|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3011 |
18.12.2024 |
REGOLAMENT (UE) 2024/3011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-27 ta’ Novembru 2024
dwar it-trasferiment tal-proċedimenti f’materji kriminali
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 82(1), it-tieni subparagrafu, il-punti (b) u (d), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni stabbiliet għaliha nfisha l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. |
|
(2) |
Il-Programm ta' The Hague: it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (3) jirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw possibbiltajiet biex f'każijiet multilaterali transfruntieri l-prosekuzzjoni tiġi kkonċentrata fi Stat Membru wieħed, bil-ħsieb li tiżdied l-effiċjenza tal-prosekuzzjonijiet filwaqt li tiġi ggarantita l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
|
(3) |
Il-Programm ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet f'materji kriminali (4) jappella għal strument li jiffaċilita t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali lil Stati Membri oħra. |
|
(4) |
Huwa meħtieġ żvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri biex tiżdied l-amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja kriminali fl-ispazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u biex jiġi żgurat li l-Istat Membru li jkun fl-aħjar pożizzjoni li jinvestiga jew jipprosekwixxi reat kriminali. B'mod partikolari, regoli komuni għall-Istati Membri rigward it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jistgħu jgħinu biex jiġu evitati proċedimenti kriminali paralleli bla bżonn fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess fatti u tal-istess persuna, li jistgħu jirriżultaw fi ksur tal-prinċipju “ne bis in idem”. Tali regoli komuni jistgħu jnaqqsu wkoll l-għadd ta' proċedimenti kriminali multipli fir-rigward tal-istess fatti jew fir-rigward tal-istess persuna li jkunu qed jitwettqu fi Stati Membri differenti. Tali regoli komuni għandhom ukoll l-għan li jiżguraw li jkun possibbli li, jekk il-konsenja ta' persuna għall-proċedimenti kriminali taħt mandat ta' arrest Ewropew, skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI (5), iddum jew tiġi rifjutata għal raġunijiet bħall-eżistenza ta' proċedimenti kriminali paralleli li jkunu għaddejjin fi Stat Membru ieħor għall-istess reat kriminali, ikun jista' jsir trasferiment tal-proċedimenti kriminali sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali. |
|
(5) |
Regoli komuni dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali huma essenzjali wkoll sabiex il-kriminalità transfruntiera tiġi miġġielda b'mod effiċjenti, li huma partikolarment importanti fir-rigward ta' reati kriminali mwettqa minn gruppi kriminali organizzati, bħat-traffikar tad-droga, id-dħul klandestin ta' migranti, it-traffikar ta' bnedmin, it-traffikar ta' armi, reati ambjentali, iċ-ċiberkriminalità jew il-ħasil tal-flus. Il-prosekuzzjoni ta' gruppi kriminali organizzati li huma attivi fi Stati Membri multipli tista' toħloq diffikultajiet kbar għall-awtoritajiet involuti. It-trasferiment tal-proċedimenti kriminali huwa għodda importanti li ssaħħaħ il-ġlieda kontra gruppi kriminali organizzati li huma attivi fl-Unjoni kollha. |
|
(6) |
Sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet rikjedenti u l-awtoritajiet rikjesti fir-rigward tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li r-regoli dwar tali trasferiment jiġu stabbiliti b'att legalment vinkolanti u direttament applikabbli tal-Unjoni. |
|
(7) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għat-talbiet kollha għal trasferiment maħruġa fil-qafas tal-proċedimenti kriminali. |
|
(8) |
Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI (6) għandha l-għan li tipprevjeni sitwazzjonijiet fejn l-istess persuna tkun soġġetta għal proċedimenti kriminali paralleli fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-istess fatti, li jista' jwassal għal sentenza definittiva ta' dawk il-proċedimenti f'żewġ Stati Membri jew aktar. Dik id-Deċiżjoni Qafas għalhekk tistabbilixxi proċedura għal konsultazzjonijiet diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bil-għan li jintlaħaq kunsens dwar kwalunkwe soluzzjoni effettiva li għandha l-għan li tevita l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn tali proċedimenti paralleli u l-ħela ta' ħin u riżorsi ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti. Fejn dawk l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu, wara konsultazzjonijiet f'konformità ma' dik id-Deċiżjoni Qafas, li jikkonċentraw il-proċedimenti fi Stat Membru wieħed permezz tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li dak it-trasferiment jitwettaq f'konformità ma' dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Atti legali oħra fil-qasam tal-materji kriminali, b'mod partikolari dawk relatati ma' tipi speċifiċi ta' reati kriminali bħad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u d-Deċiżjonijiet Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (8) u 2008/841/ĠAI (9), jinkludu dispożizzjonijiet li jirreferu għall-fatturi li għandhom jitqiesu bil-għan li l-proċedimenti kriminali jiġu ċentralizzati fi Stat Membru uniku fil-każ li aktar minn Stat Membru wieħed ikun jista' jipprosekwixxi b'mod validu abbażi tal-istess fatti. Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jiddeċiedu, wara kooperazzjoni f'konformità ma' tali atti legali, li jiċċentralizzaw il-proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed permezz tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li tali trasferiment jitwettaq f'konformità ma' dan ir-Regolament. |
|
(10) |
Ġew adottati diversi atti legali tal-Unjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għal sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji f'materji kriminali, b'mod partikolari d-Deċiżjonijiet Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI (10), 2008/909/ĠAI (11) u 2008/947/ĠAI (12). Dan ir-Regolament jissupplimenta dawk id-Deċiżjonijiet Kwadru u ma jaffettwax l-applikazzjoni tagħhom. |
|
(11) |
Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-iskambji spontanji ta' informazzjoni regolati minn atti legali oħra tal-Unjoni. |
|
(12) |
Dan ir-Regolament ma japplikax għal deċiżjonijiet dwar ir-riallokazzjoni, il-fużjoni jew il-qsim ta' każijiet li fir-rigward tagħhom l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun eżerċita l-kompetenza tiegħu f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (13). |
|
(13) |
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeżinjaw l-awtoritajiet kompetenti tagħhom b'mod li jippromwovi l-prinċipju ta' kuntatt dirett bejn dawk l-awtoritajiet. |
|
(14) |
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u fl-interess li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tiegħu fl-Unjoni kollha, fil-każ li l-istruttura tas-sistemi legali interni tal-Istati Membri bi tradizzjonijiet ta' dritt komuni ma tagħtix lok li l-qrati u l-prosekuturi tagħhom jieħdu miżuri anċillari għad-deċiżjoni li jaċċettaw jew jirrifjutaw trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li awtorità oħra, bil-kompetenza li tieħu miżuri fi proċedimenti kriminali, tkun tista' tieħu tali miżuri anċillari. Jenħtieġ li l-involviment ta' tali awtorità kompetenti ma jippreġudika bl-ebda mod id-deċiżjoni, li trid tittieħed esklużivament minn imħallef, qorti, maġistrat istruttur jew prosekutur pubbliku, dwar jekk jiġix aċċettat jew irrifjutat trasferiment tal-proċedimenti kriminali, li neċessarjament jenħtieġ tinkludi l-valutazzjoni tagħha tar-raġunijiet għar-rifjut skont dan ir-Regolament. L-involviment ta' kwalunkwe awtorità kompetenti oħra huwa maħsub biss biex jiffaċilita dan it-teħid ta' deċiżjonijiet fl-ambitu ġudizzjarju u l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament. |
|
(15) |
Meta dan ikun meħtieġ minħabba l-istruttura tas-sistemi legali interni tagħhom, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jiddeżinjaw awtorità ċentrali waħda jew aktar għat-trażmissjoni amministrattiva u r-riċevuta ta' talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, kif ukoll għal korrispondenza uffiċjali oħra marbuta ma' tali talbiet. Tali awtoritajiet ċentrali jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ amministrattiv u jkollhom rwoli ta' koordinazzjoni u ta' assistenza, u b'hekk jiffaċilitaw u jippromwovu l-aċċettazzjoni ta' talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. |
|
(16) |
Xi atti legali tal-Unjoni diġà jirrikjedu li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni fuq reati kriminali speċifiċi, bħal dawk relatati ma' attivitajiet terroristiċi skont id-Direttiva (UE) 2017/541 jew mal-falsifikazzjoni tal-euro skont id-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), f'każijiet fejn il-konsenja ta' persuna tiġi rrifjutata. |
|
(17) |
Sabiex jiġi żgurat li jkun possibbli li l-proċedimenti kriminali jiġu trasferiti f'konformità ma' dan ir-Regolament kull meta meħtieġ fl-interessi ta' amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja u għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali tal-persuni suspettati, tal-persuni akkużati u tal-vittmi, kif stipulat fil-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi ġuriżdizzjoni f'każijiet speċifiċi biex l-Istat rikjest ikun jista' jeżerċita ġuriżdizzjoni fir-rigward tar-reati kriminali li għalihom hija applikabbli l-liġi nazzjonali tal-Istat rikjedenti. Jenħtieġ li l-Istat rikjest ikollu l-ġuriżdizzjoni fir-rigward ta' reati kriminali li għalihom ikun qed jintalab it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, kull meta dak l-Istat Membru jitqies li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jipprosekwixxi r-reat kriminali inkwistjoni. Jenħtieġ li r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni previsti f'dan ir-Regolament ma jwaqqfux lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri nazzjonali biex jiżguraw li jkunu jistgħu jeżerċitaw il-ġuriżdizzjoni fil-każijiet speċifiċi previsti f'dan ir-Regolament. |
|
(18) |
Minbarra l-ġuriżdizzjoni diġà prevista mil-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest, jenħtieġ li l-ġuriżdizzjoni tiġi stabbilita abbażi tar-raġunijiet speċifiċi stipulati f'dan ir-Regolament kull meta dak l-Istat Membru jitqies bħala dak fl-aħjar pożizzjoni biex jipprosekwixxi. Jenħtieġ li l-Istat rikjest ikollu l-ġuriżdizzjoni f'sitwazzjonijiet fejn l-Istat rikjest jirrifjuta li jikkonsenja persuna suspettata jew akkużata li għaliha jkun inħareġ mandat ta' arrest Ewropew u li tkun preżenti fl-Istat rikjest u li tkun ċittadin ta' dak l-Istat jew residenti fih, meta tali rifjut ikun ibbażat fuq ir-raġunijiet speċifiċi stipulati f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ, pereżempju, li l-ġuriżdizzjoni tiġi stabbilita meta l-konsenja tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 4, il-punt (7)(b), tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, li tapplika f'sitwazzjonijiet fejn ir-reati jkunu twettqu barra mit-territorju tal-Istat Membru emittenti u l-liġi tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni ma tippermettix il-prosekuzzjoni għall-istess reati meta mwettqa barra mit-territorju tiegħu. Dik ir-regola tista' tiġi applikata f'sitwazzjonijiet fejn reat jitwettaq fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiż terz minn ċittadini ta' Stati Membri oħra jew ċittadini ta' pajjiżi terzi, u l-persuna suspettata jew akkużata tkun residenti fl-Istat rikjest. Dan huwa ta' importanza partikolari fir-rigward ta' reati kriminali serji li jiksru l-valuri fundamentali tal-komunità internazzjonali, bħal delitti tal-gwerra jew ġenoċidju, fejn jista' jinħoloq riskju ta' impunità minħabba rifjut ta' mandat ta' arrest Ewropew abbażi tal-Artikolu 4, il-punt (7)(b), tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI. Jenħtieġ li l-Istat rikjest ikollu wkoll ġuriżdizzjoni meta r-reat kriminali jipproduċi l-effetti tiegħu jew jikkawża dannu prinċipalment fl-Istat rikjest. Jenħtieġ li d-dannu jitqies kull meta jkun wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu r-reat kriminali, f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest. Jenħtieġ li l-Istat rikjest ikollu wkoll ġuriżdizzjoni meta l-proċedimenti kriminali jkunu diġà għaddejjin f'dak l-Istat kontra l-istess persuna suspettata jew akkużata fir-rigward ta' fatti oħra, sabiex l-imġiba kriminali allegata kollha ta' din il-persuna tkun tista' tiġi ġġudikata f'ġuriżdizzjoni unika, jew meta jkunu għaddejjin proċedimenti kriminali f'dak l-Istat kontra persuni oħra fir-rigward tal-istess fatti, ta' fatti parzjalment l-istess jew ta' fatti relatati, li jistgħu jkunu ta' rilevanza partikolari biex l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' organizzazzjoni kriminali jiġu kkonċentrati fi Stat Membru wieħed. Fiż-żewġ każijiet, jenħtieġ li l-persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali li jkunu qed jiġu ttrasferiti tkun ċittadin tal-Istat rikjest jew residenti fih. |
|
(19) |
Sabiex jiġi ssodisfat l-għan ta' dan ir-Regolament u sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' ġuriżdizzjoni, b'kunsiderazzjoni speċifika għal dawk l-Istati Membri li s-sistemi legali tagħhom huma bbażati fuq il-prosekuzzjoni obbligatorja u dawk fejn hemm prosekuzzjoni obbligatorja għal ċerti reati kriminali biss, jenħtieġ li l-Istat rikjedenti, meta jitlob trasferiment tal-proċedimenti kriminali, ikun jista' jirrinunzja l-proċedimenti għall-prosekuzzjoni tal-persuna kkonċernata għar-reat kriminali li għalih ikun qed jintalab it-trasferiment. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjedenti jirrinunzjaw, jissospendu jew iwaqqfu l-proċedimenti kriminali mressqa quddiemhom favur l-Istat Membru identifikat bħala f'pożizzjoni aħjar biex jipprosekwixxi, anki meta, f'konformità mal-liġi nazzjonali, dawk l-awtoritajiet ikollhom obbligu li jipprosekwixxu. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-effetti tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjedenti stabbiliti f'dan ir-Regolament. |
|
(20) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. |
|
(21) |
Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-drittijiet proċedurali kif stabbiliti fil-Karta jew f'atti legali oħra tal-Unjoni, bħad-Direttivi 2010/64/UE (15), 2012/13/UE (16), 2013/48/UE (17), (UE) 2016/343 (18), (UE) 2016/800 (19) u (UE) 2016/1919 (20) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-Istati Membri marbuta bihom. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tiżgura li tali drittijiet, kif previsti skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, jiġu rispettati meta jintalab trasferiment tal-proċedimenti kriminali skont dan ir-Regolament. |
|
(22) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta japplikaw dan ir-Regolament, jitqiesu l-ħtiġijiet ta' persuni vulnerabbli. F'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (21), jenħtieġ li persuni suspettati jew akkużati li huma vulnerabbli tinftiehem li huma l-persuni suspettati jew akkużati kollha li mhumiex kapaċi jifhmu jew jieħdu sehem b'mod effettiv fi proċedimenti kriminali minħabba l-età tagħhom, il-kundizzjoni mentali jew fiżika tagħhom jew kwalunkwe diżabilità li jista' jkollhom. |
|
(23) |
Bl-istess mod, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta japplikaw dan ir-Regolament, jitqiesu d-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati soġġetti għall-arrest preventiv, b'kunsiderazzjoni, fejn xieraq, tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/681 (22). |
|
(24) |
Jenħtieġ li awtorità rikjedenti tkun tista' titlob trasferiment tal-proċedimenti kriminali jew fuq inizjattiva tagħha stess, kemm wara konsultazzjonijiet ma' awtorità rikjesta kif ukoll jekk le, jew fuq proposta minn persuna suspettata jew akkużata, jew fuq proposta minn vittma. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jimponi l-ebda obbligu li jintalab it-trasferiment jew li jiġu trasferiti l-proċedimenti kriminali. Meta tkun qed tqis għandhiex tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti teżamina jekk tali trasferiment jaqdix l-objettiv ta' amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja, inkluż jekk dan huwiex proporzjonat u xieraq għall-fini tal-proċedimenti kkonċernati. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni titwettaq fuq bażi ta' każ b'każ sabiex jiġi identifikat l-Istat Membru li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jipprosekwixxi r-reat kriminali inkwistjoni. |
