European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2977

4.12.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2977

tat-28 ta’ Novembru 2024

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa lill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5a(23) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 910/2014 hu komponent kruċjali fl-istabbiliment ta’ ekosistema tal-identità diġitali sigura u interoperabbli madwar l-Unjoni. Bil-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (“kartieri”) bħala l-pedament tal-qafas, dan jimmira li jiffaċilita l-aċċess għas-servizzi fl-Istati Membri kollha, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) japplikaw għall-attivitajiet kollha tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament.

(3)

L-Artikolu 5a(23) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jagħti mandat lill-Kummissjoni, meta meħtieġ, biex tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri rilevanti. Dan jinkiseb permezz ta’ erba’ Regolamenti ta’ Implimentazzjoni, li jittrattaw il-protokolli u l-interfaċċi: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2982 (4), l-integrità u l-funzjonalitajiet ewlenin: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2979 (5), id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna u l-attestazzjoni elettronika tal-attributi: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2977 (6), kif ukoll in-notifiki tal-Kumimssjoni: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2980 (7). Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti rilevanti għad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi li jridu jinħarġu lill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.

(4)

Il-Kummissjoni tivvaluta regolarment teknoloġiji, prattiki, standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. Biex ikun żgurat l-aqwa livell ta’ armonizzazzjoni fost l-Istati Membri għall-iżvilupp u ċ-ċertifikazzjoni tal-kartieri, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jiddependu fuq il-ħidma mwettqa abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar Sett ta’ Għodod komuni tal-Unjoni għal approċċ ikkoordinat lejn Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (8) u b’mod partikolari l-arkitettura u l-qafas ta’ referenza li huma parti minnu. F’konformità mal-Premessa 75 tar-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina u taġġorna dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jekk ikun meħtieġ, biex iżżommu konformi mal-iżviluppi dinjin, l-arkitettura u l-qafas ta’ referenza u biex timxi mal-aqwa prattiki fis-suq intern.

(5)

Biex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku, il-kartieri jenħtieġ li jiġu pprovduti b’diversi karatteristiċi li jtejbu l-privatezza ħalli jevitaw li l-fornituri tal-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika u tal-attestazzjoni elettronika tal-attributi jikkombinaw id-data personali miksuba meta jipprovdu servizzi oħra mad-data personali pproċessata biex jipprovdu s-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(6)

Biex tkun żgurata l-armonizzazzjoni, jenħtieġ li ċerti funzjonalitajiet komuni jkunu disponibbli fil-kartieri kollha, inkluż il-kapaċità li jitolbu, jiksbu, jagħżlu, jikkombinaw, jaħżnu, iħassru, jikkondividu, u jippreżentaw id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, ilkoll b’mod sigur u bil-kontroll uniku tal-utent tal-kartiera. Biex ikun żgurat li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jkunu jistgħu jiġu pproċessati permezz ta’ kull unità tal-kartiera, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-attributi tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, il-format tad-data, u l-infrastruttura meħtieġa biex tkun żgurata l-affidabbiltà xierqa tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jeħtieġ li jiġu appoġġati mis-soluzzjonijiet kollha tal-kartieri. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet komuni fir-rigward tal-attributi tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna huma maħsuba biex jiżguraw li din id-data tkun tista’ tintuża għat-tqabbil tal-identità kif meħtieġ.

(7)

L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-kartieri jkunu jistgħu jawtentikaw lill-partijiet dipendenti, lill-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u lill-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi irrispettivament minn fejn ikunu stabbiliti fl-Unjoni. Biex jinkiseb dan, dawn l-entitajiet jenħtieġ li jużaw iċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera meta jidentifikaw lilhom infushom mal-unitajiet tal-kartiera. Biex tiġi ggarantita l-interoperabbiltà ta’ dawn iċ-ċertifikati fost il-kartieri kollha pprovduti fl-Unjoni, iċ-ċertifikati tal-aċċess għal partijiet dipendenti fuq kartiera għandhom jimxu skont standards komuni. Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, jenħtieġ li timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp ta’ standards ġodda jew alternattivi li fuqhom jistgħu jinbnew iċ-ċertifikati tal-aċċess għall-partijiet dipendenti. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu vvalutati l-mudelli ta’ fiduċja li diġà wrew li huma effikaċi u siguri fl-Istati Membri.

