nazzjonali. Jenħtieġ li dan ikun il-każ ukoll għall-Istati Membri li jkollhom għadd kbir ta' faċilitajiet, pereżempju aktar minn 50 %, li jeħtieġ li jiġu aġġornati għat-trattament terzjarju skont ir-rekwiżiti l-ġodda ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-agglomerazzjonijiet ta' inqas minn 2 000 e.p. fejn diġà hemm fis-seħħ sistemi ta' ġbir li jiskarikaw l-ilma mormi urban f'impjanti tat-trattament li jinsabu f'agglomerazzjoni differenti ma jingħaddux fil-kalkolu tal-perċentwali għall-finijiet tad-derogi minn dawk l-iskadenzi. Barra minn hekk, it-tliet Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni reċentement, jiġifieri l-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija, kellhom jagħmlu investimenti reċenti biex jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271/KEE. Barra minn hekk, dawk l-Istati Membri huma karatterizzati minn ammonti kbar ta’ żoni rurali b’rata għolja ta’ tluq tal-popolazzjoni, minbarra t-tixjiħ tal-popolazzjoni rurali. Huwa għalhekk meħtieġ li titqies is-sitwazzjoni speċifika ta’ dawk l-Istati Membri, billi jitħallew jestendu l-iskadenzi għall-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti l-ġodda fl-ewwel programm tagħhom ta' implimentazzjoni nazzjonali.

(8)

Meta jinstabu siti ta' valur arkeoloġiku matul xogħlijiet infrastrutturali, bħall-bini ta' sistemi ta' ġbir jew impjanti għat-trattament tal-ilma mormi urban, tali xogħlijiet spiss iġarrbu dewmien minħabba l-ħtieġa li jsiru studji arkeoloġiċi fuq is-sit skont il-liġi nazzjonali. Għalhekk, huwa xieraq li f'dawk il-każijiet speċifiċi jiġu adattati l-iskadenzi tal-implimentazzjoni. B'mod aktar speċifiku, jenħtieġ li meta Stat Membru jistabbilixxi li, minħabba l-ħtieġa li jiġi ppreservat il-wirt kulturali, il-kostruzzjoni tal-infrastruttura meħtieġa tkun partikolarment diffiċli, jenħtieġ li jitħalla jadatta l-iskadenzi tal-implimentazzjoni f'żoni speċifiċi, u jaġġorna l-programm nazzjonali tiegħu tal-implimentazzjoni skont dan. Jenħtieġ li l-estensjonijiet tal-iskadenzi jiġu stabbiliti għal kull żona u jinżammu qosra kemm jista' jkun, u ma jaqbżux it-8 snin. Jenħtieġ li l-wirt kulturali jinftiehem fit-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji tal-1972 tal-UNESCO.

(9)

Fejn ikun jista' jintwera li l-istabbiliment ta' sistema għall-ġbir tal-ilma mormi urban jew il-konnessjoni ma' sistema ta' ġbir ma jipproduċu ebda benefiċċju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, ma jkunux teknikament fattibbli jew jinvolvu kostijiet eċċessivi, u f'dawk il-każijiet biss, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jużaw sistemi individwali biex jiġbru, jaħżnu u/jew jittrattaw l-ilma mormi urban, dment li jiżguraw l-istess livell ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem bħat-trattament sekondarju u terzjarju. Is-sistemi individwali jistgħu jinkludu tipi ta' sistemi differenti għall-ġbir, il-ħżin jew it-trattament, bħal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, sistemi ta' trattament ta' daqs żgħir, jew tankijiet temporanji kkombinati ma' evakwazzjoni regolari lejn l-impjanti ta' trattament. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-użu u t-tħaddim tas-sistemi individwali.

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu reġistri nazzjonali, reġjonali jew lokali biex jidentifikaw sistemi individwali u ħażna temporanja użati fit-territorju tagħhom u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-disinn ta' tali sistemi jkun adegwat, li s-sistemi jinżammu kif suppost u li jkunu soġġetti għal kontroll regolari tal-konformità abbażi ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi individwali użati għall-ġbir, il-ħżin jew it-trattament tal-ilma mormi urban ikunu impermeabbli u ma jnixxux, u li l-monitoraġġ u l-ispezzjoni tas-sistemi jitwettqu f'intervalli regolari u fissi. B’kont meħud tal-kostijiet sproporzjonati tal-adattament tad-disinn ta’ tali sistemi għar-rekwiżiti l-ġodda dwar id-disinn, jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti tad-diżinn il-ġodda ma japplikawx għas-sistemi stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. Meta jintużaw sistemi individwali għall-ġbir jew għat-trattament ta' aktar minn 2 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban fil-livell nazzjonali minn agglomerazzjonijiet ta' 2 000 e.p. u aktar, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b'ġustifikazzjonijiet għall-użu ta' sistemi individwali minflok sistemi ta' ġbir, li juru konformità ta' dawk is-sistemi mal-istandards stabbiliti skont din id-Direttiva u li jiddeskrivu l-miżuri meħuda biex jitnaqqas l-użu ta' tali sistemi.

(11)

Bħala riżultat tal-preċipitazzjoni, bħax-xita, il-borra jew l-ilma mid-dekonġelazzjoni, it-tifwir tal-ilma tal-maltemp u l-ilma tax-xeba' urban jirrappreżentaw sors imdaqqas li għad fadal ta' tniġġis skarikat fl-ambjent. Tali tifwir u ilma tax-xeba’ huma mistennija li jiżdiedu minħabba l-effetti kkombinati tal-urbanizzazzjoni u l-bidla progressiva tar-reġim tax-xita marbuta mat-tibdil fil-klima. L-infrastruttura tal-ġestjoni tal-ilma mormi urban hija għalhekk partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima. Is-soluzzjonijiet biex jitnaqqas dak is-sors ta’ tniġġis jenħtieġ li jiġu definiti fil-livell lokali, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet lokali speċifiċi. Dawn jenħtieġ li jkunu bbażati fuq ġestjoni kwantitattiva u kwalitattiva integrata tal-ilma fiż-żoni urbani. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jiġu stabbiliti pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban fil-livell lokali għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 100 000 e.p. u aktar, peress li dawk l-agglomerazzjonijiet huma l-kawża ta’ sehem sinifikanti tat-tniġġis emess. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban għall-agglomerazzjonijiet ta' bejn 10 000 e.p. u 100 000 e.p. fejn it-tifwir tal-ilma tal-maltemp jew l-ilma tax-xeba' urban joħloq riskju għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika. F'dawk il-pjanijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri bl-għan li jillimitaw it-tniġġis mit-tifwir tal-ilma tal-maltemp għal mhux aktar minn 2 % tat-tagħbija annwali tal-ilma mormi urban miġbur ikkalkulata f'kundizzjonijiet ta' temp xott u abbażi tas-sustanzi niġġiesa fit-Tabelli 1 u 2 fl-Anness I.

(12)

Jenħtieġ li dawk il-pjanijiet jinkludu miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis mit-tifwir tal-ilma tal-maltemp u wkoll jindirizzaw it-tniġġis potenzjalment sinifikanti li jkun ġej mill-ilma tax-xeba' urban miġbur separatament, pereżempju t-tniġġis li jirriżulta mill-ewwel xita wara perjodi twal ta' nixfa f'żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni. Jenħtieġ li dawk il-pjanijiet jinkludu wkoll miżuri għall-prevenzjoni tat-tniġġis fis-sors u jiffavorixxu soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura minflok dawk li jeħtieġu l-istabbiliment ta' infrastruttura griża. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu miżuri temporanji preventivi mmirati biex jiġi evitat id-dħul ta' ilmijiet tax-xita mhux imniġġsa f'sistemi ta' ġbir jew ħżin temporanju, inkluż iż-żamma naturali tal-ilma, u t-trattament xieraq tat-tifwir jew ilma tax-xeba’ qawwija li jirriżultaw minn din l-ewwel xita. L-Istati Membri huma mħeġġa jżidu l-ispazji ħodor u blu fiż-żoni urbani u li jqisu l-pjattaforma tan-Natura Urbana, li tipprovdi gwida u għarfien ta' appoġġ għall-ibliet. Sabiex tiġi żgurata kopertura adegwata tal-pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban u soluzzjoni komprensiva għall-problemi tal-ilma tal-maltemp, jenħtieġ li dawk il-pjanijiet jiġu stabbiliti għaż-żoni tad-drenaġġ tal-agglomerazzjonijiet ikkonċernati.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban jkunu kosteffettivi, huwa importanti li dawn ikunu bbażati fuq l-aħjar prattiki li diġà ġew applikati f'żoni urbani. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri li jiġu kkunsidrati jkunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-kundizzjonijiet lokali u jenħtieġ li jiffavorixxu approċċ preventiv bl-għan li jiġi limitat il-ġbir ta' ilmijiet tax-xita mhux imniġġsa u jiġi ottimizzat l-użu tal-infrastruttura eżistenti biex jiġi ġġenerat iffrankar tal-enerġija u jingħata kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Bi preferenza għal żviluppi u investimenti ħodor u blu, jenħtieġ li infrastruttura ġdida griża tkunu prevista biss fejn tkun assolutament meħtieġa.

(14)

Sabiex jitħares l-ambjent, b'mod partikolari l-ambjent kostali u tal-baħar, inkluż il-protezzjoni tal-ilma tal-wiċċ, ta' taħt l-art u tax-xorb, u s-saħħa pubblika milli tiġi affettwata b'mod negattiv mill-iskariku ta' ilma mormi urban mhux ittrattat biżżejjed, jenħtieġ li jiġi applikat trattament sekondarju għall-iskariki kollha ta' ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' 1 000 e.p. u aktar. Minħabba l-espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta’ din id-Direttiva biex jinkludi agglomerazzjonijiet iżgħar, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi stipulati f’din id-Direttiva. Bl-istess mod, jenħtieġ li jingħata biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex jadattaw l-infrastruttura tat-trattament tagħhom għall-agglomerazzjonijiet li jiskarikaw l-ilma mormi urban tagħhom f'ilmijiet kostali jew f'żoni inqas sensittivi fejn ma kienx meħtieġ it-trattament sekondarju kif definit fid-Direttiva 91/271/KEE.

(15)

Jenħtieġ li skariki f'reġjuni muntanjużi, jiġifieri reġjuni b’altitudni ta' aktar minn 1 500 m, u f'agglomerazzjonijiet żgħar ta' inqas minn 2 000 e.p. f'żoni bi klima kiesħa b'temperatura medja ta’ kull tliet xhur ta' inqas minn 6 oCfid-dħul, li fih huwa diffiċli li jiġi applikat trattament bijoloġiku effettiv minħabba temperaturi baxxi, ikun permess li jintuża trattament inqas strett minn trattament sekondarju, dment li studji dettaljati juru li tali skariki ma jkollhomx effetti negattivi fuq l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-iskariki f'ilmijiet tal-baħar fond minn agglomerazzjonijiet iżgħar ta' inqas minn 150 000 e.p. li jinsabu f'reġjuni ultraperiferiċi inqas popolati, b'inqas minn 275 000 abitant u kkaratterizzati minn topografija diffiċli, bħal għoljiet weqfin, u l-iskariku tal-ilma urban mormi tagħhom f'ilmijiet tal-baħar fond fl-oċean miftuħ, li jiffavorixxi livell għoli ta' dilwizzjoni ta' dawk l-iskariki tal-ilma mormi urban fl-ilmijiet riċeventi, ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn dik id-deroga. Madankollu, sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-Istati Membri kollha u livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem fit-territorju kollu tal-Unjoni, jenħtieġ li dik id-deroga tkun limitata għal 20 sena, li huwa ż-żmien meħtieġ biex l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi li fadal jiġu aġġornati progressivament għal trattament sekondarju f'dawk iż-żoni fejn it-trattament sekondarju jista' jkun aktar diffiċli li jiġi applikat. Jenħtieġ li dik id-deroga tingħata dment li studji dettaljati juru li tali skariki ma jkollhomx effetti negattivi fuq l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem u ma jkollhomx impatt fuq il-konformità tal-ilmijiet riċeventi ma' liġi rilevanti oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2000/60/KE, 2006/7/KE (8), jew 2008/56/KE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(16)

L-evalwazzjoni wriet li nkiseb tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu permezz tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/271/KEE. Madankollu, skont l-evalwazzjoni, l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għadhom perkors importanti ta' dawk is-sustanzi niġġiesa fl-ambjent, li jwassal direttament għall-ewtrofikazzjoni tal-korpi tal-ilma u tal-ibħra fl-Unjoni. Parti minn dan it-tniġġis jista' jiġi evitat peress li l-progress teknoloġiku u l-aħjar prattiki fis-seħħ juru li l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet stabbiliti skont id-Direttiva 91/271/KEE għan-nitroġenu u l-fosforu huma skaduti u jenħtieġ li jissaħħu, speċjalment għall-impjanti tat-trattament akbar. It-trattament terzjarju jenħtieġ li jiġi impost b'mod sistematiku fuq l-impjanti kollha tat-trattament tal-ilma mormi urban ta' 150 000 e.p. u aktar, peress li tali impjanti jirrappreżentaw sors importanti li fadal ta' emissjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu.

(17)

It-trattament terzjarju jenħtieġ li jkun obbligatorju wkoll f'agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar li qed jiskarikaw f'żoni soġġetti għal, jew f'riskju ta', ewtrofikazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-isforzi biex tiġi limitata l-ewtrofikazzjoni jiġu kkoordinati fil-livell tal-baċini rilevanti għaż-żona kollha tal-baċin idrografiku, u biex tiġi żgurata l-għażla konsistenti taż-żoni sensittivi fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li ż-żoni fejn l-ewtrofikazzjoni titqies bħala kwistjoni ta' tħassib skont id-data disponibbli bħalissa jiġu elenkati f'din id-Direttiva. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-liġi rilevanti tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw żoni oħra soġġetti għall-ewtrofikazzjoni jew f'riskju tal-ewtrofikazzjoni fit-territorju tagħhom, u jidentifikaw jekk dawk iż-żoni humiex sensittivi għan-nitroġenu jew għall-fosforu, jew sensittivi kemm għan-nitroġenu kif ukoll għall-fosforu, b'mod partikolari abbażi tad-data miġbura skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (10), id-Direttiva 2000/60/KE u d-Direttiva 2008/56/KE. It-tisħiħ tal-valuri ta' limitu, l-identifikazzjoni aktar koerenti u inklużiva taż-żoni sensittivi għall-ewtrofikazzjoni u l-obbligu li jiġi żgurat trattament terzjarju għall-faċilitajiet kbar kollha, flimkien,ikunu jikkontribwixxu biex jillimitaw l-ewtrofikazzjoni. Peress li dan ser jirrikjedi investiment addizzjonali fil-livell nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa.

(18)

L-għarfien xjentifiku reċenti li jirfed diversi strateġiji tal-Kummissjoni, kif stipulat f’erba’ komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, jiġifieri dik tas-16 ta’ Jannar 2018 intitolata “Strateġija Ewropea għall-Plastik f'Ekonomija Ċirkolari”, dik tal-11 ta’ Marzu 2019 intitolata, “Approċċ Strateġiku tal-Unjoni Ewropea għall-Farmaċewtiċi fl-Ambjent”, dik tal-14 ta’ Ottubru 2020 intitolata “Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà - Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità” u dik tat-12 ta’ Mejju 2021 intitolata “Perkors għal Pjaneta b'Saħħitha għal Kulħadd - Pjan ta' Azzjoni tal-UE: ‘Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija’”, jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-mikrosustanzi niġġiesa, li issa jinstabu skont rutina fl-ilmijiet kollha tal-Unjoni. Uħud minn dawk il-mikrosustanzi niġġiesa huma perikolużi għas-saħħa pubblika u għall-ambjent anke f'konċentrazzjonijiet baxxi ta' mikrogrammi għal kull litru jew inqas. Filwaqt li t-trattament primarju, it-trattament sekondarju u t-trattament terzjarju diġà jneħħu xi mikrosustanzi niġġiesa, jenħtieġ li jiġi introdott trattament addizzjonali, jiġifieri trattament kwaternarju, sabiex jiġi żgurat li spettru kbir tal-mikrosustanzi niġġiesa li jifdal jitneħħa mill-ilma mormi urban. Jenħtieġ li t-trattament kwaternarju jiffoka l-ewwel fuq il-mikrosustanzi niġġiesa organiċi, li jirrappreżentaw parti sinifikanti tat-tniġġis u li għalihom diġà ġew ddisinjati teknoloġiji ta' tneħħija. Jenħtieġ li t-trattament kwaternarju jiġi impost abbażi tal-prinċipju prekawzjonarju, flimkien ma' approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Għalhekk, jenħtieġ li l-impjanti kollha tat-trattament tal-ilma mormi urban ta' 150 000 e.p. u aktar jipprovdu trattament kwaternarju, peress li dawk il-faċilitajiet jirrappreżentaw sehem sinifikanti ta' skariki ta' mikrosustanzi niġġiesa fl-ambjent u t-tneħħija ta' mikrosustanzi niġġiesa minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban fuq dik l-iskala hija kosteffettiva. Għall-impjanti ta' trattament ta' 150 000 e.p. u aktar, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw il-prijoritizzazzjoni tal-investimenti meħtieġa sabiex il-faċilitajiet fejn hemm l-ogħla riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem ikollhom it-tagħmir mingħajr dewmien. Għal agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati japplikaw trattament kwaternarju fiż-żoni identifikati bħala sensittivi għat-tniġġis b'mikrosustanzi niġġiesa abbażi ta' kriterji ċari, li jiġu speċifikati. Żoni bħal dawn jenħtieġ li jinkludu postijiet fejn l-iskariku tal-ilma mormi urban ittrattat fil-korpi tal-ilma jirriżulta fi proporzjonijiet baxxi ta' dilwizzjoni, jew fejn il-korpi tal-ilma riċeventi jintużaw għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, għall-produzzjoni tal-frott tal-baħar bil-qoxra jew bħala ilmijiet għall-għawm. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu ma japplikawx trattament kwaternarju f'dawk iż-żoni meta valutazzjoni tar-riskju turi li ma hemm ebda periklu potenzjali minn mikrosustanzi niġġiesa għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem. Għat-tipi l-oħra kollha ta' korpi tal-ilma f'agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar, jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw ir-riskji li l-iskariku ta' mikrosustanzi niġġiesa fl-ilma mormi urban joħloq għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju standardizzata u japplikaw trattament kwaternarju biss fejn ikun meħtieġ skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju. Fejn ikun hemm diversi impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban f’agglomerazzjoni ta’ 10 000 e.p. jew aktar identifikati bħala sensittivi għat-tniġġis bil-mikrosustanzi niġġiesa, jenħtieġ li dawk biss li jiskarikaw fiż-żona f’riskju jkunu meħtieġa japplikaw trattament kwaternarju. Sabiex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jippjanaw u jwettqu l-infrastruttura meħtieġa, ir-rekwiżit tat-trattament kwaternarju jenħtieġ li japplika progressivament sal-2045 b’objettivi interim ċari.

(19)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità kontinwa tal-iskariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban mar-rekwiżiti għat-trattament sekondarju, terzjarju u kwaternarju, jenħtieġ li jittieħdu kampjuni f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u jenħtieġ li dawk il-kampjuni jikkonformaw mal-valuri parametriċi li tistabbilixxi. Sabiex jitqiesu l-varjazzjonijiet tekniċi possibbli fir-riżultati minn dawk il-kampjuni, jenħtieġ li jiġi stabbilit għadd massimu permess ta' kampjuni li ma jikkonformawx ma' dawk il-valuri parametriċi.

(20)

It-trattament kwaternarju meħtieġ biex jitneħħew il-mikrosustanzi niġġiesa mill-ilma mormi urban ser jinvolvi kostijiet addizzjonali, bħal kostijiet relatati mal-monitoraġġ u l-kost ta’ tagħmir avvanzat ġdid li għandu jiġi installat f'ċerti impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban. Sabiex jiġu koperti dawk il-kostijiet addizzjonali u f'konformità mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas espress fl-Artikolu 191(2) TFUE, huwa essenzjali li l-produtturi li jintroduċi fis-suq tal-Unjoni prodotti li fihom sustanzi li, fi tmiem ħajjithom, jinstabu bħala mikrosustanzi niġġiesa fl-ilma mormi urban, jieħdu r-responsabbiltà għat-trattament addizzjonali meħtieġ biex jitneħħew dawk is-sustanzi, iġġenerati fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tagħhom. Sistema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur hija l-aktar mezz xieraq biex jinkiseb dan, peress li tillimita l-impatt finanzjarju fuq il-kontribwenti u t-tariffi tal-ilma, filwaqt li tipprovdi inċentiv biex jiġu żviluppati prodotti aktar ekoloġiċi. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li r-responsabbiltà estiża tal-produttur tapplika irrispettivament minn jekk il-prodotti li ġew introdotti fis-suq jew jekk il-komponenti individwali tagħhom ġewx immanifatturati fi Stat Membru jew f'pajjiż terz, jew jekk il-produtturi għandhomx uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni jew jekk il-prodott jiġix introdott fis-suq permezz ta' pjattaforma diġitali. Il-farmaċewtiċi u r-residwi kożmetiċi bħalissa jirrappreżentaw is-sorsi ewlenin tal-mikrosustanzi niġġiesa li jinsabu fl-ilma mormi urban li jeħtieġu trattament kwaternarju. Għalhekk, jenħtieġ li r-responsabbiltà estiża tal-produttur tapplika għal dawk iż-żewġ gruppi ta' prodotti. Abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma mormi urban u tal-aktar data xjentifika reċenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa regolarment jekk prodotti oħra għandhomx jiġu inklużi fis-sistema tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

(21)

Skont id-data disponibbli, iż-żieda potenzjali tal-kostijiet ta’ prodotti jew it-tnaqqis potenzjali tal-marġnijiet tal-profitt tal-industriji li jintroduċu prodotti fis-suq tal-Unjoni minħabba l-applikazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produttur tkun marġinali fil-livell tal-Unjoni u ma tipperikolax l-affordabbiltà, id-disponibbiltà jew l-aċċessibbiltà ta’ dawk il-prodotti fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-impatti possibbli tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-responsabbiltà estiża tal-produttur fuq l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari l-mediċini, introdotti fis-suq tal-Unjoni, kif ukoll l-impatti possibbli fuq l-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti fuq il-kundizzjonijiet ekwivalenti tal-kompetizzjoni. L-Istati Membri jistgħu jieħdu azzjoni biex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed fondi disponibbli, inkluż billi jiffinanzjaw parti mill-kostijiet għat-trattament kwaternarju. Peress li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu approċċi differenti ta' implimentazzjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni għall-funzjonament tas-suq intern u li, fi kwalunkwe evalwazzjoni futura ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta kwalunkwe impatt potenzjali f'dan ir-rigward.

(22)

Madankollu, jenħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà ta' eżenzjonijiet mill-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur. Jenħtieġ li dan ikun il-każ fejn l-ammont totali tas-sustanzi li jinsabu fi prodotti introdotti fis-suq tal-Unjoni minn produttur jammontaw għal kwantitajiet żgħar, jiġifieri inqas minn tunnellata waħda kull sena, peress li f'każijiet bħal dawn il-piż amministrattiv miżjud għall-produttur ikun sproporzjonat imqabbel mal-benefiċċji ambjentali. Jenħtieġ li jkunu possibbli eżenzjonijiet ukoll għall-parti tal-prodotti li għaliha l-produttur jista' juri li ma jiġu ġġenerati ebda mikrosustanzi niġġiesa fi tmiem il-ħajja tal-prodott jew fejn jista' jiġi ppruvat li r-residwi minn prodott huma bijodegradabbli malajr fl-ilma mormi u fl-ambjent jew ma jaslux sal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji dettaljati għall-identifikazzjoni ta' prodotti introdotti fis-suq tal-Unjoni li ma jiġġenerawx mikrosustanzi niġġiesa fl-ilma mormi urban fi tmiem il-ħajja tagħhom, b’kont meħud tal-periklu li jippreżentaw u kemm huma bijodegradabbli. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, meta tiżviluppa dawk il-kriterji, tqis il-kriterji diġà stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), iżda wkoll informazzjoni xjentifika jew informazzjoni teknika oħra disponibbli, inkluż l-istandards internazzjonali rilevanti. Jenħtieġ li dawk il-kriterji jiġu stabbiliti qabel ma jidħlu fis-seħħ l-obbligi previsti f’din id-Direttiva tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

(23)

Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet possibbli tas-suq intern, jenħtieġ li f'din id-Direttiva jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, filwaqt li jenħtieġ li l-organizzazzjoni prattika ta’ dik is-sistema tiġi deċiża fil-livell nazzjonali. Sabiex jiffavorixxu s-sostituzzjoni tas-sustanzi u l-prodotti li jiġġeneraw residwi ta' mikrosustanzi niġġiesa fl-ilma mormi urban, jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet tal-produtturi jkunu proporzjonati mal-kwantitajiet tas-sustanzi li jinsabu fil-prodotti li jintroduċu fis-suq u l-periklu li jippreżentaw dawk is-sustanzi u r-residwi tagħhom. Jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet ikopru, iżda ma jaqbżux, il-kostijiet operazzjonali u ta' investiment għall-attivitajiet ta' monitoraġġ għall-mikrosustanzi niġġiesa, il-ġbir, ir-rappurtar u l-verifika imparzjali tal-istatistika dwar il-kwantitajiet u l-periklu tal-prodotti introdotti fis-suq tal-Istati Membri, u l-applikazzjoni tat-trattament kwaternarju għall-ilma mormi urban b'mod effiċjenti. Jenħtieġ li dawk il-kontribuzzjonijiet ikopru wkoll il-kostijiet operazzjonali ta' trattament kwaternarju diġà stabbilit mad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva meta jkun meħtieġ li jiġu ssodisfati l-obbligi tas-sistema tar-responsabbiltà estiża tal-produttur. Jenħtieġ li jkopru wkoll parti mill-ispejjeż tal-investiment tat-trattamenti kwaternarji stabbiliti, filwaqt li jitqies id-deprezzament tal-investimenti u l-iskadenzi tal-obbligi ta' finanzjament stabbiliti f'din id-Direttiva. Peress li l-ilma mormi urban jiġi ttrattat b'mod kollettiv, huwa xieraq li jiġi introdott rekwiżit għall-produtturi biex jissieħbu f'organizzazzjoni ċentralizzata li tista' timplimenta l-obbligi tagħhom skont ir-responsabbiltà estiża tal-produttur f'isimhom.