|
(25) |
Meta tivvaluta jekk talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali hijiex ġustifikata, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tqis diversi kriterji, li l-prijorità u l-piż tagħhom jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-fatti u l-merti ta' kull każ individwali. Jenħtieġ li l-fatturi rilevanti kollha jitqiesu fl-aħjar interessi tal-ġustizzja. Pereżempju, meta r-reat kriminali jkun twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tal-Istat rikjest, jew il-biċċa l-kbira tal-effetti jew parti sostanzjali mid-danni kkawżati mir-reat kriminali, meta dawk l-effetti jew dawk id-danni jiffurmaw parti mill-elementi kostitwenti tar-reat kriminali, ikunu seħħew fit-territorju tal-Istat rikjest, jenħtieġ li jkun possibbli li dak l-Istat jitqies li huwa f'pożizzjoni aħjar li jipprosekwixxi, minħabba li l-provi li jridu jinġabru, bħad-depożizzjoni mix-xhieda u mill-vittmi, jew il-perizji, ikunu jinsabu fl-Istat rikjest u għalhekk jistgħu jinġabru aktar faċilment jekk il-proċedimenti kriminali jiġu trasferiti. Barra minn hekk, il-bidu tal-proċedimenti sussegwenti għad-danni fl-Istat rikjest jiġi ffaċilitat jekk il-proċedimenti sottostanti li jistabbilixxu r-responsabbiltà kriminali jitwettqu wkoll fl-istess Stat Membru. Bl-istess mod, jekk il-biċċa l-kbira tal-provi jkunu jinsabu fl-Istat rikjest, trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista' jiffaċilita l-ġbir u l-ammissibbiltà sussegwenti tal-provi miġbura f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest. |
|
(26) |
Meta persuna suspettata jew akkużata waħda jew aktar ikunu ċittadini tal-Istat rikjest jew residenti fih, trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista' jkun iġġustifikat bil-għan li jiġi żgurat id-dritt tal-persuna suspettata jew akkużata li tkun preżenti waqt il-proċess, f'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/343. Bl-istess mod, meta vittma waħda jew aktar ikunu ċittadini tal-Istat rikjest jew residenti fih, trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista' jkun ġustifikat biex il-vittmi jkunu jistgħu jieħdu sehem aktar faċilment fil-proċedimenti kriminali u jinstemgħu b'mod effettiv bħala xhieda waqt il-proċedimenti. F'każijiet fejn il-konsenja ta' persuna suspettata jew akkużata li għaliha nħareġ mandat ta' arrest Ewropew tiġi rifjutata fl-Istat rikjest għar-raġunijiet speċifikati f'dan ir-Regolament, trasferiment jista' jkun ġustifikat ukoll meta dik il-persuna tkun preżenti fl-Istat rikjest imma ma tkunx ċittadin ta' dak l-Istat jew residenti fih. |
|
(27) |
Hija r-responsabbiltà tal-awtorità rikjedenti li tivvaluta, abbażi tal-materjal quddiemha, jekk hemmx raġunijiet raġonevoli biex temmen li l-persuna suspettata, il-persuna akkużata jew il-vittma, tirrisjedi fl-Istat rikjest. Meta l-informazzjoni disponibbli tkun limitata, jenħtieġ li jsiru konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti dwar tali valutazzjoni sabiex tiġi kkonfermata r-residenza tal-persuna suspettata, tal-persuna akkużata, jew tal-vittma fl-Istat rikjest. Għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni, jistgħu jkunu ta' rilevanza diversi ċirkostanzi oġġettivi li jistgħu jindikaw li l-persuna kkonċernata stabbiliet iċ-ċentru abitwali tal-interessi ta' dik il-persuna fi Stat Membru partikolari jew li għandha l-intenzjoni li tagħmel dan. Jistgħu jeżistu raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li persuna tirrisjedi fl-Istat rikjest, b'mod partikolari, meta persuna tkun reġistrata bħala resident fl-Istat rikjest, minħabba li jkollha karta tal-identità jew permess ta' residenza, jew permezz ta' reġistrazzjoni f'reġistru ta' residenza uffiċjali. Meta l-persuna inkwistjoni ma tkunx reġistrata fl-Istat rikjest, ir-residenza tista' tiġi indikata mill-fatt li dik il-persuna uriet l-intenzjoni li tistabbilixxi ruħha f'dak l-Istat Membru jew tkun kisbet, wara perjodu stabbli ta' preżenza f'dak l-Istat Membru, ċerti konnessjonijiet miegħu li huma ta' grad simili għal dawk li jirriżultaw mill-istabbiliment ta' residenza formali f'dak l-Istat Membru. Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f'sitwazzjoni speċifika, hemmx biżżejjed konnessjonijiet bejn il-persuna kkonċernata u l-Istat rikjest li jwasslu għal bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata tirrisjedi f'dak l-Istat Membru, jeħtieġ li jitqiesu diversi fatturi oġġettivi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta' dik il-persuna, li jinkludu, b'mod partikolari, it-tul, in-natura u l-kundizzjonijiet tal-preżenza ta' dik il-persuna fl-Istat rikjest jew il-konnessjonijiet familjari jew ekonomiċi li dik il-persuna jkollha mal-Istat rikjest. Vettura rreġistrata, kont tal-bank, il-fatt li s-soġġorn tal-persuna fl-Istat rikjest ma kienx interrott jew fatturi oġġettivi oħra jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi determinat li hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata tirrisjedi fl-Istat rikjest. Żjara qasira, btala, inkluż f'villeġġatura, jew soġġorn simili fl-Istat rikjest mingħajr ebda rabta sostanzjali ulterjuri mhumiex biżżejjed biex tiġi stabbilita r-residenza f'dak l-Istat Membru. |
|
(28) |
It-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista' jkun iġġustifikat ukoll meta jkunu għaddejjin proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti, fatti parzjalment l-istess jew fatti oħra kontra l-persuna suspettata jew akkużata, jew meta jkunu għaddejjin proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti, fatti parzjalment l-istess jew fatti relatati kontra persuni oħra, pereżempju f'każijiet ta' prosekuzzjoni ta' organizzazzjonijiet kriminali transfruntieri, fejn il-prosekuzzjoni ta' persuni differenti akkużati flimkien isseħħ fi Stati Membri differenti. Barra minn hekk, jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkun qed tiskonta jew għandha tiskonta piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fl-Istat rikjest għal reat kriminali ieħor, it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jista' jkun ġustifikat biex jiġi żgurat id-dritt tal-persuna kkundannata li tkun preżenti fil-proċess li għalih ikun qed jintalab it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, waqt li tkun qed tiskonta l-piena fl-Istat rikjest. Jenħtieġ li l-awtoritajiet rikjedenti jqisu kif xieraq jekk it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jistax itejjeb il-prospetti tar-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkonċernata f'każ li l-piena tiġi infurzata fl-Istat rikjest. Għal dak il-għan, jistgħu jiġu meqjusa r-rabta tal-persuna mal-Istat rikjest, jekk dik il-persuna tqisux bħala l-post tal-familja, kif ukoll rabtiet lingwistiċi, kulturali, soċjali u ekonomiċi jew rabtiet oħra. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti spiss jilħqu ftehimiet dwar il-konċentrazzjoni tal-proċedimenti abbażi tal-identifikazzjoni tal-ġuriżdizzjoni l-aktar adatta. Tali ftehimiet jistgħu jintlaħqu f'laqgħat ta' koordinazzjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), f'laqgħat bilaterali jew multilaterali mingħajr l-intervent tal-Eurojust jew wara konsultazzjonijiet skont id-Deċiżjoni Qafas 2009/948/ĠAI. |
|
(29) |
Qabel ma tikkunsidra jekk tittrasferixxix il-proċedimenti kriminali abbażi biss tal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-provi jkunu jinsabu fl-Istat rikjest, l-awtorità rikjedenti hija mħeġġa tqis il-possibbiltà li tikseb l-provi minn Stati Membri oħra permezz ta' strumenti eżistenti ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji, bħal, għall-Istati Membri marbuta biha, id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), u assistenza legali reċiproka. |
|
(30) |
Jenħtieġ li l-persuni suspettati, il-persuni akkużati jew il-vittmi, ikunu jistgħu jipproponu li l-proċedimenti kriminali li jikkonċernawhom jiġu trasferiti lil Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-persuni suspettati, il-persuni akkużati jew il-vittmi jkunu jistgħu jagħmlu tali proposta lill-awtoritajiet kompetenti jew tal-Istat rikjedenti jew tal-Istat rikjest meta jqisu li hemm raġunijiet li minħabba fihom trasferiment tal-proċedimenti kriminali jkun ġustifikat fl-interessi tal-ġustizzja. Pereżempju, tali proposta tista' ssir fl-Istat rikjedenti minn persuna suspettata, persuna akkużata jew vittma li tkun konxja li jkunu għaddejjin proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti, fatti parzjalment l-istess jew fatti oħra kontra l-istess persuna suspettata jew akkużata jew fir-rigward tal-istess fatti, fatti parzjalment l-istess jew fatti relatati kontra persuni oħra. Tali proposta jistgħu jsiru fl-Istat rikjest meta, pereżempju, persuna suspettata, persuna akkużata jew vittma tirrisjedi jew hija ċittadin ta' dak l-Istat, jew hija konxja li nfetħu proċedimenti fir-rigward tal-istess fatti, fatti parzjalment l-istess, jew fatti oħra li jikkonċernaw l-istess persuni suspettati jew persuni akkużati. Għalkemm jenħtieġ li tali proposta tiġi kkunsidrata u rreġistrata, jenħtieġ li ma timponi l-ebda obbligu fuq l-awtorità rikjedenti jew fuq l-awtorità rikjesta biex titlob it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jew biex tittrasferihom jew biex tidħol f'konsultazzjonijiet mal-awtorità ta' Stat Membru ieħor għal dak il-għan. Jekk kwalunkwe waħda minn dawk l-awtoritajiet issir konxja ta' proċedimenti kriminali paralleli abbażi ta' proposta għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ppreżentata minn persuna suspettata, akkużata jew minn vittma, jew minn avukat f'isimha, hija tkun fl-obbligu li tikkonsulta mal-awtorità l-oħra f'konformità mad-Deċiżjoni Qafas 2009/948/ĠAI. |
|
(31) |
Jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tinforma malajr kemm jista’ jkun lill-persuna suspettata jew akkużata bl-intenzjoni li tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u jenħtieġ li tipprevedi l-possibbiltà li tali persuna tesprimi opinjoni, inkluż dwar aspetti marbuta mal-ġustizzja restorattiva, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jqisu l-interessi leġittimi ta' dik il-persuna qabel ma joħorġu talba għat-trasferiment. Huwa importanti li din l-informazzjoni tiġi pprovduta bil-miktub. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-informazzjoni tiġi pprovduta wkoll bil-fomm bil-kondizzjoni li l-fatt li l-informazzjoni ġiet ipprovduta jiġi nnotat f'konformità mal-proċedura ta' reġistrazzjoni skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-informazzjoni tiġi pprovduta billi jintużaw formoli standard. Meta l-awtorità rikjedenti tqis li jkun meħtieġ, pereżempju minħabba l-età jew il-kundizzjoni fiżika jew mentali tal-persuna suspettata jew akkużata kkonċernata, jenħtieġ li tagħti lir-rappreżentant legali ta' dik il-persuna, meta disponibbli, opportunità jesprimi opinjoni. Meta tkun qed tivvaluta l-interess leġittimu tal-persuna suspettata jew akkużata li tiġi infurmata bl-intenzjoni li tinħareġ talba għat-trasferiment, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tqis il-bżonn li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni jew ir-riskju li tiġi kompromessa l-investigazzjoni kontra dik il-persuna, pereżempju kull meta jkun meħtieġ biex jiġi salvagwardjat interess pubbliku importanti, bħal f'każijiet fejn tali informazzjoni tista' tippreġudika investigazzjonijiet sigrieti li jkunu qed isiru jew tagħmel ħsara serja lis-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru li fih jinbdew il-proċedimenti kriminali. Meta l-awtorità rikjedenti ma tkunx tista' tillokalizza jew tagħmel kuntatt mal-persuna suspettata jew akkużata minkejja li jkunu saru sforzi raġonevoli, jenħtieġ li l-obbligu li din il-persuna tiġi infurmata japplika mill-mument li l-persuna suspettata jew akkużata tiġi lokalizzata jew isir kuntatt magħha. |
|
(32) |
Jenħtieġ li meta jiġi applikat dan ir-Regolament, jitqiesu d-drittijiet tal-vittmi stipulati fid-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25), inkluż id-dritt għall-informazzjoni. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jiġix interpretat bħala li jipprevjeni lill-Istati Membri milli jagħtu lill-vittmi drittijiet aktar estensivi skont il-liġi nazzjonali minn dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni. |
|
(33) |
Meta tieħu deċiżjoni dwar it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tqis kif xieraq l-interessi leġittimi tal-vittmi, inkluż il-protezzjoni tagħhom u aspetti marbuta mal-ġustizzja restorattiva, u jenħtieġ li tivvaluta jekk it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jistax ikun ta' detriment għall-abbiltà tal-vittmi li jeżerċitaw b'mod effettiv id-drittijiet tagħhom fil-proċedimenti kriminali kkonċernati. Dik il-valutazzjoni tista' tinkludi, pereżempju, il-kunsiderazzjoni tal-possibbiltà u l-arranġamenti disponibbli għall-vittmi biex jixhdu matul il-proċess fl-Istat rikjest jekk dak ma jkunx l-Istat Membru fejn jirrisjedu. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-vittmi jiksbu u jipprovdu provi, pereżempju minn xhieda u periti, biex jitolbu kumpens jew biex jibbenefikaw minn programmi ta' protezzjoni tax-xhieda jew ta' ġustizzja restorattiva fl-Istat rikjest. Jenħtieġ li d-drittijiet tal-vittmi għal kumpens ma jiġux ippreġudikati mit-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Dan ir-Regolament ma jaffettwax ir-regoli dwar il-kumpens u r-restituzzjoni ta' proprjetà lill-vittmi fi proċedimenti nazzjonali. |
|
(34) |
Meta jkun hemm bżonn li jiġi żgurat li l-protezzjoni pprovduta lill-vittma fl-Istat rikjedenti titkompla fl-Istat rikjest, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat rikjedenti jikkunsidraw il-ħruġ ta' ordni Ewropea ta' protezzjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) jew, għall-Istati Membri marbuta biha, mad-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27). |
|
(35) |
Ladarba l-awtorità rikjedenti tkun biħsiebha toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li tinforma malajr kemm jista’ jkun lill-vittmi li jirrisjedu fl-Istat rikjedenti jew, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, li jirċievu tali informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/29/UE, kif implimentat fil-liġi nazzjonali, jew, fil-każ ta' persuni ġuridiċi, li jirċievu tali informazzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tipprevedi l-possibbiltà li dawn il-persuni jesprimu l-opinjoni tagħhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jqisu l-interessi leġittimi tagħhom qabel ma joħorġu talba għat-trasferiment. Huwa importanti li din l-informazzjoni tiġi pprovduta bil-miktub. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-informazzjoni tiġi pprovduta wkoll bil-fomm bil-kondizzjoni li l-fatt li l-informazzjoni ġiet ipprovduta jiġi nnotat f'konformità mal-proċedura ta' reġistrazzjoni skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-informazzjoni tiġi pprovduta bl-użu tal-formoli standard jew, fil-każ ta' għadd eċċezzjonalment kbir ta' vittmi li jridu jiġu infurmati, permezz ta' mezzi oħra ta' informazzjoni ġenerali lill-pubbliku, bħal fi strumenti speċifiċi ta' pubblikazzjoni online disponibbli għall-awtoritajiet ġudizzjarji skont il-liġi nazzjonali. Meta l-awtorità rikjedenti tqis li jkun meħtieġ, pereżempju minħabba l-età jew il-kundizzjoni fiżika jew mentali tal-vittma kkonċernata, jenħtieġ li tagħti lir-rappreżentant legali ta' dik il-persuna, meta disponibbli, opportunità li jesprimi opinjoni. Meta tkun qed tivvaluta l-interess leġittimu tal-vittmi li jiġu infurmati dwar l-intenzjoni li tinħareġ talba għat-trasferiment, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tqis il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni jew ir-riskju li tiġi preġudikata l-investigazzjoni, pereżempju f'każijiet fejn tali informazzjoni tista' tippreġudika investigazzjonijiet sigrieti li jkunu għaddejjin jew tagħmel ħsara serja lis-sigurtà nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti. |
|
(36) |
Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jintużaw formoli standard f’ċerti sitwazzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament biex ikun aktar faċli għall-awtorità rikjedenti u għall-awtorità rikjesta li jassistu lil xulxin meta jinfurmaw lill-persuna suspettata, akkużata jew lill-vittma u meta jitolbu l-opinjoni tagħhom dwar l-intenzjoni li tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jenħtieġ li l-possibbiltà li jintużaw dawn il-formoli standard ma tipprekludix il-possibbiltà ta' notifiki diretti lill-persuni suspettati, lill-persuni akkużati jew lill-vittmi mill-awtorità rikjedenti jew mill-awtorità rikjesta. |
|
(37) |
L-applikazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament tippresupponi komunikazzjoni bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, li jenħtieġ li jiġu mħeġġa jikkonsultaw lil xulxin kull meta jkun xieraq biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni bla xkiel u effiċjenti ta' dan ir-Regolament, direttament jew, meta jkun il-każ, permezz tal-Eurojust. |
|
(38) |
Jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tkun tista' tikkonsulta lill-awtorità rikjesta qabel ma toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali meta dan ikun meħtieġ, b'mod partikolari, biex tiddetermina jekk it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jkunx jaqdi l-interessi ta' amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja, inkluż jekk hux proporzjonat u xieraq għall-fini tal-proċedimenti kkonċernati, kif ukoll jekk l-awtorità rikjesta x'aktarx tinvoka waħda mir-raġunijiet għar-rifjut skont dan ir-Regolament. |
|
(39) |
Meta tibgħat talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tipprovdi informazzjoni preċiża u ċara dwar iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet sottostanti għat-talba, kif ukoll kwalunkwe dokumentazzjoni ta' sostenn oħra, bil-għan li l-awtorità rikjesta tkun tista' tieħu deċiżjoni infurmata dwar it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jenħtieġ li l-formola ta' talba mimlija u, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-kostijiet u l-ħin tat-traduzzjoni, mill-inqas il-partijiet essenzjali ta' kwalunkwe dokumentazzjoni jew informazzjoni ta' sostenn bil-miktub jiġu tradotti mill-awtorità rikjedenti f'lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata minn dak l-Istat f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-partijiet essenzjali tad-dokumenti kkonċernati huma dawk l-estratti li jidhru neċessarji biex l-awtorità rikjesta tieħu deċiżjoni infurmata dwar it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. |
|
(40) |
Sakemm l-awtorità rikjesta ma tkunx ħadet deċiżjoni li taċċetta jew tirrifjuta trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tkun tista' tirtira t-talba għat-trasferiment, pereżempju meta ssir taf b'elementi ulterjuri li minħabba fihom it-trasferiment ma jibqax jidher ġustifikat. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar l-irtirar tat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tiġi pprovduta minnufih lill-awtorità rikjesta u jenħtieġ li tiġi kkomunikata lill-persuni suspettati jew akkużati u lill-vittmi, skont ma jkun rilevanti. |
|
(41) |
Jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tinforma lill-awtorità rikjedenti bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk taċċettax jew tirrifjutax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 60 jum wara li tirċievi t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. F'każijiet speċifiċi, meta ma jkunx fattibbli għall-awtorità rikjesta li tikkonforma ma' dak il-limitu ta' żmien, pereżempju jekk tara li hemm bżonn ta' informazzjoni addizzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli li l-limitu ta' żmien jiġi estiż b'massimu ta' 30 jum biss biex jiġi evitat dewmien eċċessiv. Meta taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tieħu deċiżjoni debitament motivata. F'każijiet fejn l-awtorità rikjesta tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għar-rifjut. Għal dak il-għan, huwa biżżejjed li l-awtorità rikjesta tipprovdi informazzjoni fil-qosor dwar ir-raġuni jew ir-raġunijiet rilevanti għar-rifjut. |
|
(42) |
Meta l-awtorità rikjesta tkun aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tibgħat lill-awtorità rikjesta, mingħajr dewmien żejjed, l-oriġinali jew il-kopji ċertifikati tad-dokumenti kollha tal-proċess tal-kawża, jew mill-inqas il-partijiet rilevanti minnhom, akkumpanjati mit-traduzzjoni tagħhom. Ladarba l-proċedimenti nazzjonali jitwaqqfu, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tibgħat l-oriġinali jew kopja ċertifikata ta' kwalunkwe parti rilevanti li jkun fadal mill-proċess tal-kawża, inkluż il-provi fiżiċi rilevanti bħall-oġġetti li ntużaw fir-reat jew kampjuni tad-demm jew tad-DNA, lill-awtorità rikjesta mingħajr dewmien żejjed. Jenħtieġ li d-dokumentazzjoni oriġinali tintbagħat biss jekk tintalab mill-awtorità rikjesta, pereżempju jekk ikun hemm bżonn li jiġi eżaminat dokument għal finijiet forensiċi. Dment li d-dokumenti oriġinali tal-proċess tal-kawża u l-provi fiżiċi ma jkunux aktar meħtieġa fl-Istat rikjest, jenħtieġ li dawn jiġu ritornati lill-Istat rikjedenti fuq it-talba tiegħu, pereżempju jekk tali dokumenti oriġinali jew provi fiżiċi jkunu meħtieġa għall-finijiet ta' investigazzjoni kriminali oħra. Meta l-Istat rikjedenti, meta mitlub mill-Istat rikjest, jindika li mhux beħsiebu jirkupra d-dokumenti oriġinali tal-proċess tal-kawża jew il-provi fiżiċi meta ma jkunux aktar meħtieġa jew fi tmiem il-proċedimenti, jenħtieġ li l-Istat rikjest ikun jista' jiddeċiedi, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, kif jitratta l-provi li jkun baqa', inkluż jekk iżommx jew jeqridx dawk il-provi. Ladarba tkun ġiet aċċettata talba għat-trasferiment tal-proċedimenti, u sabiex jiġi ffaċilitat trasferiment effiċjenti, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta jkunu jistgħu jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw id-dokumenti meħtieġa jew il-partijiet minn dawn id-dokumenti li għandhom jintbagħtu, u li jridu jiġu tradotti, fejn meħtieġ. Madankollu, huwa importanti li deċiżjoni li jintbagħtu biss partijiet mid-dokumenti tkun bilanċjata u bbażata fuq kunsiderazzjoni bir-reqqa tad-dokumenti inkwistjoni sabiex ma tkunx ippreġudikata l-ekwità tal-proċedimenti. |
|
(43) |
Jenħtieġ li t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ma jiġix rifjutat għal raġunijiet għajr dawk previsti f'dan ir-Regolament. Sabiex ikun jista' jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-prosekuzzjoni tal-fatti sottostanti għall-proċedimenti kriminali li jkunu soġġetti għat-trasferiment tkun possibbli fl-Istat rikjest. Jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jekk l-aġir li għalih jintalab it-trasferiment ma jkunx reat kriminali fl-Istat rikjest, jew jekk l-Istat rikjest ma jkollux ġuriżdizzjoni fuq dak ir-reat kriminali, ħlief jekk jeżerċita l-ġuriżdizzjoni prevista f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tirrifjuta wkoll it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jekk il-kundizzjonijiet għall-prosekuzzjoni tar-reat kriminali fl-Istat rikjest ma jkunux issodisfati. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, jekk ilment mill-vittma, li huwa meħtieġ għall-prosekuzzjoni tar-reat kriminali fl-Istat rikjest, ma jkunx ġie ppreżentat fil-ħin, jew meta, minħabba l-mewt jew l-insanità tal-persuna suspettata jew akkużata, il-prosekuzzjoni tkun saret impossibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jekk ikun hemm impedimenti oħra għall-prosekuzzjoni fl-Istat rikjest. Jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tkun tista' tirrifjuta trasferiment tal-proċedimenti kriminali jekk il-persuna suspettata jew akkużata tibbenefika minn privileġġ jew immunità f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest, pereżempju fir-rigward ta' ċerti kategoriji ta' persuni, bħad-diplomatiċi, jew relazzjonijiet speċifikament protetti, bħas-sigriet professjonali bejn l-avukat u l-klijent, jew jekk l-awtorità rikjesta temmen li tali trasferiment ma jkunx ġustifikat mill-interessi ta' amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja, pereżempju minħabba li ebda wieħed mill-kriterji għat-talba ta' trasferiment tal-proċedimenti kriminali ma jkun issodisfat, jew jekk il-formola ta' talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ma tkunx kompluta jew tkun manifestament żbaljata u ma tkunx ġiet mimlija jew ikkoreġuta mill-awtorità rikjedenti, u b'hekk l-awtorità rikjesta ma jkollhiex l-informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tkun tista' wkoll tirrifjuta t-talba jekk l-imġiba ma tkunx reat kriminali fil-post fejn twettqet u l-Istat rikjest ma jkollu l-ebda ġuriżdizzjoni oriġinali fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-tali reat. Dik ir-raġuni għal rifjut tqis il-prinċipju tat-territorjalità, li jfisser li jenħtieġ li l-Istat rikjest ikun jista' jirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f'każijiet fejn ir-reat kriminali allegat, li jitwettaq barra t-territorju tal-Istat rikjedenti, ma jkunx reat kriminali fil-post fejn twettaq, u l-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest ma tawtorizzax il-prosekuzzjoni ta' tali reati meta mwettqa barra t-territorju tiegħu. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “ġuriżdizzjoni oriġinali” hija l-ġuriżdizzjoni li hi diġà prevista mil-liġi nazzjonali u ma tirriżultax minn dan ir-Regolament. |
|
(44) |
Il-prinċipju ne bis in idem, kif stipulat fl-Artikoli 54 sa 58 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 (28) u fl-Artikolu 50 tal-Karta, u kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa prinċipju fundamentali bażiku tal-liġi kriminali, skont liema jenħtieġ li konvenut ma jerġax jiġi ġġudikat jew ikkastigat fi proċedimenti kriminali għar-reat kriminali li għalih dak il-kwerelat ikun diġà ġie illiberat jew ikkundannat b'mod definittiv. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jekk li tieħu l-proċedimenti f'idejha jmur kontra dak il-prinċipju. |
|
(45) |
Meta teżamina jekk taċċettax jew tirrifjutax talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tivvaluta jekk tali trasferiment jaqdix l-objettiv ta' amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni ssir fuq bażi ta' każ b'każ sabiex jiġi identifikat l-Istat Membru li jkun fl-aħjar pożizzjoni li jipprosekwixxi r-reat kriminali inkwistjoni. Jenħtieġ li l-awtorità rikjesta jkollha marġni ta' diskrezzjoni wiesa' għall-fini ta' dik il-valutazzjoni. Jenħtieġ li tali valutazzjoni tkun limitata għaċ-ċirkostanzi rilevanti tal-każ, inkluż jekk hemmx indikazzjoni prima facie li r-reat kriminali ma jkunx twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tal-Istat rikjest, li l-biċċa l-kbira tal-effetti jew parti sostanzjali tad-dannu li jiffurmaw parti mill-elementi kostitwenti tar-reat kriminali ma seħħewx fit-territorju ta' dak l-Istat, u li l-persuna suspettata jew akkużata mhijiex ċittadin ta’ dak l-Istat jew residenti fih. Jenħtieġ li s-sitwazzjoni personali, materjali jew familjari ta’ vittma, xhud jew individwu ieħor ikkonċernat ma tkunx deċiżiva fiha nnifisha fil-valutazzjoni ta’ jekk it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jkunx jaqdi l-objettiv ta’ amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja. |
|
(46) |
Qabel ma tiddeċiedi li tirrifjuta talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali abbażi ta’ kwalunkwe raġuni għal rifjut, jenħtieġ li l-awtorità rikjesta, fejn ikun xieraq, tikkonsulta lill-awtorità rikjedenti sabiex tikseb kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa. |
|
(47) |
Jenħtieġ li l-Istat rikjest jiżgura l-aċċess għal rimedju legali effettiv għall-persuni suspettati, il-persuni akkużati u l-vittmi, kontra d-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, f'konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta u l-proċeduri applikabbli skont il-liġi nazzjonali, kull meta d-drittijiet tagħhom jiġu affettwati ħażin mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li r-rieżami tad-deċiżjoni dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jkun ibbażat esklużivament fuq il-kriterji previsti fir-raġunijiet għar-rifjut stipulati f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-valutazzjoni dwar jekk il-proċedimenti kriminali għandhomx jiġu trasferiti tinvolvi kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi kollha li huma rilevanti għall-eżami ta' dawk il-kriterji. Dik il-valutazzjoni spiss tista' tinvolvi mhux biss l-ibbilanċjar tal-interessi jew tad-drittijiet tal-individwi li d-drittijiet tagħhom jistgħu jiġu affettwati, iżda anki kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet u l-aspetti prattiċi tal-funzjonament tas-sistema tal-ġustizzja kriminali. Jenħtieġ li tali rimedju legali jkun mingħajr preġudizzju għal rimedji legali oħra skont il-liġi nazzjonali. |
|
(48) |
Jenħtieġ li l-awtorità rikjesta jkollha diskrezzjoni wiesgħa meta tivvaluta jekk it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali huwiex fl-interess ta' amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja, u jekk jenħtieġx li talba għal trasferiment tiġi rifjutata minħabba kwalunkwe waħda mir-raġunijiet fakultattivi għal rifjut imniżżla f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-eżami tal-eżerċizzju ta' din id-diskrezzjoni jkun limitat għar-rieżami ta' jekk l-awtorità rikjesta, meta tkun qed tieħu d-deċiżjoni li taċċetta t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, tkunx qabżet manifestament il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha. |
|
(49) |
L-eżitu tar-rimedju legali jista' jkun li d-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tiġi kkonfermata jew annullata kompletament jew parzjalment. Fil-prinċipju, fil-każ li r-rimedju jirnexxi, il-proċedimenti kriminali jerġgħu lura għand l-Istat rikjedenti. Madankollu, f'xi sitwazzjonijiet il-qorti tista' tiddeċiedi wkoll, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha, li d-deċiżjoni li taċċetta it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tista' tiġi kkonfermata dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet jew formalitajiet addizzjonali, pereżempju l-kundizzjoni li jimtlew xi elementi neqsin tal-formola ta' talba, jew li jittieħdu miżuri addizzjonali għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment, bħall-kontinwazzjoni tal-protezzjoni tax-xhieda. |
|
(50) |
Jenħtieġ li rimedju legali skont dan ir-Regolament ma jinvolvi ebda rieżami tal-merti tal-każ, bħal jekk il-provi humiex biżżejjed biex jiġġustifikaw il-ftuħ jew it-tkomplija ta' investigazzjoni, jekk il-fatti tal-każ jew l-aspetti soġġettivi, bħall-intenzjoni jew negliġenza serja, humiex stabbiliti skont l-istandards applikabbli, jew rigward il-valur probatorju jew il-forza probatorja tal-provi miġbura diġà jew il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet. |
|
(51) |
Bil-ħsieb li jiġi garantit li d-dritt għal rimedju legali jkun jista' jiġi eżerċitat b'mod effettiv, jenħtieġ li l-Istat rikjest jiżgura li l-persuni suspettati, il-persuni akkużati u l-vittmi jkollhom id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti kollha relatati mat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali li ffurmaw il-bażi għad-deċiżjoni li jiġi aċċettat trasferiment skont dan ir-Regolament, u li huma meħtieġa biex tiġi kkontestata b'mod effettiv dik id-deċiżjoni. Jenħtieġ li d-dritt ta' aċċess għal tali dokumenti jiġi eżerċitat f'konformità mal-proċeduri skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest u jista' jkun limitat fejn ikun jipperikola l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni, jew jippreġudika b'mod ieħor l-investigazzjoni jew jagħmel ħsara lis-sikurezza tal-persuni. Jenħtieġ li kwalunkwe rifjut ta' aċċess bħal dan jiġi kkunsidrat fid-dawl tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati, b'kunsiderazzjoni tal-istadji differenti tal-proċedimenti kriminali. Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq tali aċċess jiġu interpretati b'mod strett u f'konformità mal-prinċipju tad-dritt għal proċess ġust skont il-Karta. |
|
(52) |