(8)

Biex tkun żgurata t-trasparenza għall-utenti tal-kartieri, l-Istati Membri jenħtieġ li jippubblikaw l-informazzjoni li tindika liema soluzzjonijiet tal-kartieri huma appoġġati mill-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna stabbiliti fit-territorji tagħhom. Billi l-identità tal-utent trid tkun affidabbli kemm jista’ jkun, jenħtieġ li jiġi impost livell tal-assigurazzjoni għoli fuq il-prova tal-identità tal-utenti tal-kartiera qabel il-ħruġ tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, skont il-livell għoli tal-assigurazzjoni kif stabbilit għall-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014. B’dan il-mod, l-unitajiet tal-kartieri jkunu jiżguraw l-aqwa grad disponibbli ta’ affidabbiltà għall-mezzi tal-identifikazzjoni madwar l-Unjoni. Waqt ir-reġistrazzjoni tal-utenti tal-kartieri f’livell għoli tal-assigurazzjoni, jistgħu jintużaw diversi proċessi siguri, fosthom meta l-utent tal-kartiera jkun ġie vverifikat li għandu evidenza tal-identifikazzjoni tar-ritratt jew bijometrika rikonoxxuta iżda mhux maħruġa mill-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni għall-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika, u dik l-evidenza tkun tirrappreżenta l-identità ddikjarata, l-evidenza jenħtieġ li tiġi vverifikata ma’ sors awtorevoli rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk hix valida.

(9)

Biex jappoġġaw l-interoperabbiltà, l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti armonizzati dwar il-format.

(10)

Biex titħares id-data tal-utenti tal-kartiera u tkun żgurata l-awtentiċità tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, il-mekkaniżmi għall-awtentikazzjoni tal-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, u għall-verifika tal-awtentiċità u tal-validità tal-unitajiet tal-kartieri minn dak il-fornitur jenħtieġ li jkunu japplikaw qabel il-ħruġ tal-attestazzjonijiet lill-unitajiet tal-kartieri.

(11)

Biex ikun evitat l-użu u d-dipendenza fuq id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, li jkunu tilfu l-validità legali tagħhom wara li jkunu nħarġu lil unità tal-kartiera, il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jenħtieġ li jippubblikaw politika li tiddeskrivi ċ-ċirkostanzi u l-proċeduri għar-revoka.

(12)

Biex ikun żgurat li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna tkun tirrappreżenta b’mod uniku lill-utent tal-kartiera, minbarra l-attributi obbligatorji fid-data tal-identifikazzjoni tal-persuna stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu l-attributi fakultattivi meħtieġa biex jiżguraw li s-sett tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jkun uniku.

(13)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta l-opinjoni tiegħu fit-30 ta’ Settembru 2024.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-ħruġ tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi lill-unitajiet tal-kartieri, li jridu jiġu aġġornati b’mod regolari biex jibqgħu konformi mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-istandards u mal-ħidma mwettqa abbażi tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/946, u b’mod partikolari l-arkitettura u l-qafas ta’ referenza.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“utent tal-kartiera” tfisser utent li jkollu l-kontroll tal-unità tal-kartiera;

(2)

“unità tal-kartiera” tfisser konfigurazzjoni unika ta’ soluzzjoni tal-kartieri li tinkludi l-istanzi tal-kartiera, l-applikazzjonijiet kriptografiċi siguri tal-kartieri u l-apparati kriptografiċi siguri tal-kartieri pprovduti minn fornitur tal-kartieri lil utent individwali tal-kartiera;

(3)

“soluzzjoni tal-kartieri” tfisser taħlita ta’ software, hardware, servizzi, u konfigurazzjonijiet, inkluż l-istanzi tal-kartiera, applikazzjoni kriptografika sigura waħda jew aktar tal-kartieri, u apparat kriptografiku sigur wieħed jew aktar tal-kartieri;

(4)

“fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna” tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli biex toħroġ u tirrevoka d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u biex tiżgura li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna ta’ utent tkun marbuta b’mod kriptografiku ma’ unità tal-kartiera;

(5)

