|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2991 |
3.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2991
tal-21 ta' Novembru 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b'mod elettroniku skont l-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 ta' dak il-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2009/332/KE, Euratom (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2009. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 118 tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni, stabbilit skont l-Artikolu 116 tal-Ftehim (“il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni”) jista' jieħu deċiżjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim. |
|
(3) |
Fil-laqgħa tiegħu li jmiss, il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għandu jieħu deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-provi tal-oriġini maħruġa elettronikament. |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni ser ikollha effetti legali. |
|
(5) |
Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta' Mejju 2012. Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/2198 (3), il-Kunsill appoġġa l-emenda tal-Konvenzjoni li tipprevedi sett ġdid ta' regoli tal-oriġini modernizzati u aktar flessibbli (l-“emenda tal-Konvenzjoni”). L-emenda tal-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025. |
|
(6) |
Fil-laqgħa teknika li saret fi Brussell fil-5 ta' Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni qablu li jimplimentaw sett alternattiv ta' regoli tal-oriġini, abbażi tal-emenda tal-Konvenzjoni fuq bażi bilaterali tranżitorja (ir-“Regoli tranżizzjonali”). ir-Regoli tranżitorji japplikaw b'mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni. |
|
(7) |
L-applikazzjoni tar-Regoli tranżitorji tiżgura l-adattament tal-flussi kummerċjali u l-prattiki doganali sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni. |
|
(8) |
Mill-1 ta' Settembru 2021, daħlu fis-seħħ għadd ta' protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost diversi Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni (4), li jagħmlu applikabbli r-Regoli tranżitorji sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni. Fir-rigward tar-Repubblika tal-Albanija (“l-Albanija”), il-Protokoll 4 tal-Ftehim ġie sostitwit minn Protokoll 4 ġdid bid-Deċiżjoni Nru 1/2021 tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Albanija (5). Ir-Regoli tranżitorji huma stabbiliti fl-Appendiċi A ta' dak il-Protokoll 4 il-ġdid. |
|
(9) |
Iż-żewġ objettivi ewlenin tar-Regoli tranżitorji huma, l-ewwel nett, li jipprevedu regoli anqas srtetti, li jagħmluha eħfef għall-oġġetti li jikkwalifikaw għall-istatus oriġinarju preferenzjali u, it-tieni nett, li jippermettu l-użu ta' provi tal-oriġini li nħarġu b'mod elettroniku u/jew li ġew ippreżentati b'mod elettroniku. |
|
(10) |
L-Unjoni u l-Albanija qablu li japplikaw l-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim, fir-rigward tal-provi tal-oriġini maħruġa b'mod elettroniku. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi ddeterminat qafas ta' rekwiżiti ġenerali għall-provi tal-oriġini maħruġa b'mod elettroniku. |
|
(11) |
Għaldaqstant jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), fil-laqgħa tiegħu li jmiss, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-provi tal-oriġini maħruġa elettronikament skont l-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 ta' dak il-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025..
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
SZIJJÁRTÓ P.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2009/332/KE, Euratom tas-26 ta' Frar 2009 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra (ĠU L 107, 28.4.2009, p. 165).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta' Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2198 tal-25 ta' Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emendar tal-Konvenzjoni (ĠU L 339, 30.12.2019, p. 1).
(4) L-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera (inkluż il-Liechtenstein), ir-Renju tan-Norveġja, il-Gżejjer Faeroe, l-Istat tal-Iżrael, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, il-Palestina (din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta' Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni), ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo), ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, ir-Repubblika tas-Serbja, il-Montenegro, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.
(5) Id-Deċiżjoni Nru 1/2021 tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni UE-Albanija tat-23 ta' Lulju 2021 li temenda l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra, billi tissostitwixxi l-Protokoll 4 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti oriġinarji u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva [2023/2676] (ĠU L, 2023/2676, 11.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2676/mt).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2991/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)