Jenħtieġ li l-limitu ta' żmien biex il-persuna suspettata, il-persuna akkużata jew il-vittma titlob rimedju legali effettiv ma jkunx itwal minn 15-il jum mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tirċievi d-deċiżjoni motivata li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jenħtieġ li sitwazzjonijiet fejn il-persuna suspettata, il-persuna akkużata jew il-vittma ma tkunx identifikata fil-mument tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, u fejn għal dik ir-raġuni d-deċiżjoni motivata ma setgħetx tiġi kkomunikata lilha f'dak il-mument, ikunu soġġetti għal-liġi nazzjonali. |
|
(53) |
Jenħtieġ li l-aċċettazzjoni tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mill-awtorità rikjesta tirriżulta fis-sospensjoni jew fil-waqfien tal-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjedenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' miżuri fl-Istat rikjedenti u fl-Istat rikjest. Jenħtieġ, madankollu, li dak ikun mingħajr preġudizzju għal miżuri investigattivi jew proċedurali oħra neċessarji, inkluż miżuri urġenti neċessarji, li l-Istat rikjedenti jista' jkollu bżonn iwettaq wara li jirċievi n-notifika tal-aċċettazzjoni mill-awtorità rikjesta, fil-każ fejn l-amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja tirrikjedi dan. Jenħtieġ li l-kunċett ta' “miżuri investigattivi jew proċedurali oħra” jiġi interpretat b'mod wiesa' bħala li jinkludi mhux biss kwalunkwe miżura għall-fini tal-ġbir tal-provi, iżda anki kwalunkwe att proċedurali li jimponi arrest preventiv jew kwalunkwe miżura interim oħra. Biex jiġi żgurat li l-proċedimenti kriminali ma jiġux estiżi fit-tul fl-Istat rikjedenti, ladarba l-miżuri investigattivi jew proċedurali oħra meħuda jkunu finalizzati jew ma jkunux aktar neċessarji, jenħtieġ li l-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjedenti jiġu sospiżi jew jitwaqqfu. Jekk ikun ġie invokat rimedju legali b'effett sospensiv fl-Istat rikjest, jenħtieġ li l-proċedimenti kriminali ma jiġux sospiżi jew imwaqqfa fl-Istat rikjedenti sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni fl-Istat rikjest dwar ir-rimedju. |
|
(54) |
Fil-każijiet fejn il-ġuriżdizzjoni għall-proċedimenti kriminali tkun ibbażata esklużivament fuq dan ir-Regolament u fejn tkun waslet talba għal trasferiment u d-deċiżjoni dwar jekk jaċċettawx jew jirrifjutawx it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tkun pendenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu skont il-liġi nazzjonali tagħhom bażi legali għall-arrest proviżorju tal-persuna suspettata jew akkużata li tkun qed tirrisjedi fl-Istat rikjest jew għall-adozzjoni ta' miżuri proviżorji oħra mill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat. Jenħtieġ li tali arrest proviżorju jew miżuri proviżorji oħra jittieħdu biss f'konformità mal-liġi nazzjonali, u fejn meħtieġ biss. Jenħtieġ li tali arrest proviżorju jew miżuri proviżorji oħra jkunu soġġetti għall-istess salvagwardji proċedurali applikabbli għall-istess miżuri skont il-liġi nazzjonali, inkluż is-sorveljanza ġudizzjarja. Barra minn hekk, jenħtieġ li tali arrest proviżorju jew miżuri proviżorji oħra jittieħdu wara valutazzjoni xierqa abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtorità rikjesta. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jikkostitwix bażi legali għall-arrest ta' persuni bil-ħsieb li jiġu fiżikament trasferiti lejn l-Istat rikjest sabiex dan tal-aħħar iressaq proċedimenti kriminali kontra dik il-persuna. |
|
(55) |
Jenħtieġ li awtorità kompetenti tal-Istat rikjest tinforma lill-awtorità rikjedenti bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest. Id-Deċiżjoni Qafas 2009/948/ĠAI timponi obbligu simili fejn ikun intlaħaq ftehim dwar il-konċentrazzjoni tal-proċedimenti fi Stat Membru wieħed. Meta l-awtorità rikjesta tiddeċiedi li twaqqaf il-proċedimenti kriminali relatati mal-fatti sottostanti għat-talba għal trasferiment, jenħtieġ li tinforma lill-awtorità bir-raġunijiet għat-tali waqfien. Jenħtieġ li tal-inqas il-partijiet essenzjali ta' din l-informazzjoni u tad-deċiżjoni finali bil-miktub meħuda fl-Istat rikjest, jiġu tradotti mill-awtorità rikjesta f'lingwa uffiċjali tal-Istat rikjedenti jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata minn dak l-Istat f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-partijiet essenzjali tal-informazzjoni u tad-deċiżjoni huma maħsuba li jkunu dawk l-estratti li jidhru neċessarji biex l-awtorità rikjedenti jkollha għarfien tal-kontenut ġenerali tagħhom. |
|
(56) |
Jekk l-awtorità rikjesta tiddeċiedi li twaqqaf proċedimenti kriminali relatati mal-fatti sottostanti għat-talba għal trasferiment, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tkun tista' tkompli jew terġa' tiftaħ il-proċedimenti kriminali jekk dak ma jkunx jinvolvi ksur tal-prinċipju ne bis in idem, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri meta d-deċiżjoni li jitwaqqfu l-proċedimenti ma tipprojbix b'mod definittiv il-prosekuzzjoni ulterjuri skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest u ma tteħditx wara li l-merti tal-każ ikunu ġew determinati, u għalhekk ma tipprekludix proċedimenti kriminali ulterjuri, fir-rigward tal-istess atti, f'dak l-Istat. Jenħtieġ li l-vittmi jkollhom il-possibbiltà li jibdew jew li jitolbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjedenti f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat, dment li dan ma jkunx jinvolvi ksur tal-prinċipju ne bis in idem. |
|
(57) |
Ladarba l-proċedimenti kriminali jiġu trasferiti f'konformità ma' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tapplika l-liġi nazzjonali u l-proċeduri rilevanti tagħha. Jenħtieġ li l-ebda parti minn dan ir-Regolament ma tiġi interpretata bħala li tinterferixxi ma' kwalunkwe diskrezzjoni prosekutorjali prevista fil-liġi nazzjonali. |
|
(58) |
Jenħtieġ li l-ebda parti minn dan ir-Regolament ma tiġi interpretata bħala li taffettwa t-tul tal-perjodu ta' limitazzjoni fl-Istat rikjest, kif previst fil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat. |
|
(59) |
Bil-għan li jingħata effett sħiħ lit-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-provi trasferiti mill-awtorità rikjedenti ma jiġux miċħuda l-ammissjoni fil-proċedimenti kriminali korrispondenti fl-Istat rikjest minħabba s-sempliċi kunsiderazzjoni li l-provi nġabru fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-qorti kompetenti fl-Istat rikjest iżżomm id-diskrezzjoni ġudizzjarja tagħha fil-valutazzjoni ta' dawn il-provi f'konformità mal-liġi nazzjonali, filwaqt li jenħtieġ li l-persuni suspettati u akkużati jżommu d-drittijiet tagħhom li jikkontestaw l-ammissibbiltà ta' dawn il-provi f'konformità mad-drittijiet tagħhom ta' difiża skont il-Karta. F'konformità ma' dawk il-prinċipji, u b'rispett għas-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 67(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-ebda parti minn dan ir-Regolament ma għandha tiġi interpretata bħala li tipprojbixxi lill-qrati milli japplikaw il-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali dwar l-ekwità tal-proċedura li japplikaw fis-sistemi nazzjonali tagħhom, inkluż fis-sistemi tad-dritt komuni. |
|
(60) |
Jenħtieġ li l-Istat rikjest japplika l-liġi nazzjonali tiegħu biex jiddetermina l-piena applikabbli għar-reat kriminali inkwistjoni. F'każijiet fejn ir-reat kriminali jkun twettaq fit-territorju tal-Istat rikjedenti, jenħtieġ li fid-determinazzjoni tal-piena l-awtoritajiet rikjesti jkunu jistgħu jqisu l-piena massima prevista fil-liġi nazzjonali tal-Istat rikjedenti, kull meta dan ikun għall-benefiċċju tal-persuna akkużata, u f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest. Jenħtieġ li dan jitqies f'sitwazzjonijiet fejn it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jkun iwassal għall-applikazzjoni fl-Istat rikjest ta' piena aktar ħarxa mill-piena massima prevista fl-Istat rikjedenti għall-istess reat kriminali, bil-ħsieb li jiġi żgurat grad ta' ċertezza legali u prevedibbiltà tal-liġi applikabbli għall-persuni suspettati jew akkużati kkonċernati. Jenħtieġ li l-piena massima prevista fil-liġi nazzjonali tal-Istat rikjedenti titqies dejjem meta l-ġuriżdizzjoni tal-Istat rikjest tkun ibbażata esklużivament fuq dan ir-Regolament. |
|
(61) |
Jenħtieġ li kull Stat Membru jġarrab il-kostijiet ta' trasferimenti tal-proċedimenti kriminali tiegħu stess, inkluż dawk relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali li l-persuna suspettata jew akkużata hija intitolata għalihom f'kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jippretendu kumpens mingħand xulxin għall-kostijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Madankollu, meta l-Istat rikjedenti jkun ġarrab kostijiet kbar jew eċċezzjonali marbuta mat-traduzzjoni tad-dokumenti fil-proċess tal-kawża li jkun ser jiġi trasferit lill-Istat rikjest, jenħtieġ li l-awtorità rikjesta tikkunsidra proposta mill-awtorità rikjedenti biex jikkondividu l-kostijiet. F'każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta jikkonsultaw lil xulxin sabiex jilħqu qbil dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet. Idealment jenħtieġ li dawn il-konsultazzjonijiet isiru qabel ma tinħareġ it-talba għat-trasferiment. Jekk ma jkun jista' jintlaħaq l-ebda qbil qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti tkun tista' tiddeċiedi li tirtira t-talba f'konformità ma' dan ir-Regolament jew li żżomm it-talba u ġġarrab il-parti tal-kostijiet meqjusa bħala eċċezzjonalment għoljin. |
|
(62) |
L-użu ta' formola ta' talba standardizzata tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u jippermettilhom jieħdu deċiżjoni aktar malajr u b'mod aktar effettiv dwar it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. L-użu ta' tali formola ta' talba jnaqqas ukoll il-kostijiet tat-traduzzjoni u jikkontribwixxi għal kwalità ogħla tat-talbiet. |
|
(63) |
Jenħtieġ li l-formola ta' talba tinkludi biss id-data personali meħtieġa biex tiġi ffaċilitata d-deċiżjoni tal-awtorità rikjesta dwar it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jenħtieġ li l-formola ta' talba jkun fiha indikazzjoni tal-kategoriji ta' data personali, bħal jekk il-persuna kkonċernata hijiex persuna suspettata, akkużata jew vittma, kif ukoll l-oqsma speċifiċi għal kull waħda minn dawk il-kategoriji. |
|
(64) |
Sabiex tiġi indirizzata b'mod effettiv il-possibbiltà li jkun hemm bżonn titjib fir-rigward tal-formola ta' talba li trid tintuża biex jintalab it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jew ta' formoli oħra, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-emendar tal-Anness ta' dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (29). B'mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jieħdu ħsieb it-tħejjija ta' atti delegati. |
|
(65) |
Sabiex jiġi żgurat skambju rapidu, dirett, interoperabbli, affidabbli u sigur tad-data relatata mal-każ, jenħtieġ li l-komunikazzjoni skont dan ir-Regolament bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u bl-involviment tal-awtoritajiet ċentrali, fejn Stat Membru jkun iddeżinja awtorità ċentrali, kif ukoll mal-Eurojust, bħala regola, issir permezz tas-sistema deċentralizzata tal-IT skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2023/2844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30). B'mod partikolari, jenħtieġ li, bħala regola, għall-iskambju tal-formola ta' talba u ta' kwalunkwe informazzjoni u dokumenti rilevanti oħra u għal kull komunikazzjoni oħra bejn l-awtoritajiet skont dan ir-Regolament, tintuża s-sistema deċentralizzata tal-IT. F'każijiet fejn tapplika waħda jew aktar mill-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) 2023/2844, b'mod partikolari meta l-użu tas-sistema deċentralizzata tal-IT ma jkunx possibbli jew xieraq, jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw mezzi ta' komunikazzjoni oħra kif speċifikat f'dak ir-Regolament. |
|
(66) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw software żviluppat mill-Kummissjoni (“software ta' implimentazzjoni ta' referenza”) minflok sistema tal-IT nazzjonali. Jenħtieġ li s-software ta' implimentazzjoni ta' referenza jkun ibbażat fuq struttura modulari, li jfisser li s-software jiġi ppakkjat u kkonsenjat separatament mill-komponenti tas-sistema e-CODEX, stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31), li huma meħtieġa biex jiġi konness mas-sistema deċentralizzata tal-IT. Jenħtieġ li dik l-istruttura tippermetti lill-Istati Membri jużaw mill-ġdid jew itejbu l-infrastrutturi nazzjonali eżistenti ta' komunikazzjoni ġudizzjarja tagħhom għall-fini ta' użu transfruntier. |
|
(67) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun responsabbli għall-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal, tiżviluppa u tagħmel il-manutenzjoni tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza b'mod li jippermetti lill-kontrolluri jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33), b'mod partikolari l-obbligi tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b'mod awtomatiku kif ukoll livell għoli ta' ċibersigurtà. Jenħtieġ li s-software ta' implimentazzjoni ta' referenza jinkludi wkoll miżuri tekniċi xierqa u jippermetti l-miżuri organizzattivi meħtieġa biex jiġi żgurat livell xieraq ta' sigurtà u interoperabbiltà, filwaqt li jitqies li jistgħu jiġu skambjati wkoll kategoriji speċjali ta' data. Il-Kummissjoni ma tipproċessa l-ebda data personali fil-kuntest tal-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza. |
|
(68) |
Jenħtieġ li s-software ta' implimentazzjoni ta' referenza żviluppat mill-Kummissjoni bħala sistema back-end jiġbor b'mod programmatiku d-data statistika meħtieġa għall-finijiet ta' monitoraġġ u jenħtieġ li tali data tintbagħat lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jużaw sistema nazzjonali tal-IT minflok is-software ta' implimentazzjoni ta' referenza żviluppat mill-Kummissjoni, dik is-sistema tista' tiġi mgħammra sabiex tiġbor b'mod programmatiku dik id-data u, f'dak il-każ, jenħtieġ li dik id-data tintbagħat lill-Kummissjoni. Il-konnettur tal-e-CODEX jista' jkun mgħammar ukoll b'karatteristika li tippermetti l-irkupru ta' data statistika rilevanti. |
|
(69) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi sistema deċentralizzata tal-IT. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34). |
|
(70) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament joħloq il-bażi legali għall-iskambju ta' data personali bejn l-Istati Membri għall-finijiet tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 8 u mal-Artikolu 10, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2016/680. Madankollu, kwalunkwe aspett ieħor relatat mad-data personali, bħall-perjodu għaż-żamma tad-data personali li tirċievi l-awtorità rikjedenti, l-ipproċessar tad-data personali mill-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta, jenħtieġ li jkun soġġett għal-liġinazzjonali tal-Istati Membri adottati skont id-Direttiva (UE) 2016/680. Jenħtieġ li l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta jitqiesu bħala kontrolluri fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali skont dik id-Direttiva. L-awtoritajiet ċentrali jistgħu jipprovdu appoġġ amministrattiv lill-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u, sa fejn ikunu qed jipproċessaw data personali f'isem dawk il-kontrolluri, jenħtieġ li jitqiesu bħala proċessuri tal-kontrollur rispettiv. Fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-Eurojust, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1725 japplika fil-kuntest ta' dan ir-Regolament mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1727. Jenħtieġ li l-ebda parti minn dan ir-Regolament ma tiġi interpretata bħala estensjoni ulterjuri tad-drittijiet ta' aċċess għal sistemi ta' informazzjoni oħra tal-Unjoni skont l-atti legali tal-Unjoni li jistabbilixxu dawk is-sistemi. |
|
(71) |
Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta’ -proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv. |
|
(72) |
F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, b'ittra tat-13 ta' Lulju 2023, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
|
(73) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(74) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fit-22 ta' Mejju 2023 (35), |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li tittejjeb l-amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja fl-ispazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.