(24)

L-evalwazzjoni wriet ukoll li s-settur tat-trattament tal-ilma mormi urban joffri l-opportunità li jnaqqas b'mod sinifikanti l-konsum tal-enerġija tiegħu stess u li jipproduċi l-enerġija rinnovabbli, pereżempju bl-użu aħjar tas-superfiċji disponibbli fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għall-produzzjoni tal-enerġija solari jew bil-produzzjoni tal-bijogass mill-ħama kif ukoll bl-enerġija mis-sħana, l-enerġija kinetika jew sorsi rinnovabbli oħra tal-enerġija. L-evalwazzjoni wriet ukoll li, mingħajr obbligi legali ċari, jista' jkun mistenni biss progress parzjali f'dak is-settur. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jiżguraw li l-enerġija annwali totali użata mill-impjanti kollha tat-trattament tal-ilma mormi urban fit-territorju tagħhom li jittrattaw tagħbija ta' 10 000 e.p. u aktar, ma taqbiżx il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), minn dawk l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban. Sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban, jiġu ottimizzati l-investimenti meħtieġa u tkun prevista l-flessibbiltà meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità enerġetika, filwaqt li jiġi żgurat li l-potenzjal għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u għall-iffrankar tal-enerġija jiġi sfruttat bis-sħiħ, jenħtieġ li dak l-objettiv jinkiseb fil-livell nazzjonali u mhux għal kull impjant tat-trattament. Jenħtieġ li jitqiesu l-enerġiji rinnovabbli kollha prodotti mill-operaturi jew is-sidien tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, kemm fuq il-post kif ukoll barra mis-sit, bħall-enerġija idrawlika, solari, termali, eolika jew il-bijogass. Jenħtieġ li dak l-objettiv jintlaħaq progressivament b'miri interim sal-31 ta' Diċembru 2045. Jenħtieġ li jkun possibbli li jinxtara ammont limitat ta' enerġija mhux fossili, mhux marbuta direttament ma' attivitajiet ta' trattament tal-ilma mormi urban, minn sorsi esterni fl-2040 u fl-2045, bl-użu ta' deroga marbuta mal-kundizzjonijiet. Jenħtieġ li l-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli mis-sidien jew l-operaturi tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban jew f'isimhom ma tinkludix ix-xiri ta' enerġija rinnovabbli.. L-ilħuq ta' dak l-objettiv tan-newtralità enerġetika ser jikkontribwixxi b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mis-settur tat-trattament tal-ilma mormi urban li jistgħu jiġu evitati, filwaqt li tiġi appoġġata l-kisba tal-objettivi tan-newtralità klimatika sal-2050 u tal-objettivi nazzjonali u tal-Unjoni relatati, bħall-objettivi stipulati fir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Madankollu, jenħtieġ li l-inizjattivi biex tinkiseb in-newtralità enerġetika ma jwasslux għal żieda fl-emissjonijiet tal-metan jew tal-ossidu nitruż. F'konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001, jenħtieġ li l-Istati Membri jiffaċilitaw il-proċeduri għall-għoti ta' permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli meħtieġa biex tintlaħaq in-newtralità enerġetika fis-settur tal-ilma mormi urban. L-inkoraġġiment tal-produzzjoni tal-bijogass jew tal-enerġija solari bbażata fl-UE filwaqt li jissaħħu l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika f'konformità mal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” definit fir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u bl-użu ottimali tad-diġitalizzazzjoni, li jfisser li jitqiesu bis-sħiħ il-miżuri kosteffiċjenti tal-effiċjenza enerġetika fit-tfassil tal-politika tal-enerġija u fit-teħid ta' deċiżjonijiet rilevanti dwar l-investiment, ser jgħin ukoll biex titnaqqas id-dipendenza enerġetika tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi espressi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 intitolat Pjan “REPower EU”. Huwa wkoll konformi mad-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u mad-Direttiva (UE) 2018/2001 fejn is-siti tat-trattament tal-ilma mormi urban huma identifikati bħala żoni “go-to” għas-sorsi rinnovabbli, jiġifieri post magħżul bħala partikolarment adattat għall-installazzjoni ta' impjanti għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità enerġetika permezz ta' miżuri ottimali għal kull impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban u għas-sistema ta' ġbir, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awditi tal-enerġija, kif definiti fid-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), jitwettqu kull erba' snin. Jenħtieġ li dawk l-awditi jinkludu wkoll identifikazzjoni tal-potenzjal għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, l-irkupru kosteffettiv u l-użu tas-sħana mormija, fuq il-post jew permezz ta' sistema tal-enerġija distrettwali, jew użu jew produzzjoni kosteffettivi tal-enerġija rinnovabbli skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(25)

Peress li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan għandhom impatt ikbar fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima mit-tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, u minħabba li s-settur tat-trattament tal-ilma mormi urban jiġi identifikat bħala wieħed mis-setturi emittenti ewlenin għall-emissjonijiet tal-metan, jenħtieġ li dak is-settur iwettaq monitoraġġ u jimmira biex inaqqas l-emissjonijiet tal-metan kif imsemmi fil-Wegħda Globali b'rabta mal-Metan, inizjattiva mnedija fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima fi Glasgow (COP 26), bl-istess mod bħat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet tal-Metan fir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), sabiex ikun żgurat il-kontribut tas-settur tat-trattament tal-ilma mormi urban għall-kisba tal-mira tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119.

(26)

Peress li n-natura transkonfinali tat-tniġġis tal-ilma teħtieġ kooperazzjoni bejn Stati Membri jew pajjiżi terzi ġirien fl-indirizzar ta' tali tniġġis u l-identifikazzjoni ta' miżuri biex jiġi indirizzat is-sors tiegħu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jinfurmaw lil xulxin jew lill-pajjiż terz ikkonċernat jekk tniġġis sinifikanti tal-ilma li joriġina minn skariki tal-ilma mormi urban fi Stat Membru wieħed jew f'pajjiż terz iħalli impatt jew x'aktarx ikollu impatt fuq il-kwalità tal-ilma ta' Stat Membru jew pajjiż terz ieħor. Jenħtieġ li tali informazzjoni tkun provduta immedjatament f'każijiet ta' tniġġis inċidentali li jaffettwa b'mod sinifikanti l-korpi tal-ilma 'l isfel minnu, u jenħtieġ li r-rispons jiġi kkomunikat fil-waqt. Fejn l-Istati Membri jkunu kkokludew ftehimiet preċedenti bejniethom jew ma' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ambjentali marbuta mal-ilma, tista' titqies il-kooperazzjoni permezz ta' dawk il-ftehimiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi infurmata b’tali tniġġis u, jekk ikun meħtieġ, tipparteċipa fil-laqgħat fuq talba tal-Istati Membri. Huwa importanti wkoll li jiġi indirizzat it-tniġġis transkonfinali minn pajjiżi terzi li jikkondividu l-istess korpi tal-ilma ma' xi wħud mill-Istati Membri. Bl-għan li jiġi ttrattat it-tniġġis li jiġi minn pajjiżi terzi jew li jasal fihom, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma' pajjiżi terzi jistgħu jitwettqu fil-qafas tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar il-Protezzjoni u l-Użu ta' Passaġġi tal-Ilma Transkonfinali u Għadajjar Internazzjonali (19) jew Konvenzjonijiet reġjonali rilevanti oħra bħall-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali jew ix-Xmajjar.

(27)

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi tal-ġbir u l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban mibnija biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva jkunu ddisinjati, mibnija, operati u miżmuma b'tali mod li jiżguraw prestazzjoni suffiċjenti fil-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha lokali. Peress li l-infrastruttura tal-ilma mormi urban ġiet rikonoxxuta bħala entità kritika skont id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u s-sistemi tal-ġbir jiġu vvalutati fir-rigward tal-vulnerabbiltà tagħhom għal avvenimenti estremi li jseħħu minħabba t-tibdil fil-klima, meta jkunu qed jiġu ddisinjati, mibnija u mħaddma.

(28)

L-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban jirċievu wkoll ilma mormi mhux domestiku, inkluż ilma mormi industrijali, li jista' jkun fih firxa ta' sustanzi niġġiesa mhux koperti b'mod espliċitu mid-Direttiva 91/271/KEE, bħal metalli tqal, mikroplastiċi, mikrosustanzi niġġiesa u sustanzi kimiċi oħra, inkluż sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS). Tali ilma mormi mhux domestiku jista' jiġi, pereżempju, mill-industriji, stabbilimenti kummerċjali, jew sptarijiet u faċilitajiet mediċioħra. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, hemm nuqqas ta' fehim u nuqqas ta’ għarfien ta’ tali tniġġis, li jista’ jwassal għal deterjorament tal-funzjonament tal-proċess tat-trattament u jikkontribwixxi għat-tniġġis tal-ilmijiet riċeventi, filwaqt li jipprevjeni l-irkupru tal-ħama u l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat ukoll. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw u jirrapportaw regolarment dwar tali tniġġis mhux domestiku li jidħol fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u li jiġi skarikat fil-korpi tal-ilma. Sabiex jiġi evitat it-tniġġis fis-sors minn skariki ta' ilma mormi mhux domestiku, jenħtieġ li r-rilaxxi minn industriji jew intrapriżi konnessi ma' sistemi ta' ġbir ikunu soġġetti għal regolamenti minn qabel jew awtorizzazzjoni speċifika, jew it-tnejn, mill-awtorità kompetenti jew mill-korp xieraq. Sabiex jiġi żgurat li s-sistemi ta' ġbir u l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban jkunu teknikament kapaċi li jirċievu u jittrattaw it-tniġġis li jkun dieħel, jenħtieġ li l-operaturi li jimmaniġġjaw l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jirċievu ilma mormi mhux domestiku jiġu kkonsultati u infurmati qabel ma jinħarġu dawk l-awtorizazzjonijiet jew jiġu adottati dawk ir-regolamenti minn qabel, u jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkonsultaw, fuq talba, l-awtoriżazzjonijiet maħruġa sabiex ikunu jistgħu jadattaw il-proċessi ta' trattament tagħhom. Meta jiġi identifikat tniġġis mhux domestiku fl-ilmijiet li jkunu deħlin, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa biex inaqqsu t-tniġġis mis-sors, billi jtejbu l-monitoraġġ tas-sustanzi niġġiesa fis-sistemi ta' ġbir sabiex is-sorsi tat-tniġġis ikunu jistgħu jiġu identifikati u, fejn meħtieġ, billi jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet ipprovduti lill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban konnessi rilevanti.

(29)

Ir-riżorsi tal-ilma tal-Unjoni qegħdin dejjem aktar taħt pressjoni, u dan jirriżulta fi skarsezza permanenti jew temporanja tal-ilma f'xi żoni tal-Unjoni. Il-kapaċità tal-Unjoni li tirrispondi għall-pressjonijiet dejjem akbar fuq ir-riżorsi tal-ilma tista' tittejjeb permezz ta' użu mill-ġdid usa' tal-ilma mormi urban ittrattat, li jillimita l-estrazzjoni tal-ilma ħelu mill-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta' taħt l-art. Għalhekk, jenħtieġ li l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi urban ittrattat jiġi mħeġġeġ u applikat kull meta jkun xieraq, speċjalment f'żoni fejn l-ilma huwa skars, u għall-iskopijiet kollha xierqa, filwaqt li jiġi żgurat il-fluss ekoloġiku minimu tal-ilmijiet riċeventi u titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi ta' status ekoloġiku u kimiku tajjeb tal-korpi riċeventi, kif definit fid-Direttiva 2000/60/KE. Biex jinkiseb dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu monitoraġġ tal-impatt tal-użu mill-ġdid tal-ilma mormi urban ittrattat fuq il-fluss ekoloġiku minimu tal-ilmijiet riċeventi fil-valutazzjoni tagħhom tal-impatti mwettqa skont id-Direttiva 2000/60/KE. Jenħtieġ li jiġi vvalutat il-potenzjal għall-użu mill-ġdid tal-ilma mormi urban ttrattat filwaqt li jitqiesu l-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar stabbiliti skont id-Direttiva 2000/60/KE u d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi ta' status ekoloġiku u kimiku tajjeb tal-korpi riċeventi, kif definit fid-Direttiva 2000/60/KE. It-tisħiħ tar-rekwiżiti għat-trattament tal-ilma mormi urban, u l-azzjonijiet biex jiġi mmonitorjat, traċċat u mnaqqas aħjar it-tniġġis fis-sors, ser jkollhom impatti fuq il-kwalità tal-ilma mormi urban trattat, u għalhekk ser jappoġġaw l-użu mill-ġdid tal-ilma. Meta l-użu mill-ġdid tal-ilma jservi l-iskop ta' tisqija agrikola, dan jenħtieġ li jitwettaq f'konformità mar-Regolament (UE) 2020/741. Jenħtieġ li, fejn ikun xieraq biex jiġi żgurat l-użu mill-ġdid sikur tal-ilma mormi urban ittrattat, l-Istati Membri jikkunsidraw it-trattament kwaternarju għall-ilma mormi urban li jerġa' jintuża jew ser jerġa' jintuża. Fejn ikun hemm disponibbli strateġiji dwar ir-reżiljenza tal-ilma fil-livell tal-Istati Membri, jenħtieġ li fihom jiġu kkunsidrati miżuri dwar il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma mormi urban trattat u dwar tali użu mill-ġdid proprju.

(30)

In-nutrijenti li jinsabu fl-ilma mormi urban jistgħu jkunu utli f'każijiet fejn l-ilma mormi urban ittrattat jerġa' jintuża fl-agrikoltura skont ir-Regolament (UE) 2020/741. F'dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw, taħt kundizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, minn deroga mill-obbligu li jiġi applikat trattament terzjarju f'konformità ma' din id-Direttiva biss għall-parti tal-ilma mormi urban ittrattat li jerġa' jintuża fl-agrikoltura.

(31)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' din id-Direttiva u b'mod partikolari r-rispett għall-valuri limitu tal-emissjonijiet, huwa importanti li jiġu mmonitorjati l-iskariki ta' ilma mormi urban trattat fl-ambjent. Jenħtieġ li l-monitoraġġ isir permezz tal-istabbiliment fil-livell nazzjonali ta' sistema obbligatorja għal regolamenti minn qabel jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi, jew it-tnejn, sabiex l-ilma mormi urban ittrattat jiġi skarikat fl-ambjent. Barra minn hekk, sabiex jiġu evitati skariki mhux intenzjonati ta' bijomedia fl-ambjent minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jużaw bijomedia, huwa essenzjali li jiġu inklużi fl-awtorizzazzjonijiet jew ir-regolamenti ta' skariku, jew fit-tnejn, obbligi speċifiċi għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni kontinwi ta' tali skariki. Din il-bijomedia normalment tkun magħmula mill-plastik u tista' tinkludi, fost oħrajn, bijotrasportaturi, bijożibeġ jew żibeġ tal-polistiren.

(32)

Fejn neċessarju, jenħtieġ li l-Istati Membri jadattaw l-infrastruttura tal-ġbir u tat-trattament tal-ilma mormi urban tagħhom skont id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom u t-tagħbija assoċjata tal-ilma mormi domestiku sabiex jibqgħu konformi mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-impatt possibbli tal-iskariki fuq il-korpi tal-ilma li jirriżulta mill-kostruzzjoni u l-adattament ta' tali infrastruttura ma jitqiesx bħala ksur tal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 2000/60/KE dment li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti skont din id-Direttiva jiġu ssodisfati.

(33)

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent, jenħtieġ li l-iskariki diretti ta' ilma mormi bijodegradabbli mhux domestiku fl-ambjent minn ċerti setturi industrijali jkunu soġġetti għal rekwiżiti xierqa. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jiżguraw li l-iskariki diretti minn ċerti setturi industrijali jkunu soġġetti għal trattament sekondarju, terzjarju u kwaternarju kif meħtieġ għall-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, u li, mal-analiżi finali, jiġu rrispettati l-parametri stabbiliti għall-ilma mormi ttrattat jew jiġi żgurat l-istess livell ta' protezzjoni ambjentali.

(34)

Skont l-Artikolu 168(1) TFUE, l-azzjoni tal-Unjoni tikkomplementa l-politiki nazzjonali u għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika u l-prevenzjoni tal-mard. Sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tad-data rilevanti dwar is-saħħa pubblika mill-ilma mormi urban, jenħtieġ li s-sorveljanza tal-ilma mormi urban tiġi stabbilita u użata għal finijiet preventivi jew ta' twissija bikrija, pereżempju fid-detezzjoni ta' viruses speċifiċi fl-ilma mormi urban bħala sinjal tal-emerġenza ta' epidemiji jew pandemiji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu djalogu u koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-saħħa pubblika u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-ġestjoni tal-ilma mormi urban. Fil-kuntest ta' dik il-koordinazzjoni, jenħtieġ li r-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-kostijiet jiġu allokati b’mod ċar fost dawk l-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw lista ta' parametri rilevanti għas-saħħa pubblika li jsir monitoraġġ tagħhom fl-ilma mormi urban kif ukoll il-frekwenza u l-post tal-kampjunar, filwaqt li jqisu r-rakkomandazzjonijiet, fost oħrajn, taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), tal-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u jikkunsidraw il-parametri tas-saħħa li ġejjin għall-inklużjoni f'dik il-lista: is-SARS-CoV-2 u l-varjanti tiegħu, il-virus tal-poljo, il-virus tal-influwenza, patoġeni emerġenti u kwalunkwe parametru ieħor tas-saħħa pubblika li jista' jitqies rilevanti. Abbażi tal-informazzjoni miġbura matul il-pandemija tal-COVID-19 u l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/472 (22) jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jwettqu monitoraġġ tal-parametri tas-saħħa rilevanti fl-ilma mormi urban f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa. Sabiex jiġi żgurat li jintużaw metodi armonizzati, jenħtieġ li l-Istati Membri, sa fejn ikun possibbli, jużaw il-metodi ta’ kampjunar u analiżi stipulati fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/472 għall-monitoraġġ tas-SARS-CoV-2 u l-varjanti tiegħu.

(35)

L-Unjoni tirrikonoxxi l-importanza li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR), b’mod partikolari fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2017 intitolata “Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (RAM)”, u adottat il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra l-AMR. Skont id-WHO, l-ilma mormi urban huwa rikonoxxut u ddokumentat bħala sors ewlieni ta' aġenti antimikrobiċi u l-metaboliti tagħhom, kif ukoll batterji reżistenti għall-antimikrobiċi u l-ġeni tagħhom. Sabiex jiżdied l-għarfien dwar is-sorsi ewlenin tal-AMR, jenħtieġ li jiġi introdott obbligu ta' monitoraġġ għall-preżenza tal-AMR fl-ilmijiet urbani mormija biex jiġi żviluppat aktar l-għarfien xjentifiku tagħna u potenzjalment tittieħed azzjoni adegwata fil-futur.

(36)

Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-approċċ “Saħħa Waħda”, kif rikonoxxut mid-WHO, bħala approċċ integrat u li jgħaqqad li għandu l-għan li jibbilanċja b'mod sostenibbli u jottimizza s-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-ekosistemi. L-approċċ “Saħħa Waħda” jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bnedmin u s-saħħa tal-annimali domestiċi u selvaġġi, tal-pjanti, u tal-ambjent usa', inkluż l-ekosistemi, huma marbuta mill-qrib flimkien u jiddependu minn xulxin.

(37)

Sabiex jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, jenħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji kkawżati mill-ġestjoni tal-ilma mormi urban. Il-valutazzjoni tar-riskju jista’ jinkludi skrinjar kimiku wiesa', li jinkludi taħlitiet kimiċi, jew metodi bbażati fuq l-effetti bijoloġiċi, jew it-tnejn, sabiex jiġu identifikati sustanzi li jikkawżaw tħassib għal, fost oħrajn, il-ħajja akkwatika jew il-kwalità tal-ilma tax-xorb jew għall-għawm. Abbażi ta' dik l-identifikazzjoni, u fejn meħtieġ biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ilma, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri għall-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban li huma aktar stretti mill-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi stipulati f'din id-Direttiva. F'konformità mal-Artikolu 191(2) TFUE u minbarra l-miżuri previsti jew meħuda skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2000/60/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu, bħala prijorità, il-kontroll tas-sustanzi niġġiesa fis-sors biex jipprevjenu t-tniġġis tal-korpi tal-ilma riċeventi. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri preventivi biex jillimitaw ir-riskji li mikroplastik rilaxxat intenzjonalment jew mhux intenzjonalment jilħaq l-ilma mormi urban u l-ħama urban.

(38)

Skont is-sitwazzjoni, dawk il-miżuri aktar stretti jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-istabbiliment ta' sistemi ta' ġbir, l-iżvilupp ta' pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban jew l-applikazzjoni ta' trattament sekondarju, terzjarju jew kwaternarju għall-ilma mormi urban għal agglomerazzjonijiet jew impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li ma jilħqux il-limiti ta' e.p. li jiskattaw l-applikazzjoni tar-rekwiżiti standard. Jistgħu jinkludu wkoll trattament li jkun aktar avvanzat mit-trattament meħtieġ biex jiġu rrispettati r-rekwiżiti minimi jew id-diżinfezzjoni tal-ilma mormi urban trattat meħtieġa għall-konformità mad-Direttiva 2006/7/KE.

(39)

Il-mira 6.2 tal-għan ta' Żvilupp Sostenibbli 6 tan-NU dwar l-ilma nadif u s-sanità tirrikjedi li l-Istati Membri, sal-2030, jiksbu aċċess għal faċilitajiet sanitarji u tal-iġjene adegwati u ekwi għal kulħadd u jtemmu l-porgar fil-beraħ, b'attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tan-nisa u l-bniet u dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli. Jenħtieġ li l-faċilitajiet sanitarji jippermettu l-ġestjoni u r-rimi sikuri tal-awrina u tal-feċi tal-bniedem, id-demm mestrwali u t-tbiddil ta' prodotti mestrwali. Barra minn hekk, il-Prinċipju 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità tajba, inkluż l-ilma u l-faċilitajiet sanitarji. F'dan il-kuntest, u f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet fil-Linji Gwida tad-WHO dwar il-Faċilitajiet Sanitarji u s-Saħħa (23) u l-Protokoll dwar l-Ilma u s-Saħħa tal-Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni u l-Użu ta' Passaġġi tal-Ilma Transkonfinali u Għadajjar Internazzjonali, 17 ta' Ġunju 1999, jenħtieġ li l-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni tal-aċċess għal faċilitajiet sanitarji fil-livell nazzjonali. Jenħtieġ li dan isir permezz ta' azzjonijiet li jiżguraw l-aċċess għal faċilitajiet sanitarji għal kulħadd, pereżempju billi jiġu stabbiliti faċilitajiet sanitarji fi spazji pubbliċi, kif ukoll billi titħeġġeġ id-disponibbiltà ta' faċilitajiet sanitarji xierqa fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u fil-bini pubbliku mingħajr ħlas jew li dawn isiru affordabbli għal kulħadd, inkluż it-tipi kollha ta' faċilitajiet u servizzi, bħal toilets bil-flushing u dawk mingħajr ilma. Jenħtieġ li dawn jiġu ġestiti b'mod sikur, li jfisser li jenħtieġ li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, fejn ikun xieraq, f'kull ħin, inkluż għal persuni bi bżonnijiet partikolari, bħat-tfal, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità u l-persuni mingħajr dar, li jenħtieġ li jitqiegħdu f'post li jiżgura s-sikurezza massima għall-utenti, u li jenħtieġ li jkunu sikuri b'mod iġjeniku u tekniku biex jintużaw. Tali faċilitajiet jenħtieġ li jkunu wkoll biżżejjed biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tan-nies jiġu ssodisfati u li l-ħinijiet ta' stennija ma jkunux twal b'mod mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-għadd suffiċjenti ta' faċilitajiet sanitarji fl-ispazji pubbliċi jiġi deċiż fil-livell xieraq, b'kont meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

(40)

Is-sitwazzjoni speċifika tal-kulturi minoritarji, bħar-Rom u t-Travellers, kemm jekk stabbiliti kif ukoll jekk le, u b'mod partikolari n-nuqqas ta' aċċess tagħhom għal faċilitajiet sanitarji, ġiet rikonoxxuta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ottubru 2020 intitolata “Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni”, li tappella biex jiżdied l-aċċess ugwali effettiv għal servizzi essenzjali. B'mod ġenerali, huwa xieraq li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi vulnerabbli jew il-gruppi li huma emarġinati minħabba fatturi relatati mas-sitwazzjoni soċjoekonomika, l-etniċità, is-sesswalità, il-ġeneru, id-diżabbiltà, l-istatus legali, il-konvinzjoni reliġjuża tagħhom, il-fatt li ma jkollhomx dar jew raġunijiet oħra billi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-aċċess għal faċilitajiet sanitarji għal dawk il-gruppi. Huwa importanti li l-identifikazzjoni ta' dawk il-gruppi tkun konsistenti mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24). Il-miżuri biex jitjieb l-aċċess għal faċilitajiet sanitarji minn gruppi vulnerabbli u emarġinati jistgħu jinkludu l-forniment ta' faċilitajiet sanitarji fi spazji pubbliċi u privati mingħajr ħlas jew bi ħlas baxx għas-servizz kif ukoll f'binjiet tal-amministrazzjoni pubblika, it-titjib jew iż-żamma tal-konnessjoni ma' sistemi adegwati għall-ġbir tal-ilma mormi urban, u sensibilizzazzjoni tal-eqreb faċilitajiet sanitarji.

(41)

Skont il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem b'rabta mal-Ilma tax-Xorb Sikur u s-Sanità, adottati mill-Kunsill fis-17 ta’ Ġunju 2019, trid tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tan-nisa u tal-bniet, peress li huma partikolarment f'riskju u esposti għal attakki, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, fastidju u theddid ieħor għas-sikurezza tagħhom meta jaċċessaw faċilitajiet sanitarji barra minn djarhom. Dan huwa konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Diplomazija fil-Qasam tal-Ilma, adottati fid-19 ta’ Novembru 2018, li jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fid-diplomazija fil-qasam tal-ilma. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lin-nisa u lill-bniet bħala grupp vulnerabbli u jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex itejbu jew iżommu aċċess sikur għalihom għal faċilitajiet sanitarji.

(42)

L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-ġestjoni tal-ħama tista' tittejjeb biex tiġi allinjata aħjar mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u tal-ġerarkija tal-iskart kif definita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25). L-azzjonijiet biex jiġi mmonitorjat aħjar u jitnaqqas it-tniġġis fis-sors minn skariki mhux domestiċi ser jikkontribwixxu biex itejbu l-kwalità tal-ħama prodott u jiġi żgurat l-użu sikur tiegħu fl-agrikoltura. Sabiex jiġi żgurat l-irkupru xieraq u sikur tan-nutrijenti, inkluż is-sustanza kritika tal-fosforu, mill-ħama, jenħtieġ li tiġi stabbilita rata minima kkombinata ta' użu mill-ġdid u riċiklaġġ fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu jekk jużawx mill-ġdid jew jekk jirriċiklawx, jew it-tnejn, l-ilma mormi urban jew il-ħama, jew it-tnejn, sabiex jirkupraw il-fosforu. Jenħtieġ li r-rata minima kkombinata ta' użu mill-ġdid u riċiklaġġ tqis il-kontenut tal-fosforu tal-ħama, li jista' jvarja minn żona għal oħra. Jenħtieġ li tqis ukoll il-livell ta' saturazzjoni ta' kull suq nazzjonali, pereżempju d-disponibbiltà ta' sorsi oħra ta' fosforu minn sorsi organiċi, bħat-trobbija tal-bhejjem, u l-modi kif jista' jiġi assorbit fl-agrikoltura. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jwettqu monitoraġġ tal-mikrosustanzi niġġiesa fil-ħama, b'mod partikolari fejn ikun hemm riskju ta' akkumulazzjoni ta' mikrosustanzi niġġiesa fil-ħama, u meta jintuża mill-ġdid fl-agrikoltura, sabiex jiżdied l-għarfien tal-preżenza tagħhom u biex jiġu protetti l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Jenħtieġ li jiġu mħeġġa l-irkupru xieraq u sikur tan-nutrijenti u l-użu mill-ġdid tagħhom fl-agrikoltura sabiex jappoġġaw ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-settur agrikolu u jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-industrija tal-fertilizzanti tal-Unjoni. F'dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-għażliet ta' valorizzazzjoni nazzjonali u lokali, jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-produzzjoni u x-xiri ta' nutrijenti rkuprati mill-ilma mormi urban u l-ħama. Meta jerġa' jintuża l-ħama fl-agrikoltura, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-mikroplastiks. Għalhekk, meta l-ħama jerġa' jintuża fl-agrikoltura, jenħtieġ li jsir monitoraġġ sistematiku tal-mikroplastiks. Din l-informazzjoni hija indispensabbli għall-ġestjoni sikura tal-ħama fl-agrikoltura u għal kwalunkwe rieżami possibbli tal-politika rilevanti tal-Unjoni.