“attestazzjoni tal-unità tal-kartiera” tfisser oġġett tad-data li jiddeskrivi l-komponenti tal-unità tal-kartiera u li jippermetti l-awtentikazzjoni u l-validazzjoni ta’ dawk il-komponenti;

(6)

“istanza tal-kartiera” tfisser l-applikazzjoni installata u kkonfigurata fuq l-apparat jew l-ambjent ta’ utent tal-kartiera, li hu parti minn unità tal-kartiera, u li l-utent tal-kartiera juża biex jinteraġixxi mal-unità tal-kartiera;

(7)

“applikazzjoni kriptografika sigura tal-kartieri” tfisser applikazzjoni li timmaniġġja l-assi kritiċi billi tkun marbuta mal-funzjonijiet kriptografiċi u mhux kriptografiċi pprovduti mill-apparat kriptografiku sigur tal-kartieri, u tużahom;

(8)

“apparat kriptografiku sigur tal-kartieri” tfisser apparat reżistenti għat-tbagħbis li jipprovdi ambjent li jkun marbut mal-applikazzjoni kriptografika sigura tal-kartieri biex jipproteġi l-assi kritiċi u jipprovdi funzjonijiet kriptografiċi għall-eżekuzzjoni sigura ta’ operazzjonijiet kritiċi, u li jintuża minnhom;

(9)

“fornitur tal-kartieri” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi soluzzjonijiet tal-kartieri;

(10)

“assi kritiċi” tfisser assi fi ħdan jew b’rabta ma’ unità tal-kartiera li jkollhom importanza tant straordinarja li meta d-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità jew l-integrità tagħhom jiġu kompromessi, dan iħalli effett debilitanti serju ħafna fuq il-kapaċità li wieħed jiddependi fuq dik l-unità tal-kartiera;

(11)

“parti dipendenti fuq kartiera” tfisser parti dipendenti li jkun beħsiebha tistrieħ fuq unitajiet tal-kartiera biex tipprovdi xi servizzi pubbliċi jew privati bl-interazzjoni diġitali;

(12)

“ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera” tfisser ċertifikat għal siġilli jew firem elettroniċi li jawtentikaw u jivvalidaw lil parti dipendenti fuq kartiera, u li jinħareġ minn fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera;

(13)

“fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha mandat mingħand Stat Membru biex toħroġ ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera lil partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati f’dak l-Istat Membru.

Artikolu 3

Ħruġ tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna lill-unitajiet tal-kartieri

1.   Il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna għandhom joħorġu d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna lill-unitajiet tal-kartieri f’konformità mal-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika li bihom jiġu pprovduti s-soluzzjonijiet tal-kartieri.

2.   Il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna għandhom jiżguraw li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna maħruġa lill-unitajiet tal-kartieri jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa għall-awtentikazzjoni u l-validazzjoni tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

3.   Il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna għandhom jiżguraw li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna maħruġa lill-unitajiet tal-kartieri tkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna maħruġa lil utent partikolari tal-kartiera tkun unika għall-Istat Membru.

5.   Il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna għandhom jiżguraw li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li joħorġu tkun marbuta b’mod kriptografiku mal-unità tal-kartiera li lilha tinħareġ.

6.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw lista ta’ soluzzjonijiet tal-kartieri li huma appoġġati mill-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li tkun parti mill-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika ta’ dak l-Istat Membru.

7.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw lill-utenti tal-kartieri f’konformità mar-rekwiżiti relatati mar-reġistrazzjoni b’livell għoli tal-assigurazzjoni, kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1502 (11). Fil-kuntest tal-proċess tar-reġistrazzjoni, il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna għandhom iwettqu verifika tal-identità tal-utent tal-kartiera f’konformità mar-rekwiżiti relatati mal-prova u l-verifika tal-identità qabel ma joħorġu d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna lill-unità tal-kartiera tal-utent tal-kartiera korrispondenti.

8.   Meta joħorġu d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna lill-unitajiet tal-kartiera, il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna għandhom jidentifikaw lilhom infushom mal-unitajiet tal-kartiera permezz taċ-ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera tagħhom jew jużaw xi mekkaniżmu ieħor tal-awtentikazzjoni f’konformità ma’ skema tal-identità elettronika nnotifikata f’livell għoli tal-assigurazzjoni.