2. Dan ir-Regolament japplika f'kull każ ta' trasferiment tal-proċedimenti kriminali imwettaq fl-Istati Membri.
3. Dan ir-Regolament ma għandux ikollu l-effett li jimmodifika l-obbligu li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali kif minquxa fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“Stat rikjedenti” tfisser Stat Membru li fih ikunu qed isiru proċedimenti kriminali u li fih tinħareġ talba għat-trasferiment ta' dawk il-proċedimenti lil Stat Membru ieħor, jew li jkun beda jew irċieva talba għal konsultazzjonijiet dwar possibbiltà li l-proċedimenti kriminali jiġu trasferiti; |
|
(2) |
“Stat rikjest” tfisser Stat Membru li lilu tintbagħat talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali bil-għan li jieħu f'idejh dawk il-proċedimenti, jew li jkun irċieva talba għal konsultazzjonijiet dwar trasferiment possibbli tal-proċedimenti kriminali jew ikun beda konsultazzjonijiet dwar dan; |
|
(3) |
“awtorità rikjedenti” tfisser:
|
|
(4) |
“awtorità rikjesta” tfisser imħallef, qorti, maġistrat istruttur jew prosekutur pubbliku kompetenti biex jieħdu deċiżjoni dwar jekk jaċċettawx jew jirrifjutawx it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 11(1) u li, fejn is-sistema legali tal-Istat rikjest tippermetti dan, jieħdu miżuri sussegwenti f'konformità ma' dan ir-Regolament jew kwalunkwe miżura kif previst fil-liġi nazzjonali tagħha. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li deċiżjoni dwar jekk jiġix aċċettat jew rifjutat trasferiment tal-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 11(1) trid tittieħed esklużivament minn imħallef, qorti, maġistrat istruttur jew prosekutur pubbliku, abbażi tal-valutazzjoni tagħhom tar-raġunijiet għal rifjut skont l-Artikolu 12, l-Istat rikjest jista', minħabba l-istruttura tas-sistema legali interna tiegħu li tirriżulta minn tradizzjoni legali ta' dritt komuni, fejn is-sistema legali nazzjonali tiegħu ma tippermettix li l-qrati jew il-prosekuturi pubbliċi tiegħu jieħdu miżuri għajr id-deċiżjoni dwar jekk jiġix aċċettat jew rifjutat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 11(1), jipprevedi li awtorità oħra, kompetenti biex tieħu miżuri fi proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali tiegħu, tieħu miżuri għall-iskop uniku li tiffaċilita dan it-teħid ta' deċiżjonijiet ġudizzjarju. Tali awtorità kompetenti oħra tista' tieħu wkoll miżuri sussegwenti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament; |
|
(5) |
“sistema deċentralizzata tal-IT” tfisser sistema deċentralizzata tal-IT kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2023/2844; |
|
(6) |
“vittma” tfisser vittma kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2012/29/UE, jew persuna ġuridika, kif definit mil-liġi nazzjonali, li tkun sofriet ħsara jew telf ekonomiku bħala riżultat dirett ta' reat kriminali li huwa s-suġġett ta' proċedimenti kriminali li għalihom japplika dan ir-Regolament. |
Аrtikolu 3
Ġuriżdizzjoni
1. Sakemm il-ġuriżdizzjoni ma tkunx diġà prevista mil-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament l-Istat rikjest għandu jkollu l-ġuriżdizzjoni fuq kwalunkwe reat kriminali li għalih tkun applikabbli l-liġi nazzjonali tal-Istat rikjedenti f'sitwazzjonijiet fejn:
|
(a) |
l-Istat rikjest jirrifjuta li jikkonsenja persuna suspettata jew akkużata li tkun preżenti fl-Istat rikjest, tkun ċittadin tiegħu jew residenti fih, abbażi tal-Artikolu 4, il-punt (7)(b), tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI; |
|
(b) |
l-Istat rikjest jirrifjuta li jikkonsenja persuna suspettata jew akkużata li għaliha nħareġ mandat ta' arrest Ewropew u li tkun preżenti fl-Istat rikjest u tkun cittadin tiegħu jew residenti fih, jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jiskopri li jeżistu raġunijiet sostanzjali biex jemmen, abbażi ta' provi speċifiċi u oġġettivi, li l-konsenja, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, tkun tinvolvi ksur manifest ta' dritt fundamentali rilevanti kif minqux fl-Artikolu 6 TUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”); |
|
(c) |
il-biċċa l-kbira tal-effetti tar-reat kriminali jew parti sostanzjali tad-dannu li jiffurmaw parti mill-elementi kostitwenti tar-reat kriminali seħħew fit-territorju tal-Istat rikjest; |
|
(d) |
ikun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest kontra l-persuna suspettata jew akkużata fir-rigward ta' fatti oħra u l-persuna suspettata jew akkużata tkun ċittadin tal-Istat rikjest jew residenti fih; jew |
|
(e) |
ikun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti, fatti parzjalment l-istess jew fatti relatati kontra persuni oħra u l-persuna suspettata jew akkużata fil-proċedimenti kriminali li għandhom jiġu trasferiti tkun ċittadin tal-Istat rikjest jew residenti fih. |
2. Meta l-ġuriżdizzjoni tiġi stabbilita mill-Istat rikjest esklużivament abbażi tal-paragrafu 1, dik il-ġuriżdizzjoni għandha tiġi eżerċitata biss wara talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali skont dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Rinunzja, sospensjoni jew waqfien tal-proċedimenti kriminali mill-Istat rikjedenti
Kwalunkwe Stat Membru li jkollu l-ġuriżdizzjoni skont il-liġi nazzjonali tiegħu għall-prosekuzzjoni ta' reat kriminali jista', għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jirrinunzja, jissospendi jew iwaqqaf il-proċedimenti kriminali sabiex ikun jista' jsir it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fir-rigward ta' dak ir-reat kriminali lill-Istat rikjest.
KAPITOLU 2
TRASFERIMENT TAL-PROĊEDIMENTI KRIMINALI
Artikolu 5
Kriterji biex jintalab it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali
1. Talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tista' tinħareġ biss meta l-awtorità rikjedenti tqis li l-objettiv ta' amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja, inkluż il-proporzjonalità, jkun moqdi aħjar jekk il-proċedimenti kriminali rilevanti jitwettqu fi Stat Membru ieħor.
2. L-awtorità rikjedenti għandha tqis b'mod partikolari l-kriterji li ġejjin meta tikkunsidra jekk titlobx it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali:
|
(a) |
ir-reat kriminali twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tal-Istat rikjest, jew il-biċċa l-kbira tal-effetti tar-reat kriminali jew parti sostanzjali tad-dannu li jiffurmaw parti mill-elementi kostitwenti tar-reat kriminali seħħew fit-territorju tal-Istat rikjest; |
|
(b) |
persuna suspettata jew akkużata waħda jew aktar huma ċittadin tal-Istat rikjest jew residenti fih; |
|
(c) |
persuna suspettata jew akkużata waħda jew aktar ikunu preżenti fl-Istat rikjest u dak l-Istat jirrifjuta li jikkonsenja lil dawk il-persuni lill-Istat rikjedenti abbażi ta':
|
|
(d) |
persuna suspettata jew akkużata waħda jew aktar li għalihom inħareġ mandat ta' arrest Ewropew ikunu preżenti fl-Istat rikjest u dak l-Istat jirrifjuta li jikkonsenja lil dawk il-persuni, jekk jara li, f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, hemm raġunijiet sostanzjali biex jemmen, abbażi ta' provi speċifiċi u oġġettivi, li l-konsenja, fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, tinvolvi ksur manifest ta' dritt fundamentali rilevanti kif minqux fl-Artikolu 6 TUE u fil-Karta; |
|
(e) |
il-biċċa l-kbira tal-provi rilevanti għall-investigazzjoni jkunu jinsabu fl-Istat rikjest, jew il-maġġoranza tax-xhieda rilevanti jkunu residenti fih; |
|
(f) |
ikun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti, fatti parzjalment l-istess jew fatti oħra kontra l-persuna suspettata jew akkużata; |
|
(g) |
ikun hemm proċedimenti kriminali għaddejjin fl-Istat rikjest fir-rigward tal-istess fatti, fatti parzjalment l-istess jew fatti relatati kontra persuni oħra; |
|
(h) |
persuna suspettata jew akkużata waħda jew aktar ikunu qed jiskontaw jew għandhom jiskontaw piena li tinvolvi ċaħda tal-libertà fl-Istat rikjest; |
|
(i) |
l-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat rikjest x'aktarx ittejjeb il-prospetti ta' riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata jew hemm raġunijiet oħra għaliex l-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat rikjest ikun aktar xieraq; |
|
(j) |
vittma waħda jew aktar ikunu ċittadini tal-Istat rikjest jew residenti fih; |
|
(k) |
l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu laħqu kunsens, skont id-Deċiżjoni Qafas 2009/948/ĠAI jew inkella, dwar il-konċentrazzjoni tal-proċedimenti kriminali fi Stat Membru wieħed. |
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (j), l-awtorità rikjedenti għandha tqis kif xieraq vittmi tfal u persuni vulnerabbli oħra.
3. Persuna suspettata, persuna akkużata jew vittma tista', f'konformità mal-proċeduri skont il-liġi nazzjonali, tipproponi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat rikjedenti jew tal-Istat rikjest li l-proċedimenti kriminali jiġu trasferiti f'konformità ma' dan ir-Regolament. Tali proposti għandhom jiġu kkunsidrati u rreġistrati f'konformità mal-proċedura ta' reġistrazzjoni skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Jekk il-proposta ssir lill-awtorità kompetenti tal-Istat rikjest, l-awtorità rikjesta tista' tikkonsulta lill-awtorità rikjedenti. Il-proposti magħmula skont dan il-paragrafu ma għandhomx joħolqu obbligu għall-Istat rikjedenti li jitlob it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali lill-Istat rikjest jew li jittrasferihom lilu, jew għall-awtorità rikjedenti jew l-awtorità rikjesta li jikkonsultaw lil xulxin.
Artikolu 6
Id-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata
1. Qabel ma tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti għandha, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, tqis kif xieraq l-interessi leġittimi tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż l-aspetti relatati mal-ġustizzja restorattiva.
2. Id-drittijiet stipulati fil-paragrafi 3, 4 u 6 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikoli 15 u 17 għandhom japplikaw għall-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali minn meta jiġu mgħarrfa mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, b'notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk humiex imċaħħda mil-libertà.
3. L-awtorità rikjedenti għandha, qabel ma toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali:
|
(a) |
tinforma lill-persuna suspettata jew akkużata, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u b'lingwa li l-persuna suspettata jew akkużata tifhem, bl-intenzjoni tagħha li toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali; u |
|
(b) |
tagħti lill-persuna suspettata jew akkużata l-opportunità li tesprimi opinjoni dwar dan it-trasferiment, inkluż dwar aspetti relatati mal-ġustizzja restorattiva. |
L-awtorità rikjedenti ma għandhiex tkun meħtieġa tissodisfa l-obbligi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu meta:
|
(a) |
it-twettiq ta' dawk l-obbligi jipperikola l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni jew jippreġudika l-investigazzjoni b'mod ieħor; |
|
(b) |
il-persuna suspettata jew akkużata la tista' tiġi lokalizzata u lanqas ma jista' jsir kuntatt magħha minkejja sforzi raġonevoli mill-awtorità rikjedenti; jew |
|
(c) |
it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ssegwi proposta mill-persuna suspettata jew akkużata skont l-Artikolu 5(3). |
4. Meta l-persuna suspettata jew akkużata tiddeċiedi li tesprimi opinjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), il-persuna suspettata jew akkużata għandha tagħti dik l-opinjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara li tkun ġiet infurmata bl-intenzjoni li tinħareġ talba għat-trasferiment u mogħtija l-opportunità li tesprimi opinjoni skont il-paragrafu 3. Dik l-opinjoni għandha tkun reġistrata u meqjusa mill-awtorità rikjedenti meta tkun qed tiddeċiedi jekk titlobx it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Tali reġistrazzjoni għandha ssir f'konformità mal-proċedura ta' reġistrazzjoni skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjedenti.
5. F'każijiet fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti fl-Istat rikjest, l-awtorità rikjedenti tista', għall-finijiet tal-paragrafu 3, tibgħat il-verżjoni mimlija tal-formola li tinsab fl-Anness II lill-awtorità rikjesta. F'każijiet bħal dawn, l-obbligi skont il-paragrafi 3 u 4 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-awtorità rikjesta, li għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti b'dan.Jekk dik il-persuna suspettata jew akkużata tesprimi opinjoni, l-awtorità rikjesta għandha tibgħatha lill-awtorità rikjedenti.
6. Meta l-awtorità rikjedenti toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u l-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet infurmata f'konformità mal-paragrafu 3, din għandha tinforma lill-persuna suspettata jew akkużata, mingħajr dewmien żejjed b'lingwa li l-persuna suspettata jew akkużata tifhem, li t-talba tkun inħarġet.
7. F’każijiet fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti fl-Istat rikjest, l-awtorità rikjedenti tista', għall-finijiet tal-paragrafu 6, tibgħat il-verżjoni mimlija tal-formola li tinsab fl-Anness III lill-awtorità rikjesta. F'każijiet bħal dawn, l-obbligi skont il-paragrafu 6 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-awtorità rikjesta, li għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti b'dan.
Artikolu 7
Id-drittijiet tal-vittma
1. Qabel ma tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti għandha, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, tqis kif xieraq l-interessi leġittimi tal-vittma, inkluż aspetti relatati mal-ġustizzja restorattiva.
2. Meta l-vittma tkun persuna fiżika li tirrisjedi fl-Istat rikjedenti u tirċievi l-informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/29/UE, kif implimentat fil-liġi nazzjonali, jew tkun persuna ġuridika li tkun stabbilita fl-Istat rikjedenti u tirċievi din l-informazzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali, l-awtorità rikjedenti għandha, qabel ma toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali:
|
(a) |
tinforma lill-vittma, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u b'lingwa li l-vittma tifhem, bl-intenzjoni tagħha li toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali; u |
|
(b) |
tagħti lill-vittma l-opportunità li tesprimi opinjoni dwar dan it-trasferiment, inkluż dwar aspetti relatati mal-ġustizzja restorattiva. |
L-awtorità rikjedenti ma għandhiex tkun meħtieġa tissodisfa l-obbligi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu meta:
|
(a) |
it-twettiq ta' dawk l-obbligi jipperikola l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni jew jippreġudika l-investigazzjoni b'mod ieħor; jew |
|
(b) |
it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ssegwi proposta mill-vittma skont l-Artikolu 5(3). |
3. Meta l-vittma tiddeċiedi li tesprimi opinjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), il-vittma għandha tagħti dik l-opinjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara li tkun ġiet infurmata bl-intenzjoni li tinħareġ talba għat-trasferiment u mogħtija l-opportunità li tesprimi opinjoni skont il-paragrafu 2. Dik l-opinjoni għandha tiġi reġistrata u għandha tiġi meqjusa mill-awtorità rikjedenti meta tkun qed tiddeċiedi jekk għandhiex titlob it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Tali reġistrazzjoni għandha ssir f'konformità mal-proċedura ta' reġistrazzjoni skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjedenti.
4. Meta l-awtorità rikjedenti toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u l-vittma tkun ġiet infurmata f'konformità mal-paragrafu 2, din għandha tinforma lill-vittma, mingħajr dewmien żejjed b'lingwa li l-vittma tifhem, li t-talba tkun inħarġet.
Artikolu 8
Proċedura għat-talba tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali
1. It-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali għandha titfassal mill-awtorità rikjedenti billi tintuża l-formola ta' talba li tinsab fl-Anness I. L-awtorità rikjedenti għandha tiffirma l-formola ta' talba u għandha tiċċertifika l-kontenut tagħha bħala preċiż u korrett.