(43)

Huwa neċessarju monitoraġġ adegwat biex jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti l-ġodda ta’ din id-Direttiva dwar il-mikrosustanzi niġġiesa, it-tniġġis mhux domestiku, in-newtralità enerġetika, it-tifwir tal-ilma tal-maltemp u l-ilma tax-xeba' urban. Jenħtieġ li l-monitoraġġ ikun appoġġat, fejn ikun teknikament fattibbli u xieraq, bl-użu ta' għodod diġitali. B'mod partikolari jenħtieġ li, għall-ġestjoni operazzjonali tas-sistemi tal-ġbir u tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, jiġi kkunsidrat b'mod sistematiku l-użu ta' għodod diġitali. Sabiex tiġi vverifikata l-konformità tat-trattament kwaternarju li jikkonċerna t-tnaqqis ta' mikrosustanzi niġġiesa fl-iskariki tal-ilma mormi urban, huwa biżżejjed li jsir monitoraġġ ta' sett limitat ta' mikrosustanzi niġġiesa rappreżentattivi. Jenħtieġ li l-frekwenzi tal-monitoraġġ ikunu bbażati fuq l-aħjar prattiki attwali, kif inhu attwalment ipprattikat fl-Iżvizzera. Biex jibqgħu kosteffettivi, jenħtieġ li dawk l-obbligi jiġu adattati għad-daqs tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u tal-agglomerazzjonijiet. Għall-finijiet ta’ tali monitoraġġ, din id-Direttiva tipprevedi li jsir kampjunar. Kull darba li jsir kampjunar, jittieħed kampjun kemm id-dħul kif ukoll fl-iżbokki tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban. Il-monitoraġġ ser jikkontribwixxi wkoll biex jipprovdi data għall-Qafas ta' Monitoraġġ Ambjentali ġenerali kif stabbilit taħt it-Tmien Programm ta' Azzjoni Ambjentali (26), u b'mod aktar speċifiku biex jikkontribwixxi għall-Qafas ta' Monitoraġġ u Prospettiva ta' Tniġġis Żero li jirfed dan il-Qafas, stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2021 intitolata “Perkors għal Pjaneta b'Saħħitha għal Kulħadd Pjan ta' Azzjoni tal-UE: Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija”.

(44)

Jenħtieġ li jsir monitoraġġ tal-mikroplastiċi u l-mikrosustanzi niġġiesa, fejn ikun rilevanti, fl-iskariki tat-tifwir tal-ilma tal-maltemp u dawk tal-ilma tax-xeba' urban minn sistemi separati bi programm ta' kampjunar rappreżentattiv li jippermetti li tiġi stmata l-konċentrazzjoni bil-ħsieb tal-immudellar tal-kwalità tal-ilma. Jenħtieġ li l-emissjonijiet ta' gassijiet serra jiġu mmonitorjati permezz ta’ analiżi, kalkoli jew immudellar, fejn xieraq.

(45)

Biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent u li tittieħed azzjoni adegwata dwar kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju li titwettaq b'implimentazzjoni ta' din id-Direttiva kif ukoll b'implimentazzjoni ta' liġi oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw spettru wiesa' ta' sustanzi niġġiesa fid-dħul u fl-iżbokki tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban. Biex jiġi evitat piż bla bżonn, jenħtieġ li jsir monitoraġġ biss tas-sustanzi niġġiesa li jista' jkun mistenni li jinsabu fl-ilma mormi urban, filwaqt li titqies il-varjetà kbira ta' sustanzi niġġiesa li jistgħu jispiċċaw fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, inkluż minn sorsi tal-ilma mormi mhux domestiċi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jnaqqsu l-frekwenza tal-monitoraġġ jekk sustanzi niġġiesa ma jinstabux f'kampanji ta' kampjunar sussegwenti. B'mod aktar speċifiku, data reċenti turi li l-PFAS jinstabu fl-ilma mormi urban, xi drabi f'konċentrazzjonijiet għoljin. L-aktar evidenza xjentifika reċenti turi li l-PFAS huma ta' tħassib għall-ambjent u għas-saħħa pubblika minħabba l-persistenza tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li jkunu mifhuma aħjar il-mogħdijiet tal-PFAS fl-ambjent u li jsir monitoraġġ tagħhom fid-dħul u fl-iżbokki tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban. Jenħtieġ li dan il-monitoraġġ jibda l-ewwel fejn l-iskariki jilħqu baċini idrografiċi użati għall-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb, minħabba r-riskji għoljin ta' esponiment għall-PFAS u l-impatt tagħhom fuq is-saħħa.

(46)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jintużaw aħjar il-possibbiltajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni, jenħtieġ li r-rappurtar dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jittejjeb u jiġi ssimplifikat billi jitneħħa l-obbligu għall-Istati Membri li jirrapportaw kull sentejn lill-Kummissjoni u għall-Kummissjoni li tippubblika rapporti darbtejn fis-sena. Jenħtieġ li jiġi sostitwit b'rekwiżit li l-Istati Membri jtejbu, bl-appoġġ tal-EEA, is-settijiet ta' data standardizzati nazzjonali eżistenti stabbiliti skont id-Direttiva 91/271/KEE, u li jaġġornawhom regolarment. Il-Kummissjoni ser tuża dawk is-settijiet ta' data mtejba biex tiġi vverifikata l-konformità ma' din id-Direttiva. Huwa xieraq li l-mudell ta' rappurtar jiġi żviluppat mill-EEA f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-EEA jingħataw aċċess għall-bażijiet tad-data nazzjonali. Sabiex tiġi żgurata informazzjoni kompluta dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, is-settijiet tad-data jenħtieġ li jinkludu informazzjoni dwar il-konformità tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban mar-rekwiżiti tat-trattament (aċċettabbiltà/inaċċettabbiltà, tagħbijiet u konċentrazzjoni ta' sustanzi niġġiesa skarikati), dwar il-livell ta' ksib tal-objettivi tan-newtralità enerġetika, dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-impjanti tat-trattament ta' aktar minn 10 000 e.p. u dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri fil-kuntest tat-tifwir tal-ilma tal-maltemp u tax-xeba' urban, tal-aċċess għal faċilitajiet sanitarji u tat-trattament minn sistemi individwali. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi żgurata konsistenza sħiħa mar-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) sabiex jiġi ottimizzat l-użu tad-data, kif ukoll biex tiġi appoġġata t-trasparenza sħiħa. Jenħtieġ li l-informazzjoni miġbura minn dawk is-settijiet ta' data tappoġġa tqabbil ma’, u skambju ta’, l-aħjar prattiki fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-prestazzjoni tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban. Jenħtieġ li l-piż amministrattiv tal-għoti ta' informazzjoni u data lill-pubbliku f'kull ħin ikun tali li jirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità.

(47)

L-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/271/KEE hija ffinanzjata mit-tariffi tal-ilma u l-baġits pubbliċi, inkluż finanzjament tal-Unjoni. Fil-futur, jenħtieġ li r-responsabbiltà estiża tal-produttur tkun tali li tiżgura li l-kostijiet tat-trattament kwaternarju jiġġarrbu mill-inqas parzjalment mill-industriji kkonċernati u jiġu kkomplementati minn tipi oħra ta' finanzjament. Fil-passat, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/271/KEE kienet appoġġata sostanzjalment ukoll mill-Politika ta' Koeżjoni tal-Unjoni u l-programmi fl-ambitu ta' Orizzont 2020 u LIFE. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha u xierqa ta' din id-Direttiva, huwa essenzjali li l-Istati Membri jistabbilixxu programm ta' implimentazzjoni nazzjonali li jinkludi programmazzjoni fit-tul tal-investimenti meħtieġa akkumpanjati minn strateġija ta' finanzjament. Jenħtieġ li dawk il-programmi ta’ implementazzjoni nazzjonali jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni. Biex jiġi limitat il-piż amministrattiv, jenħtieġ li dak ir-rekwiżit ma japplikax għall-Istati Membri fejn aktar minn 95 % tal-agglomerazzjonijiet huma konformi mal-obbligi prinċipali għat-trattament u l-ġbir tal-ilma mormi. Biex titkompla l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-programmi ta' implimentazzjoni nazzjonali rrappurtati mill-Istati Membri għat-tħejjija tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u dawk li jiġu warajh u jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu s-sistema meħtieġa ta' responsabbiltà estiża tal-produttur mingħajr dewmien.

(48)

Is-settur tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban huwa speċifiku, jopera bħala suq magħluq, b'intrapriżi pubbliċi u żgħar konnessi mas-sistema ta' ġbir mingħajr ma jkunu jistgħu jagħżlu l-operaturi tagħhom. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat l-aċċess pubbliku għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-operaturi, bħal-livell ta' trattament miksub, il-kostijiet tat-trattament, l-enerġija użata u prodotta, u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-marka tal-karbonju relatati. Sabiex il-pubbliku jsir aktar konxju mill-implikazzjonijiet tat-trattament tal-ilma mormi urban, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni essenzjali dwar il-kostijiet annwali tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi għal kull unità domestika, mill-inqas f'agglomerazzjonijiet 'il fuq minn 10 000 e.p., u preferibbilment 'il fuq minn 1 000 e.p., b'mod faċilment aċċessibbli, pereżempju fuq il-fatturi, filwaqt li informazzjoni dettaljata oħra tkun aċċessibbli online f'format faċli għall-utent, fuq sit web tal-operatur jew tal-awtorità kompetenti.

(49)

Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) tiggarantixxi d-dritt ta' aċċess għat-tagħrif ambjentali fl-Istati Membri f'konformità mal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1998 dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-“Konvenzjoni ta' Aarhus”) (29). Il-Konvenzjoni ta' Aarhus tiġbor fiha obbligi ġenerali relatati kemm mal-għoti tat-tagħrif ambjentali fuq talba kif ukoll mat-tixrid ta' dan it-tagħrif b'mod attiv. Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva relatati mal-aċċess għall-informazzjoni u l-arranġamenti tal-kondiviżjoni tad-data jikkomplementaw dik id-Direttiva, billi jistabbilixxu l-obbligu li l-informazzjoni online dwar il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban ssir disponibbli għall-pubbliku b'mod faċli għall-utent, mingħajr ma jinħoloq reġim legali separat.

(50)

L-effettività ta' din id-Direttiva u l-għan tagħha li tipproteġi s-saħħa pubblika fil-kuntest tal-politika ambjentali tal-Unjoni jeħtieġu li persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew fejn xieraq l-organizzazzjonijiet debitament kostitwiti tagħhom, ikunu jistgħu jiddependu fuqha fi proċedimenti legali u li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jqisu din id-Direttiva bħala element tad-dritt tal-Unjoni sabiex, fost oħrajn, jiġu rieżaminati d-deċiżjonijiet ta' awtorità nazzjonali fejn ikun xieraq. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet ta' persuna skont id-dritt tal-Unjoni. Ukoll, l-Artikolu 19(1) TUE jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw protezzjoni ġuridika effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Jenħtieġ li dan isir f’konformità mar-regoli nazzjonali, mingħajr ma titħassar l-effettività tad-dispożizzjoni dwar il-kumpens. Barra minn hekk, f'konformità mal-Konvenzjoni ta' Aarhus, il-membri tal-pubbliku kkonċernati jrid ikollhom aċċess għall-ġustizzja sabiex jikkontribwixxu għall-ħarsien tad-dritt li wieħed jgħix f'ambjent li huwa xieraq għas-saħħa u l-benesseri personali.

(51)

Biex din id-Direttiva tiġi adattata għall-progress xjentifiku u tekniku, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendar ta' ċerti partijiet mill-Annessi fejn jidħol l-adattament tal-monitoraġġ għal metodi tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, inkluż bil-ħsieb li jsir l-aħjar użu mill-għodod diġitali u li jitqiesu l-metodi rilevanti użati f’liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni, u l-evalwazzjoni tar-riżultati għar-rekwiżiti għat-trattament terzjarju u kwaternarju, u r-rekwiżiti għal regolamenti minn qabel u awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-iskariki ta' ilma mormi mhux domestiku fis-sistemi tal-ġbir u l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u fir-rigward tal-issupplimentar ta' din id-Direttiva billi tiġi speċifikata rata minima kkombinata għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għall-fosforu mill-ħama u mill-ilma mormi urban, waqt li jitqiesu t-teknoloġiji u r-riżorsi disponibbli kif ukoll il-fattibbiltà ekonomika għall-irkupru tal-fosforu u billi tiġi aġġornata l-informazzjoni pprovduta lill-pubbliku online u lill-unitajiet domestiċi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (30). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(52)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni għall-adozzjoni ta' standards għat-tfassil ta' sistemi individwali, għall-istabbilment tal-format tar-rapportar u tal-livell tad-dettalji tal-informazzjoni fir-rigward tas-sistemi individwali, għall-istabbiliment tal-format u l-metodu tal-valutazzjoni tar-riskju li jintuża fil-kuntest tat-trattament kwaternarju, għall-adozzjoni ta' metodi ta' monitoraġġ u valutazzjoni għall-indikaturi tat-trattament kwaternarju u l-objettivi fir-rigward tan-newtralità enerġetika, għall-istabbiliment ta' kundizzjonijiet u kriterji komuni għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta' ċerti prodotti mir-responsabbiltà estiża tal-produttur, għall-istabbiliment ta' metodoloġiji għall-appoġġ tal-iżvilupp ta' pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban, għall-iżvilupp ta' indikaturi alternattivi għall-objettiv indikattiv għat-tnaqqis tat-tniġġis ibbażat fuq it-tagħbija, li jiddependi pereżempju mill-volum, in-numru ta' okkorrenzi tat-tifwir tal-- ilma tal-maltemp, il-volum tal-iskariku ta' ilma tax-xeba' urban, jew indikaturi alternattivi rilevanti oħra, u għall-istabbiliment ta' frekwenza minima tal-kampjunar u l-metodoloġiji għall-kejl tar-reżistenza għall-antimikrobiċi, tal-emissjonijiet diretti u indiretti ta' gassijiet b'effett ta' serra u tal-mikroplastiċi fl-ilma mormi urban u l-ħama, għall-istabbiliment ta' lista minima ta' sustanzi niġġiesa rilevanti li x'aktarx jinstabu fl-ilma mormi urban inkluż metodoloġija għall-identifikazzjoni tas-sustanzi niġġiesa rilevanti li x'aktarx jinstabu u l-kriterji għar-reviżjoni tal-esklużjoni ta' xi sustanzi niġġiesa mill-monitoraġġ, għall-istabbiliment ta' metodoloġija armonizzata għall-kejl tas-“Sustanzi Per- u Polifluworoalkilata (PFAS) Totali” u s-“Somma tal-PFAS” fl-ilma mormi urban u għall-adozzjoni tal-format u l-modalitajiet għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta mill-Istati Membri u kkompilata mill-EEA b'implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31).

(53)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għal ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Jenħtieġ li l-pieni jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u li, skont il-każ, iqisu s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli.

(54)

Skont il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva f'ċertu perjodu ta' żmien li jibda mid-data stipulata għat-traspożizzjoni tagħha. Dik l-evalwazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq esperjenza miksuba u fuq data miġbura matul l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, fuq kwalunkwe rakkomandazzjoni disponibbli tad-WHO u fuq data xjentifika, analitika u epidemjoloġika rilevanti. Fl-evalwazzjoni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lil analiżi tal-adegwatezza tal-parametri tas-saħħa pubblika użati fis-sorveljanza tal-ilma mormi urban, analiżi tal-valur miżjud ta' monitoraġġ obbligatorju tal-parametri tas-saħħa pubblika, analiżi tal-ħtieġa possibbli li l-lista tal-prodotti tiġi adattata biex tkun koperta mis-sistemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur inkluż il-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet, analiżi tal-impatti possibbli fuq il-funzjonament tas-suq intern tar-rati ta' kontribuzzjoni għall-produtturi potenzjalment differenti stabbiliti mill-Istati Membri, analiżi tal-fattibbiltà u l-adegwatezza tal-iżvilupp ta' sistema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur għall-prodotti li jiġġeneraw PFAS u mikroplastiċi, analiżi tal-valur miżjud u l-adegwatezza ta' rekwiżit obbligatorju ta' pjanijiet nazzjonali dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma li jinkludu miri u miżuri nazzjonali, evalwazzjoni tal-objettiv tan-newtralità enerġetika sabiex jiġu analizzati l-fattibbiltà teknika u ekonomika u l-benefiċċji ambjentali u klimatiċi biex is-settur jikseb livell għola ta’ awtonomija fl-enerġija, evalwazzjoni tal-possibbiltajiet għall-kejl tal-emissjonijiet diretti u indiretti ta' gassijiet b’effett ta’ serra mis-settur tal-ilma mormi urban, evalwazzjoni tal-possibbiltà li tintlaħaq in-newtralità klimatika fis-settur tat-trattament tal-ilma mormi urban, u l-ħin meħtieġ biex dan isir, kif ukoll il-fattibbiltà u l-adegwatezza li jiġu stabbiliti rati minimi tal-Unjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għan-nitroġenu mill-ħama jew mill-ilma mormi urban, jew it-tnejn.

(55)

Id-Direttiva 91/271/KEE tipprevedi skadenzi speċifiċi għall-Mayotte minħabba l-inklużjoni tagħha fl-2014 bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE. Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-obbligi li jiġu stabbiliti sistemi ta' ġbir u li jiġi applikat trattament sekondarju għall-ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' 2 000 e.p. u ogħla tiġi differita fir-rigward tal-Mayotte.

(56)

Huwa xieraq titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-Mayotte u tar-reġjuni ultraperiferiċi l-oħra tal-Unjoni, kif elenkati fl-Artikolu 349 TFUE, li jipprevedi miżuri speċifiċi għall-appoġġ ta' dawk ir-reġjuni. Fir-rigward tat-trattament tal-ilma mormi urban ta' dawk it-territorji, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lit-topografija diffiċli u l-insularità ta’ dawk it-territorji.

(57)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-protezzjoni tal-ambjent, huwa importanti li l-Istati Membri jżommu mill-inqas il-livell attwali ta' trattament terzjarju sakemm isiru applikabbli r-rekwiżiti l-ġodda għat-tnaqqis tal-fosforu u tan-nitroġenu. Għalhekk, jenħtieġ li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271/KEE jkompli japplika sakemm dawk ir-rekwiżiti l-ġodda jsiru applikabbli.

(58)

Billi l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, li jsir progress fil-kisba tan-newtralità klimatika għall-attivitajiet tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban, it-titjib tal-aċċess għal faċilitajiet sanitarji u l-iżgurar tas-sorveljanza regolari tal-parametri rilevanti għas-saħħa pubblika, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(59)

Jenħtieġ li l-obbligu li din id-Direttiva tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostantiva meta mqabbel mad-Direttiva 91/271/KEE. L-obbligu li jiġu trasposti d-dispożizzjonijiet li mhumiex mibdula joħroġ minn dik id-Direttiva.

(60)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-Direttivi stipulati fil-Parti B tal-Anness VII,

ADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-ġbir, it-trattament u l-iskariku tal-ilma mormi urban, biex tipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, f'konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda”, filwaqt li progressivament tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra għal livelli sostenibbli, ittejjeb il-bilanċ enerġetiku tal-attivitajiet tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban u tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Tistabbilixxi wkoll regoli dwar l-aċċess għal faċilitajiet sanitarji għal kulħadd, dwar it-trasparenza tas-settur tal-ilma mormi urban, dwar is-sorveljanza regolari tal-parametri rilevanti għas-saħħa pubblika fl-ilma mormi urban u dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ilma mormi urban” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

ilma mormi domestiku;

(b)

it-taħlita ta' ilma mormi domestiku u ilma mormi mhux domestiku;

(c)

it-taħlita ta' ilma mormi domestiku u ilma tax-xeba' urban;

(d)

it-taħlita ta' ilma mormi domestiku, ilma mormi mhux domestiku u ilma tax-xeba' urban;

(2)

“ilma mormi domestiku” tfisser ilma mormi minn żoni residenzjali, servizzi u istituzzjonijiet li joriġina l-aktar mill-metaboliżmu tal-bniedem jew minn attivitajiet fid-dar, jew mit-tnejn;

(3)

“ilma mormi mhux domestiku” tfisser ilma mormi, għajr ilma mormi domestiku u ilma tax-xeba' urban, li jiġi skarikat minn bini użat għall-eżerċizzju ta' sengħa jew attivitajiet industrijali jew ekonomiċi;

(4)

“agglomerazzjoni” tfisser żona fejn il-popolazzjoni espressa f'ekwivalenti ta' popolazzjoni, f'kombinament jew le mal-attivitajiet ekonomiċi, tkun ikkonċentrata biżżejjed biex l-ilma mormi urban jinġabar u jitmexxa lejn impjant għat-trattament tal-ilma mormi urban wieħed jew aktar jew lejn punt ta' skariku finali wieħed jew aktar;

(5)

“ilma tax-xeba' urban” tfisser preċipitazzjoni fl-agglomerazzjonijiet miġbura minn kanali tad-drenaġġ ikkombinati jew separati;

(6)

“tifwir tal-ilma tal-maltemp” tfisser l-iskariku ta' ilma mormi urban mhux ittrattat f'ilmijiet riċeventi minn kanali tad-drenaġġ ikkombinati minħabba preċipitazzjoni jew fallimenti tas-sistema;

(7)

“sistema ta' ġbir” tfisser sistema ta' mogħdijiet li tiġbor u tmexxi l-ilma mormi urban;

(8)

“kanal tad-drenaġġ ikkombinat” tfisser mogħdija unika li tiġbor u tmexxi l-ilma mormi urban, inkluż l-ilma tax-xeba' urban;

(9)

“kanal tad-drenaġġ separat” tfisser mogħdija li tiġbor u tmexxi separatament wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

ilma mormi domestiku;

(b)

ilma mormi mhux domestiku;

(c)

taħlita ta' ilma mormi domestiku u mhux domestiku;

(d)

ilma tax-xeba' urban;

(10)

“ekwivalenti ta' popolazzjoni” jew “(e.p.)” tfisser it-tagħbija bijodegradabbli organika kull jum, li jkollha domanda bijokimika għall-ossiġenu fuq ħamest ijiem (BOD5) ta' 60 g ta' ossiġenu kull jum;

(11)

“trattament primarju” tfisser trattament ta' ilma mormi urban permezz ta' proċess fiżiku jew kimiku, jew it-tnejn, li jinvolvi d-depożitar ta' solidi sospiżi, jew proċessi oħra li fihom l-BOD5 tal-ilma mormi li jkun dieħel jitnaqqas b'minn tal-anqas 20 % qabel ma dan jintrema, waqt li s-solidi sospiżi totali tal-ilma mormi li jkun dieħel jitnaqqsu b'minn ta' lanqas 50 %;

(12)

“trattament sekondarju” tfisser trattament ta' ilma mormi urban bi proċess li ġeneralment jinvolvi trattament bijoloġiku b'depożitar sekondarju, jew proċess ieħor li jnaqqas il-materja organika biodegradabbli mill-ilma mormi urban;

(13)

“trattament terzjarju” tfisser trattament ta' ilma mormi urban bi proċess li jnaqqas in-nitroġenu jew il-fosforu, jew it-tnejn, fl-ilma mormi urban;

(14)

“trattament kwaternarju” tfisser it-trattament tal-ilma mormi urban bi proċess li jnaqqas spettru wiesa' ta' mikrosustanzi niġġiesa fl-ilma mormi urban;

(15)

“ħama” tfisser residwu organiku u inorganiku li jirriżulta mit-trattament tal-ilma mormi urban minn impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban, eskluż il-frak, il-grass, fdalijiet oħra u kwalunkwe fdalijiet mit-tgħarbil u residwu ieħor mill-fażi ta' pretrattament;

(16)

“ewtrofikazzjoni” tfisser li l-ilma jkun arikkit b'nutrijenti, speċjalment b'komposti ta' nitroġenu jew fosforu, jew it-tnejn, li jikkawżaw it-tkabbir mgħaġġel ta' alka u forom aktar għoljin ta' pjanti biex jipproduċu tfixkil mhux mixtieq lill-bilanċ ta' organiżmi li jkunu preżenti fl-ilma kif ukoll lill-kwalità tal-ilma kkonċernat;

(17)

“mikrosustanza niġġiesa” tfisser sustanza kif definita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32), inkluż il-prodotti tad-diżintegrazzjoni tagħha, li normalment tkun preżenti fl-ambjent akkwatiku, fl-ilma mormi urban jew il-ħama u li tista' titqies perikoluża għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem abbażi tal-kriterji rilevanti stipulati fil-Partijiet 3 u 4 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, anke f'konċentrazzjonijiet baxxi;

(18)

“proporzjon tad-dilwizzjoni” tfisser il-proporzjon tal-medja tul l-aħħar ħames snin tal-fluss annwali tal-ilmijiet riċeventi fil-punt ta' skariku mal-medja tul l-aħħar ħames snin tal-volum tal-iskariku annwali tal-ilma mormi urban fl-ilmijiet tal-wiċċ;

(19)

“produttur” tfisser kwalunkwe manifattur, importatur jew distributur li, fuq bażi professjonali, jintroduċi prodotti fis-suq ta' Stat Membru, inkluż permezz ta' kuntratti mill-bogħod kif definit fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33);

(20)

“organizzazzjoni b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi” tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta b'mod nazzjonali stabbilita biex il-produtturi jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 9 u 10;

(21)

“faċiltajiet sanitarji” tfisser faċilitajiet u servizzi għall-ġestjoni u r-rimi sikuri, iġjeniċi, siguri, u soċjalment u kulturalment aċċettabbli ta' awrina u feċi tal-bniedem, u għat-tbiddil u r-rimi ta' prodotti mestrwali, li jipprovdu l-privatezza u jiżguraw id-dinjità;

(22)

“reżistenza għall-antimikrobiċi” tfisser il-kapaċità ta' mikroorganiżmi li jgħixu jew jikbru fil-preżenza ta' konċentrazzjoni ta' sustanza antimikrobika li normalment tkun biżżejjed sabiex trażżan jew toqtol mikroorganiżmi tal-istess speċi;

(23)

“Saħħa Waħda” tfisser Saħħa Waħda kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (7), tar-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34);

(24)

“pubbliku kkonċernat” tfisser il-pubbliku affettwat jew li x'aktarx ikun affettwat minn, jew li għandu interess fit-teħid ta' deċiżjoni għall-implimentazzjoni tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6, 7 jew 8 ta' din id-Direttiva; għall-finijiet ta' din id-definizzjoni, organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem u jissodisfaw kwalunkwe rekwiżit fil-liġi nazzjonali jitqiesu li għandhom interess;

(25)

“bijomedia” tfisser kwalunkwe oġġett, normalment magħmul mill-plastik, użat għall-iżvilupp tal-batterji meħtieġa għat-trattament tal-ilma mormi urban;

(26)

“introduzzjoni fis-suq” tfisser meta prodott isir disponibbli għall-ewwel darba fis-suq ta' Stat Membru;

(27)

“tagħbija” tfisser l-ammont ta' materja bijodegradabbli organika mkejla bħala BOD5 fl-ilma mormi urban, espress bħala e.p., jew ta’ kwalunkwe sustanza niġġiesa jew nutrijent, espress bħala unità tal-massa għal kull unità tal-ħin;

(28)

“sistema individwali” tfisser faċilità sanitarja li tiġbor, taħżen, tittratta jew tarmi ilma mormi domestiku minn bini jew partijiet ta' bini mhux konnessi ma' sistema ta' ġbir.

