European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2945

2.12.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2945

tad-29 ta’ Novembru 2024

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tat-tralopiril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

It-tralopiril ġie approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1091/2014 (2), soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(2)

L-approvazzjoni tat-tralopiril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 (“l-approvazzjoni”) se tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2025. Fis-27 ta’ Settembru 2023, ġiet ippreżentata applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tat-tralopiril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21 (“l-applikazzjoni”).

(3)

Fit-2 ta’ Jannar 2024, l-awtorità kompetenti li tevalwa tan-Norveġja infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tippreżentaha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Għaldaqstant, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu twil biżżejjed biex l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi eżaminata. Wara li jitqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjonijiet mill-awtorità kompetenti li tevalwa, biex l-Aġenzija tħejji u tippreżenta l-opinjoni tagħha, u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk tistax tiġġedded l-approvazzjoni tat-tralopiril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għat-30 ta’ Settembru 2027.

(7)

Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, it-tralopiril jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1091/2014,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tat-tralopiril għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 21, stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1091/2014, hija posposta għat-30 ta’ Settembru 2027.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1091/2014 tas-16 ta’ Ottubru 2014 li japprova t-tralopiril bħala sustanza attiva ġdida għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 21 (ĠU L 299, 17.10.2014, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1091/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2945/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)