2. It-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali għandha tkun issostanzjata kif xieraq u għandha, b'mod partikolari, tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
informazzjoni dwar l-awtorità rikjedenti; |
|
(b) |
deskrizzjoni tar-reat kriminali li jkun is-suġġett tal-proċedimenti kriminali, u d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt kriminali tal-Istat rikjedenti; |
|
(c) |
ir-raġunijiet għaliex it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali huwa neċessarju u xieraq u b'mod partikolari liema mill-kriterji skont l-Artikolu 5(2) huma applikabbli; |
|
(d) |
l-informazzjoni meħtieġa disponibbli dwar il-persuna suspettata jew il-persuna akkużata u dwar il-vittma; |
|
(e) |
valutazzjoni tal-impatt tat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fuq id-drittijiet tal-persuna suspettata jew tal-persuna akkużata u tal-vittma, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-awtorità rikjedenti inkluż, fejn applikabbli, l-opinjoni tal-persuni kkonċernati, miksuba f'konformità mal-Artikolu 6(3) u (4) jew l-Artikolu 7(2) u (3), jew il-proposti magħmula skont l-Artikolu 5(3); |
|
(f) |
informazzjoni dwar atti jew miżuri proċedurali b'effett fuq il-proċedimenti kriminali li jkunu twettqu fl-Istat rikjedenti, inkluż kwalunkwe miżura ta' koerċizzjoni temporanja li tkun għaddejja u l-limitu ta' żmien għall-applikazzjoni ta' tali miżuri; |
|
(g) |
kwalunkwe kundizzjoni speċifika applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680. |
3. Meta l-persuna suspettata jew akkużata tkun esprimiet opinjoni skont l-Artikolu 6(3) u (4) jew meta l-vittma tkun esprimiet opinjoni skont l-Artikolu 7(2) u (3), dik l-opinjoni għandha tintbagħat lill-awtorità rikjesta flimkien mat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jekk l-opinjoni tal-persuna suspettata, tal-persuna akkużata jew tal-vittma tkun ġiet iddikjarata bil-fomm, l-awtorità rikjedenti għandha tiżgura li r-rekord bil-miktub ta' din id-dikjarazzjoni jkun disponibbli għall-awtorità rikjesta.
4. Fejn meħtieġ, it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali għandha tkun akkumpanjata minn kwalunkwe informazzjoni u dokumenti rilevanti addizzjonali.
5. Il-formola ta' talba mimlija kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kif ukoll il-partijiet essenzjali ta' kwalunkwe informazzjoni oħra bil-miktub li takkumpanja t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, għandhom jiġu tradotti f'lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest jew fi kwalunkwe lingwa oħra li l-Istat rikjest jaċċetta f'konformità mal-Artikolu 32(1), il-punt (d).
6. L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali direttament lill-awtorità rikjesta jew, fejn applikabbli, bl-involviment tal-awtorità ċentrali msemmija fl-Artikolu 20. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom iwettqu l-komunikazzjoni uffiċjali l-oħra kollha direttament jew, fejn applikabbli, bl-involviment ta' awtorità ċentrali msemmija fl-Artikolu 20.
7. Meta l-awtorità rikjesta ma tkunx magħrufa mill-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjedenti għandha tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti ta' kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew kif previst mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI (36), sabiex tiddetermina liema awtorità hija kompetenti fl-Istat rikjest biex tieħu d-deċiżjoni skont l-Artikolu 11(1).
8. Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien sebat ijiem minn meta tirċievi formola ta' talba kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità rikjesta għandha tibgħat lill-awtorità rikjedenti konferma tar-riċevuta. Dak l-obbligu japplika kemm għall-awtorità ċentrali msemmija fl-Artikolu 20, fejn applikabbli, kif ukoll għall-awtorità rikjesta li tirċievi t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mill-awtorità ċentrali.
9. Meta l-awtorità fl-Istat rikjest li rċeviet it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ma jkollha l-ebda kompetenza biex tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 11(1), din għandha mingħajr dewmien żejjed tibgħat it-talba lill-awtorità rikjesta kompetenti fl-istess Stat Membru u għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti b'dan.
Artikolu 9
Informazzjoni li għandha tingħata mill-awtorità rikjedenti wara li tintbagħat it-talba
1. L-awtorità rikjedenti għandha tinforma lill-awtorità rikjesta mingħajr dewmien żejjed bi kwalunkwe att jew miżura proċedurali b'effett fuq il-proċedimenti kriminali li twettqu fl-Istat rikjedenti wara li tintbagħat it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, u għandha tipprovdi d-dokumenti rilevanti kollha.
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-partijiet essenzjali tad-dokumenti rilevanti provduti f'konformità ma' dak il-paragrafu għandhom jiġu tradotti mill-awtorità rikjedenti f'lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata mill-Istat rikjest f'konformità mal-Artikolu 32(1), il-punt (d).
Artikolu 10
Irtirar tat-talba
1. L-awtorità rikjedenti tista' tirtira t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali fi kwalunkwe ħin qabel ma tirċievi d-deċiżjoni tal-awtorità rikjesta li taċċetta jew tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 11(1). F'każijiet bħal dawn, l-awtorità rikjedenti għandha tinforma minnufih lill-awtorità rikjesta skont il-każ.
2. L-awtorità rikjedenti għandha tinforma lill-persuna suspettata jew akkużata li tkun ġiet infurmata f'konformità mal-Artikolu 6(3) u lill-vittma li tkun ġiet infurmata f'konformità mal-Artikolu 7(2) dwar l-irtirar tat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, u għandha tagħmel dan b'lingwa li jifhmu.
3. F’każijiet fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti fl-Istat rikjest, l-awtorità rikjedenti tista', għall-fini li tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, tibgħat il-verżjoni mimlija tal-formola li tinsab fl-Anness VI lill-awtorità rikjesta. F'każijiet bħal dawn, l-awtorità rikjesta għandha tipprovdi dik l-informazzjoni lill-persuna suspettata jew akkużata u tinforma lill-awtorità rikjedenti skont il-każ.
4. Meta l-awtorità rikjedenti tkun infurmat lill-awtorità rikjesta, f'konformità mal-paragrafu 1, bl-irtirar tat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, il-proċedimenti kriminali għandhom jibqgħu f'idejn l-awtorità rikjedenti.
Artikolu 11
Deċiżjoni tal-awtorità rikjesta
1. L-awtorità rikjesta għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk taċċettax jew tirrifjutax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali kompletament jew parzjalment, u għandha tiddeċiedi, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali għandha tkun debitament motivata.
2. L-awtorità rikjesta għandha tikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lill-awtorità rikjedenti, f'konformità mal-limiti ta' żmien stipulati fl-Artikolu 13.
3. Jekk l-awtorità rikjesta tqis li l-informazzjoni kkomunikata mill-awtorità rikjedenti ma tkunx biżżejjed biex tkun tista' tiddeċiedi jekk taċċettax jew tirrifjutax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, tista' titlob informazzjoni addizzjonali kif tqis meħtieġ. L-awtorità rikjedenti għandha tipprovdi l-informazzjoni addizzjonali mitluba mingħajr dewmien żejjed, jekk tkun disponibbli, akkumpanjata minn traduzzjoni f'lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata mill-Istat rikjest f'konformità mal-Artikolu 32(1), il-punt (d).
4. Jekk l-awtorità rikjesta tiddeċiedi li tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 12, din għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal tali rifjut.
5. Meta l-awtorità rikjedenti tkun irċeviet id-deċiżjoni motivata li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità rikjedenti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tibgħat lill-awtorità rikjesta l-oriġinali jew kopja ċċertifikata tal-proċess tal-kawża jew ta' partijiet rilevanti minnu, akkumpanjati mit-traduzzjoni tagħhom f'lingwa uffiċjali tal-Istat rikjest jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata mill-Istat rikjest f'konformità mal-Artikolu 32(1), il-punt (d).
6. Jekk il-proċedimenti kriminali jitwaqqfu f'konformità mal-Artikolu 21, l-awtorità rikjedenti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tibgħat lill-awtorità rikjesta kwalunkwe parti rilevanti li jkun fadal mill-proċess tal-kawża, l-oriġinali jew kopja ċċertifikata, inkluż il-provi fiżiċi rilevanti. Fil-każ li tkun diġà ġiet ipprovduta kopja ċċertifikata tal-proċess tal-kawża lill-awtorità rikjesta, l-awtorità rikjedenti għandha, fuq talba tal-awtorità rikjesta, tibgħat id-dokumenti oriġinali tal-proċess tal-kawża. L-Istat rikjedenti jista' jirrikjedi li d-dokumenti oriġinali tal-proċess tal-kawża jew il-provi fiżiċi jiġu rritornati lilu meta dawk id-dokumenti jew dawk il-provi ma jibqgħux aktar meħtieġa fl-Istat rikjest jew fi tmiem il-proċedimenti fl-Istat rikjest. Meta l-Istat rikjedenti, jekk jintalab jagħmel dan mill-Istat rikjest, ikun indika li mhux beħsiebu jirkupra d-dokumenti oriġinali tal-proċess tal-kawża jew il-provi fiżiċi meta ma jkunux meħtieġa aktar jew fi tmiem il-proċedimenti, l-Istat rikjest jista' jiddetermina, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħukif ser jitratta l-provi li jkun fadal, inkluż jekk iżommx jew jeqridx dawn il-provi.
7. Għall-finijiet tal-paragrafi 5 u 6, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta jistgħu jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw il-partijiet rilevanti tal-proċess tal-kawża li għandhom jintbagħtu u jiġu tradotti.
Artikolu 12
Raġunijiet għal rifjut
1. L-awtorità rikjesta għandha tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, kompletament jew parzjalment, meta l-proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest ma jkunux jistgħu jitressqu jew jiġu segwiti fir-rigward tal-fatti sottostanti għat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali jekk tkun tapplika kwalunkwe raġuni, waħda jew aktar, minn dawn li ġejjin:
|
(a) |
l-imġiba li fir-rigward tagħha saret it-talba ma tikkostitwix reat kriminali skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest; |
|
(b) |
it-teħid tar-responsabbiltà tal-proċedimenti kriminali jmur kontra l-prinċipju ta' ne bis in idem; |
|
(c) |
il-persuna suspettata jew akkużata ma tkunx tista' tinżamm kriminalment responsabbli għar-reat kriminali minħabba l-età ta' dik il-persuna suspettata jew akkużata; |
|
(d) |
il-prosekuzzjoni kriminali tkun preskritta skont il-liġi f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest; |
|
(e) |
il-kundizzjonijiet għall-prosekuzzjoni tar-reat kriminali fl-Istat rikjest ma jiġux issodisfati; |
|
(f) |
ir-reat kriminali jkun kopert minn amnestija f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest; |
|
(g) |
l-Istat rikjest ma jkollux ġuriżdizzjoni fuq ir-reat kriminali f'konformità mal-liġi nazzjonali jew ġuriżdizzjoni abbażi tal-Artikolu 3. |
2. L-awtorità rikjesta tista' tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, kompletament jew parzjalment, minħabba waħda jew aktar, mir-raġunijiet li ġejjin:
|
(a) |
ikun hemm privileġġ jew immunità skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest li tagħmilha impossibbli li tittieħed azzjoni; |
|
(b) |
l-awtorità rikjesta tqis li t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali ma jkunx fl-interessi tal-amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja; |
|
(c) |
ir-reat kriminali ma jkunx twettaq, kompletament jew parzjalment, fit-territorju tal-Istat rikjest, il-biċċa l-kbira tal-effetti jew parti sostanzjali tad-dannu li jiffurmaw cparti mill-elementi kostitwenti tar-reat kriminali ma seħħewx fit-territorju ta' dak l-Istat, u l-persuna suspettata jew akkużata ma tkunx ċittadin ta' dak l-Istat jew residenti fih; |
|
(d) |
il-formola ta' talba kif imsemmija fl-Artikolu 8(1) ma tkunx kompluta jew tkun manifestament żbaljata u ma tkunx imtliet jew ġiet ikkoreġuta wara l-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu; |
|
(e) |
l-imġiba li b'rabta magħha tkun saret it-talba ma tkunx reat kriminali fil-post fejn tkun twettqet, u l-Istat rikjest ma jkollu l-ebda ġuriżdizzjoni oriġinali skont il-liġi nazzjonali tiegħu għall-prosekuzzjoni tar-reat kriminali. |
3. Meta tapplika kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, qabel ma tiddeċiedi li tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, kompletament jew parzjalment, l-awtorità rikjesta għandha, fejn xieraq, tikkonsulta lill-awtorità rikjedenti u, fejn meħtieġ, titlob li l-awtorità rikjedenti tipprovdi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien żejjed.
4. Meta tapplika r-raġuni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (a), u meta s-setgħa li tirrinunzja l-privileġġ jew l-immunità tkun f'idejn awtorità tal-Istat rikjest, l-awtorità rikjesta għandha titlob lil dik l-awtorità teżerċita dik is-setgħa mingħajr dewmien żejjed. Meta s-setgħa li tirrinunzja l-privileġġ jew l-immunità tkun f'idejn awtorità ta' Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali, l-awtorità rikjedenti għandha titlob lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni internazzjonali teżerċita dik is-setgħa.
Artikolu 13
Limiti ta' żmien
1. L-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti d-deċiżjoni tagħha dwar jekk taċċettax jew tirrifjutax it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 60 jum wara li tirċievi t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali mill-awtorità rikjesta kompetenti.
2. Jekk f'każ speċifiku l-awtorità rikjesta ma tkunx tista' tirrispetta l-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 1, din għandha tinforma mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità rikjedenti skont il-każ, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F'tali każijiet, il-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 1 jista' jiġi estiż b'massimu ta' 30 jum.
3. Meta jkun hemm privileġġ jew immunità skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest, il-limitu ta' żmien stipulat fil-paragrafu 1 għandu jibda biss mill-jum li fih l-awtorità rikjesta tiġi infurmata bil-fatt li l-privileġġ jew l-immunità tkun ġiet irrinunzjata.
Artikolu 14
Konsultazzjonijiet bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta
1. Fejn meħtieġ u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(3), (5), (6) u (7), l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 19(2), l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkonsultaw lil xulxin mingħajr dewmien żejjed biex jiżguraw l-applikazzjoni effiċjenti ta' dan ir-Regolament.
2. Il-konsultazzjonijiet bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta jistgħu jsiru wkoll qabel ma tinħareġ it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġi determinat jekk it-trasferiment ikunx jaqdi l-interessi ta' amministrazzjoni effiċjenti u tajba tal-ġustizzja, inkluż jekk hijiex proporzjonata. Sabiex tipproponi li l-proċedimenti kriminali mill-Istat rikjedenti jiġu trasferiti, l-awtorità rikjesta tista' tikkonsulta wkoll lill-awtorità rikjedenti dwar jekk huwiex possibbli li toħroġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.
3. Meta l-awtorità rikjedenti tikkonsulta lill-awtorità rikjesta qabel ma tagħmel talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, hi għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità rikjesta informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali, sakemm dan ma jipperikolax il-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni jew jippreġudika b'xi mod ieħor l-investigazzjoni.
4. Meta l-awtoritajiet jirċievu talbiet għal konsultazzjonijiet skont dan l-Artikolu, huma għandhom iweġbuhom mingħajr dewmien żejjed.
Artikolu 15
Informazzjoni li għandha tingħata lill-persuna suspettata u lill-persuna akkużata dwar id-deċiżjoni li jiġi aċċettat jew rifjutat it-trasferiment
1. Meta l-awtorità rikjesta tkun ħadet deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 11(1) li taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjesta għandha, mingħajr dewmien żejjed, b'lingwa li l-persuna suspettata jew akkużata tifhem:
|
(a) |
tinforma lill-persuna suspettata jew akkużata dwar id-deċiżjoni li taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali; |
|
(b) |
tipprovdi lill-persuna suspettata jew akkużata b’kopja tad-deċiżjoni motivata li taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali; u |
|
(c) |
tinforma lill-persuna suspettata jew akkużata dwar id-dritt għal rimedju legali effettiv fl-Istat rikjest, inkluż il-limiti ta' żmien għal tali rimedju. |
Fejn xieraq, l-awtorità rikjesta tista' titlob l-assistenza tal-awtorità rikjedenti sabiex twettaq il-kompiti msemmija f'dan il-paragrafu.
2. F'każijiet fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti fl-Istat rikjedenti, l-awtorità rikjesta tista', għall-finijiet tal-paragrafu 1 tibgħat il-verżjoni mimlija tal-formola li tinsab fl-Anness IV lil dik l-awtoritàrikjedenti. F'każijiet bħal dawn, l-obbligi skont il-paragrafu 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis lill-awtorità rikjedenti, li għandha tinforma lill-awtorità rikjesta skont il-każ.