Artikolu 3

Sistemi ta' ġbir u kalkolu tat-tagħbija ta’ agglomerazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet kollha ta' 2 000 e.p. u aktar ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jiġu pprovduti b'sistemi ta' ġbir;

(b)

is-sorsi kollha tagħhom ta' ilma domestiku mormi huma konnessi mas-sistema ta' ġbir.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet ta' 1 000 e.p. u aktar iżda ta’ anqas minn 2 000 e.p. ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1 sal-31 ta' Diċembru 2035.

L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għal perjodu massimu ta':

(a)

8 snin meta fl-1 ta’ Jannar 2025:

(i)

inqas minn 50 % tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu pprovduti b'sistemi ta' ġbir; jew

(ii)

inqas minn 50 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tinġabar f'sistemi ta' ġbir;

(b)

10 snin meta fl-1 ta’ Jannar 2025:

(i)

inqas minn 25 % tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu pprovduti b'sistemi ta' ġbir; jew

(ii)

inqas minn 25 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tinġabar f'sistemi ta' ġbir.

Il-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija jistgħu jidderogaw mill-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għal perjodu massimu ta':

(a)

12-il sena meta fl-1 ta’ Jannar 2025:

(i)

inqas minn 50 % tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu pprovduti b'sistemi ta' ġbir; jew

(ii)

inqas minn 50 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tinġabar f'sistemi ta' ġbir;

(b)

14-il sena meta fl-1 ta’ Jannar 2025:

(i)

inqas minn 25 % tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu pprovduti b'sistemi ta' ġbir; jew

(ii)

inqas minn 25 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tinġabar f'sistemi ta' ġbir.

Meta l-Istati Membri jidderogaw mill-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandhom jiżguraw li l-ewwel programm ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 23 jinkludi:

(a)

l-għadd ta' agglomerazzjonijiet ta’ 1 000 e.p. u aktar iżda ta’ anqas minn 2 000 e.p. li ma jkollhomx sistemi tal-ġbir kompluta fl-1 ta’ Jannar 2025; u

(b)

pjan li jiddeskrivi l-investimenti meħtieġa biex dawk l-agglomerazzjonijiet jilħqu konformità sħiħa sal-iskadenzi estiżi; u

(c)

ir-raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi li jiġġustifikaw l-estensjoni tal-iskadenzi msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-estensjonijiet tal-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tat-tieni jew tat-tielet subparagrafu u tar-raba’ subparagrafu. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati sal-31 ta’ Lulju 2028.

3.   It-tagħbija ta' agglomerazzjoni espressa f'termini ta' e.p. għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi tat-tagħbija massima medja ta' kull ġimgħa ġġenerata f'dik l-agglomerazzjoni matul is-sena, eskluż sitwazzjonijiet tat-temp mhux tas-soltu bħal dawk li jiġu kkawżati minn xita qawwija.

4.   Is-sistemi ta' ġbir għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Parti A tal-Anness I.

Artikolu 4

Sistemi individwali

1.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 3 biss jekk l-istabbiliment ta' sistema ta' ġbir jew il-konnessjoni ma' sistema ta' ġbir ma tkunx ġustifikata għax ma tkunx tipproduċi ebda benefiċċju ambjentali jew għas-saħħa tal-bniedem, għax ma tkunx teknikament fattibbli jew tkun tinvolvi kost eċċessiv. Jekk jidderogaw mill-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'agglomerazzjonijiet ta' 1 000 e.p. u aktar, jew f'parti minn dawk l-agglomerazzjonijiet, jintużaw sistemi individwali għall-ġbir, il-ħżin jew, fejn ikun applikabbli, it-trattament tal-ilma mormi urban.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi individwali msemmija fil-paragrafu 1 ikunu ddisinjati, jitħaddmu u jinżammu b'mod li jikseb l-istess livell ta' protezzjoni ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem bħat-trattamenti sekondarji u terzjarji msemmija fl-Artikoli 6 u 7.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistemi individwali li jintużaw f'agglomerazzjonijiet ta' 1 000 e.p. u aktar ikunu rreġistrati f'reġistru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitwettqu spezzjonijiet regolari ta’ dawk is-sistemi, jew verifiki jew kontrolli regolari ta' dawk is-sistemi b’mezzi oħra magħmula mill-awtorità kompetenti jew korp ieħor awtorizzat fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, abbażi ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

4.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika rekwiżiti minimi għal:

(a)

id-disinn, it-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sistemi individwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2; u

(b)

l-ispezzjonijiet regolari msemmija fil-paragrafu 3, inkluż l-istabbiliment ta’ frekwenza minima għal dawk l-ispezzjonijiet skont it-tip ta’ sistema individwali, u abbażi ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sat-2 ta’ Jannar 2028 f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

Ir-rekwiżiti għad-disinn imsemmija fil-paragrafu 2 u f’dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw għas-sistemi individwali msemmija fil-paragrafu 1 li ġew stabbiliti qabel l-1 ta’ Jannar 2025.

5.   L-Istati Membri li jużaw sistemi individwali biex jiġbru u/jew jittrattaw aktar minn 2 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban f'livell nazzjonali minn agglomerazzjonijiet ta' 2 000 e.p. u aktar, għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'ġustifikazzjoni għall-użu ta' sistemi individwali. Dik il-ġustifikazzjoni għandha:

(a)

turi li l-kundizzjonijiet għall-użu tas-sistemi individwali stipulati fil-paragrafu 1 huma ssodisfati;

(b)

tiddeskrivi l-miżuri meħuda f'konformità mal-paragrafi 2 u 3;

(c)

turi konformità mar-rekwiżiti minimi msemmija fil-paragrafu 4 fejn il-Kummissjoni tkun eżerċitat is-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha skont dak il-paragrafu;

(d)

turi li l-użu tas-sistemi individwali ma jżommux lill-Istati Membri milli jikkonformaw mal-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE.

6.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format għat-tressiq tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

Artikolu 5

Pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2033, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi stabbilit pjan integrat għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban għal żoni ta' skular ta' agglomerazzjonijiet ta' 100 000 e.p. u aktar.

2.   Sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-ewwel aġġornament tal-pjan ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar magħmul skont l-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2000/60/KE wara l-1 ta’ Jannar 2025 iżda mhux aktar tard mit-22 ta' Ġunju 2028, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista ta' agglomerazzjonijiet ta' bejn 10 000 e.p. u 100 000 e.p. fejn, meta titqies id-data storika, l-immudellar u l-projezzjonijiet klimatiċi l-aktar avvanzati, inkluż il-varjazzjonijiet staġonali, kif ukoll il-pressjonijiet antropoġeniċi u l-valutazzjoni tal-impatti mwettqa skont il-pjan ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar, tapplika waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tifwir tal-ilma tal-maltemp joħloq riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem;

(b)

it-tifwir tal-ilma tal-maltemp jirrappreżenta aktar minn 2 % tat-tagħbija annwali miġbura tal-ilma mormi urban tal-parametri msemmija fit-Tabella 1 u, fejn ikun rilevanti, it-Tabella 2 tal-Anness I, ikkalkulat fuq il-fluss fit-temp niexef;

(c)

it-tifwir tal-ilma tal-maltemp jipprevjeni l-issodisfar ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

ir-rekwiżiti stabbiliti skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2020/2184;

(ii)

ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2006/7/KE;

(iii)

ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35);

(iv)

l-objettivi ambjentali stipulati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE;

(v)

ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/56/KE;

(vi)

ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36);

(d)

ġew identifikati punti rilevanti fi drenaġġ separati fejn l-ilma tax-xeba’ urban huwa mistenni li jkun imniġġes b’tali mod li l-iskariku tiegħu fl-ilmijiet riċeventi jista’ jitqies bħala riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem jew jipprevjeni t-twettiq ta’ kwalunkwe waħda mir-rekwiżiti jew objettivi ambjentali msemmija fil-punt (c).

L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw il-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu kull sitt snin wara l-istabbiliment tagħha u jaġġornawha fejn ikun meħtieġ.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2039, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi stabbilit pjan integrat għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban għal żoni ta’ skular tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni fuq talba.

5.   Il-pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi stabbiliti fl-Anness V, u jagħtu prijorità lis-soluzzjonijiet tal-infrastruttura ħadra u blu kull fejn ikun possibbli.

6.   Il-Kummissjoni hija mogtħija s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tispeċifika:

(a)

metodoloġiji għall-identifikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 3 tal-Anness V;

(b)

metodoloġiji għad-determinazzjoni ta' indikaturi alternattivi biex jiġi vverifikat jekk jintlaħaqx l-objettiv indikattiv tat-tnaqqis tat-tniġġis imsemmi fil-punt 2 (a) tal-Anness V;

(c)

il-format li bih il-pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban għandhom ikunu disponibbli għall-Kummissjoni fejn mitlub f'konformità mal-paragrafu 4.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sat-2 ta’ Jannar 2028 f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet integrati għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban jiġu rieżaminati tal-anqas kull sitt snin wara l-istabbiliment tagħhom u jiġu aġġornati fejn meħtieġ. Wara aġġornament tal-lista msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti pjanijiet integrati għall-ġestjoni għall-agglomerazzjonijiet fi żmien sitt snin mill-inklużjoni tagħhom f'dik il-lista.

Artikolu 6

Trattament sekondarju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jitrattaw l-ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' 2 000 e.p. u aktar jissodisfaw, qabel ma jiġu skarikati f’ilmijiet riċeventi, ir-rekwiżiti rilevanti ta’ trattament sekondarju stipulati fil-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I f'konformità mal-metodi għal monitoraġġ u evalwazzjoni tar-riżultati stipulati fil-Parti C tal-Anness I. Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jintużaw metodi alternattivi kif imsemmi fil-Parti C, il-punt 1, tal-Anness I, l-għadd massimu permess ta' kampjuni li jonqsu milli jikkonformaw mal-valuri parametriċi tal-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I huwa stabbilit fil-Parti C u t-Tabella 4 tal-Anness I.

Għal agglomerazzjonijiet ta' 2 000 e.p. u aktar iżda ta’ anqas minn 10 000 e.p. li qed jiskarikaw fl-ilmijiet kostali kif definiti fid-Direttiva 2000/60/KE u li japplikaw trattament xieraq f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/271/KEE fl-1 ta’ Jannar 2025, l-obbligu stipulat fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika sal-31 ta’ Diċembru 2037.

2.   Għal agglomerazzjonijiet li jiskarikaw ilma mormi urban f'żoni inqas sensittivi kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/271/KEE fl-1 ta’ Jannar 2025, l-obbligi stipulati fil- paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, għandhom japplikaw fil-31 ta’ Diċembru 2037.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2035, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jitratta l-ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' 1 000 e.p. u aktar iżda ta’ anqas minn 2 000 e.p. jissodisfaw, qabel ma jiġu skarikati f’ilimijiet riċeventi, ir-rekwiżiti rilevanti ta’ trattament sekondarju stipulati fil-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I f'konformità mal-metodi għal monitoraġġ u evalwazzjoni tar-riżultati stabbiliti fil-Parti C tal-Anness I. Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jintużaw metodi alternattivi kif imsemmi, il-Parti C, il-punt 1, tal-Anness I, l-għadd massimu permess ta' kampjuni li jonqsu milli jikkonformaw mal-valuri parametriċi fil-Parti B, it-Tabella 1 tal-Anness I huwa stabbilit fil-Parti C u t-Tabella 4 tal-Anness I.

L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għal perjodu massimu ta':

(a)

8 snin meta fl-1 ta’ Jannar 2025:

(i)

f'inqas minn 50 % tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu l-iskariki tal-ilma mormi urban ikunu soġġetti għal trattament sekondarju fit-territorju tagħhom, f'konformità mal-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I; jew

(ii)

inqas minn 50 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tkun soġġetta għal trattament sekondarju fit-territorju tagħhom, f'konformità mal-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I;

(b)

10 snin meta fl-1 ta’ Jannar 2025:

(i)

f'inqas minn 25 % tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu l-iskariki tal-ilma mormi urban ikunu soġġetti għal trattament sekondarju fit-territorju tagħhom, f'konformità mal-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I; jew

(ii)

inqas minn 25 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tkun soġġetta għal trattament sekondarju fit-territorju tagħhom, f'konformità mal-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I.

Il-Bulgarija, il-Kroazja u r-Rumanija jistgħu jidderogaw mill-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għal perjodu massimu ta':

(a)

12-il sena meta fl-1 ta’ Jannar 2025,

(i)

f'inqas minn 50 % tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu l-iskariki tal-ilma mormi urban ikunu soġġetti għal trattament sekondarju fit-territorju tagħhom, f'konformità mal-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I; jew

(ii)

inqas minn 50 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tkun soġġetta għal trattament sekondarju fit-territorju tagħhom, f'konformità mal-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I;

(b)

14 snin meta fl-1 ta’ Jannar 2025

(i)

f'inqas minn 25 % tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu l-iskariki ikunu soġġetti għal trattament sekondarju fit-territorju tagħhom, f'konformità mal-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I; jew

(ii)

inqas minn 25 % tat-tagħbija tal-ilma mormi urban tal-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tkun soġġetta għal trattament sekondarju fit-territorju tagħhom, f'konformità mal-Parti B u t-Tabella 1 tal-Anness I.

Meta l-Istati Membri jidderogaw mill-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandhom jiżguraw li l-ewwel programm ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 23 jinkludi:

(a)

l-għadd ta' agglomerazzjonijiet ta’ 1 000 e.p. u aktar iżda ta’ anqas minn 2 000 e.p. li ma jkollhomx trattament sekondarju fl-1 ta’ Jannar 2025;

(b)

pjan li jiddeskrivi l-investimenti meħtieġa biex dawk l-agglomerazzjonijiet jilħqu konformità sħiħa sal-iskadenzi estiżi; u

(c)

ir-raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi li jiġġustifikaw l-estensjonijiet tal-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-estensjonijiet tal-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tat-tieni jew it-tielet subparagrafu. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati sal-31 ta’ Lulju 2028.

4.   L-iskariki tal-ilma mormi urban jistgħu jkunu soġġetti għal trattament inqas strett minn dak preskritt fil-paragrafi 1 u 3 sal-31 ta’ Diċembru 2045 meta jiġu skarikati fi:

(a)

ilmijiet li jinsabu f'reġjuni muntanjużi għoljin, jiġifieri b’altitudni ‘l fuq minn 1 500 m, fejn huwa diffiċli li jiġi applikat trattament bijoloġiku effettiv minħabba temperaturi baxxi;

(b)

ilmijiet tal-baħar fond meta tali skariki ta' ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' inqas minn 150 000 e.p. f'reġjuni ultraperiferiċi inqas popolati fit-tifsira tal-Artikolu 349 TFUE li fihom it-topografija u l-ġeografija tat-territorju jagħmluha diffiċli li jiġi applikat trattament bijoloġiku effettiv; jew

(c)

ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet żgħar ta' 1 000 e.p. u aktar iżda ta’ anqas minn 2 000 e.p. li jinsabu f'reġjuni bi klima kiesħa fejn huwa diffiċli li jiġi applikat trattament bijoloġiku effettiv minħabba temperaturi baxxi jekk it-temperatura medja trimestrali tal-ilma tad-dħul tkun inqas minn 6 oC.

Il-kundizzjonijiet biex jiġi applikat l-ewwel subparagrafu huma li l-Istati Membri kkonċernati jipprovdu lill-Kummissjoni studji dettaljati li juru li dawk l-iskariki ma jaffettwawx l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem b'mod negattiv u ma jipprevjenux lill-ilmijiet riċeventi milli jissodisfaw l-objettivi rilevanti tal-kwalità u d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' liġi oħra rilevanti tal-Unjoni.

5.   It-tagħbija espressa f'termini ta' e.p. għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi tat-tagħbija massima medja ta' ġimgħa li tidħol fl-impjant ta' trattament tal-ilma mormi urban matul is-sena, eskluż sitwazzjonijiet mhux tas-soltu tat-temp bħal dawk ikkawżati minn xita qawwija.

Artikolu 7

Trattament terzjarju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jittrattaw ilma mormi urban b’tagħbija ta’ 150 000 e.p. u aktar, u li ma japplikawx trattament terzjarju fl-1 ta’ Jannar 2025 jissodisfaw, qabel ma jiġu skarikati f’ilmijiet riċeventi, ir-rekwiżiti rilevanti ta’ trattament terzjarju f’konformità mal-Parti B u t-Tabella 2 tal-Anness I:

(a)

sal-31 ta’ Diċembru 2033 għall-iskariki minn 30 % ta’ dawk l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban;

(b)

sal-31 ta' Diċembru 2036, l għall-iskariki minn 70 % ta’ dawk l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban.

Sal-31 ta' Diċembru 2039, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki kollha minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jitrattaw ilma mormi urban b’tagħbija ta’ 150 000 e.p. u aktar jissodisfaw, qabel ma jiġu skarikati f’ilmijiet riċeventi, ir-rekwiżiti rilevanti ta’ trattament terzjarju msemmiija fil-Parti B u t-Tabella 2 tal-Anness I.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2027, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw lista ta' żoni fit-territorju tagħhom li huma sensittivi għall-ewtrofikazzjoni. Għandhom jinkludu ma' dik il-lista informazzjoni dwar jekk iż-żoni humiex sensittivi għall-fosforu jew għan-nitroġenu jw it-tnejn. Għandhom jaġġornaw dik il-lista kull sitt snin mill-31 ta' Diċembru 2033 'il quddiem.

Il-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi ż-żoni identifikati fl-Anness II.

Ir-rekwiżit imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta Stat Membru jimplimenta trattament terzjarju f'konformità mal-paragrafu 5 fit-territorju kollu tiegħu.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki minn impjanti tal-ilma mormi urban li jitrattaw l-ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar jissodisfaw, qabel ma jiġu skarikati f’żoni inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 2, ir-rekwiżiti rilevanti tat-trattament terzjarju stipulati fil-Parti B u t-Tabella 2 tal-Anness I:

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2033 għal 20 % ta' dawk l-agglomerazzjonijiet;

(b)

sal-31 ta' Diċembru 2036 għal 40 % ta' dawk l-agglomerazzjonijiet;

(c)

sal-31 ta' Diċembru 2039 għal 60 % ta' dawk l-agglomerazzjonijiet;

(d)

sal-31 ta' Diċembru 2045 għal dawk l-agglomerazzjonijiet kollha.

4.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (d), għal mhux aktar minn tmien snin bil-kundizzjoni li:

(a)

tal-inqas 50 % tal-agglomerazzjonijiet ikkonċernati ma jkunux qed japplikaw trattament terzjarju f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 91/271/KEE jew ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Parti B u t-Tabella 2 tal-Anness I ta' dik id-Direttiva fl-1 ta’ Jannar 2025; u

(b)

l-ewwel programm ta' implimentazzjoni nazzjonali ppreżentat skont l-Artikolu 23(2) jinkludi:

(i)

l-għadd ta' agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 li ma jkollhomx trattament terzjarju f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 91/271/KEE jew ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Parti B u t-Tabella 2 tal-Anness I ta' dik id-Direttiva fl-1 ta’ Jannar 2025;

(ii)

pjan li jiddeskrivi l-investimenti meħtieġa biex dawk l-agglomerazzjonijiet jilħqu konformità sħiħa sal-iskadenza estiża; u

(iii)

ir-raġunijiet tekniċi jew ekonomiċi li jiġġustifikaw l-estensjoni tal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (d).

L-estensjonijiet tal-iskadenza msemmija f'dan il-paragrafu għandhom ikunu effettivi biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati sal-31 ta’ Lulju 2028. Madankollu, l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jittrattaw tagħbija ta' 150 000 e.p. u aktar għandhom jissodisfaw l-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafu 1.

5.   L-iskariki tal-ilma mormi urban imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti fil-Parti B u fit-Tabella 2 tal-Anness I f'konformità mal-metodi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati stipulati fil-Parti C tal-Anness I. Il-medja annwali tal-kampjuni għal kull parametru msemmi fit-Tabella 2 tal-Anness I għandha tkun konformi mal-valuri parametriċi rilevanti mogħtija f'dik it-tabella.

6.   Għall-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li qed jinbnew, jew li għaddejjin minn restawr maġġuri fir-rigward tat-trattament terzjarju tagħhom jew ġew ikkummissjonati wara l-31 ta' Diċembru 2020 u qabel l-1 ta’ Jannar 2025, ir-rekwiżiti dwar il-parametru tan-nitroġenu kif imsemmija f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw mhux aktar tard minn ħames snin mill-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3.

7.   Il-Kummissjoni hi mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27 biex temenda l-Parti C tal-Anness I sabiex tadatta l-metodi tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati fir-rigward tat-trattament terzjarju għall-progress xjentifiku u tekniku.

8.   B'deroga mill-paragrafi 3 u 5, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li impjant tat-trattament tal-ilma mormi individwali li jinsab f'żona inkluża fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 ma jkunx soġġett għar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 3 u 5 fejn jista' jintwera li l-perċentwal minimu ta' tnaqqis tat-tagħbija ġenerali li tidħol fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban kollha f'dik iż-żona jkun:

(a)

mill-inqas 75 % għall-fosforu totali u mill-inqas 75 % għan-nitroġenu totali mill-1 ta’ Jannar 2025;

(b)

82,5 % għall-fosforu totali u 80 % għan-nitroġenu totali sal-31 ta' Diċembru 2039;

(c)

87,5 % għall-fosforu totali u 82,5 % għan-nitroġenu totali sal-31 ta' Diċembru 2045.

9.   Skariki minn impjanti ta' trattament ta' ilma mormi urban ta' 10 000 e.p. u aktar f'baċin idrografiku ta' żona sensittiva għall-ewtrofikazzjoni inkluża fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu soġġetti wkoll għall-paragrafi 3, 5 u 8.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jinsabu f'żona inkluża fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 wara waħda mill-aġġornamenti regolari tal-lista meħtieġa minn dak il-paragrafu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 3 u 5 fi żmien seba' snin mill-inklużjoni f'dik il-lista.

11.   Meta l-għadd ta' impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jeħtieġ jiġu aġġornati biex jissodisfaw l-objettivi msemmija fil-paragrafi 1 u 3 fil-livell nazzjonali ma jkunx numru sħiħ, l-għadd ta' impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għandu jiġi aġġustat għall-eqreb numru sħiħ. Fil-każ ta' ekwidistanza bejn żewġ numri sħaħ, in-numru għandu jiġi aġġustat ‘l isfel.

Artikolu 8

Trattament kwaternarju

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li skariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jittrattaw ilma mormi urban b’tagħbija ta' 150 000 e.p. u aktar jissodisfaw, qabel ma jiġu skarikati f’ilmijiet riċeventi, ir-rekwiżiti rilevanti għal trattament kwaternarju ta' ilma mormi urban stipulati fil-Parti B u t-Tabella 3 tal-Anness I f'konformità mal-metodi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati stabbiliti fil-Parti C tal-Anness I:

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2033 għal skariki minn 20 % ta' dawk l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban;

(b)

sal-31 ta' Diċembru 2039 għal skariki minn 60 % ta' dawk l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban;

(c)

sal-31 ta' Diċembru 2045 għall-iskariki kollha minn dawk l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban.

L-għadd massimu permess ta' kampjuni li ma jikkonformawx mal-valuri parametriċi tat-Tabella 3 tal-Anness I huwa stabbilit fil-Parti C u t-Tabella 4 tal-Anness I.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2030, l-Istati Membri għandhom ikunu stabbilixxew lista ta' żoni fit-territorju nazzjonali tagħhom fejn il-konċentrazzjoni jew l-akkumulazzjoni ta' mikrosustanzi niġġiesa minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban tirrappreżenta riskju għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dik il-lista fl-2033, u minn hemm 'il quddiem kull sitt snin u jaġġornawha jekk ikun meħtieġ.

Il-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi ż-żoni li ġejjin:

(a)

baċini idrografiċi għal punti tal-estrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem kif karatterizzati skont l-Artikolu 8(2), il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2020/2184 ħlief jekk il-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 8(2), il-punt (b), ta' dik id-Direttiva tindika li l-iskariku ta' sustanzi niġġiesa minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban ma joħloqx riskju potenzjali li jista' jikkawża deterjorament tal-kwalità tal-ilma tant li jkun ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem;

(b)

ilma għall-għawm li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/7/KE ħlief jekk il-profil tal-ilma għall-għawm imsemmi fl-Artikolu 6 u l-Anness III ta' dik id-Direttiva jindika li l-iskariku ta' mikrosustanzi niġġiesa mill-ilma mormi urban la jaffettwa l-ilmijiet għall-għawm u lanqas jagħmel ħsara lis-saħħa tal-għawwiema;

(c)

żoni fejn iseħħu attivitajiet tal-akkwakultura, kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (25), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37), ħlief jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ikunu ssodisfati li l-iskariku ta' mikrosustanzi niġġiesa mill-ilma mormi urban ma jistax jaffettwa s-sikurezza tal-oġġett tal-ikel fil-forma lesta tiegħu.

Il-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi wkoll iż-żoni li ġejjin abbażi ta' valutazzjoni tar-riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem maħluqa mill-iskariku ta' mikrosustanzi niġġiesa fl-ilma mormi urban:

(a)

lagi kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva 2000/60/KE;

(b)

xmajjar kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (4), tad-Direttiva 2000/60/KE jew nixxigħat oħra tal-ilma fejn il-proporzjon tad-dilwizzjoni jkun inqas minn 10;

(c)

żoni fejn huwa meħtieġ trattament addizzjonali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stipulati fid-Direttivi 2000/60/KE, 2006/118/KE u 2008/105/KE;

(d)

żoni speċjali ta' konservazzjoni kif definiti fl-Artikolu 1, il-punt (l), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (38) u żoni ta' protezzjoni speċjali kklassifikati skont l-Artikolu 4(1), ir-raba' subparagrafu, tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39) li jagħmlu parti min-network ekoloġiku ta' Natura 2000;

(e)

ilmijiet tal-kosta kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (7), tad-Direttiva 2000/60/KE;

(f)

ilmijiet temporanji kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (6), tad-Direttiva 2000/60/KE;

(g)

ilmijiet marini kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (1), tad-Direttiva 2008/56/KE.