9.   Qabel ma joħorġu d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna lil unità tal-kartiera, il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna għandhom jawtentikaw u jivvalidaw l-attestazzjoni tal-unità tal-kartiera ta’ dik l-unità tal-kartiera u jivverifikaw li l-unità tal-kartiera tappartjeni għal soluzzjoni tal-kartiera li l-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jkun jaċċetta jew jużaw mekkaniżmu ieħor tal-awtentikazzjoni f’konformità ma’ skema tal-identità elettronika nnotifikata f’livell għoli tal-assigurazzjoni..

Artikolu 4

Ħruġ tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi lill-unitajiet tal-kartieri

1.   L-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa lill-unitajiet tal-kartiera għandhom jikkonformaw ma’ mqar wieħed mill-istandards fil-lista stabbilita fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2979.

2.   Il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi għandhom jidentifikaw lilhom infushom mal-unitajiet tal-kartiera billi jużaw iċ-ċertifikat tal-aċċess tagħhom għal parti dipendenti fuq kartiera.

3.   Il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi għandhom jiżguraw li l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa lill-unitajiet tal-kartieri jkun fihom l-informazzjoni meħtieġa għall-awtentikazzjoni u l-validazzjoni ta’ dawk l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi.

Artikolu 5

Revoka tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna

1.   Il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna maħruġa lil unità tal-kartiera għandu jkollhom politiki miktubin u aċċessibbli għall-pubbliku dwar il-ġestjoni tal-istatus tal-validità, inkluż, meta applikabbli, il-kundizzjonijiet li fihom dik id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna tkun tista’ tiġi revokata mingħajr dewmien.

2.   Il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jew tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi biss jistgħu jirrevokaw id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jew l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minnhom.

3.   Meta l-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jkunu rrevokaw id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, dawn għandhom jużaw mezzi apposta u siguri biex jinformaw lill-utenti tal-kartieri li jkunu soġġetti għal dik id-data tal-identifikazzjoni tal-persuni fi żmien 24 siegħa, bir-revoka u bir-raġunijiet għar-revoka. Din għandha ssir b’mod konċiż u aċċessibbli faċilment, u b’lingwaġġ ċar u sempliċi.

4.   Meta l-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jirrevokaw data tal-identifikazzjoni tal-persuna maħruġa lill-unitajiet tal-kartieri, dawn għandhom jagħmlu dan f’kull waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

meta ssir talba espliċita mill-utent tal-kartiera li lill-unità tal-kartiera tiegħu tkun inħarġet id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jew l-attestazzjoni elettronika tal-attributi;

(b)

meta l-attestazzjoni tal-unità tal-kartiera li għaliha tkun inħarġet id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna tkun ġiet revokata;

(c)

f’sitwazzjonijiet oħra ddeterminati mill-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jew tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi fil-politiki tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1.

5.   Il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna maħruġa lil unità tal-kartiera għandhom jiżguraw li r-revoki ma jkunux jistgħu jitreġġgħu lura.

6.   Id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna revokata għandhom jibqgħu aċċessibbli sakemm ikun meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali.

7.   Meta l-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jirrevokaw data tal-identifikazzjoni tal-persuna maħruġa lil unitajiet tal-kartieri, dawn għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-istatus tal-validità tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li joħorġu, b’mod li jħares il-privatezza, u jindikaw fejn tkun tinsab dik l-informazzjoni fid-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

8.   Il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna għandhom jippermettu tekniki li jħarsu l-privatezza biex jiżguraw li ma jkunx hemm il-possibbiltà li jinkixfu r-rabtiet meta l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi ma jkunux jeħtieġu l-identifikazzjoni tal-utent.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(3)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2982 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-protokolli u l-interfaċċi li jridu jiġu appoġġati mill-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali, (ĠU L, 2024/2982, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2982/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2979 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-integrità u l-funzjonalitajiet ewlenin tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, (ĠU L, 2024/2979, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2979/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2977 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna u l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa lill-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, (ĠU L, 2024/2977, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2977/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2980 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni dwar l-ekosistema tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali, (ĠU L, 2024/2980, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2980/oj).