3. Meta l-awtorità rikjesta tkun ħadet deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 11(1) li tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti għandha tinforma lill-persuna suspettata jew akkużata, mingħajr dewmien żejjed b'lingwa li l-persuna suspettata jew akkużata tifhem, dwar id-deċiżjoni li tirrifjuta t-trasferiment
Fejn xieraq, l-awtorità rikjedenti tista' titlob l-assistenza tal-awtorità rikjesta sabiex twettaq il-kompiti msemmija f'dan il-paragrafu.
4. F’każijiet fejn il-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti fl-Istat rikjest, l-awtorità rikjedenti tista', għall-finijiet tal-paragrafu 3, tibgħat il-verżjoni mimlija tal-formola li tinsab fl-Anness IV lill-awtoritàrikjesta. F'każijiet bħal dawn, l-obbligu skont il-paragrafu 3 għandu japplika mutatis mutandis lill-awtorità rikjesta, li għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti skont il-każ.
5. L-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun meħtieġa tissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1 u l-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun meħtieġa tissidisfa l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 3 meta:
|
(a) |
it-twettiq ta' dawk l-obbligi jipperikola l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni jew jippreġudika l-investigazzjoni b'mod ieħor; jew |
|
(b) |
il-persuna suspettata jew akkużata ma tkunx tista’ tinstab jew tiġi kkuntattjata, minkejja l-fatt li jkunu saru sforzi raġonevoli mill-awtorità rikjesta jew l-awtorità rikjedenti rispettivament. |
Artikolu 16
Informazzjoni li għandha tingħata lill-vittma dwar id-deċiżjoni li jiġi aċċettat jew rifjutat it-trasferiment
1. Meta l-awtorità rikjesta tkun ħadet deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 11(1) ta' dan ir-Regolament li taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, u l-vittma tkun persuna fiżika li tirrisjedi fl-Istat rikjedenti u tirċievi l-informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/29/UE, kif implimentat fil-liġi nazzjonali, jew tkun persuna ġuridika li hija stabbilita fl-Istat rikjedenti u tirċievi din l-informazzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali, l-awtorità rikjesta għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-vittma, b'lingwa li l-vittma tifhem, dwar:
|
(a) |
id-deċiżjoni li taċċetta t-trasferiment mill-awtorità rikjesta;’u |
|
(b) |
id-dritt tal-vittma għal rimedju legali effettiv fl-Istat rikjest, inkluż il-limiti ta' żmien għal tali rimedju. |
Fejn xieraq, l-awtorità rikjesta tista' titlob l-assistenza tal-awtorità rikjedenti sabiex twettaq il-kompiti msemmija f'dan il-paragrafu.
2. F’każijiet fejn il-vittma tkun preżenti fl-Istat rikjedenti, l-awtorità rikjesta tista', għall-finijiet tal-paragrafu 1, tibgħat il-verżjoni mimlija tal-formola li tinsab fl-Anness V lill-awtorità rikjedenti. F'każijiet bħal dawn, l-obbligi skont il-paragrafu 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis lill-awtorità rikjedenti, li għandha tinforma lill-awtorità rikjesta skont il-każ.
3. Meta l-awtorità rikjesta tkun ħadet deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 11(1) ta' dan ir-Regolament li tirrifjuta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, u l-vittma tkun persuna fiżika li tirrisjedi fl-Istat rikjedenti u tirċievi l-informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2012/29/UE, kif implimentat fil-liġi nazzjonali, jew li tkun persuna ġuridika li hija stabbilita fl-Istat rikjedenti u tirċievi din l-informazzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali, l-awtorità rikedenti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-vittma b'lingwa li l-vittma tifhem, dwar id-deċiżjoni li tirrifjuta t-trasferiment.
4. L-awtorità rikjesta ma għandhiex tkun meħtieġa tissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 1 u l-awtorità rikjedenti ma għandhiex tkun meħtieġa tissidisfa l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 3 meta:
|
(a) |
it-twettiq ta' dawk l-obbligi jipperikola l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni jew jippreġudika l-investigazzjoni b'mod ieħor; jew |
|
(b) |
il-vittma ma tkunx tista’ tinstab jew tiġi kkuntattjata, minkejja l-fatt li jkunu saru sforzi raġonevoli mill-awtorità rikjesta jew l-awtorità rikjedenti, rispettivament. |
Artikolu 17
Dritt għal rimedju legali effettiv
1. Il-persuni suspettati, il-persuni akkużati u l-vittmi għandu jkollhom id-dritt għal rimedju legali effettiv fl-Istat rikjest kontra deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Dak id-dritt għandu jiġi eżerċitat quddiem qorti jew tribunal fl-Istat rikjest f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu.
2. Jekk jintalab rimedju legali kontra deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, id-deċiżjoni għandha tiġi eżaminata f'konformità mal-liġi nazzjonali abbażi tal-kriterji previsti fl-Artikolu 12(1) u (2). Sa fejn tkun ġiet eżerċitata diskrezzjoni, ir-rieżami għandu jkun limitat għall-valutazzjoni ta' jekk l-awtorità rikjesta tkunx qabżet manifestament il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha.
Il-limitu ta' żmien massimu biex jintalab rimedju legali effettiv ma għandux ikun itwal minn 15-il jum mid-data tal-wasla tad-deċiżjoni motivata li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.
Meta t-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tinħareġ wara li tkun tlestiet l-investigazzjoni kriminali, u l-persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet mixlija jew akkużata, l-invokazzjoni ta' rimedju legali kontra deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali għandu jkollha effett sospensiv. Tali effett sospensiv ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li l-Istat rikjest iżomm il-miżuri proviżorji meħtieġa biex jipprevjeni lill-persuna suspettata jew akkużata milli taħrab, jew biex jippreżerva l-provi, il-mezzi strumentali ta' reat kriminali jew ir-rikavat minn attività kriminali.
Id-deċiżjoni finali dwar ir-rimedju legali għandha tittieħed mingħajr dewmien żejjed u, fejn possibbli, fi żmien 60 jum.
L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti dwar l-eżitu finali tar-rimedju legali mitlub. Meta l-eżitu finali tar-rimedju legali jkun li d-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali tiġi annullata, il-proċedimenti kriminali għandhom imorru lura għand l-awtorità rikjedenti.
Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju legali ulterjuri li jkun disponibbli f'konformità mal-liġi nazzjonali.
3. L-Istat rikjest għandu jiżgura li l-persuni suspettati, il-persuni akkużati u l-vittmi jkollhom id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti kollha relatati mat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali li ffurmaw il-bażi għad-deċiżjoni li jiġi aċċettat trasferiment tal-proċedimenti kriminali skont dan ir-Regolament u li huma meħtieġa biex jiġi eżerċitat b'mod effettiv id-dritt għal rimedju legali. Id-dritt ta' aċċess għal tali dokumenti għandu jiġi eżerċitat f'konformità mal-proċeduri fil-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest. Tali aċċess jista' jkun limitat, soġġett għal-liġi nazzjonali, fejn dan jipperikola l-kunfidenzjalità ta’ investigazzjoni jew jippreġudika b'xi mod ieħor l-investigazzjoni jew jagħmel ħsara lis-sikurezza tal-persuni.
Artikolu 18
Kooperazzjoni mal-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew
L-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta jistgħu, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura għal trasferiment tal-proċedimenti kriminali, jitolbu l-assistenza tal-Eurojust jew tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. B'mod partikolari, il-Eurojust tista', fejn ikun xieraq, tiffaċilita l-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3), (5), (6) u (7), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 14, l-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 21(3).
Artikolu 19
Kostijiet ta' trasferimenti tal-proċedimenti kriminali
1. Kull Stat Membru għandu jġarrab il-kostijiet tiegħu stess ta' trasferimenti tal-proċedimenti kriminali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2. Meta t-traduzzjoni tal-proċess tal-kawża u ta' dokumenti rilevanti oħra skont l-Artikolu 11(3), (5), (6) u (7) tkun tinvolvi kostijiet kbar jew eċċezzjonali, l-awtorità rikjedenti tista' tippreżenta proposta lill-awtorità rikjesta biex il-kostijiet jinqasmu bejniethom. Tali proposta għandha tkun akkumpanjata minn analiżi dettaljata tal-kostijiet imġarrba mill-awtorità rikjedenti. Wara tali proposta, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkonsultaw lil xulxin.
Artikolu 20
Deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ċentrali
Kull Stat Membru jista' jiddeżinja awtorità ċentrali waħda jew aktar biex tkun responsabbli li tibgħat u tirċievi b'mod amministrattiv talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, kif ukoll għal korrispondenza uffiċjali oħra relatata ma' tali talbiet.
KAPITOLU 3
EFFETTI TAT-TRASFERIMENT TAL-PROĊEDIMENTI KRIMINALI
Artikolu 21
Effetti fl-Istat rikjedenti
1. Meta tasal id-deċiżjoni motivata li jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali f'konformità mal-Artikolu 11(1), jew id-deċiżjoni finali dwar rimedju legali skont l-Artikolu 17, il-proċedimenti kriminali għandhom jiġu sospiżi jew imwaqqfa fl-Istat rikjedenti f'konformità mal-liġi nazzjonali, sakemm l-eżitu tar-rimedju legali ma jkunx li l-każ għandu jmur lura għand l-Istat rikjedenti, jew li l-awtorità rikjedenti tkun diġà ssospendiet jew waqqfet dawk il-proċedimenti kriminali skont l-Artikolu 4.
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-proċedimenti kriminali fl-Istat rikjedenti jistgħu jibqgħu miftuħa sabiex l-awtorità rikjedenti tkun tista':
|
(a) |
twettaq miżuri investigattivi urġenti jew proċedurali oħra meħtieġa, inkluż miżuri biex jipprevjenu lill-persuna suspettata jew akkużata milli taħrab, jew miżuri ta' ffriżar; |
|
(b) |
tkompli miżuri investigattivi jew proċedurali oħra adottati preċedentement, inkluż miżuri li jipprevjenu lill-persuna suspettata jew akkużata milli taħrab, li huma neċessarji sabiex teżegwixxi deċiżjoni abbażi tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, strument ta' rikonoxximent reċiproku ieħor jew fuq talba għal assistenza legali reċiproka. |
3. Wara deċiżjoni mill-awtorità rikjesta li taċċetta t-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkooperaw, kemm jista' jkun u f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, speċjalment meta l-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest tirrikjedi li jiġu osservati ċerti formalitajiet u proċeduri, b'mod partikolari fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-provi. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta għandhom jikkooperaw ukoll fir-rigward ta' miżuri proviżorji meħuda qabel it-trasferiment u skont il-paragrafu 2.
4. Meta l-eżekuzzjoni tal-miżuri meħuda skont il-paragrafu 2 tkun ġiet finalizzata, jew meta l-awtorità rikjesta tkun ħadet il-miżuri investigattivi meħtieġa jew miżuri proċedurali oħra, u l-miżuri mwettqa mill-awtorità rikjedenti skont il-paragrafu 2 ma jkunux għadhom aktar meħtieġa, il-proċedimenti kriminali fl-istat rikjedenti għandhom jiġu sospiżi jew jitwaqqfu.
5. L-awtorità rikjedenti tista' tkompli jew terġa' tiftaħ proċedimenti kriminali jekk l-awtorità rikjesta tinformaha bid-deċiżjoni tagħha li twaqqaf proċedimenti kriminali relatati mal-fatti sottostanti għall-proċedimenti kriminali li għalihom kien aċċettat it-trasferiment, sakemm dik id-deċiżjoni, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest, ma tipprojbixxix b'mod definittiv prosekuzzjoni ulterjuri u ma tkunx ittieħdet wara li l-merti tal-każ ikunu ġew deċiżi, u għalhekk tipprekludi proċedimenti kriminali ulterjuri, fir-rigward tal-istess atti, fl-Istat rikjest.
6. Il-paragrafu 5 ma għandux jaffettwa d-dritt tal-vittmi li jibdew jew li jitolbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti kriminali kontra l-persuna suspettata jew akkużata fl-Istat rikjedenti, meta l-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat tipprevedi hekk, sakemm id-deċiżjoni mill-awtorità rikjesta li twaqqaf il-proċedimenti kriminali, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest, ma tipprojbix b'mod definittiv prosekuzzjoni ulterjuri u ma tkunx ingħatat wara li l-merti tal-każ ikunu ġew deċiżi, u għalhekk tipprekludi proċedimenti kriminali ulterjuri, fir-rigward tal-istess atti, fl-Istat rikjest.
Artikolu 22
Effetti fl-Istat rikjest
1. Il-proċedimenti kriminali trasferiti għandhom ikunu regolati mil-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest.
2. Dment li ma jmurx kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Istat rikjest, kwalunkwe att imwettaq għall-finijiet tal-proċedimenti kriminali jew tal-miżuri istruttorji mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat rikjedenti għandu jkollu l-istess validità fl-Istat rikjest daqslikieku jkun twettaq b’mod validu mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat rikjest.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(1), il-punt (d), kwalunkwe att imwettaq b’mod validu fl-Istat rikjedenti f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu li jinterrompi jew jissospendi l-perjodu ta' limitazzjoni għandu jkollu l-istess effett ta' interruzzjoni jew sospensjoni tal-perjodu ta' limitazzjoni fl-Istat rikjest dment li tali att ikollu dak l-effett taħt il-liġi nazzjonali tiegħu.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li, f'każijiet fejn il-ġuriżdizzjoni tkun ibbażata fuq l-Artikolu 3, u fejn jaġixxu bħala l-Istat rikjest u l-persuna suspettata jew akkużata tkun preżenti f'dak l-Istat, awtorità kompetenti fl-Istat rikjest tista', ladarba tkun irċeviet it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali f'konformità ma' dan ir-Regolament, u qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li jiġi aċċettat it-trasferiment, tieħu, wara valutazzjoni, il-miżuri meħtieġa, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, sabiex tarresta lill-persuna suspettata jew akkużata, jew biex tiżgura li l-persuna suspettata jew akkużata tibqa' fit-territorju tiegħu, jew tieħu kwalunkwe miżura proviżorja oħra bħal miżuri ta' ffriżar.
4. Id-deċiżjoni li l-persuna suspettata jew akkużata titqiegħed f'detenzjoni f'konformità mal-paragrafu 3 għandha tittieħed mill-istess awtorità li tkun kompetenti biex tieħu tali miżuri f'każ domestiku simili, u għandha tkun soġġetta għal salvagwardji applikabbli għal tali miżuri skont il-liġi nazzjonali, inkluż is-sorveljanza ġudizzjarja u l-limiti ta' żmien għall-arrest preventiv.
5. Provi ttrasferiti mill-awtorità rikjedenti ma għandhomx jiġu miċħuda l-ammissibbiltà fi proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest sempliċiment minħabba l-fatt li l-provi jkunu nġabru fi Stat Membru ieħor. Il-provi miġbura fl-Istat rikjedenti jistgħu jintużaw fi proċedimenti kriminali fl-Istat rikjest, dment li l-ammissibbiltà ta' tali provi tkun f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest, inkluż il-prinċipji fundamentali tal-liġi tiegħu. Is-setgħa tal-qorti tal-proċess li tivvaluta liberament il-provi ma għandhiex tiġi affettwata minn dan ir-Regolament.
6. Meta fl-Istat rikjest tingħata piena ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni, dak l-Istat għandu jnaqqas mill-perjodu totali ta' detenzjoni li jrid jiġi skontat il-perjodi kollha ta' detenzjoni skontati fl-Istat rikjedenti li kienu imposti fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali trasferiti. Għal dak il-għan, l-awtorità rikjedenti għandha tibgħat lill-awtorità rikjesta l-informazzjoni kollha dwar il-perjodu ta' detenzjoni skontat mill-persuna suspettata jew akkużata fl-Istat rikjedenti.
7. Fil-każ li kemm fl-Istat rikjedenti kif ukoll fl-Istat rikjest, il-proċedimenti kriminali jistgħu jinbdew biss wara lment, lment imressaq fl-Istat rikjedenti għandu jkollu validità anki fl-Istat rikjest.