Il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fit-tielet subparagrafu għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni fuq talba.

3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu, u l-metodu li għandu jintuża għal dik il-valutazzjoni tar-riskju. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki tal-ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar jissodisfaw, qabel ma jiġu skarikati f’żoni inklu’i fil-lista msemmija fil-paragrafu 2, ir-rekwiżiti rilevanti ta’ trattament kwaternarju stipulat fil-Parti B u t-Tabella 3 tal-Anness I f'konformità mal-metodi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati stabbiliti fil-Parti C tal-Anness I

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2033 għal 10 % ta' dawk l-agglomerazzjonijiet;

(b)

sal-31 ta' Diċembru 2036 għal 30 % ta' dawk l-agglomerazzjonijiet;

(c)

sal-31 ta' Diċembru 2039 għal 60 % ta' dawk l-agglomerazzjonijiet;

(d)

sal-31 ta' Diċembru 2045 għal 100 % ta' dawk l-agglomerazzjonijiet.

L-għadd massimu permess ta' kampjuni li ma jikkonformawx mal-valuri parametriċi tat-Tabella 3 tal-Anness I huwa stabbilit fil-Parti C u t-Tabella 4 tal-Anness I.

Il-Kummissjoni hi mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27 biex temenda l-Parti C tal-Anness I sabiex tadatta l-metodi tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati fir-rigward tat-trattament kwaternarju għall-progress xjentifiku u teknoloġiku.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki ta’ ilma mormi urban minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jinsabu f'żona inkluża fil-lista msemmija fil-paragrafu 2, wara wieħed mill-aġġornamenti regolari ta’ dik il-lista meħtieġa minn dak il-paragrafu, jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4 u fil-Parti B u t-Tabella 3 tal-Anness I fi żmien seba' snin mill-inklużjoni f'dik il-lista, iżda mhux aktar tard mill-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 4.

6.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-metodi ta' monitoraġġ u kampjunar li għandhom jintużaw mill-Istati Membri biex jiddeterminaw il-preżenza u l-kwantitajiet fl-ilma mormi urban tal-indikaturi stipulati fit-Tabella 3 tal-Anness I. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

7.   Meta l-għadd ta' impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jeħtieġu jiġu aġġornati biex jissodisfaw l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), fil-livell nazzjonali ma jkunx numru sħiħ, l-għadd ta' impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għandu jiġi aġġustat għall-eqreb numru sħiħ. Fil-każ ta' ekwidistanza bejn żewġ numri sħaħ, in-numru għandu jiġi aġġustat 'l isfel.

8.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu, biex jiġi żgurat li l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi urban ittrattat ikun sikur għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun xieraq, l-ilma mormi urban li jerġa' jintuża jew ikun ippjanat li jerġa' jintuża, jiġi ttratat f'konformità mar-rekwiżiti għat-trattament kwaternarju stipulati fil-Parti B u t-Tabella 3 tal-Anness I. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżitu tal-valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa skont ir-Regolament (UE) 2020/741 jitqies meta l-ilma mormi urban ittratat jerġa’ jintuża għal finijiet agrikoli.

Artikolu 9

Responsabbiltà estiża tal-produttur

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-produtturi li jintroduċu fis-suq kwalunkwe wieħed mill-prodotti elenkati fl-Anness III jkollhom responsabbiltà estiża tal-produttur.

Tali miżuri għandhom jiżguraw li dawk il-produtturi jkopru:

(a)

mill-inqas 80 % tal-kostijiet sħaħ għall-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8, inkluż il-kostijiet tal-investiment u dawk operazzjonali għat-trattament kwaternarju tal-ilma mormi urban biex jitneħħew il-mikrosustanzi niġġiesa li jirriżultaw mill-prodotti li jintroduċu fis-suq u mir-residwi ta’ dawk il-prodotti, u għall-monitoraġġ tal-mikrosustanzi niġġiesa msemmija fl-Artikolu 21(1), il-punt (a);

(b)

il-kostijiet għall-ġbir u l-verifika tad-data dwar il-prodotti mqiegħda fis-suq; u

(c)

kostijiet oħra meħtieġa biex jeżerċitaw ir-responsabbiltà estiża tal-produttur.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw lill-produtturi mir-responsabbiltà estiża tal-produttur tagħhom skont il-paragrafu 1 meta l-produtturi jkunu jistgħu juru kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-kwantità tas-sustanzi li jinsabu fil-prodotti li jintroduċu fis-suq tal-Unjoni tkun inqas minn tunnellata waħda fis-sena;

(b)

is-sustanzi li jinsabu fil-prodotti li jintroduċu fis-suq huma rapidament bijodegradabbli fl-ilma mormi jew ma jiġġenerawx mikrosustanzi niġġiesa fl-ilma mormi fi tmiem ħajjithom.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi msemmija fil-paragrafu 1 jeżerċitaw ir-responsabbiltà estiża tal-produttur tagħhom kollettivament permezz ta' organizzazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti minimi stipulati fl-Artikolu 10.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

dawk il-produtturi huma meħtieġa li jipprovdu lill-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi darba fis-sena b'dan li ġej:

(i)

il-kwantitajiet annwali tas-sustanzi li jinsabu fi prodotti elenkati fl-Anness III li jintroduċu fis-suq fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom;

(ii)

informazzjoni dwar il-periklu tas-sustanzi li jinsabu fi prodotti msemmija fil-punt (i) fl-ilma mormi urban u dwar il-bijodegradabbiltà tagħhom fi tmiem ħajjithom;

(iii)

meta jkun rilevanti, lista ta' prodotti eżentati f'konformità mal-paragrafu 2;

(b)

dawk il-produtturi għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi sabiex ikopru l-kostijiet li jirriżultaw mir-responsabbiltà estiża tal-produttur tagħhom;

(c)

il-kontribuzzjoni ta' kull produttur, kif imsemmija fil-punt (b), tiġi ddeterminata abbażi tal-kwantitajiet u l-periklu fl-ilma mormi urban tas-sustanzi li jinsabu fil-prodotti li jiġu introdotti fis-suq;

(d)

l-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi huma soġġetti għal awditi annwali indipendenti tal-ġestjoni finanzjarja tagħhom, inkluż il-kapaċità tagħhom li jkopru l-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-kwalità u l-adegwatezza tal-informazzjoni miġbura skont il-punt (a) u l-adegwatezza tal-kontribuzzjonijiet miġbura skont il-punt (b);

(e)

jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex il-konsumaturi jkunu infurmati dwar il-miżuri għall-prevenzjoni tal-iskart, is-sistemi ta' teħid lura u ġbir, u l-impatt ta' mezzi mhux xierqa tar-rimi tal-iskart tal-prodotti elenkati fl-Anness III, kif ukoll l-użu ħażin jew żejjed tagħhom, fuq il-ġbir, it-trattament u l-iskariku tal-ilma mormi urban.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi rilevanti kollha involuti, inklużi l-produtturi msemmija fil-paragrafu 1, l-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, l-operaturi privati jew pubbliċi tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u l-awtoritajiet kompetenti lokali, ikunu definiti b'mod ċar;

(b)

jiġu stabbiliti objettivi għall-ġestjoni tal-ilma mormi urban sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti u mal-iskadenzi stabbiliti skont l-Artikolu 8(1), (4) u (5) u ma' kwalunkwe objettiv kwantitattiv jew kwalitattiv ieħor li jitqies rilevanti għall-implimentazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produttur;

(c)

hemm fis-seħħ sistema ta' rapportar biex tinġabar data dwar il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 imqiegħda fis-suq mill-produtturi u data dwar it-trattament kwaternarju tal-ilma mormi urban, kif ukoll data oħra rilevanti għall-finijiet tal-punt (b) ta' dan il-paragrafu;

(d)

l-awtoritajiet kompetenti jikkomunikaw u jiskambjaw id-data meħtieġa ma' awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra regolarment sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 10.

5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi kriterji dettaljati dwar l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2, il-punt (b), għal kategoriji speċifiċi ta' prodotti u l-bijodegradabbiltà jew il-periklu tagħhom. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2) sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 10

Rekwiżiti minimi għall-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe organizzazzjoni b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi stabbilita skont l-Artikolu 9(3):

(a)

ikollha kopertura ġeografika definita b'mod ċar li tkun konsistenti mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8;

(b)

ikollha l-mezzi finanzjarji u organizzattivi meħtieġa biex tissodisfa l-obbligi tal-produtturi tar-responsabbiltà estiża tal-produtturi, inkluż garanziji finanzjarji biex tiġi żgurata l-kontinwità tat-trattament kwaternarju tal-ilma mormi urban f'konformità mal-Artikolu 8 f'kull ċirkostanza;

(c)

tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni dwar:

(i)

is-sjieda u l-membri tagħha;

(ii)

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mħallsa mill-produtturi skont ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 9(3), it-tieni subparagrafu, il-punt (c);

(iii)

l-attivitajiet li twettaq kull sena, inkluż informazzjoni ċara dwar kif jintużaw il-mezzi finanzjarji tagħha.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri jinkludu proċedura ta’ rikonoxximent nazzjonali li tiċċertifika l-konformità tal-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi mar-rekwiżiti stipulati f'dan il-paragrafu qabel l-istabbiliment u t-tħaddim effettivi tagħhom.

L-għoti ta' informazzjoni lill-pubbliku skont dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-preżervazzjoni tal-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali f'konformità mal-liġit rilevanti tal-Unjoni u dik nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas adegwat ta' monitoraġġ u infurzar biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jissodisfaw l-obbligi tagħhom b'mod trasparenti, li l-mezzi finanzjarji tal-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi jintużaw kif xieraq u li l-atturi kollha li jkollhom responsabbiltà estiża tal-produttur jirrapportaw data affidabbli lill-awtoritajiet kompetenti u, meta jintalbu, lill-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi.

3.   Fejn, fit-territorju ta' Stat Membru, ikun hemm diversi organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaħtar mill-inqas korp wieħed indipendenti mill-interessi privati jew jaħtar awtorità pubblika biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9.

4.   Stat Membru għandu jiżgura li l-produtturi stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz, u li jqiegħdu l-prodotti fis-suq ta’ dak l-Istat Membru:

(a)

jaħtru persuna ġuridika jew fiżika stabbilita fit-territorju tiegħu bħala rappreżentant awtorizzat sabiex jissodisfa l-obbligi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur fit-territorju tiegħu; jew

(b)

jieħdu miżuri ekwivalenti għall-punt (a).

5.   Sabiex jiżguraw li s-sistema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur tiġi implimentata bl-aħjar mod possibbli, b'mod partikolari minn perspettiva ta' kost-benefiċċju, l-Istati Membri għandhom jorganizzaw djalogi regolari dwar l-implimentazzjoni tagħha. Dan jista' jinkludi appoġġ għall-identifikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti biex, fost oħrajn:

(a)

titnaqqas il-pressjoni tal-mikrosustanzi niġġiesa fis-sors, u

(b)

jiġu ddeterminati l-aktar teknoloġiji xierqa għat-trattament kwaternarju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk id-djalogi jinvolvu l-partijiet ikkonċernati rilevanti u, fejn xieraq, l-assoċjazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati involuti fl-implimentazzjoni tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, inkluż il-produtturi u d-distributuri, l-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi, l-operaturi privati jew pubbliċi tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

6.   Sal-1 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni għandha tipprevedi l-organizzazzjoni ta' skambju ta' informazzjoni, esperjenza u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 9 u dan l-Artikolu u b'mod partikolari dwar:

(a)

il-miżuri għall-kontroll tal-istabbiliment, ir-rikonoxximent u l-funzjonament tal-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi;

(b)

il-miżuri għall-kontroll tal-konformità tal-produtturi mal-obbligi tagħhom definiti f'din id-Direttiva;

(c)

l-implimentazzjoni effettiva ta':

(i)

il-kopertura tal-kostijiet kif imsemmi fl-Artikolu 9(1), u

(ii)

il-kontrolli tal-metodi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-produtturi mill-organizzazzjoni b'responsabbiltà tal-produtturi kif imsemmi fl-Artikolu 9(3), il-punt (c);

(d)

l-eżenzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 9(2);

(e)

kwalunkwe kwistjoni oħra marbuta mal-implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 9 u dan l-Artikolu;

(f)

l-impatti possibbli tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 9 fuq l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-mediċini mqiegħda fis-suq tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-iskambju ta' informazzjoni, l-esperjenza u l-aħjar prattiki dwar dawk l-aspetti u dwar aspetti rilevanti oħra, u fejn ikun rilevanti, tagħti rakkomandazzjonijiet jew linji gwida, jew it-tnejn, lill-Istati Membri.

7.   Abbażi tal-informazzjoni provduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u taġġorna b'mod regolari lista tat-talbiet għal eżenzjonijiet li tirċievi mill-Istati Membri minn produtturi skont l-Artikolu 9(2). Meta jitolbuha, dik il-lista għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetentital-Istati Membri.

Artikolu 11

Newtralità enerġetika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull erba' snin isiru awditi tal-enerġija, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (32), tad-Direttiva (UE) 2023/1791, tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u tas-sistemi tal-ġbir li jkunu qed jitħaddmu. Dawk l-awditi għandhom jinkludu identifikazzjoni tal-potenzjal għal miżuri kosteffettivi biex jitnaqqas l-użu tal-enerġija u jittejbu l-użu u l-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli, b'enfasi partikolari fuq l-identifikazzjoni u l-użu tal-potenzjal għall-produzzjoni tal-bijogass jew l-irkupru u l-użu ta' sħana mormija fuq il-post jew permezz ta' sistema tal-enerġija distrettwali, filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. L-ewwel awditi tal-enerġija għandhom jitwettqu:

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2028 għall-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jittrattaw tagħbija ta' 100 000 e.p. u aktar u s-sistemi tal-ġbir konnessi magħhom;

(b)

sal-31 ta' Diċembru 2032 għall-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jittrattaw tagħbija ta' 10 000 e.p. u aktar iżda ta’ anqas minn 100 000 e.p. u s-sistemi tal-ġbir konnessi magħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-livell nazzjonali, l-enerġija annwali totali minn sorsi rinnovabbli, kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, iġġenerata fuq il-post jew mhux fuq il-post mis-sidien jew l-operaturi ta' impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, jew f'isimhom, li jittrattaw tagħbija ta' 10 000 e.p. u aktar, u irrispettivament minn jekk dik l-enerġija tiġix użata fuq il-post jew mhux fuq il-post mis-sidien jew l-operaturi ta’ dawk l-impjanti, tkun ekwivalenti għal mill-inqas:

(a)

20 % tal-enerġija annwali totali użata minn impjanti bħal dawn sal-31 ta' Diċembru 2030;

(b)

40 % tal-enerġija annwali totali użata minn impjanti bħal dawn sal-31 ta' Diċembru 2035;

(c)

70 % tal-enerġija annwali totali użata minn impjanti bħal dawn sal-31 ta' Diċembru 2040;

(d)

100 % tal-enerġija annwali totali użata minn impjanti bħal dawn sal-31 ta' Diċembru 2045.

L-enerġija rinnovabbli ġġenerata mis-sidien jew l-operaturi tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban jew f'isimhom ma għandhiex tinkludi enerġija rinnovabbli mixtrija.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, jekk Stat Membru ma jilħaqx l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (d), minkejja li jkun implimenta l-miżuri kollha tal-effiċjenza enerġetika u l-miżuri kollha meħtieġa biex tittejjeb il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari dawk identifikati fl-awditi tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu eċċezzjonalment jippermettu x-xiri ta' enerġija minn sorsi ta' fjuwils mhux fossili. Dak ix-xiri għandu jkun limitat għal massimu ta' 35 % ta' enerġija minn fjuwils mhux fossili b'rabta mal-objettiv imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (d).

4.   B'deroga mill-paragrafu 2, jekk Stat Membru ma jilħaqx l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (c), minkejja li jkun implimenta l-miżuri kollha tal-effiċjenza enerġetika u l-miżuri kollha biex tittejjeb il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari dawk identifikati fl-awditi tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu eċċezzjonalment jippermettu x-xiri ta' enerġija minn sorsi ta' fjuwils mhux fossili. Dak ix-xiri għandu jkun limitat għal massimu ta' 5 punti perċentwali tal-objettiv imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (c). Dik id-deroga għandha tingħata biss lill-Istati Membri li sal-31 ta' Diċembru 2040 jistgħu juru li 35 % tal-enerġija esterna mill-fjuwils mhux fossili kif imsemmi fil-paragrafu 3 ser ikollha tinxtara biex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt(d), filwaqt li jitqiesu l-miżuri kollha tal-effiċjenza enerġetika u l-miżuri kollha meħtieġa biex tittejjeb il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari dawk identifikati b'mod partikolari fl-awditi tal-enerġija msemmija fil-paragrafu 1.

5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta att ta' implimentazzjoni għall-istabbiliment tal-metodi biex tivvaluta jekk intlaħqux l-objettivi fil-paragrafu 2. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

Artikolu 12

Kooperazzjoni transkonfinali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet jew arranġamenti internazzjonali eżistenti rilevanti dwar kwistjonijiet relatati mal-ilma ambjentali, fejn l-ilmijiet fiż-żona ta' ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru jkunu affettwati b'mod negattiv minn skariki ta' ilma mormi urban minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz, l-Istat Membru li l-ilmijiet tiegħu jkunu affettwati għandu jinnotifika lill-Istat Membru l-ieħor jew lill-pajjiż terz u lill-Kummissjoni bil-fatti rilevanti.

Dik in-notifika għandha tkun immedjata fil-każ ta' tniġġis li jista' jaffettwa b'mod sinifikanti l-korpi tal-ilma 'l isfel minnhom. Fil-każ ta' kwalunkwe skariku li jaffettwa s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun seħħ l-iskariku għandu jiżgura li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor u l-Kummissjoni jiġu infurmati minnufih.

2.   L-Istati Membri għandhom iwieġbu lil xulxin b'mod f'waqtu, skont it-tip, l-importanza u l-konsegwenzi possibbli tal-inċident, wara n-notifika minn Stat Membru ieħor f'konformità mal-paragrafu 1.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw biex jidentifikaw l-iskariki inkwistjoni u l-miżuri li għandhom jittieħdu fis-sors biex jiġu protetti l-ilmijiet li jkunu affettwati sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa f'tali kooperazzjoni fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 13

Kundizzjonijiet klimatiċi lokali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban mibnija għal konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 6, 7 u 8 ikunu mfassla, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw prestazzjoni suffiċjenti taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi normali kollha. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2557, il-varjazzjonijiet staġjonali tat-tagħbija u l-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima għandhom jiġu vvalutati u kkunsidrati fit-tfassil, il-bini u t-tħaddim tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u s-sistemi tal-ġbir.

Artikolu 14

Skariki ta' ilma mormi mhux domestiku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki ta' ilma mormi mhux domestiku f'sistemi tal-ġbir u impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban ikunu soġġetti għal regolamenti minn qabel jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi, jew it-tnejn, mill-awtorità kompetenti jew minn korp xieraq.

Fil-każ ta’ awtorizzazzjonijiet speċifiċi għal skariki f'sistemi tal-ġbir u impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti:

(a)

tikkonsulta u tinforma lill-operaturi ta’ sistemi tal-ġbir u ta’ impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li fihom jiġi skarikat l-ilma mormi mhux domestiku qabel ma tagħti dawk l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi;

(b)

fuq talba, tħalli lill-operaturi tas-sistemi tal-ġbir u tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jirċievu skariki ta’ ilma mormi mhux domestiku jikkonsultaw dawk l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi fil-baċini idrografiċi tagħhom, preferibbilment qabel ma dawk jingħataw.

Fil-każ ta’ regolamenti minn qabel għal skariki f'sistemi tal-ġbir u f'impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sistemi tal-ġbir u tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li fihom jiġi skarikat l-ilma mormi mhux domestiku jiġu kkonsultati qabel ma jiġu adottati dawk ir-regolamenti minn qabel.

2.   Regolamenti minn qabel u awtorizzazzjonijiet speċifiċi kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li:

(a)

ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-ilma stipulati f’liġi oħra tal-Unjoni, inkluż id-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE, huma ssodisfati, u li, meta jkun applikabbli, il-kwalità u l-kwantità ta' skariki rilevanti ta' ilma mormi mhux domestiku huma sorveljat. b’mod partikolari, li t-tagħbija ta' sustanzi niġġiesa fl-iskariku mill-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban ma twassalx għal deterjorament fl-istatus tal-korp tal-ilma riċeventi u ma tfixkilx lil dak il-korp tal-ilma milli jikseb tali status, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE.

(b)

is-sustanzi niġġiesa rilaxxati ma jfixklux it-tħaddim tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban, ma jagħmlux ħsara lis-sistemi tal-ġbir, lill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban jew lit-tagħmir assoċjat, u ma jillimitawx kwalunkwe kapaċità tal-irkupru ta' riżorsi, inkluż l-użu mill-ġdid tal-ilma ttrattat u l-irkupru ta' nutrijenti jew materjal ieħor mill-ilma mormi urban jew mill-ħama;

(c)

is-sustanzi niġġiesa rilaxxati ma jagħmlux ħsara lis-saħħa tal-persunal li jaħdem fis-sistemi tal-ġbir u fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi;

(d)

l-impjant tat-trattament tal-ilma mormi huwa mfassal u mgħammar biex inaqqas is-sustanzi niġġiesa rilaxxati;

(e)

meta impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban jittratta skariki minn installazzjoni li jkollha permess imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40), it-tagħbija ta' sustanzi niġġiesa mill-iskariki ta' dak l-impjant ma taqbiżx it-tagħbija ta' sustanzi niġġiesa li tiġi skarikata jekk l-iskariki jiġu rilaxxati direttament mill-installazzjoni u jkunu konformi mal-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet applikabbli f’konformità ma’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-iskariku ta' ilma mormi mhux domestiku f'sistemi tal-ġbir u f'impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi li jiskarikaw għal ġo baċini idrografiċi għal punti ta' estrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, ma tingħata ebda awtorizzazzjoni speċifika jew li ebda regolament minn qabel ma jippermetti tali skariku ta' ilma mormi mhux domestiku mingħajr ma jitqiesu l-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju tal-baċini idrografiċi għall-punti ta' estrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem kif imsemmi fl-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2020/2184 u l-miżuri ta' ġestjoni tar-riskju meħuda skont dak l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi xierqa jieħdu l-miżuri adatti, inkluż rieżami ta’, u fejn tkun meħtieġa, ir-revoka ta’ regolamenti minn qabel u awtorizzazzjonijiet speċifiċi kif imsemmija fil-paragrafu 1, biex jidentifikaw, jipprevjenu u jnaqqsu kemm jista' jkun is-sorsi ta' tniġġis fl-ilma mormi mhux domestiku msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fejn tinħoloq kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sustanzi niġġiesa ġew identifikati fid-dħul u fl-iżbokki tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban skont il-monitoraġġ tal-Artikolu 21(3);

(b)

il-ħama li tirriżulta mit-trattament tal-ilma mormi urban għandha tintuża f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (41);

(c)

l-ilma mormi urban ittrattat għandu jerġa' jintuża f'konformità mar-Regolament (UE) 2020/741 jew jerġa' jintuża għal skopijiet li mhumiex skopijiet agrikoli;

(d)

l-ilmijiet riċeventi jintużaw għall-estrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2020/2184;

(e)

it-tniġġis tal-ilma mormi mhux domestiku skarikat fis-sistema tal-ġbir, jew l-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban joħloq riskju għat-tħaddim ta' dik is-sistema jew impjant.

4.   Regolamenti minn qabel u l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27 biex temenda r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 sabiex tadattahom għall-progress tekniku u xjentifiku fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali.

5.   L-awtorizzazzjonijiet speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rieżaminati u, meta jkun hemm bżonn, adattati mill-inqas kull għaxar snin.

Regolamenti minn qabel kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rieżaminati f'intervalli regolari u, meta jkun hemm bżonn, adattati.

Jekk il-karatteristiċi tal-ilma mormi mhux domestiku, tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban jew tal-korp tal-ilma riċeventi jinbidlu b'mod sinifikanti, l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi għandhom jiġu rieżaminati u adattati għal dawk il-bidliet.

Artikolu 15

Użu mill-ġdid tal-ilma u skariki ta' ilma mormi urban

1.   Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod sistematiku l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat mill-impjanti kollha tat-trattament tal-ilma mormi urban speċjalment f'żoni fejn l-ilma huwa skars, u għall-finijiet adatti kollha. Il-potenzjal għall-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat għandu jiġi vvalutat b'tali mod li jitqiesu l-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar stabbiliti skont id-Direttiva 2000/60/KE (“il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċċini tax-xmajjar”) u d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2020/741. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-ilma mormi urban ttrattat jerġa' jintuża jew jekk l-użu mill-ġdid ikun ippjanat, dan ma jipperikolax il-fluss ekoloġiku tal-ilmijiet riċeventi u ma jkun hemm ebda effett negattiv għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem. Meta l-ilma mormi ttrattat jerġa' jintuża għat-tisqija agrikola, dan għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2020/741. Meta jkunu disponibbli strateġiji dwar ir-reżiljenza tal-ilma fil-livell tal-Istati Membri, f'dawk l-istrateġiji għandhom jitqiesu miżuri dwar il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat u dwar l-użu mill-ġdid stess.

Meta l-ilma mormi urban ittrattat jerġa' jintuża għat-tisqija agrikola, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mir-rekwiżiti għat-trattament terzjarju fil-Parti B u t-Tabella 2 tal-Anness I, għall-frazzjoni tal-ilma mormi urban ittrattat li tkun esklużivament destinata għall-użu mill-ġdid fit-tisqija agrikola, fejn ikun jista' jintwera dan kollu li ġej:

(a)

il-kontenut tan-nutrijenti fil-frazzjoni użata mill-ġdid ma jaqbiżx id-domanda tan-nutrijenti tal-għelejjel fil-mira;

(b)

ma jkun hemm ebda riskju għall-ambjent, b'mod partikolari fir-rigward tal-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet fl-istess baċin idrografiku;

(c)

ma jkun hemm ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem b'mod partikolari fir-rigward ta' organiżmi patoġeniċi;

(d)

l-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban ikollu kapaċità biżżejjed biex jittratta jew jaħżen l-ilma mormi urban, sabiex jevita l-iskariki għal ġo l-ilmijiet riċeventi ta’ l-ilma mormi urban li ma jissodisfax ir-rekwiżiti mniżżla fil-Parti B u fit-Tabella 2 tal-Anness I f'konformità mal-metodi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati stabbiliti fil-Parti C tal-Anness I.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas l-iskariki kollha minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban ta' 1 000 e.p. u aktar ikunu soġġetti għal regolamenti minn qabel jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi, jew it-tnejn. Tali regolamenti u awtorizzazzjonijiet speċifiċi għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti stipulati fil-Parti B tal-Anness I jiġu ssodisfati.

