European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2951

3.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2951

tad-29 ta’ Novembru 2024

dwar il-kwantità ta’ kwoti li għandhom jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-EU ETS għall-bini, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali għall-2027

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30c(1) tagħha,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 30c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni trid tippubblika, sal-1 ta’ Jannar 2025, il-kwantità ta’ kwoti maħruġa għall-Unjoni kollha skont il-Kapitolu IVa ta’ dik id-Direttiva għas-sena 2027.

(2)

Skont l-Artikolu 30c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha trid tiġi ddeterminata b’referenza għall-valur tal-limiti tal-emissjonijiet tal-2024, ikkalkulat abbażi tal-emissjonijiet ta’ referenza skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għas-setturi koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE, u billi tiġi applikata t-trajettorja ta’ tnaqqis lineari għall-emissjonijiet kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Il-limiti tal-emissjonijiet għall-2024 skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2018/842 huma definiti minn trajettorja lineari mill-2022 sal-2030, li tibda mil-limiti tal-emissjonijiet tal-2022, li min-naħa tagħhom huma definiti skont dak ir-Regolament minn trajettorja lineari li hija bbażata fuq il-medja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ kull Stat Membru fl-2016, fl-2017 u fl-2018.

(4)

Skont l-Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2018/842, l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet f’konformità mal-limiti tal-emissjonijiet tal-2022 jiġu ddeterminati abbażi tad-data tal-inventarju nazzjonali tal-gassijiet serra rieżaminata b’mod komprensiv għas-snin 2016, 2017 u 2018, ippreżentata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 (3).

(5)

L-emissjonijiet ta’ referenza għas-setturi koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE ġew stabbiliti abbażi tal-medja aritmetika tad-data tal-inventarju nazzjonali tal-gassijiet serra rieżaminata b’mod komprensiv għas-snin 2016, 2017 u 2018.

(6)

L-emissjonijiet ta’ referenza għas-setturi koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE jinkludu l-Istati taż-ŻEE-EFTA, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 335/2023 (4).

(7)

L-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju minn attivitajiet esklużi b’mod espliċitu skont l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE tnaqqsu mill-valuri riveduti b’mod komprensiv tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tal-inventarji nazzjonali. Barra minn hekk, l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE jipprevedi modifiki għall-kategoriji tas-sorsi 1A1 u 1A3b, kif definiti filLinji Gwida tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet Serra għall-2006 (5). Dawn il-modifiki tqiesu biex jiġi kkalkulat il-valur tal-emissjonijiet ta’ referenza għas-setturi koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE.

(8)

Il-limiti tal-emissjonijiet tal-2024 għas-setturi koperti mill-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE ġew ikkalkulati billi għall-applikazzjoni għall-emissjonijiet ta’ referenza ġiet applikata trajettorja ta’ tnaqqis lineari bbażata fuq l-emissjonijiet kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/842, li tibda mill-medja tagħhom fl-2016, fl-2017 u fl-2018 u tintemm fil-limiti tal-emissjonijiet tal-2024 skont dak ir-Regolament, abbażi tal-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet għall-2024 ippubblikati fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1319 (6). Abbażi ta’ dan, il-limiti tal-emissjonijiet tal-2024 imsemmija fl-Artikolu 30c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li jammontaw għal 1 223 481 445 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju.

(9)

Skont l-Artikolu 30c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kwantità ta’ kwoti maħruġa għall-Unjoni kollha għall-2027 skont il-Kapitolu IVa tad-Direttiva 2003/87/KE għandha tonqos kull sena wara l-2024 b’fattur lineari ta’ tnaqqis ta’ 5,10 %. Abbażi ta’ dan, il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha għall-2027 msemmija fl-Artikolu 30c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li tammonta għal 1 036 288 784,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-2027, il-kwantità ta’ kwoti għall-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 30(c)(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għandha tammonta għal 1 036 288 784.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26, http://data.europa.eu/eli/reg/2018/842/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/525/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 335/2023 tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda l-Anness XX (L-Ambjent) tal-Ftehim ŻEE [2024/1420] (ĠU L 2024/1420, 13.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1420/oj).

(5)  IPCC 2006, 2006 IPCC Guidelines for National Greenhouse Gas Inventories, Prepared by the National Greenhouse Gas Inventories Programme, Eggleston H.S., Buendia L., Miwa K., Ngara T. and Tanabe K. (eds).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1319 tat-28 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2126 biex jiġu riveduti l-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet tal-Istati Membri għall-perjodu mill-2023 sal-2030 (ĠU L 163, 29.6.2023, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1319/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2951/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)