8. Il-piena applikabbli għar-reat kriminali għandha tkun dik prevista fil-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest dment li dik il-liġi ma tipprevedix mod ieħor. Meta r-reat kriminali twettaq fit-territorju tal-Istat rikjedenti, l-awtorità rikjesta tista' tqis, f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli, il-piena massima skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjedenti, meta jekk tagħmel hekk ikun ta' benefiċċju għall-persuna akkużata. Meta l-ġuriżdizzjoni tkun ibbażata esklużivament fuq l-Artikolu 3, il-piena imposta fl-Istat rikjest ma għandhiex tkun aktar severa mill-piena massima skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjedenti.
Artikolu 23
Informazzjoni li għandha tiġi provduta mill-awtorità rikjesta
L-awtorità rikjesta jew, fejn applikabbli, awtorità kompetenti oħra, għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti bl-informazzjoni dwar il-waqfien tal-proċedimenti kriminali jew dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedimenti kriminali, inkluż informazzjoni dwar jekk dik id-deċiżjoni, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat rikjest, tipprojbix b'mod definittiv prosekuzzjoni ulterjuri u tteħditx wara li l-merti tal-każ ikunu ġew deċiżi u għalhekk tipprekludi proċedimenti kriminali ulterjuri, fir-rigward tal-istess atti, f'dak l-Istat. Dik l-awtorità għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni finali tal-piena imposta jew informazzjoni oħra ta' valur sostanzjali. Għandha tibgħat kopja tad-deċiżjoni finali bil-miktub meħuda fi tmiem il-proċedimenti kriminali lill-awtorità rikjedenti.
Tal-inqas il-partijiet essenzjali tal-informazzjoni u tad-deċiżjoni finali msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu tradotti f'lingwa uffiċjali tal-Istat rikjedenti jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata mill-Istat rikjedenti f'konformità mal-Artikolu 32(1), il-punt (d).
KAPITOLU 4
MEZZI TA' KOMUNIKAZZJONI
Artikolu 24
Mezzi ta' komunikazzjoni
1. Il-komunikazzjoni fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, inkluż l-iskambju tal-formola ta' talba u ta' formoli oħra li jinsabu fl-Annessi ta' dan ir-Regolament, id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 11(1) ta' dan ir-Regolament u dokumenti oħra msemmija fl-Artikolu 11(5) tiegħu, bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u bl-involviment tal-awtoritajiet ċentrali, meta Stat Membru jkun iddeżinja awtorità ċentrali f'konformità mal-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament, kif ukoll mal-Eurojust, għandha ssir f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2023/2844.
2. L-Artikolu 7(1) u (2) u l-Artikoli 8 u 14 tar-Regolament (UE) 2023/2844 li jistipulaw ir-regoli dwar il-firem elettroniċi u s-siġilli elettroniċi, l-effetti legali tad-dokumenti elettroniċi u l-protezzjoni tal-informazzjoni mibgħuta għandhom japplikaw għall-komunikazzjoni trażmessa permezz tas-sistema deċentralizzata tal-IT.
3. Il-konsultazzjonijiet fl-ambitu tal-Artikolu 11(7) u l-Artikolu 14 bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u bl-involviment tal-awtoritajiet ċentrali, meta Stat Membru jkun iddeżinja awtorità ċentrali f'konformità mal-Artikolu 20, kif ukoll mal-Eurojust, jistgħu jsiru bl-użu ta' kwalunkwe mezz xieraq ta' komunikazzjoni, inkluż permezz tas-sistema deċentralizzata tal-IT.
Artikolu 25
Stabbiliment ta' sistema deċentralizzata tal-IT
1. Sat-8 ta’ Jannar 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu s-sistema deċentralizzata tal-IT għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, billi tistipula dan li ġej:
|
(a) |
l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-metodi ta' komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi għall-finijiet tas-sistema deċentralizzata tal-IT; |
|
(b) |
l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-protokolli ta' komunikazzjoni; |
|
(c) |
l-objettivi tas-sigurtà tal-informazzjoni u l-miżuri tekniċi rilevanti li jiżguraw l-istandards minimi tas-sigurtà tal-informazzjoni u livell għoli ta' ċibersigurtà għall-ipproċessar u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni fis-sistema deċentralizzata tal-IT; |
|
(d) |
l-objettivi ta' disponibbiltà minima u r-rekwiżiti tekniċi relatati possibbli għas-servizzi provduti mis-sistema deċentralizzata tal-IT; |
|
(e) |
standards proċedurali diġitali kif definiti fl-Artikolu 3, il-punt (9), tar-Regolament (UE) 2022/850. |
2. L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).
Artikolu 26
Software ta' implimentazzjoni ta' referenza
1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ħolqien, l-aċċessibilità, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur ta' software ta' implimentazzjoni ta' referenza li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw bħala s-sistema back-end tagħhom minflok sistema nazzjonali tal-IT. Il-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza għandhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2. Il-Eurojust għandha tkun tista' tagħmel użu mis-software ta' implimentazzjoni ta' referenza msemmi fil-paragrafu 1.
3. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi, tagħmel il-manutenzjoni u tappoġġa s-software ta' implimentazzjoni ta' referenza fuq bażi mingħajr ħlas.
4. Is-software ta' implimentazzjoni ta' referenza għandu joffri interfaċċa komuni għall-komunikazzjoni ma' sistemi tal-IT nazzjonali oħra.
Artikolu 27
Kostijiet tas-sistema deċentralizzata tal-IT
1. Kull Stat Membru jew entità li topera punt ta' aċċess e-CODEX awtorizzat kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (4), tar-Regolament (UE) 2022/850 għandha ġġarrab il-kostijiet tal-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-punti ta' aċċess tas-sistema deċentralizzata tal-IT li tkun responsabbli għalihom.
2. Kull Stat Membru jew entità li topera punt ta' aċċess e-CODEX awtorizzat kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (4) tar-Regolament (UE) 2022/850 għandha ġġarrab il-kostijiet tal-istabbiliment u l-aġġustament tas-sistemi tal-IT nazzjonali rilevanti tagħha jew, fejn applikabbli, sistemi tal-IT oħra biex tagħmilhom interoperabbli mal-punti ta' aċċess, u għandha ġġarrab il-kostijiet tal-amministrazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta' dawk is-sistemi.
3. Il-Eurojust għandha ġġarrab il-kostijiet tal-installazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-komponenti tas-sistema deċentralizzata tal-IT taħt ir-responsabbiltà tagħha.
4. Il-Eurojust għandha ġġarrab il-kostijiet tal-istabbiliment u l-aġġustament tas-sistema tagħha ta' ġestjoni tal-każijiet sabiex issir interoperabbli mal-punti ta' aċċess, u għandha iġġarrab il-kostijiet tal-amministrazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta' dik is-sistema.
Artikolu 28
Statistika
1. L-Istati Membri għandhom jiġbru regolarment statistika komprensiva sabiex il-Kummissjoni timmonitorja l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iżommu dik l-istatistika u għandhom jibagħtuha lill-Kummissjoni kull sena. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jipproċessaw id-data personali neċessarja għall-produzzjoni ta' dik l-istatistika.
2. L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:
|
(a) |
in-numru ta' talbiet maħruġa għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, inkluż il-kriterji għat-talba tat-trasferiment, mill-Istat rikjedenti; |
|
(b) |
in-numru ta' trasferimenti tal-proċedimenti kriminali aċċettati u rrifjutati, inkluż ir-raġunijiet għar-rifjut, mill-Istat rikjest; |
|
(c) |
it-tul ta' żmien li l-Istat rikjest ħa biex jibgħat l-informazzjoni rigward id-deċiżjoni dwar jekk jiġix aċċettat jew rifjutat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. |
3. L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi wkoll, jekk disponibbli f'livell ċentrali fl-Istat Membru kkonċernat:
|
(a) |
in-numru ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet li ma tkomplewx wara l-aċċettazzjoni ta' trasferiment tal-proċedimenti kriminali; |
|
(b) |
in-numru ta' każijiet fejn intalbu rimedji legali kontra deċiżjonijiet biex jiġi aċċettat it-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, filwaqt li jiġi speċifikat jekk kull każ tressaqx minn persuna suspettata, persuna akkużata jew vittma, u n-numru ta' deċiżjonijiet ikkontestati b'suċċess; |
|
(c) |
minn erba' snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(1), il-kostijiet imġarrba skont l-Artikolu 27(2). |
4. Is-software ta' implimentazzjoni ta' referenza msemmi fl-Artikolu 26 u, fejn mgħammra biex jagħmlu dan, is-sistemi back-end nazzjonali għandhom jiġbru b'mod programmatiku d-data msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u jibagħtuha lill-Kummissjoni kull sena.
5. L-istatistika msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tintbagħat mill-1 ta’ Frar 2028.
6. L-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha tinġabar permezz tas-sistema deċentralizzata tal-IT stabbilita f'konformità mal-Artikolu 25, fi żmien sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dak l-Artikolu. Dment li s-sistema tal-IT deċentralizzata ma tkunx operattiva u għal dik ir-raġuni l-istatistika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma tinġabarx awtomatikament, dik l-istatistika għandha tintbagħat biss jekk tkun disponibbli f'livell ċentrali fl-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 29
Emendi għall-formola ta' talba u formoli oħra
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30 biex temenda l-Annessi billi taġġorna jew tagħmel bidliet tekniċi fil-formola ta' talba u formoli oħra. Tali emendi għandhom ikunu f'konformità ma' dan ir-Regolament u ma għandhomx jaffettwawh.
Artikolu 30
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 29 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat mill-1 ta’ Frar 2027.
3. Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 29 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 29 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkunx espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 31
Proċedura ta' kumitat
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 32
Notifiki
1. Sal-1 ta’ Frar 2027 kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan li ġej:
|
(a) |
l-awtoritajiet li, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, huma kompetenti f'konformità mal-Artikolu 2, il-punt (3), li joħorġu jew jivvalidaw talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, u dawk kompetenti f'konformità mal-Artikolu 2, il-punt (4), li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar tali talbiet; |
|
(b) |
informazzjoni dwar l-awtoritajiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (4), it-tieni paragrafu, jekk l-Istat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà prevista f'dak il-paragrafu; |
|
(c) |
informazzjoni dwar l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali ddeżinjati, jekk l-Istat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 20; |
|
(d) |
il-lingwi aċċettati għal talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali, għall-preżentazzjoni ta' informazzjoni ta' sostenn u għal kwalunkwe komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet, meta jaġixxu bħala Stat rikjedenti u meta jaġixxu bħala Stat rikjest. |
2. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe aġġornament għall-informazzjoni notifikata skont il-paragrafu 1.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni li taslilha skont il-paragrafu 1 tinżamm aġġornata u tkun disponibbli għall-pubbliku fil-parti mhux ristretta tas-sit web tan-Network Ġudizzjarju Ewropew.
Artikolu 33
Relazzjoni ma' ftehimiet u arranġamenti internazzjonali
1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, dan ir-Regolament jissostitwixxi, fl-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, mill-1 ta’ Frar 2027, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trasferiment ta' Proċedimenti f'Materji Kriminali tal-15 ta' Mejju 1972 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali tal-20 ta' April 1959, applikabbli bejn l-Istati Membri marbuta b'dan ir-Regolament.
2. Minbarra dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jikkonkludu jew ikomplu japplikaw ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali ma' Stati Membri oħra wara s-7 ta’ Jannar 2025 biss sakemm tali ftehimiet jew arranġamenti jippermettu li jkomplu jissaħħu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament u jikkontribwixxu biex jiġu ssimplifikati jew iffaċilitati aktar il-proċeduri għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali u dment li l-livell ta' salvagwardji stipulat f'dan ir-Regolament jiġi rispettat.
3. Sal-1 ta’ Frar 2027 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-ftehimiet u l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2 li beħsiebhom ikomplu japplikaw. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur dwar l-iffirmar ta' kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid imsemmi fil-paragrafu 2.
Artikolu 34
Rapportar
Sal-1 ta’ Frar 2033, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, appoġġat minn informazzjoni fornuta mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 28(1) u miġbura mill-Kummissjoni.
Artikolu 35
Dispożizzjonijiet tranżitorji
Dan ir-Regolament għandu japplika għal talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali trażmessi mill-1 ta’ Frar 2027. Talbiet għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali li jaslu qabel l-1 ta’ Frar 2027 għandhom ikomplu jiġu regolati mill-istrumenti eżistenti relatati mat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali.
Sal-mument li l-Artikolu 24 isir applikabbli skont l-Artikolu 36, it-tielet paragrafu, il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet rikjedenti u l-awtoritajiet rikjesti u, fejn applikabbli, bl-involviment tal-awtoritajiet ċentrali, kif ukoll mal-Eurojust, fl-ambitu ta' dan ir-Regolament għandha sseħħ bi kwalunkwe mezz alternattiv xieraq, b'kunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġi żgurat skambju rapidu, sigur u affidabbli ta' informazzjoni.
Artikolu 36
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Frar 2027.
Madankollu, l-Artikolu 24 għandu japplika mill-ewwel jum tax-xahar wara l-perjodu ta' sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 25.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Novembru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) ĠU C, C/2023/869, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/869/oj.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2024.
(4) ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.
(5) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).
(6) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti ta' eżerċizzju ta' ġuriżdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42).
(7) Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
(8) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).
(9) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).
(10) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' penali finanzjarji (ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16).
(11) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji kriminali li jimponu pieni ta' kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27).
(12) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta' sanzjonijiet alternattivi (ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102).
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(14) Id-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI (ĠU L 151, 21.5.2014, p. 1).
(15) Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).
(16) Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).
(17) Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).
(18) Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).
(19) Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).
(20) Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew (ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1).
(21) ĠU C 378, 24.12.2013, p. 8.
(22) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/681 tat-8 ta' Diċembru 2022 dwar id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u tal-persuni akkużati soġġetti għal arrest preventiv u dwar il-kundizzjonijiet materjali tad-detenzjoni (ĠU L 86, 24.3.2023, p. 44).
(23) Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).
(24) Id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1).
(25) Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
(26) Ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4).
(27) Id-Direttiva 2011/99/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni (ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2).
(28) Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19).
(29) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(30) Ir-Regolament (UE) 2023/2844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2023 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja f'materji ċivili, kummerċjali u kriminali transfruntieri, u li jemenda ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (ĠU L, 2023/2844, 27.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2844/oj)
(31) Ir-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta’ data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali (is-sistema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 150, 1.6.2022, p. 1).
(32) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(33) Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(34) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(35) ĠU C 253, 18.7.2023, p. 6.
(36) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130).
ANNESS I
FORMOLA TA' TALBA GĦAT-TRASFERIMENT TAL-PROĊEDIMENTI KRIMINALI
Kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2024/3011
ANNESS II
Formola msemmija fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) 2024/3011
L-għan ta' din il-formola huwa li tintalab l-assistenza tiegħek biex tingħata informazzjoni lill-persuna suspettata/akkużata u tinkiseb l-opinjoni tagħha dwar l-intenzjoni li tinħareġ talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jekk jogħġbok, ibgħat lura l-Parti B ta’ din il-formola ladarba tkun imlejtha.
ANNESS III
Formola msemmija fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament (UE) 2024/3011
L-għan ta' din il-formola huwa li tintalab l-assistenza tiegħek biex tingħata informazzjoni lill-persuna suspettata/akkużata dwar il-ħruġ tat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jekk jogħġbok, ibgħat lura l-Parti B ta’ din il-formola ladarba tkun imlejtha.
ANNESS IV
Formola msemmija fl-Artikolu 15(2) u (4) tar-Regolament (UE) 2024/3011
L-għan ta' din il-formola huwa li tintalab l-assistenza tiegħek biex tingħata informazzjoni lill-persuna suspettata/akkużata wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jekk jogħġbok, ibgħat lura l-Parti B ta’ din il-formola ladarba tkun imlejtha.
ANNESS V
Formola msemmija fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/3011
L-għan ta' din il-formola huwa li tintalab l-assistenza tiegħek biex tingħata informazzjoni lill-vittma/i wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jekk jogħġbok, ibgħat lura l-Parti B ta’ din il-formola ladarba tkun imlejtha.
ANNESS VI
Formola msemmija fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2024/3011
L-għan ta' din il-formola huwa li tintalab l-assistenza tiegħek biex tingħata informazzjoni lill-persuna suspettata/akkużata dwar l-irtirar tat-talba għat-trasferiment tal-proċedimenti kriminali. Jekk jogħġbok, ibgħat lura l-Parti B ta’ din il-formola mehmuża ladarba tkun imlejtha.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3011/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)