3.   Regolamenti minn qabel u awtorizzazzjonijiet speċifiċi kif imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rieżaminati mill-inqas kull għaxar snin u, jekk ikun hemm bżonn, adattati. Fil-każijiet fejn il-karatteristiċi tal-ilma mormi urban li jkun dieħel jew l-iskariki mill-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban jew tal-korp tal-ilma riċeventi jinbidlu b'mod sinifikanti, id-dispożizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet speċifiċi għandhom jiġu aġġornati biex ikun żgurat li r-rekwiżiti stipulati fil-Parti B tal-Anness I jibqgħu jiġu ssodisfati.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jadattaw l-infrastruttura tagħhom tal-ġbir u tat-trattament tal-ilma mormi urban biex jindirizzaw żieda fit-tagħbijiet tal-ilma mormi domestiku, inkluż, fejn ikun meħtieġ, il-bini ta' infrastruttura ġdida.

Meta jieħdu miżuri kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jitqiesu konformi mal-objettivi ambjentali stipulati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-bini jew l-espansjoni ta' impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban għat-trattament ta' tagħbijiet akbar ta' ilma mormi domestiku jew ta' tagħbijiet ta' ilma mormi domestiku mhux trattat tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel f'konformità ma' din id-Direttiva;

(b)

il-benefiċċji tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban fil-punt (a) ma jistgħux jinkisbu b'mezzi oħra minħabba raġunijiet ta' fattibbiltà teknika jew ta' kost sproporzjonat, inkluż il-kunsiderazzjoni ta' punti alternattivi ta' skariku ta' impjanti tal-ilma mormi urban, li jikkontribwixxu biex jinkisbu l-objettivi ambjentali stipulati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE;

(c)

il-miżuri ta' mitigazzjoni teknikament fattibbli kollha biex jiġu minimizzati l-impatti negattivi tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban fuq il-korpi tal-ilma affettwati huma meħuda u huma stabbiliti fl-awtorizzazzjonijiet speċifiċi imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva u dan l-Artikolu; dawk il-miżuri għandhom jinkludu, fejn ikun meħtieġ, rekwiżiti ta' trattament aktar stretti minn dawk applikati qabel iż-żieda fit-tagħbija tal-ilma mormi domestiku, sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-Direttivi msemmija fil-Parti B, il-punt 6, tal-Anness I ta' din id-Direttiva;

(d)

il-miżuri kollha ta' mitigazzjoni teknikament fattibbli jiġu implimentati biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv ta' attivitajiet oħra li jikkawżaw pressjonijiet simili fl-istess korpi tal-ilma.

Jekk in-nuqqas li jiġi evitat deterjorament jew in-nuqqas li jinkisbu l-objettivi ambjentali stipulati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE f'korp ta' ilma tal-wiċċ ikun ir-riżultat ta' awtorizzazzjoni minn qabel fil-punt (a), dik l-awtorizzazzjoni a għandha tiġi speċifikament imniżżla fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar u l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu jiġu spjegati fihom.

Artikolu 16

Ilma mormi bijodegradabbli mhux domestiku

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu rekwiżiti għall-iskariku ta' ilma mormi bijodegradabbli mhux domestiku li jkunu xierqa għan-natura tal-industrija kkonċernata u li jiżguraw mill-inqas l-istess livell ta' protezzjoni ambjentali bħar-rekwiżiti stipulati fil-Parti B tal-Anness I.

2.   Ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ilma mormi joriġina minn impjanti li jittrattaw tagħbija ta' 4 000 e.p. u aktar li jappartjenu għas-setturi industrijali elenkati fl-Anness IV u li ma jwettqu l-ebda waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2010/75/UE; u

(b)

l-ilma mormi ma jidħolx f'impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban qabel ma jiġi skarikat għal ġo l-ilmijiet riċeventi (“skariku dirett”).

Artikolu 17

Sorveljanza tal-ilma mormi urban

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema nazzjonali għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-saħħa pubblika u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-trattament tal-ilma mormi urban fir-rigward ta':

(a)

l-identifikazzjoni tal-parametri rilevanti tas-saħħa pubblika li għandhom jiġu mmonitorjati mill-inqas fid-dħul tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, b'kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet disponibbli, fost oħrajn, miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), mill-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) bħal:

(i)

il-virus tas-SARS-CoV-2 u l-varjanti tiegħu;

(ii)

il-virus tal-poljo;

(iii)

il-virus tal-influwenza;

(iv)

patoġeni emerġenti;

(v)

kwalunkwe parametru ieħor tas-saħħa pubblika li jitqies rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti għall-monitoraġġ;

(b)

l-allokazzjoni ċara tar-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-kostijiet fost l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, inkluż fejn relatati mat-teħid ta' kampjuni u l-analiżi;

(c)

id-determinazzjoni tal-post u tal-frekwenza tat-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-ilma mormi urban għal kull parametru tas-saħħa pubblika identifikat f'konformità mal-punt (a), wara li kkunsidra d-data disponibbli dwar is-saħħa u l-ħtiġijiet f'termini ta' data dwar is-saħħa pubblika u, fejn rilevanti, is-sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi lokali;

(d)

l-organizzazzjoni ta' komunikazzjoni xierqa u f'waqtha tar-riżultati tal-monitoraġġ lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-saħħa pubblika u, fejn rilevanti, lill-awtoritajiet kompetenti għall-ilma tax-xorb sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2020/2184 u lill-pjattaformi tal-Unjoni, fejn tali pjattaformi jkunu disponibbli, u f'konformità mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

2.   Meta tiġi ddikjarata emerġenza tas-saħħa pubblika mill-awtorità kompetenti responsabbli għas-saħħa pubblika fi Stat Membru, il-parametri rilevanti tas-saħħa pubblika għandhom jiġu mmonitorjati fl-ilma mormi urban minn distribuzzjoni rappreżentattiva tal-popolazzjoni nazzjonali, sa fejn il-parametri rilevanti tas-saħħa jinsabu fl-ilma mormi urban. Dak il-monitoraġġ għandu jkompli sakemm l-awtorità kompetenti tiddikjara li l-emerġenza tas-saħħa pubblika tkun intemmet, jew għal perjodu ta' żmien itwal jekk jitqies li jkun utli għal skopijiet oħra minn dik l- awtorità kompetenti.

Sabiex tiddetermina jekk ikunx hemmx emerġenza tas-saħħa pubblika, l-awtorità kompetenti għandha tqis id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2022/2371, il-valutazzjonijiet tal-ECDC, u d-deċiżjonijiet tad-WHO meħuda f'konformità mar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa.

3.   Għall-agglomerazzjonijiet ta' 100 000 e.p. u aktar, l-Istati Membri għandhom, sal-aħħar jum tat-tieni sena mid-data tal-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni fit-tieni subparagrafu, jiżguraw li tiġi mmonitorjata r-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-ilma mormi urban.

Sat-2 ta’ Lulju 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi frekwenza minima ta' kampjunar u metodoloġija armonizzata għall-kejl tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-ilma mormi urban, filwaqt li tqis mill-inqas id-data kollha disponibbli mill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa pubblika u mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-monitoraġġ tar-reżistenza għall-antimikrobiċi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adotti f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

4.   Ir-riżultati mill-monitoraġġ imsemmi f'dan l-Artikolu għandhom jiġu rrapportati f'konformità mal-Artikolu 22(1), il-punt (h).

Artikolu 18

Valutazzjoni u ġestjoni tar-riskji

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2027, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji li l-iskariki tal-ilma mormi urban jikkawżaw lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem, b'kunsiderazzjoni tal-varjazzjonijiet staġonali u ta' avvenimenti straordinarji, u mill-inqas ir-riskji relatati ma' dawn li ġejjin:

(a)

il-kwalità ta' korp tal-ilma użat għall-estrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2020/2184;

(b)

il-kwalità tal-ilma għall-għawm li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2006/7/KE;

(c)

il-kwalità ta' korp tal-ilma fejn isiru attivitajiet tal-akkwakultura kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (25), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d)

l-istat tal-korp ta' ilma ta' taħt l-art riċeventi kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 19, tad-Direttiva 2000/60/KE kif ukoll l-objettivi ambjentali l-oħra kollha kif imniżżla fl-Artikolu 4 ta' dik id-Direttiva għall-korp ta' ilma ta' taħt l-art riċeventi;

(e)

l-istat tal-ambjent tal-baħar kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 5, tad-Direttiva 2008/56/KE;

(f)

l-istat tal-korp ta' ilma tal-wiċċ riċeventi kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 17, tad-Direttiva 2000/60/KE kif ukoll l-objettivi ambjentali l-oħra kollha kif imniżżla fl-Artikolu 4 ta' dik id-Direttiva għall-korp ta' ilma tal-wiċċ riċeventi.

2.   Fejn ikunu ġew identifikati riskji f'konformità mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jindirizzawhom, inkluż, fejn ikun xieraq, il-miżuri li ġejjin:

(a)

it-teħid ta' miżuri addizzjonali għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma mormi urban fis-sors, fejn meħtieġ biex tiġi salvagwardjata l-kwalità tal-korp ta' ilma riċeventi, biex jikkumplementaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 14(3);

(b)

l-istabbiliment ta' sistemi tal-ġbir f'konformità mal-Artikolu 3 għal agglomerazzjonijiet ta' inqas minn 1 000 e.p.;

(c)

l-applikazzjoni ta' trattament sekondarju f'konformità mal-Artikolu 6 għal skariki ta' ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' inqas minn 1 000 e.p.;

(d)

l-applikazzjoni ta' trattament terzjarju f'konformità mal-Artikolu 7 għal skariki ta' ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' inqas minn 10 000 e.p.;

(e)

l-applikazzjoni ta' trattament kwaternarju f'konformità mal-Artikolu 8 għal skariki ta' ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' inqas minn 10 000 e.p,, b'mod partikolari fejn l-ilma mormi urban jiġi skarikat f'korpi ta' ilma użati għall-estrazzjoni ta' ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, ilma għall-għawm, korpi tal-lima fejn isiru attivitajiet ta' akkwakultura, u fejn l-ilma mormi urban ittrattat jerġa' jintuża għal skopijiet agrikoli;

(f)

l-istabbiliment ta' pjanijiet integrati għall-immaniġġjar ta' ilma mormi urban f'konformità mal-Artikolu 5 għal agglomerazzjonijiet ta' inqas minn 10 000 e.p. u l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fl-Anness V;

(g)

l-applikazzjoni ta' rekwiżiti għat-trattament tal-ilma mormi urban miġbur li jkunu aktar stretti mir-rekwiżiti stipulati fil-Parti B tal-Anness I.

3.   L-identifikazzjoni tar-riskji mwettqa f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi rieżaminata kull sitt snin f’konformità mal-mument meta jsir ir-rieżami tal-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar u li jibdew fil-31 ta' Diċembru 2033. Fil-pjanijiet xierqa ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar u fil-programmi nazzjonali ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 23 għandu jiġi inkluż sommarju tar-riskji identifikati flimkien ma' deskrizzjoni tal-miżuri adottati f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u, fuq talba, dawn għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni. Dak is-sommarju għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 19

Aċċess għal faċilitajiet sanitarji

Mingħajr preġudizzju għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u b’kont meħud tal-perspettivi u ċ-ċirkostanzi lokali u reġjonali fir-rigward tal-faċilitajiet sanitarji, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-aċċess għal faċilitajiet sanitarji għal kulħadd, b'mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli u emarġinati.

Għal dak l-għan, sat-12 ta' Jannar 2029 l-Istati Membri għandhom:

(a)

jidentifikaw persuni mingħajr aċċess, jew b'aċċess limitat, għal faċilitajiet sanitarji, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli u emarġinati, u jagħtu r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta' aċċess;

(b)

jivvalutaw l-għażliet għat-titjib tal-aċċess għal faċilitajiet sanitarji għal dawn il-persuni;

(c)

għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 10 000 e.p. u aktar, iħeġġu l-istabbiliment ta' għadd suffiċjenti ta' faċilitajiet sanitarji fl-ispazji pubbliċi, li jkunu aċċessibbli b'xejn u, b'mod partikolari għan-nisa, aċċessibbli b'mod sikur u jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni xierqa dwar dawk il-faċilitajiet għall-pubbliku;

(d)

għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 5 000 e.p. u aktar, iħeġġu lill-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni għadd suffiċjenti ta' faċilitajiet sanitarji b'xejn f'bini pubbliku, b'mod partikolari f'bini amministrattiv;

(e)

iħeġġu biex f'ristoranti, ħwienet u spazji privati simili aċċessibbli għall-pubbliku jkun hemm disponibbli faċilitajiet sanitarji għal kulħadd, mingħajr ħlas jew bi ftit flus.

Artikolu 20

Ħama u rkupru tar-riżorsi

1.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-irkupru ta' riżorsi prezzjużi u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ġestjoni tal-ħama tikkonforma mal-ġerarkija tal-iskart prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE. Tali ġestjoni tal-ħama għandha:

(a)

timmassimizza l-prevenzjoni;

(b)

tipprepara għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u rkupru ieħor tar-riżorsi, b'mod partikolari l-fosforu u n-nitroġenu, b'kont meħud tal-opzjonijiet ta' valorizzazzjoni nazzjonali jew lokali; u

(c)

timminimizza l-effetti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tispeċifika rata minima kombinata għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-fosforu mill-ħama u mill-ilma mormi urban mhux użati mill-ġdid skont id-deroga tal-Artikolu 15(1), b'kunsiderazzjoni tat-teknoloġiji u r-riżorsi disponibbli u l-vijabbiltà ekonomika għall-irkupru tal-fosforu kif ukoll il-kontenut ta' fosforu fil-ħama u l-livell ta' saturazzjoni tas-suq nazzjonali b'fosforu organiku minn sorsi oħra filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm ġestjoni sikura tal-ħama u li ma jkun hemm ebda impatt negattiv fuq l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-atti delegati sat-2 ta’ Jannar 2028.

Artikolu 21

Monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi adatti jissorveljaw:

(a)

l-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji tal-Parti B tal-Anness I f'konformità mal-metodi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati mniżżla fil-Parti C tal-Anness I; dak il-monitoraġġ għandu jinkludi t-tagħbijiet u l-konċentrazzjonijiet tal-parametri elenkati fil-Parti B tal-Anness I;

(b)

l-ammonti, il-kompożizzjoni u d-destinazzjoni tal-ħama, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tad-Direttiva 86/278/KEE għall-ħama maħsub biex jintuża fl-agrikoltura;

(c)

il-kwantitajiet fis-sena u fix-xahar tal-ilma mormi urban użat mill-ġdid fl-irrigazzjoni agrikola li jkun soġġett għal deroga msemmija fl-Artikolu 15(1); il-kontenut ta' nutrijenti tal-frazzjoni ta’ ilma mormi urban użat mill-ġdid għat-tisqija agrikola u l-perjodu li matulu dik il-frazzjoni tintuża mill-ġdid imqabbel ma' kemm għandhom bżonn ilma u nutrijenti fix-xahar l-għelejjel fil-mira ta' dak l-ilma mormi urban użat mill-ġdid;

(d)

il-gassijiet b’effett ta’ serra, inkluż mill-inqas CO2, N2O, CH4 emessi minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban ta' 10 000 e.p. u aktar, permezz ta' analiżi, kalkoli jew immudellar, fejn ikun xieraq;

(e)

l-enerġija użata u prodotta mis-sidien tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jitrattaw tagħbija ta' 10 000 p.e u aktar, jew mill-operaturi ta’ tali impjanti, irrispettivament minn jekk tintużax jew tiġix iġġenerata fuq il-post jew mhux fuq il-post, f'konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 11(2), kif ukoll l-enerġija mixtrija skont id-derogi msemmija fl-Artikolu 11(3)u (4).

2.   Għall-agglomerazzjonijiet kollha msemmija fl-Artikoli 5(1) u (3), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, il-korpi xierqa jew l-operaturi tas-sistema tal-ġbir iwettqu monitoraġġ rappreżentattiv f'punti rilevanti, ta' tifwir tal-ilma tal-maltemp fil-korpi tal-ilma u tal-iskariki ta' ilma tax-xeba' urban minn sistemi separati, sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw il-konċentrazzjoni u t-tagħbijiet tal-parametri elenkati fit-Tabella 1 tal-Anness I, u, fejn ikun rilevanti, fit-Tabella 2, kif ukoll il-kontenut ta' mikroplastiċi u sustanzi niġġiesa rilevanti. L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżultati ta' dak il-monitoraġġ għall-finijiet tal-immudellar fejn xieraq.

3.   Għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 10 000 e.p. u aktar, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi xierqa jimmonitorjaw, fid-dħul u fl-iżbokk tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, il-konċentrazzjoni u t-tagħbijiet tal-elementi li ġejjin fl-ilma mormi urban:

(a)

sustanzi niġġiesa li x'aktarx jinstabu fl-ilma mormi urban elenkati fi:

(i)

fl-Annessi VIII u X tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Anness I tad-Direttiva 2008/105/KE, l-Anness I tad-Direttiva 2006/118/KE u l-Parti B tal-Anness II tad-Direttiva 2006/118/KE;

(ii)

l-Anness tad-Deċiżjoni 2455/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42);

(iii)

l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 166/2006;

(iv)

l-Annessi I u II tad-Direttiva 86/278/KEE;

(b)

il-parametri elenkati fil-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva (UE) 2020/2184, fejn l-ilma mormi urban jiġi skarikat f'baċin idrografiku msemmi fl-Artikolu 8 ta' dik id-Direttiva; li taħtu, għal Sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS) l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jużaw parametru wieħed jew iż-żewġ parametri “PFAS Total” u “Somma tal-PFAS” meta tkun disponibbli metodoloġija f'konformità mal-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 5;

(c)

il-parametri elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2006/7/KE fejn ikun hemm skariki diretti minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban fl-ilma għall-għawm matul l-istaġun tal-għawm li jistgħu jipprevjenu l-konformità mad-Direttiva 2006/7/KE;

(d)

il-preżenza ta’ mikroplastiċi.

Is-sustanzi niġġiesa u l-parametri elenkati msemmija fil-punti (a) u (b) jistgħu jiġu esklużi mill-monitoraġġ imsemmi f’dan il-paragrafu dment li jkun jista' jintwera, fost l-oħrajn abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ, li ma jkunux preżenti fl-ilma mormi urban.

Għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' aktar minn 10 000 e.p., l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi xierqa jimmonitorjaw il-preżenza ta' mikroplastiċi fil-ħama meta jkun rilevanti u, b'mod partikolari, meta jintuża mill-ġdid fl-agrikoltura.

Il-monitoraġġ imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jitwettaq bil-frekwenzi li ġejjin:

(a)

mill-inqas żewġ kampjuni fis-sena, b'massimu ta' sitt xhur bejn il-kampjuni, għal agglomerazzjonijiet ta' 150 000 e.p. u aktar;

(b)

mill-inqas kampjun kull sentejn għal agglomerazzjonijiet ta' bejn 10 000 e.p. u 150 000 e.p.

Dawk il-frekwenzi tal-monitoraġġ jistgħu jitnaqqsu bin-nofs fis-snin ta’ wara jekk ir-riżultati tal-monitoraġġ għas-sustanzi niġġiesa msemmija f’dan il-paragrafu jkunu aktar baxxi mill-istandards tal-kwalità ambjentali applikabbli skont id-Direttiva 2008/105/KE fi tliet kampjuni suċċessivi. Il-frekwenzi tal-monitoraġġ għandhom jiġu rieżaminati mill-inqas kull sena.

4.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi metodoloġiji għall-kejl, l-istima u l-immudellar tal-emissjonijiet diretti u indiretti tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, u l-mikroplastiċi fl-ilma mormi urban u fil-ħama. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sat-2 ta’ Lulju 2027 f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi metodoloġija għall-kejl ta' “PFAS Totali” u “Somma ta' PFAS” fl-ilma mormi urban. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sat-2 ta’ Jannar 2027 f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

6.   Abbażi tar-rapport tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tispeċifika lista minima ta' sustanzi niġġiesa rilevanti li x'aktarx jinstabu fl-ilma mormi urban u biex tiżviluppa metodoloġija għall-identifikazzjoni tas-sustanzi niġġiesa rilevanti li x'aktarx jinstabu fl-ilma mormi urban, filwaqt li tikkunsidra l-kundizzjonijiet lokali u l-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni kif ukoll il-kriterji u l-frekwenza għar-reviżjoni tal-esklużjoni ta' xi sustanzi niġġiesa kif imniżżel fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu, ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

Artikolu 22

Informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), għandhom:

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2028, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih l-informazzjoni miġbura f'konformità mal-Artikolu 21, li tinkludi informazzjoni dwar il-parametri msemmija fl-Artikolu 21(1), il-punt (a), u r-riżultati tat-testijiet fir-rigward tal-kriterji ta' aċċettabbiltà/inaċettabbiltà stabbiliti fil-Parti C tal-Anness I u minn hemm 'il quddiem taġġorna dak is-sett ta' data kull sena;

(b)

sal-31 ta' Diċembru 2028, jistabbilixxu sett ta' data li jindika l-perċentwal ta' ilma mormi urban li jinġabar u jiġi ttrattat f'konformità mal-Artikolu 3 u minn hemm 'il quddiem jaġġornaw dak is-sett ta' data kull sena;

(c)

sal-31 ta' Diċembru 2028, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 4(5) u dwar il-perċentwal tat-tagħbija tal-ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' aktar minn 2 000 e.p. li jiġi ttrattat f'sistemi individwali u minn hemm 'il quddiem jaġġornaw dak is-sett ta' data kull sena;

(d)

sal-31 ta' Diċembru 2028, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih informazzjoni dwar l-għadd ta' kampjuni miġbura u l-għadd ta' kampjuni meħuda f'konformità mal-Parti C tal-Anness I li kienu inaċċettabbli u minn hemm 'il quddiem jaġġornaw dak is-sett ta' data kull sena;

(e)

sat-12 ta' Jannar 2029, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih informazzjoni dwar il-miżuri meħuda biex jittejjeb l-aċċess għal faċilitajiet sanitarji f'konformità mal-Artikolu 19, il-punti (a), (b) u (c), inkluż informazzjoni dwar is-sehem tal-popolazzjoni tagħhom li għandha aċċess għal faċilitajiet sanitarji f'agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar u minn hemm 'il quddiem jaġġornaw dak is-sett ta' data kull sitt snin;

(f)

sal-31 ta' Diċembru 2030, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra bi tqassim bejn gassijiet differenti u dwar l-enerġija totali użata u l-enerġija rinnovabbli prodotta minn kull impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban ta' 10 000 e.p. u aktar kif ukoll kalkolu tal-perċentwal tal-ilħuq tal-miri mniżżla fl-Artikolu 11(2), il-perċentwal ta' enerġija mixtrija minn sorsi ta' fjuwils mhux fossili u, meta disponibbli akkumpanjat minn diżaggregazzjoni tat-tipi differenti ta' sors ta' enerġija minn fjuwils mhux fossili użat, fejn tintuża d-deroga msemmija fl-Artikolu 11(3), u minn hemm' il quddiem jaġġornaw dak is-sett ta' data kull sena;

(g)

sal-31 ta' Diċembru 2030, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih informazzjoni dwar il-miżuri meħuda f'konformità mal-punt 3 tal-Anness V u minn hemm 'il quddiem jaġġornaw dak is-sett ta' data kull sena;

(h)

sal-31 ta' Diċembru 2030, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih ir-riżultati tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 17(1) u (3) u minn hemm 'il quddiem jaġġornaw dak is-sett ta' data kull sena;

(i)

sal-31 ta' Diċembru 2030, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih il-lista ta' żoni identifikati bħala sensittivi għall-ewtrofikazzjoni u jaġġornaw dak is-sett ta' data f'konformità mal-Artikolu 7(2);

(j)

sal-31 ta' Diċembru 2030, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih il-lista ta' żoni identifikati bħala żoni fejn il-konċentrazzjoni jew l-akkumulazzjoni ta' mikrosustanzi niġġiesa tirrappreżenta riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem u jaġġornaw dak is-sett ta' data f'konformità mal-Artikolu 8(2);

(k)

fejn jużaw bijomedia, jistabbilixxu, sal-31 ta’ Diċembru 2030, sett ta' data li jkun fih it-tip ta' bijomedia użata u deskrizzjoni qasira tal-miżuri meħuda mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban bl-użu tal-bijomedia biex jiġi evitat it-tixrid fl-ambjent, u minn hemm' il quddiem jaġġornaw dak is-sett ta' data kull ħames snin;

(l)

sal-31 ta' Diċembru 2030, jistabbilixxu sett ta' data li jkun fih ir-riżultati tal-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 21(1), il-punt (c), bi tqabbil ma' kemm għandhom bżonn ilma u nutrijenti fix-xahar l-għelejjel fil-mira tal-frazzjoni tal-ilma mormi urban ittrattat u użat mill-ġdid imsemmi fl-Artikolu 15(1), u minn hemm 'il quddiem jaġġornaw dak is-sett ta' data kull sena.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni u l-EEA jkollhom aċċess għas-settijiet ta' data msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 166/2006 għandha titqies għar-rapportar meħtieġ skont dan l-Artikolu għal dawk is-sustanzi niġġiesa relatati mal-ilma mormi urban.

Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-EEA għandha tipprovdi lill-pubbliku b'aċċess għad-data rilevanti permezz tar-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006.

4.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f'konformità mal-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2) sal-31 ta' Diċembru 2028 għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (e), (f), (g), (h), (j), (k) u (l)

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tispeċifika l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi provduta f'konformità mal-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c), (d) u (i). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati bil-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

Artikolu 23

Programm ta' implimentazzjoni nazzjonali

1.   Sal-1 ta’ Jannar 2028, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programm ta' implimentazzjoni nazzjonali għal din id-Direttiva.

Dawk il-programmi għandhom jinkludu:

(a)

valutazzjoni tal-livell ta' implimentazzjoni tal-Artikoli 3 sa 8;

(b)

l-identifikazzjoni u l-ippjanar tal-investimenti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għal kull agglomerazzjoni, inkluż stima finanzjarja indikattiva u meta tkun disponibbli stima tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-organizzazzjonijiet b'kompetenza fil-qasam tar-responsabbiltà tal-produtturi stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 10, u prijoritizzazzjoni ta' dawk l-investimenti relatati mad-daqs tal-agglomerazzjoni u l-livell tal-impatt ambjentali tal-iskariki tal-ilma mormi urban mhux ittrattat u r-riskji relatati għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem;

(c)

stima tal-investimenti meħtieġa għat-tiġdid, l-aġġornament jew is-sostituzzjoni tal-infrastruttura eżistenti tal-ilma mormi urban, inkluż sistemi tal-ġbir, abbażi tar-rati ta' deprezzament, u l-kundizzjonijiet tekniċi u operazzjonali, bl-għan li tiġi evitata l-possibbiltà ta' tnixxija, infiltrazzjoni u influss konness ħażin fis-sistemi tal-ġbir, u bl-użu, fejn xieraq, ta' strumenti diġitali;

(d)

l-identifikazzjoni, jew għall-inqas indikazzjoni, ta' sorsi potenzjali ta' finanzjament pubbliku, meta meħtieġa biex jikkomplementaw it-tariffi tal-utent;

(e)

kwalunkwe informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 6(3) u 7(4) fejn applikabbli.