(8)   ĠU L 210, 14.6.2021, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/946/oj.

(9)  Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali, (ĠU L 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1502 tat-8 ta’ Settembru 2015 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u proċeduri minimi għal-livelli ta’ assigurazzjoni għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1502/oj).


ANNESS

Speċifikazzjonijiet tekniċi għad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna msemmija fl-Artikolu 3(3)

1.   Sett tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna fiżika

Tabella 1

Data obbligatorja tal-identifikazzjoni tal-persuna fiżika

Identifikatur tad-data

Definizzjoni

Preżenza

family_name

Il-kunjom(ijiet) attwali tal-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Obbligatorju

given_name

L-isem/ismijiet attwali, inkluż l-isem/ismijiet tan-nofs meta applikabbli, tal-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Obbligatorju

birth_date

Il-jum, ix-xahar u s-sena meta twieled l-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Obbligatorju

birth_place

Il-pajjiż bħala kodiċi tal-pajjiż alfa-2 kif speċifikat fl-ISO 3166-1, jew l-istat, il-provinċja, id-distrett, jew iż-żona lokali jew il-muniċipalità, il-belt, ir-raħal jew il-villaġġ fejn twieled l-utent li miegħu hija relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Obbligatorju

nationality

Kodiċi tal-pajjiż alfa-2 wieħed jew aktar kif speċifikat fl-ISO 3166-1, li jirrappreżenta n-nazzjonalità tal-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Obbligatorju

Meta valur ta’ attribut ma jkunx magħruf għall-persuna jew ma jkunx jista’ jinħareġ b’xi mod ieħor bħala parti mis-sett tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, l-Istati Membri għandhom minflok jużaw valur ta’ attribut xieraq skont is-sitwazzjoni.

Tabella 2

Data fakultattiva tal-identifikazzjoni tal-persuna fiżika

Identifikatur tad-data

Definizzjoni

Preżenza

resident_address

L-indirizz sħiħ tal-post fejn jirrisjedi bħalissa jew jista’ jiġi kkuntattjat l-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna (l-isem tat-triq, in-numru tad-dar, il-belt, eċċ.).

Fakultattiv

resident_country

Il-pajjiż fejn jirrisjedi bħalissa l-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, bħala kodiċi tal-pajjiż alfa-2 kif speċifikat fl-ISO 3166-1.

Fakultattiv

resident_state

L-Istat, il-provinċja, id-distrett, jew iż-żona lokali fejn jirrisjedi bħalissa l-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Fakultattiv

resident_city

Il-muniċipalità, il-belt, ir-raħal jew il-villaġġ fejn jirrisjedi bħalissa l-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Fakultattiv

resident_postal_code

Il-kodiċi postali tal-post fejn jirrisjedi bħalissa l-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Fakultattiv

resident_street

L-isem tat-triq fejn jirrisjedi bħalissa l-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Fakultattiv

resident_house_number

In-numru tad-dar fejn jirrisjedi bħalissa l-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, inkluż l-affissi u s-suffissi.

Fakultattiv

personal_administrative_number

Valur assenjat lill-persuna fiżika li jkun uniku fost in-numri amministrattivi personali kollha maħruġa mill-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna. Meta l-Istati Membri jagħżlu li jinkludu dan l-attribut, dawn għandhom jiddeskrivu fl-iskemi tal-identifikazzjoni elettronika tagħhom li bihom tinħareġ id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, il-politika li japplikaw għall-valuri ta’ dan l-attribut, inkluż, meta applikabbli, kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar ta’ dan il-valur.

Fakultattiv

portrait

Immaġni tal-wiċċ tal-utent tal-kartiera konformi mal-ispeċifikazzjonijiet ISO 19794-5 jew ISO 39794

Fakultattiv

family_name_birth

Il-kunjom(ijiet) tal-utent tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna fil-mument tat-twelid.

Fakultattiv

given_name_birth

L-isem/ismijiet, inkluż l-isem/ismijiet tan-nofs, tal-utent tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna fil-mument tat-twelid.