L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw il-finanzjament disponibbli tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jibbenefikaw b'mod ugwali minn ġbir u trattament effiċjenti tal-ilma mormi urban. L-Istati Membri jistgħu wkoll jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif jista' jittejjeb l-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni.

Meta, waqt l-implimentazzjoni tal-programm ta' implimentazzjoni nazzjonali tiegħu, Stat Membru jistabbilixxi li, minħabba n-neċessità li jiġi ppreservat il-wirt kulturali, mhuwiex possibbli li tiġi rispettata l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 3(2) jew l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 6(3) jew it-tnejn li huma f'oqsma speċifiċi, dak l-Istat Membru għandu jaġġorna l-programm ta' implimentazzjoni nazzjonali tiegħu. Dak l-aġġornament għandu jkun fih lista tal-agglomerazzjonijiet biż-żoni kkonċernati, ġustifikazzjoni dettaljata li turi li l-bini tal-infrastruttura meħtieġa huwaa partikolarment diffiċli minħabba n-neċessità li jiġi ppreservat il-wirt kulturali, u skeda ta' żmien aġġustata biex jiġu ffinalizzati l-infrastruttura meħtieġa f'dawk iż-żoni. L-estensjonijiet tal-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(3) għandhom ikunu skont iż-żona, u jinżammu qosra kemm jista' jkun, u ma għandhomx jaqbżu t-tmien snin. Il-programm ta' implimentazzjoni nazzjonali aġġornat għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta’ dak l-aġġornament.

2.   Sal-1 ta’ Jannar 2028, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-programmi nazzjonali ta' implimentazzjoni tagħhom, ħlief meta juru, abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 21, li huma konformi mal-Artikoli 3 sa 8.

3.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-programmi ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom mill-inqas kull sitt snin. Għandhom jippreżentawhom lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru tas-sena ta’ dak l-aġġornament, ħlief meta jkunu jistgħu juru li huma konformi mal-Artikoli 3 sa 8.

4.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex jistabbilixxu l-metodi u l-formati għall-preżentazzjoni tal-programmi ta' implimentazzjoni nazzjonali. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

Artikolu 24

Informazzjoni għall-pubbliku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal kull agglomerazzjoni ta' aktar minn 1 000 e.p. jew għal kull żona amministrattiva rilevanti l-pubbliku jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni online adegwata, faċilment aċċessibbli u aġġornata dwar il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban, b'mod faċli għall-utent u personalizzata. L-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas id-data elenkata fl-Anness VI.

Fuq talba ġustifikata, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi pprovduta wkoll b'mezzi oħra.

2.   Barra minn hekk, meta l-kostijiet jiġu rkuprati totalment jew parzjalment permezz ta' sistema ta' tariffi tal-ilma, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unitajiet domestiċi kollha f'agglomerazzjonijiet ta' aktar minn 10 000 e.p., u preferibbilment ta' aktar minn 1 000 e.p., konnessi ma' sistemi tal-ġbir jirċievu regolarment u mill-inqas darba f'sena, fl-aktar forma xierqa u faċilment aċċessibbli, pereżempju fuq l-irċevuta tagħhom, meta disponibbli, jew b'mezzi diġitali bħal applikazzjonijiet intelliġenti jew siti web, mingħajr ma jkollhom jitolbuha, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni dwar il-konformità tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban mal-Artikoli 3, 4, 6, 7 u 8, inkluż tqabbil bejn ir-rilaxxi attwali ta' sustanzi niġġiesa fl-ilmijiet riċeventi mal-valuri ta' limitu stipulati fil-Parti B u t-Tabelli 1, 2 u 3 tal-Anness I; dik l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b'mod li jippermetti tqabbil faċli, pereżempju fil-forma ta' perċentwal ta' konformità;

(b)

il-volum jew il-volum stmat tal-ilma mormi urban miġbur u ttrattat kull sena jew għal kull perjodu ta' fatturazzjoni għall-unità domestika jew għall-entità konnessa f'metri kubi, flimkien max-xejriet u l-prezz tal-ġbir u tat-trattament tal-ilma mormi urban għal dik l-unità domestika (kost għal kull litru u għal kull metru kubu);

(c)

tqabbil tal-volum annwali ta' ilma mormi urban miġbur u ttrattat għall-unità domestika kull sena u indikazzjoni tal-volum medju ta' unità domestika fl-agglomerazzjoni kkonċernata;

(d)

link għall-kontenut online imsemmi fil-paragrafu 1.

Meta l-informazzjoni dwar l-użu individwali ma tkunx disponibbli, l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) għandha tiġi pprovduta fil-livell tal-agglomerazzjoni b'mod faċli għall-utent permezz ta' sit web jew applikazzjoni intelliġenti.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 27 biex temenda l-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u l-Anness VI billi taġġorna l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-pubbliku online u lill-unitajiet domestiċi konnessi ma' sistemi tal-ġbir sabiex tadatta dawk ir-rekwiżiti għall-progress tekniku u d-disponibbiltà tad-data fil-qasam.

4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format u l-metodi tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f'konformità mal-paragrafi 1 u 2. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2).

Artikolu 25

Aċċess għall-ġustizzja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'konformità mas-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernati jkollhom aċċess għal proċedura ta' rieżami quddiem qorti tal-ġustizzja, jew quddiem korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi, biex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta' deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet soġġetti għall-Artikolu 6, 7 jew 8 meta tkun issodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikollhom interess suffiċjenti;

(b)

iżommu l-indeboliment ta' dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta' Stat Membru tirrikjedi dan bħala prekundizzjoni.

Il-proċedura ta' rieżami għandha tkun ġusta, ekwa, f'waqtha u mhux għalja b'mod projbittiv, u għandha tipprovdi għal mekkaniżmi ta' rimedju adegwati u effettivi, inkluż rimedju b'mandat ta' inibizzjoni fejn ikun xieraq.

2.   Il-proċedura ta' rieżami ma għandhiex tkun kundizzjonali fuq ir-rwol li kellu l-membru tal-pubbliku kkonċernat matul fażi parteċipattiva tal-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet skont din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw f'liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni prattika dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ta' rieżami msemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 26(1)

Kumpens

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn ikun seħħ dannu għas-saħħa tal-bniedem bħala riżultat ta' ksur tal-miżuri nazzjonali li kienu adottati skont din id-Direttiva, l-individwi affettwati jkollhom id-dritt li jitolbu u jiksbu kumpens għal dak id-dannu mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi rilevanti f'konformità mar-regoli nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, bħala parti mill-pubbliku kkonċernat, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem u li jissodisfaw kwalunkwe rekwiżit skont il-liġi nazzjonali jitħallew jirrappreżentaw lill-individwi affettwati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pretensjoni għal ksur li jwassal għal dannu ma tkunx tista' tintalab darbtejn mill-individwi affettwati u mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi msemmija f'dan il-paragrafu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli u l-proċeduri nazzjonali relatati mat-talbiet għal kumpens jitfasslu u jiġu applikati b'tali mod li ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens għal dannu kkawżat minn ksur skont il-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-perjodi ta' preskrizzjoni biex jitressqu azzjonijiet għal kumpens imsemmija fil-paragrafu 1. Tali perjodi ma għandhomx jibdew jiddekorru qabel ma jkun intemm il-ksur u l-persuna li titlob il-kumpens tkun taf jew tista' raġonevolment tkun mistennija li taf li tkun ġarrbet dannu minn ksur skont il-paragrafu 1.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli għall-pubbliku informazzjoni dwar id-dritt tagħhom li jitolbu kumpens għad-danni.

Artikolu 27

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(7), 8(4), l-Artikolu 14(4), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 24(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2025. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' tul ta' żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 7(7), l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 14(4), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 24(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti magħżula minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 7(7), l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 144), l-Artikolu 20(2) jew l-Artikolu 24(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 28

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat għall-adattament għal progress xjentifiku u tekniku u l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar it-trattament tal-ilma mormi urban stabbilit bid-Direttiva 91/271/KEE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 29

Pieni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pieni stabbiliti skont dan l-Artikolu jqisu kif xieraq dan li ġej, kif applikabbli:

(a)

in-natura, il-gravità, u l-firxa tal-ksur;

(b)

fejn ikun il-każ, il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(c)

il-popolazzjoni jew l-ambjent affettwati mill-ksur, filwaqt li jitqies l-impatt tal-ksur fuq l-objettiv li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem;

(d)

in-natura ripetittiva jew unika tal-ksur;

(e)

is-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli.

3.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli u bil-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 30

Evalwazzjoni

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2033 u sal-31 ta' Diċembru 2040, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta' din id-Direttiva abbażi b'mod partikolari tal-elementi li ġejjin:

(a)

l-esperjenza miksuba permezz tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

(b)

is-settijiet ta' data msemmija fl-Artikolu 22(1);

(c)

data xjentifika, analitika u epidemjoloġika rilevanti, inkluż ir-riżultati minn proġetti ta' riċerka ffinanzjati mill-Unjoni;

(d)

ir-rakkomandazzjonijiet tad-WHO, meta jkunu disponibbli.

Dik l-evalwazzjoni għandha, bħala minimu, tinkludi analiżi ta':

(a)

l-adegwatezza tal-parametri tas-saħħa pubblika msemmija fl-Artikolu 17(1) li għandhom jiġu mmonitorjati mill-Istati Membri;

(b)

il-valur miżjud tal-monitoraġġ obbligatorju ta' parametri speċifiċi tas-saħħa pubblika;

(c)

il-possibbiltà li l-lista ta' prodotti li għandhom jiġu koperti mir-responsabbiltà estiża tal-produttur ikollha bżonn tiġi adattata għall-evoluzzjoni tal-firxa ta' prodotti introdotti fis-suq, għarfien imtejjeb dwar il-preżenza ta' mikrosustanzi niġġiesa fl-ilma mormi urban, l-impatti tagħhom fuq l-ambjent u is-saħħa pubblika, id-data li tirriżulta mill-obbligi l-ġodda ta' monitoraġġ fuq il-mikrosustanzi niġġiesa fid-dħul u fl-iżbokki tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u analiżi tal-ħtieġa li tiġi riveduta l-kundizzjoni għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà estiża tal-produttur imsemmija fl-Artikolu 9(2), il-punt (a);

(d)

il-valur miżjud u l-adegwatezza li jkunu mitluba pjanijiet nazzjonali obbligatorji għall-użu mill-ġdid tal-ilma, inkluż miri u miżuri nazzjonali, li jqisu l-evoluzzjoni tal-politiki u l-liġi tal-Unjoni relatati mal-ġestjoni tal-ilma;

(e)

l-objettiv tan-newtralità enerġetika sabiex jiġu analizzati l-fattibbiltà teknika u ekonomika u l-benefiċċji ambjentali u klimatiċi tal-kisba ta’ livell ogħla ta’ awtonomija enerġetika għas-settur;

(f)

il-possibbiltajiet biex jitkejlu l-emissjonijiet diretti u indiretti ta' gassijiet b’effett ta’ serra emessi mis-settur tal-ilma mormi urban, inkluż emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 21(1), il-punt (d), u għall-istabbiliment ta' rekwiżiti għall-kejl reali b'rabta mal-monitoraġġ, filwaqt li jitqiesu l-aktar metodoloġiji reċenti għall-kejl tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra tas-settur tal-ilma mormi urban stabbiliti mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima;

(g)

l-impatti li jista' jkollhom fuq il-funzjonament tas-suq intern ir-rati ta' kontribuzzjoni potenzjalment differenti għall-produtturi stabbiliti mill-Istati Membri u li huma msemmija fl-Artikolu 9(1);

(h)

il-fattibbiltà u l-adegwatezza tal-iżvilupp ta' sistema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur għal prodotti li jiġġeneraw PFAS u mikroplastiċi f'ilma mormi urban b'mod partikolari abbażi tad-data ta' monitoraġġ prevista fl-Artikolu 21 dwar il-PFAS u l-mikroplastiċi fid-dħul u l-iżbokki tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban;

(i)

il-possibbiltà li s-settur tat-trattament tal-ilma mormi urban jilħaq in-newtralità klimatika, u ż-żmien meħtieġ biex jagħmel dan;

(j)

il-fattibbiltà u l-adegwatezza li jiġu stabbiliti rati minimi tal-Unjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għan-nitroġenu mill-ħama jew mill-ilma mormi urban, jew it-tnejn.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, akkumpanjat, fejn il-Kummissjoni tqis li dan huwa xieraq, minn proposti leġiżlattivi rilevanti.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja lill-Kummissjoni għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu.

Artikolu 31

Rieżami

Kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Abbażi ta' dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista' tibgħat twissijiet bikrija lill-Istati Membri li jkunu qed jonqsu jew f'riskju li jonqsu milli jilħqu l-objettivi u l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikoli 3, 5, 6, 7, 8 u 11.

Artikolu 32

Tħassir u dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Id-Direttiva 91/271/KEE, kif emendata bl-atti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII ta' din id-Direttiva, hija mħassra b'effett mill-1 ta’ Awwissu 2027 mingħajr ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stipulati fil-Parti B tal-Anness VII ta' din id-Direttiva.

2.   Fir-rigward tal-Mayotte, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw mill-31 ta' Diċembru 2030 u l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(3) ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw mill-31 ta’ Diċembru 2040.

L-Artikolu 3(1a), l-ewwel inċiż, u l-Artikolu 4(1a), l-ewwel inċiż, tad-Direttiva 91/271/KEE għandhom ikomplu japplikaw sat-30 ta' Diċembru 2030.

3.   Għall-iskariki tal-ilma mormi urban trattati minn impjanti għat-trattament tal-ilma mormi urban li jitrattaw tagħbija ta’ 150 000 e.p. u aktar, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271/KEE għandu jkompli japplika:

(a)

sal-31 ta’ Diċembru 2033 għall-impjanti għat-trattament tal-ilma mormi urban li mhumiex meħtieġa li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 2025;

(b)

sal-31 ta’ Diċembru 2036 għall-impjanti għat-trattament tal-ilma mormi urban li mhumiex meħtieġa li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2033;

(c)

sal-31 ta’ Diċembru 2039 għall-impjanti għat-trattament tal-ilma mormi urban li mhumiex meħtieġa li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2036.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu, għall-iskariki tal-ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar, għandu jkompli japplika l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271/KEE:

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2033 għall-agglomerazzjonijiet li mhumiex meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Jannar 2025;

(b)

sal-31 ta' Diċembru 2036 għall-agglomerazzjonijiet li mhumiex meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2033;

(c)

sal-31 ta' Diċembru 2039 għall-agglomerazzjonijiet li mhumiex meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2036;

(d)

sal-31 ta' Diċembru 2045 għall-agglomerazzjonijiet li mhumiex meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 7(3) ta’ din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 2039;

(e)

sal-31 ta' Diċembru 2053 għall-agglomerazzjonijiet li għalihom tapplika d-deroga msemmija fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-Direttiva.

4.   L-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/271/KEE għandu jkompli japplika sat-30 ta’ Diċembru 2037 għall-agglomerazzjonijiet ta’ bejn 2 000 e.p. u 10 000 e.p. li jiskarikaw fl-ilmijiet kostali u japplikaw trattament xieraq f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva SAL-1 TA’ Jannar 2025.

5.   L-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/271/KEE għandu jkompli japplika sat-30 ta’ Diċembru 2037 għall-agglomerazzjonijiet li jiskarikaw għal ġo żoni anqas sensittivi u li japplikaw trattament anqas strett f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva fl-1 ta’ Jannar 2025.

6.   L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 91/271/KEE għandu japplika għall-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2028.

7.   L-Artikolu 17 tad-Direttiva 91/271/KEE u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/431/UE (44) għandhom japplikaw għall-Istati Membri sal-1 ta’ Jannar 2028.

8.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VIII.

Artikolu 33

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikoli 2 sa 11 u 14 sa 26 u l-Annessi I, III, V u VI sal-31 ta’ Lulju 2027. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li tgħid li referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza u kif għandha titfassal dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 12 u 13 u l-Annessi 1, II u IV għandhom japplikaw mill-1 ta’ Awwissu 2027.

Artikolu 35

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU C 146, 27.4.2023, p. 35.

(2)   ĠU C, C/2023/250, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/250/oj.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2024.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta' Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).

(5)  Ara l-Parti A tal-Anness VII.

(6)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar il-Kwalità tal-Ilma għall-Għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37).

(9)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(10)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1).

(17)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942 (ĠU L, 2024/1787, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1787/oj).

(19)   ĠU L 186, 5.8.1995, p. 44.

(20)  Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ĠU L 177, 5.6.2020, p. 32).

(22)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/472 tas-17 ta’ Marzu 2021 dwar approċċ komuni biex tiġi stabbilita sorveljanza sistematika tas-SARS-CoV-2 u tal-varjanti tiegħu fl-ilmijiet mormija fl-UE (ĠU L 98, 19.3.2021, p. 3).

(23)  Il-linji Gwida tad-WHO dwar il-Miżuri Sanitarji u s-Saħħa, 2018.

(24)  Id-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1).

(25)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(26)  Id-Deċiżjoni(UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' April 2022 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22).

(27)  Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 1).

(28)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(29)   ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4.

(30)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(31)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(32)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(33)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(34)  Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26).

(35)  Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards ta' kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84).

(36)  Id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19).

(37)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(38)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(39)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(40)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali u l-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(41)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta' Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, u b'mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6).

(42)  Id-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2001 li tistabbilixxi l-lista ta' sustanzi prijoritarji fil-qasam tal-politika tal-ilma u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(43)  Id-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' April 2024 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali u li tissostitwixxi d-Direttivi 2008/99/EC u 2009/123/EC (OJ L, 2024/1203, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1203/oj.

(44)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta' Ġunju 2014 dwar formati għar-rappurtar dwar il-programmi nazzjonali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (ĠU L 197, 4.7.2014, p. 77).


ANNESS I

REKWIŻITI GĦALL-ILMA MORMI URBAN

Parti A

Sistemi tal-ġbir

Is-sistemi tal-ġbir għandhom jikkunsidraw ir-rekwiżiti tat-trattament tal-ilma mormi urban.

It-tfassil, il-bini u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-ġbir għandhom isiru skont l-aqwa għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi kostijiet eċċessivi, b'mod partikolari dwar:

il-volum u l-karatteristiċi tal-ilma mormi urban,

il-prevenzjoni ta' tnixxijiet ta' ilma mormi urban, infiltrazzjoni u influss konness ħażin fis-sistemi tal-ġbir,

il-limitazzjoni ta' tniġġis fl-ilmijiet riċeventi minħabba tifwir tal-ilma tal-maltemp, b'kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti rilevanti fl-Artikolu 5 u l-Anness V.

Parti B

Skariku minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għall-ilmijiet riċeventi

1.

L-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għandhom ikunu mfassla jew modifikati biex ikunu jistgħu jittieħdu kampjuni rappreżentattivi tal-ilma mormi li jkun dieħel u tal-effluwent ittrattat qabel l-iskariku fl-ilmijiet riċeventi.

2.

L-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti fit-Tabella 1 ta' dan l-Anness.

3.

L-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 7(1) jew minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) għandhom, minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-punt 2, jissodisfaw ir-rekwiżiti fit-Tabella 2 ta' dan l-Anness, minbarra fil-każijiet fejn jiġi applikat l-Artikolu 7(8).

4.

L-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 8(1) jew minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4) għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fit-Tabella 3 ta' dan l-Anness.

5.

Regolamenti minn qabel u awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jużaw il-bijomedia għandhom jinkludu:

deskrizzjoni tat-teknoloġiji li jinkorporaw il-bijomedia użata fit-trattament imwettaq mill-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban, inkluż it-tip u l-volum tal-bijomedia użata fl-impjant u deskrizzjoni tal-miżuri meħuda biex jiġu evitati rilaxxi tal-bijomedia fl-ambjent;

obbligu ta' monitoraġġ u prevenzjoni permanenti tar-rilaxxi kollha ta' bijomedia fl-ambjent;

obbligu li kwalunkwe rilaxx sinifikanti ta' bijomedia fl-ilmijiet riċeventi jiġi rrapportat mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti.

6.

Rekwiżiti li huma aktar stretti minn dawk stipulati fit-Tabelli 1, 2 u 3 għandhom jiġu applikati fejn neċessarju biex jiġi żgurat li l-ilmijiet riċeventi jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttivi 2000/60/KE, 2008/56/KE, 2008/105/KE u 2006/7/KE.

7.

Il-punti ta' skariku tal-ilma mormi urban għandhom jintgħażlu, kemm jista' jkun possibbli, sabiex jiġu minimizzati l-effetti dannużi fuq l-ilmijiet riċeventi.

Parti C

Metodi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-riżultati

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi applikat metodu ta' monitoraġġ li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punti 2 sa 5. Fejn ikun rilevanti, il-metodi ta' analiżi kollha għandhom jikkonformaw mal-istess kriterji minimi tal-prestazzjoni bħal dawk definiti fid-Direttiva 2009/90/KE u regoli rilevanti oħra.

Jistgħu jintużaw metodi alternattivi għal dawk imsemmija fil-punti 2, 3 u 4 dment li jista' jintwera li jinkisbu riżultati ekwivalenti.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-metodu ta' monitoraġġ applikat.

2.

Kampjuni proporzjonali għall-fluss jew dawk ibbażati fuq il-ħin ta' 24 siegħa għandhom jinġabru fl-istess post definit tajjeb fl-iżbokk u, jekk ikun meħtieġ, fid-daħla tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban. Madankollu, kwalunkwe kampjun ibbażat fuq il-ħin użat għall-monitoraġġ tal-mikrosustanzi niġġiesa għandu jkun kampjun ta' 48 siegħa.

Għandhom jiġu applikati prattiki internazzjonali tal-laboratorju tajbin bl-għan li tiġi minimizzata d-degradazzjoni tal-kampjuni bejn il-ġbir u l-analiżi.

3.

L-għadd minimu annwali ta' kampjuni għandu jiġi determinat skont id-daqs tal-impjant tat-trattament u jinġabar f'intervalli regolari matul is-sena:

1 000 sa 9 999  e.p.:

Kampjun fix-xahar (ara n-Nota 1)

10 000 sa 49 999  e.p.:

Żewġ kampjuni fix-xahar

Għall-mikrosustanzi niġġiesa, kampjun fix-xahar

50 000 sa 149 999  e.p.:

Kampjun fil-ġimgħa.

Għall-mikrosustanzi niġġiesa, żewġ kampjuni fix-xahar

150 000  e.p. jew aktar:

Żewġ kampjuni fil-ġimgħa

Għall-mikrosustanzi niġġiesa, żewġ kampjuni fix-xahar

Nota 1: Għal agglomerazzjonijiet ikkonċernati minn attività staġjonali, intervalli ta' massimu ta' xahrejn mingħajr teħid ta' kampjuni huma aċċettati dment li jittieħdu kampjuni addizzjonali matul ix-xhur tal-attività staġjonali. Matul is-sena kollha għandhom jittieħdu total ta' 12-il kampjun.

4.

L-ilma mormi urban ittrattat għandu jiġi preżunt li jikkonforma mal-parametri rilevanti jekk, għal kull parametru rilevanti meqjus individwalment, il-kampjuni tal-ilma juru li huwa konformi mal-valuri parametriċi rilevanti bil-mod kif ġej:

(a)

għall-parametri speċifikati fit-Tabelli 1 u 3, l-għadd massimu ta' kampjuni li huma permessi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti, espressi f'konċentrazzjonijiet jew tnaqqis perċentwali, jew it-tnejn, huwa speċifikat fit-Tabella 4;

(b)

għall-parametri speċifikati fit-Tabella 1 espressi f'konċentrazzjonijiet, il-kampjuni inaċċettabli meħuda taħt kundizzjonijiet normali ta' użu m'għandhomx jiddevjaw mill-valuri parametriċi b'aktar minn 100 %, ħlief għall-parametru tas-solidi sospiżi totali, li għalih jistgħu jkunu aċċettati d-devjazzjonijiet mill-valuri parametriċi sa 150 %;

(c)

għall-parametri speċifikati fit-Tabella 2, il-medja annwali tal-kampjuni għal kull parametru tikkonforma mal-valuri parametriċi rilevanti mniżżla f'dik it-tabella; il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal minimu tat-tnaqqis japplikaw;

(d)

għall-parametri speċifikati fit-Tabella 3, il-frekwenza tat-teħid ta' kampjuni msemmija fil-Parti C, il-punt 3, tfisser li jittieħed kampjun fid-dħul u kampjun jittieħed fl-iżbokk tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban sabiex tiġi verifikata l-konformità mal-perċentwal minimu ta' tneħħija tat-Tabella 3; il-perċentwal medju ta' tneħħija tas-sustanzi kollha użati fil-kalkolu jintuża sabiex jiġi vvalutat jekk intlaħaqx il-perċentwal minimu ta' 80 % meħtieġ.

5.

Il-kampjuni għandhom jittieħdu biex jirriflettu t-tniġġis waqt il-fluss f'temp xott. Valuri estremi għall-kwalità tal-ilma inkwistjoni m'għandhomx jitqiesu meta dawn ikunu r-riżultat ta' sitwazzjonijiet mhux tas-soltu minħabba xita qawwija.

6.

L-analiżi li jikkonċernaw skariki mil-lagunar għandhom isiru fuq kampjuni ffiltrati; madankollu, il-konċentrazzjoni tas-solidi sospiżi totali f'kampjuni ta' ilma mhux iffiltrat ma għandhiex taqbeż 150 mg/l.

Tabella 1: Rekwiżiti għal skariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban soġġett għall-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal ta' tnaqqis għandhom japplikaw.

Parametri

Konċentrazzjoni

Perċentwal minimu ta' tnaqqis (ara n-Nota 4)

Metodu ta' kejl ta' referenza

Domanda bijokimika ta' ossiġnu (BOD5 f'temperatura ta' 20 oC) mingħajr nitrifikazzjoni (ara n-Nota 1)

25 mg/L O2

70-90

40 skont l-Artikolu 6(4)

Kampjun omoġeneizzat, mhux iffiltrat u mhux imsawwab. Determinazzjoni ta' ossiġnu maħlul qabel u wara inkubazzjoni ta' ħamest ijiem f'temperatura ta' 20 oC ± 1 oC, fi dlam totali. Żieda ta' inibitur ta' nitrifikazzjoni.

Domanda kimika ta' ossiġnu (COD) (ara n-Nota 2)

125 mg/L O2

75

Kampjun omoġeneizzat, mhux iffiltrat u mhux imsawwab Dikromat tal-potassju

Karbonju Organiku Totali (ara n-Nota 2)

37 mg/L

75

EN 1484

Solidi sospiżi totali

35 mg/L (ara n-Nota 3)

90 (ara n-Nota 3)

Iffiltrar ta' kampjun rappreżentattiv minn ġo filtru ta' membrana ta' 0,45  μm. Tnixxif f'temperatura ta' 105 oC u użin

Ċentrifugar ta' kampjun rappreżentattiv (għal tal-anqas ħames minuti b'aċċellerazzjoni medja ta' bejn 2 800 u 3 200  g), tnixxif f'temperatura ta' 105 oC u użin

Nota 1: Il-parametru jista' jinbidel b'ieħor: il-kontenut totali ta' karbonju organiku (TOC) jew id-domanda totali għall-ossiġnu (TOD) jekk tista' tiġi stabbilita relazzjoni bejn BOD5 u l-parametru sostitut.

Nota 2: L-Istati Membri għandhom ikejlu jew id-Domanda kimika ta' ossiġenu (COD) jew il-Kontenut totali ta' Karbonju Organiku.

Nota 3: Dan il-kriterju huwa diskrezzjonali.

Nota 4: Tnaqqis relatat mat-tagħbija tal-influwent.

Tabella 2: Rekwiżiti għat-trattament terzjarju tal-iskariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 7(1) jew minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3). Għall-iskariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 7(1), għandhom japplikaw iż-żewġ parametri. Għall-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3), jista' jiġi applikat parametru wieħed jew iż-żewġ parametri, skont is-sitwazzjoni lokali. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal ta' tnaqqis għandhom japplikaw.

Parametri

Konċentrazzjoni

Perċentwal ta' tnaqqis minimu

(ara n-Noti 1 u 2)

Metodu ta' kejl ta' referenza

Fosforu totali (ara n-Nota 4)

0,7  mg/l (10 000 e.p. u aktar iżda anqas minn 150 000  e.p.)

0,5  mg/l (150 000  e.p. u aktar)

87,5 (10 000 e.p. u aktar iżda anqas minn 150 000  e.p.)

90 (150 000  e.p. u aktar)

Spettrofotometrija ta' assorbiment molekolari

Nitroġenu totali (ara n-Nota 4)

10 mg/l (10 000 e.p. u ktar iżda anqas minn 150 000  e.p.)

8 mg/l (150 000  e.p. u aktar)

(ara n-Nota 5)

80

(ara n-Nota 3)

Spettrofotometrija ta' assorbiment molekolari

Nota 1: Tnaqqis relatat mat-tagħbija tal-influwent jew mat-tagħbija ġġenerata f'agglomerazzjoni jekk jista' jiġi żgurat l-istess livell ta' protezzjoni ambjentali.

Nota 2: Jekk frazzjoni tal-ilma mormi urban ittrattat tintuża għat-tisqija agrikola, in-nutrijenti f'dik il-frazzjoni jistgħu jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tagħbija tal-influwent u jiġu esklużi mit-tagħbija skarikata.

Nota 3: F'sitwazzjonijiet eċċezzjonali minħabba ċirkostanzi lokali speċifiċi, ir-retenzjoni tan-nitroġenu naturali tista' titqies fil-kalkolu tal-perċentwal minimu tat-tnaqqis fl-Istati Membri fejn ir-retenzjoni tan-nitroġenu naturali ġiet meqjusa fil-kalkolu tal-perċentwal minimu tat-tnaqqis tan-nitroġenu msemmi fit-Tabella 2 tal-Anness I tad-Direttiva 91/271/KEE u fejn jintwera li parti min-nitroġenu li oriġina minn ilma mormi urban jista' jiġi eliminat fl-ilmijiet riċeventi sal-31 ta’ Diċembru 2037 għall-kalkolu tal-perċentwal minimu tat-tnaqqis tan-nitroġenu msemmi fit-Tabella 2 ta’ dan l-Anness jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(1)

iż-żmien medju ta' retenzjoni idrawlika tal-effluwent skarikat ikun ta' mill-inqas sena u nofs qabel ma jilħaq iż-żona sensittiva għan-nitroġenu deżinjata skont l-Artikolu 7(2);

(2)

jiġi żgurat programm kontinwu ta' monitoraġġ u valutazzjoni tal-parametru tan-nitroġenu totali:

(a)

fl-iżbokki tal-impjanti kollha tat-trattament tal-ilma mormi urban u fejn rilevanti fl-ilma tax-xeba' urban minn agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar li jinsabu fil-baċin idrografiku taż-żona deżinjata bħala sensittiva għan-nitroġenu skont l-Artikolu 7(2);

(b)

fid-dħul rilevanti taż-żona deżinjata skont l-Artikolu 7(2);

(c)

fil-postijiet tat-teħid tal-kampjuni rappreżentattivi fl-ilmijiet riċeventi u fil-korpi tal-ilma rilevanti fil-baċin idrografiku taż-żona deżinjati skont l-Artikolu 7(2);

(3)

il-perċentwal minimu tat-tnaqqis għan-nitroġenu tat-Tabella 2 jiġi ssodisfat; dak il-perċentwal għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-data miġbura mill-programm kontinwu ta' monitoraġġ u valutazzjoni msemmi fil-punt (2);

(4)

jista' jintwera li r-rilaxxi tan-nitroġenu mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban fil-baċin idrografiku ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, inkluż għall-bijodiversità, u lis-saħħa tal-bniedem u ma jimmodifikawx l-ekosistema;

(5)

il-konċentrazzjoni tan-nutrijenti fiż-żoni msemmija fil-punt (c) tal-kundizzjoni (2) ikunu konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Anness V.1.2.1 tad-Direttiva 2000/60/KE biex jiġi definit stat ekoloġiku tajjeb ta' dawk iż-żoni;

(6)

l-użu tar-retenzjoni tan-nitroġenu naturali jiġi rrapportat lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 22(1)(a), kif ukoll lil Stati Membri ġirien potenzjalment affettwati, flimkien mal-elementi kollha meħtieġa biex jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet (1), (2), (3), (4) u (5) huma ssodisfati.

Nota 4: Dan ir-rekwiżit għandu japplika fl-1 ta’ Jannar 2025 għall-impjanti eżistenti tat-trattament tal-ilma mormi urban obbligati jilħqu l-iskadenzi stabbiliti skont l-Artikolu 7(1) u għall-agglomerazzjonijiet skont l-Artikolu 7(3). Sakemm jintlaħqu dawk l-iskadenzi, għal dawk l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban għandhom japplikaw l-obbligi tal-Artikolu 32(3).

Nota 5: Meta t-temperatura fl-effluwent tar-reattur bijoloġiku tkun inqas minn 12 oC, ir-riżultati tal-kampjuni meħuda jistgħu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-medja annwali għan-nitroġenu kif imsemmi fil-punt (4)(c) tal-Parti C ta' dan l-Anness meta jkun jista' jintwera dan kollu li ġej:

(1)

ikun żgurat li ma hemm ebda effett negattiv fuq l-ambjent;

(2)

ikunu meħtieġa kostijiet eċċessivi jew konsum eċċessiv ta' enerġija biex jintlaħqu l-valuri għan-nitroġenu fit-Tabella 2.

Meta t-temperatura fl-effluwent tar-reattur bijoloġiku tkun inqas minn 5 oC ir-riżultati tal-kampjuni meħuda jistgħu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-medja annwali għan-nitroġenu kif imsemmi fil-punt (4)(c) tal-Parti C ta' dan l-Anness.

Tabella 3: Rekwiżiti għat-trattament kwaternarju ta' skariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 8(1) u/jew minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban li jservu l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4).

Indikaturi

Perċentwal minimu tat-tneħħija b'rabta mat-tagħbija tal-influwent

Sustanzi li jistgħu jniġġsu l-ilma anke f'konċentrazzjonijiet baxxi (ara n-Nota 1)

80 % (ara n-Nota 2)

Nota 1: Il-konċentrazzjoni tas-sustanzi organiċi msemmija fil-punti (a) u (b) għandha titkejjel.

(a)

Kategorija 1 (sustanzi li jistgħu jiġu ttrattati faċilment ħafna):

(i)

Amisulpridu (Nru CAS 71675-85-9),

(ii)

Karbamażepina (Nru CAS 298-46-4),

(iii)

Ċitalopram (Nru CAS 59729-33-8),

(iv)

Klaritromiċina (Nru CAS 81103-11-9),

(v)

Diklofenak (Nru CAS 15307-86-5),

(vi)

Idroklorotijażid (Nru CAS 58-93-5),

(vii)

Metoprolol (Nru CAS 37350-58-6),

(viii)

Venlafaksina (Nru CAS 93413-69-5);

(b)

Kategorija 2 (sustanzi li jistgħu jintremew faċilment):

(i)

Benżotriażol (Nru CAS 95-14-7),

(ii)

Kandesartan (Nru CAS 139481-59-7),

(iii)

Irbesartan (Nru CAS 138402-11-6),

(iv)

taħlita ta' 4-Metilbenżotriażol (Nru CAS 29878–31–7) u 5-metilbenżotriażol (Nru CAS 136-85-6).

Nota 2: Il-perċentwal tat-tneħħija għandu jiġi kkalkulat fuq fluss f'temp xott għal mill-inqas sitt sustanzi. L-għadd ta' sustanzi fil-kategorija 1 għandu jkun id-doppju tan-numru ta' sustanzi fil-kategorija 2. Jekk inqas minn sitt sustanzi jistgħu jitkejlu f'konċentrazzjoni suffiċjenti, l-awtorità kompetenti għandha tagħżel sustanzi oħra biex jitkejjel il-perċentwal minimu ta' tneħħija meta jkun meħtieġ. Il-medja tal-perċentwali speċifiċi tat-tneħħija tas-sustanzi uniċi kollha użati fil-kalkolu għandha tintuża biex jiġi vvalutat jekk intlaħaqx il-perċentwal minimu meħtieġ tat-tneħħija ta' 80 %.

Tabella 4: Rekwiżit għall-kampjuni

Serje ta' kampjuni meħuda fi kwalunkwe sena

L-għadd massimu permess ta' kampjuni li jonqsu milli jikkonformaw

4-7

1

8-16

2

17-28

3

29-40

4

41-53

5

54-67

6

68-81

7

82-95

8

96-110

9

111-125

10

126-140

11

141-155

12

156-171

13

172-187

14

188-203

15

204-219

16

220-235

17

236-251

18

252-268

19

269-284

20

285-300

21

301-317

22

318-334

23

335-350

24

351-365

25


ANNESS II

ŻONI SENSITTIVI GĦALL-EWTROFIKAZZJONI

1.   

Żoni li jinsabu fil-baċini idrografiċi tal-Baħar Baltiku, il-Baħar l-Iswed, il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Adrijatiku identifikati bħala sensittivi għall-ewtrofikazzjoni skont id-Direttiva 2008/56/KE jew 2000/60/KE;

2.   

Għadajjar naturali b'ilma ħelu, masses oħra ta' ilma ħelu, ilmijiet estwarji u kostali li jinsabu li huma ewtrofiċi jew li fil-futur qrib jistgħu jsiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed ebda azzjoni protettiva.

Fil-kunsiderazzjoni ta' liema nutrijent għandu jitnaqqas permezz ta' trattament ulterjuri għandhom jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a)

għadajjar u nixxigħat li jilħqu għadajjar/ġibjuni/bajjiet magħluqa li jkollhom skambju fqir ta' ilma, fejn jista' jkun hemm akkumulazzjoni. F'dawk iż-żoni, it-tneħħija tal-fosforu għandha tiġi inkluża sakemm ma jistax jintwera li t-tneħħija ma jkollha ebda effett fuq il-livell ta' ewtrofikazzjoni. Fejn isiru skariki minn agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tan-nitroġenu tista' tkun ikkunsidrata wkoll;

(b)

estwarji, bajjiet u ilmijiet kostali oħra li jkollhom skambju fqir ta' ilma, jew li jirċievu kwantitajiet kbar ta' nutrijenti. Skariki minn agglomerazzjonijiet żgħar f'dawk iż-żoni normalment ikunu ta' importanza minima, iżda għal agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tal-fosforu jew tan-nitroġenu, jew it-tnejn, għandha tkun inkluża ħlief jekk jista' jintwera li t-tneħħija ma jkollha ebda effett fuq il-livell ta' ewtrofikazzjoni.

3.   

Ilma ħelu tal-wiċċ maħsub għall-estrazzjoni tal-ilma tajjeb għax-xorb li jrid jkun fih aktar mill-konċentrazzjoni ta' nitrat stipulata skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2020/2184 jekk ma tittieħed ebda azzjoni protettiva.

4.   

Żoni fejn trattament ulterjuri minn dak preskritt fl-Artikolu 7 ta' din id-Direttiva jkun meħtieġ biex ikun hemm konformità ma' atti oħra tal-Unjoni fil-qasam ambjentali, inkluż b'mod partikolari korpi tal-ilma koperti mid-Direttiva 2000/60/KE li huma f'riskju li ma jżommux jew li ma jiksbux stat jew potenzjal ekoloġiku tajjeb.

5.   

Kwalunkwe żona oħra misjuba mill-Istati Membri li hija sensittiva għall-ewtrofikazzjoni.


ANNESS III

LISTA TA' PRODOTTI KOPERTI MINN RESPONSABBILTÀ ESTIŻA TAL-PRODUTTUR

1.   

Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

2.   

Prodotti kożmetiċi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).


(1)  Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).


ANNESS IV

SETTURI INDUSTRIJALI

1.   

Ipproċessar tal-ħalib

2.   

Manifattura ta' prodotti tal-frott u l-ħaxix

3.   

Manifattura u bbottiljar ta' luminati

4.   

Ipproċessar tal-patata

5.   

L-industrija tal-laħam

6.   

Birreriji

7.   

Produzzjoni ta' alkoħol u xorb alkoħoliku

8.   

Manifattura ta' għalf tal-annimali minn prodotti mill-pjanti

9.   

Manifattura tal-ġelatina u ta' kolla minn ġild u għadam

10.   

Bini li jintuża fil-produzzjoni tal-birra mix-xgħir

11.   

L-industrija tal-ipproċessar tal-ħut


ANNESS V

KONTENUT TAL-PJANIJIET INTEGRATI TA' MMANIĠĠJAR TAL-BAĊINI TAX-XMAJJAR

1.   

Analiżi tas-sitwazzjoni inizjali taż-żona ta' skular tal-agglomerazzjoni kkonċernata, inkluż mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tan-network tas-sistemi tal-ġbir, tal-kapaċitajiet tal-ħżin u tal-konduzzjoni tal-ilma mormi urban u tal-ilma tax-xeba' urban ta' dak in-network u l-kapaċitajiet eżistenti tat-trattament tal-ilma mormi urban f'każ ta' xita;

(b)

għal kanali tad-drenaġġ ikkombinati, analiżi dinamika tal-flussi tal-ilma mormi urban fil-każ ta' xita, ibbażata fuq data tal-monitoraġġ jew l-użu ta' mudelli idroloġiċi, idrawliċi u tal-kwalità tal-ilma li jqisu l-aktar projezzjonijiet klimatiċi avvanzati u li jinkludu stima tat-tagħbijiet tat-tniġġis tal-parametri msemmija fit-Tabella 1 u, fejn ikun rilevanti, fit-Tabella 2 tal-Anness I kif ukoll tal-mikroplastiċi u tas-sustanzi niġġiesa rilevanti rilaxxati fl-ilmijiet riċeventi f'każ ta' xita;

(c)

għal kanali tad-drenaġġ separati, deskrizzjoni dettaljata tar-rekwiżiti ta' monitoraġġ f'punti rilevanti tas-sistemi separati fejn l-iskariki tal-ilma tax-xaba' urban mistennija jkunu mniġġsa kif identifikat skont l-Artikolu 5(2), il-punt (d), biex jiġu identifikati l-miżuri rilevanti u fattibbli kif meħtieġ fil-punt 3 ta' dan l-Anness.

2.   

Objettivi għat-tnaqqis tat-tniġġis mit-tifwir tal-ilma tal-maltemp, inkluż dawn li ġejjin:

(a)

objettiv indikattiv mhux vinkolanti li t-tifwir tal-ilma tal-maltemp jirrappreżenta perċentwal żgħir li ma jistax ikun aktar minn 2 % tat-tagħbija annwali miġbura tal-ilma mormi urban ikkalkulata f'kundizzjonijiet ta' temp xott; dan l-objettiv indikattiv mhux vinkolanti għandu jintlaħaq billi:

(i)

sal-31 ta' Diċembru 2039 għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 100 000 e.p. u aktar;

(ii)

sal-31 ta' Diċembru 2045 għall-agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar imsemmija fl-Artikolu 5;

(b)

it-tnaqqis progressiv tal-makroplastiċi.

3.   

Il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-punt 2 f'konformità mal-iskadenzi mniżżla f’dak il-punt akkumpanjati minn skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri u distinzjoni bejn il-miżuri diġà fis-seħħ u dawk li għandhom jittieħdu. Għandu jkun fih ukoll identifikazzjoni ċara tal-atturi involuti u r-responsabbiltajiet tagħhom fl-implimentazzjoni tal-pjan integrat tal-ġestjoni tal-ilma mormi urban.

4.   

Meta jkunu qed jivvalutaw liema miżuri għandhom jittieħdu skont il-punt 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom iqisu mill-inqas dan li ġej:

(a)

miżuri preventivi li għandhom l-għan li jevitaw id-dħul ta' ilma tax-xita mhux imniġġes fis-sistemi tal-ġbir, inkluż miżuri li jippromwovu ż-żamma tal-ilma naturali jew il-ġbir tal-ilma tax-xita, u miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-ispazji ħodor u blu f'żoni urbani sabiex jitnaqqas it-tifwir tal-ilma tal-maltemp jew jiġu limitati l-uċuħ impermeabbli fl-agglomerazzjonijiet;

(b)

miżuri biex jiġi ġestit u ottimizzat aħjar l-użu tal-infrastruttura eżistenti inkluż is-sistemi tal-ġbir, il-volumi tal-ħżin u l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban bl-għan li jiġi żgurat li jiġu minimizzati r-rilaxxi ta' ilma mormi urban mhux ittrattat jew ta' ilma tax-xeba' urban imniġġes fl-ilmijiet riċeventi;

(c)

fejn meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi msemmija fil-punt 2, miżuri ta' mitigazzjoni addizzjonali inkluż l-adattament tal-infrastruttura għall-ġbir, il-ħżin u t-trattament tal-ilma mormi urban, bħall-konnessjoni ta' żoni urbani mibnija ġodda ma' kanali tad-drenaġġ separati, fejn rilevanti, jew il-ħolqien ta' infrastruttura ġdida bi prijorità mogħtija lil infrastruttura ħadra u blu bħal fosos veġetati, artijiet mistagħdra għat-trattament u għadajjar għall-ħżin imfassla biex jappoġġjaw il-bijodiversità. Fejn rilevanti, l-użu mill-ġdid tal-ilma għandu jitqies fil-kuntest tal-iżvilupp tal-pjanijiet integrati għall-immaniġġjar tal-ilma mormi urban imsemmija fl-Artikolu 5.


ANNESS VI

INFORMAZZJONI GĦALL-PUBBLIKU

(1)   

l-awtorità kompetenti u l-operatur(i) responsabbli għas-servizzi tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban, inkluż informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda tal-operaturi u l-informazzjoni ta' kuntatt tagħhom;

(2)   

it-tagħbija totali tal-ilma mormi urban espressa f'ekwivalenti tal-popolazzjoni (e.p.) iġġenerata fl-agglomerazzjoni, b'dettalji dwar is-sehem ta' dik it-tagħbija (f'%) jiġifieri:

(a)

miġbur u ttrattat f'impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban;

(b)

ittrattat minn sistemi individwali rreġistrati;

(c)

mhux miġbur jew mhux ittrattat;

(3)   

fejn rilevanti, ġustifikazzjoni għaliex ċerta tagħbija ta' ilma mormi urban ma tinġabarx jew ma tiġix ittrattata;

(4)   

informazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma mormi urban skarikat mill-agglomerazzjoni għal kull korp tal-ilma riċeventi, inkluż l-elementi li ġejjin:

(a)

konċentrazzjonijiet medji annwali u t-tagħbija ta' sustanzi niġġiesa koperti mill-Artikolu 21, rilaxxati minn kull impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban;

(b)

stima tat-tagħbija tal-iskariki minn sistemi individwali għall-parametri msemmija fit-Tabelli 1 u 2 tal-Anness I;

(c)

għall-agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. u aktar, stima tat-tagħbija tal-iskariki minn taħlita ta' drenaġġ u tifwir tal-ilma tal-maltemp għall-parametri msemmija fit-Tabelli 1 u 2 tal-Anness I;

(5)   

il-kostijiet annwali totali tal-investiment u l-kostijiet annwali totali operazzjonali, b'distinzjoni bejn il-kostijiet tal-ġbir u tat-trattament, il-kostijiet annwali totali relatati mal-persunal, l-enerġija, l-oġġetti għall-konsum, l-amministrazzjoni u kostijiet oħra kif ukoll il-kostijiet annwali medji operazzjonali u tal-investiment għal kull metru kubu ta' ilma mormi urban miġbur u ttrattat, u għal kull unità domestika medja fejn il-kostijiet jiġu rkuprati kompletament jew parzjalment permezz ta' sistema ta' tariffi tal-ilma jew, f'każijiet oħra, għal kull livell ta' agglomerazzjoni;

(6)   

informazzjoni dwar kif il-kostijiet imsemmija fil-punt (5) huma koperti u, fejn il-kostijiet jiġu rkuprati permezz ta' sistema ta' tariffi, informazzjoni dwar l-istruttura tat-tariffa għal kull metru kubu ta' ilma mormi urban miġbur u ttrattat dwar l-istruttura tat-tariffa jew għal kull metru kubu ta' ilma mormi urban miġbur u ttrattat jew għal kull metru kubu ta' ilma fornut, inkluż il-kostijiet fissi u varjabbli u diżaggregazzjoni bejn il-kostijiet għall-ġbir, it-trattament, l-amministrazzjoni u kostijiet oħra;

(7)   

il-pjanijiet ta' investiment għall-infrastruttura tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban fil-livell tal-agglomerazzjoni, b'impatti mistennija fuq it-tariffi tas-servizz tal-ilma mormi urban, u l-benefiċċji finanzjarji u tas-soċjetali maħsuba;

(8)   

għal kull impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban ta' 10 000 e.p. u aktar:

(a)

it-tagħbija totali (f'e.p.) ittrattata u l-enerġija meħtieġa biex jiġi ttrattat l-ilma mormi urban (f'kWh totali u għal kull metru kubu);

(b)

l-enerġija rinnovabbli totali prodotta (GWh/sena) kull sena, inkluż diżaggregazzjoni skont is-sors tal-enerġija;

(9)   

l-emissjonijiet totali diretti ta' gassijiet b’effett ta’ serra (f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' CO2) prodotti jew evitati kull sena bit-tħaddim ta' infrastruttura tal-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi urban ta' 10 000 e.p. u aktar f'kull agglomerazzjoni u, meta disponibbli, l-emissjonijiet totali indiretti ta' gassijiet b’effett ta’ serra (f'tunnellati ta' ekwivalenti ta' CO2) prodotti b'mod partikolari matul il-kostruzzjoni ta' dik l-infrastruttura;

(10)   

sommarju tan-natura u tal-istatistika dwar l-ilmenti u tat-tweġibiet mogħtija mill-operaturi tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva;

(11)   

fuq talba ġustifikata, il-konsumaturi għandhom jingħataw aċċess għal data storika għal informazzjoni skont il-punti (2), (4), (8) u (9), li tmur lura sa għaxar snin, u mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2025.


ANNESS VII

Parti A

Direttiva mħassra b'lista tal-emendi suċċessivi tagħha (imsemmija fl-Artikolu 32)

Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40)

 

Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE (ĠU L 67, 7.3.1998, p. 29)

 

Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)

Anness III, il-punt 21 biss

Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 21.11.2008, p. 1)

Anness, il-punt 4.2 biss

Direttiva tal-Kunsill 2013/64/UE (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 8)

Artikolu 1 biss

Parti B

Limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali (imsemmija fl-Artikolu 32)

Direttiva

Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

91/271/KEE

30 ta' Ġunju 1993

98/15/KE

30 ta' Settembru 1998

2013/64/UE

31 ta' Diċembru 2018 fir-rigward tal-Artikolu 1(1), (2) u (3) 30 ta' Ġunju 2014 fir-rigward tal-Artikolu 1(5), punt (a) 31 ta' Diċembru 2014 fir-rigward tal-Artikolu 1(5), punt (b)


ANNESS VIII

Tabella ta' korrelazzjoni

Direttiva 91/271/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2, formulazzjoni introduttorja

Artikolu 2, formulazzjoni introduttorja

Artikolu 2, il-punti 1 sa 4

Artikolu 2, il-punti 1 sa 4

Artikolu 2, il-punti 5 u 6

Artikolu 2, il-punt 5

Artikolu 2, il-punt 7

Artikolu 2, il-punti 8 u 9

Artikolu 2, il-punt 6

Artikolu 2, il-punt 10

Artikolu 2, il-punt 7

Artikolu 2, il-punt 11

Artikolu 2, il-punt 8

Artikolu 2, il-punt 12

Artikolu 2, il-punti 13 u 14

Artikolu 2, il-punt 10

Artikolu 2, il-punt 15

Artikolu 2, il-punt 11

Artikolu 2, il-punt 16

Artikolu 2, il-punti 17 sa 28

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2) u (3)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(6)

Artikolu 5

Artikolu 4(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 4(2)

Artikolu 6(4)

Artikolu 4(4)

Artikolu 6(5)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 5(2)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(4)

–Artikolu 5(3)

Artikolu 7(5)

Artikolu 7(6) u (7)

Artikolu 5(4)

Artikolu 7(8)

Artikolu 5(5)

Artikolu 7(9)

Artikolu 5(7)

Artikolu 7(10)

Artikolu 7(11)

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 9

Artikolu 12(1) u (2)

Artikolu 12(3)

Artikolu 10

Artikolu 13

Artikolu 11(1)

Artikolu 14(1)

Artikolu 14(2)

Artikolu 14(3)

Artikolu 14(4)

Artikolu 11(3)

Artikolu 14(5)

Artikolu 12(1)

Artikolu 15(1)

Artikolu 12(2)

Artikolu 15(2)

Artikolu 12(3)

Artikolu 15(3)

Artikolu 15(4)

Artikolu 13(1)

Artikolu 16(1) u (2)

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 14(1)

Artikolu 20(1)

Artikolu 20(2)

Artikolu 15(1)

Artikolu 21(1)

Artikolu 21(2)

Artikolu 21(3) sa (6)

Artikolu 22

Artikolu 17(1)

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(2)

Artikolu 17(3)

Artikolu 23(3)

Artikolu 23(4)

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 27

Artikolu 18

Artikolu 28

Artikolu 29

Artikolu 30

Artikolu 31

Artikolu 32

Artikolu 19

Artikolu 33

Artikolu 34

Artikolu 20

Artikolu 35

Anness I(A)

Anness I(A)

Anness I(B)

Anness I(B)

Anness I(C)

Anness I(D)

Anness I(C)

Anness II

Anness II

Anness III

Anness III

Anness IV

Anness V

Anness VI

Anness VII

Anness VIII


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/3019/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)