Fakultattiv

sex

Il-valuri tal-ġeneru għandhom ikunu wieħed minn dawn:

 

0 = mhux magħruf;

 

1 = raġel;

 

2 = mara;

 

3 = ieħor;

 

4 = inter;

 

5 = divers;

 

6 = miftuħ;

 

9 = mhux applikabbli.

Għall-valuri 0, 1, 2 u 9, japplika l-ISO/IEC 5218.

Fakultattiv

email_address

L-indirizz elettroniku tal-email tal-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna [f’konformità mal-RFC 5322].

Fakultattiv

mobile_phone_number

In-numru tal-mowbajl tal-utent li miegħu hi relatata d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, li jibda bis-simbolu “+” bħala l-prefiss tal-kodiċi internazzjonali u l-kodiċi tal-pajjiż, u mbagħad numri biss.

Fakultattiv

2.   Sett tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna ġuridika

Tabella 3

Data obbligatorja tal-identifikazzjoni tal-persuna ġuridika

Element tad-data

Preżenza

isem ġuridiku attwali

Obbligatorju

identifikatur uniku maħluq mill-Istat Membru mittenti skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-finijiet tal-identifikazzjoni transfruntiera, u li jibqa’ kemm jista’ jkun persistenti maż-żmien.

Obbligatorju

Meta element tad-data ma jkunx magħruf għall-persuna jew ma jkunx jista’ jinħareġ b’xi mod ieħor bħala parti mis-sett tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, l-Istati Membri għandhom minflok jużaw valur ta’ attribut xieraq skont is-sitwazzjoni.

Tabella 4

Data fakultattiva tal-identifikazzjoni tal-persuna ġuridika

Element tad-data

Preżenza

indirizz attwali

Fakultattiv

Numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT

Fakultattiv

numru ta’ referenza tat-taxxa

Fakultattiv

Identifikatur uniku Ewropew imsemmi fid-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Fakultattiv

Identifikatur tal-Entità Ġuridika (LEI) imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1860;

Fakultattiv

Numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI) imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013;

Fakultattiv

Numru tas-sisa stipulat fl-Artikolu 2(12) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012.

Fakultattiv

3.   Sett ta’ metadata dwar id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna

Tabella 5

Metadata dwar id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna

Identifikatur tad-data

Definizzjoni

Preżenza

expiry_date

Id-data (u jekk possibbli l-ħin) meta se tiskadi d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Obbligatorju

issuing_authority

Isem l-awtorità amministrattiva li ħarġet id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, jew il-kodiċi tal-pajjiż alfa-2 tal-ISO 3166 tal-Istat Membru rispettiv jekk ma jkun hemm l-ebda awtorità separata intitolata biex toħroġ id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Obbligatorju

issuing_country

Il-kodiċi tal-pajjiż alfa-2, kif speċifikat fl-ISO 3166-1, tal-pajjiż jew tat-territorju tal-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Obbligatorju

document_number

Numru għad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, assenjat mill-fornitur tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Fakultattiv

issuing_jurisdiction

Il-kodiċi tas-subdiviżjoni tal-pajjiż tal-ġuriżdizzjoni li jkun ħareġ id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna, kif speċifikat fil-Klawżola 8 tal-ISO 3166-2:2020. L-ewwel parti tal-kodiċi għandha tkun l-istess bħall-valur għall-pajjiż emittenti.

Fakultattiv

location_status

L-informazzjoni tal-post tal-istatus tal-validità dwar id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna fejn il-fornituri tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna jirrevokaw id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.

Fakultattiv

4.   Kodifikazzjoni tal-attributi tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna

Id-data tal-identifikazzjoni tal-persuna għandha tinħareġ b’żewġ formati:

(1)

il-format speċifikat fl-ISO/IEC 18013-5:2021;

(2)

“Mudell tad-Data tal-Kredenzjali Verifikabbli 1.1.”, Rakkomandazzjoni W3C tat-3 ta’ Marzu 2022.

5.   Dettalji tal-infrastruttura ta’ fiduċja

Il-lista ta’ fornituri ta’ data tal-identifikazzjoni tal-persuna magħmula disponibbli mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2980 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni dwar l-ekosistema tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali fir-rigward tan-notifiki għandha tippermetti l-awtentikazzjoni tad-data tal-identifikazzjoni tal-persuna.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2977/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)