European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2931

28.11.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2931

tas-27 ta’ Novembru 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 fir-rigward ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil ta’ Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasus, Prunus pseudocerasus u Prunus spinosa li joriġinaw mir-Renju Unit, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 fir-rigward tal-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni ta’ dawk il-pjanti għat-tħawwil fit-territorju tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli.

(2)

Bħala segwitu tal-valutazzjoni preliminari, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 ġew elenkati b’mod proviżorju 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw minn pajjiżi terzi, bħala pjanti ta’ riskju għoli. Dik il-lista tinkludi l-ġeneru Prunus L.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 (3) jistabbilixxi l-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, iżda li r-riskji fitosanitarji tagħhom għadhom ma ġewx ivvalutati bis-sħiħ. Dan għaliex wieħed jew aktar mill-pesti li jgħixu f’dawk il-pjanti għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (4), iżda jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jiġu inklużi wara valutazzjoni tar-riskji kompluta ulterjuri.

(4)

Fil-31 ta’ Marzu 2023, ir-Renju Unit (5) issottometta lill-Kummissjoni talba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ rimjiet bl-għejun/tilqim ta’ Prunus avium ta’ mhux aktar minn sena, b’dijametru massimu ta 12 mm; ta’ pjanti għat-tħawwil f’materjal għat-tkabbir ta’ Prunus avium u Prunus avium ta’ mhux aktar minn 7 snin, imlaqqmin fuq is-salvaġġ ta’ Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasus jew Prunus pseudocerasus, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk; ta’ pjanti għat-tħawwil bl-għeruq mikxufin ta’ Prunus avium u Prunus avium ta’ mhux aktar minn 7 snin, imlaqqmin fuq is-salvaġġ ta’ Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasus jew Prunus pseudocerasus, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk, u ta’ pjanti għat-tħawwil f’materjal għat-tkabbir ta’ Prunus avium ta’ mhux aktar minn 15-il sena, b’dijametru massimu ta’ 80 mm fil-bażi taz-zokk (“il-pjanti indikati fl-ewwel talba”). Dik it-talba kienet sostnuta mid-dossier tekniku rilevanti (id-dossier tekniku tal-31 ta’ Marzu 2023).

(5)

Fit-23 ta’ Mejju 2024, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti indikati fl-ewwel talba (6) (l-Opinjoni tat-23 ta’ Mejju 2024). L-Awtorità identifikat il-Bemisia tabaci (popolazzjonijiet Ewropej), il-Colletotrichum aenigma, l-Eulecanium excrescens, is-Scirtothrips dorsalis, it-Takahashia japonica, il-virus tar-ringspot tat-tabakk u l-virus tar-ringspot tat-tadam bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju deskritti fid-dossier tekniku tal-31 ta’ Marzu 2023 u stmat il-probabbiltà ta’ ħelsien tal-pjanti rilevanti minn dawk il-pesti.

(6)

Fid-9 ta’ Ġunju 2023, ir-Renju Unit issottometta talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ rimjiet bl-għejun/tilqim ta’ Prunus spinosa ta’ mhux aktar minn sena, b’dijametru massimu ta’ 12 mm; ta’ pjanti għat-tħawwil bl-għeruq mikxufin ta’ Prunus spinosa ta’ mhux aktar minn 7 snin, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk; u ta’ pjanti għat-tħawwil f’materjal għat-tkabbir ta’ Prunus spinosa ta’ mhux aktar minn 7 snin, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk (“il-pjanti indikati fit-tieni talba”). Dik it-talba kienet sostnuta mid-dossier tekniku rilevanti (id-dossier tekniku tad-9 ta’ Ġunju 2023).

(7)

Fid-19 ta’ Ġunju 2024, l-Awtorità adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-pjanti indikati fit-tieni talba (7) (l-Opinjoni tad-19 ta’ Ġunju 2024). L-Awtorità identifikat il-Bemisia tabaci (popolazzjonijiet Ewropej), l-Eulecanium excrescens u s-Scirtothrips dorsalis bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju deskritti fid-dossier u stmat il-probabbiltà ta’ ħelsien tal-pjanti rilevanti minn dawk il-pesti.

(8)

Abbażi tal-Opinjonijiet tat-23 ta’ Mejju 2024 u tad-19 ta’ Ġunju 2024, ir-riskju fitosanitarju li jirriżulta mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni taż-żewġ pjanti indikati fl-ewwel talba u tal-pjanti indikati fit-tieni talba jitqies li huwa mnaqqas għal livell aċċettabbli, dment li jiġu applikati miżuri xierqa li jindirizzaw ir-riskju tal-pesti relatati ma’ dawk il-pjanti.

(9)

Għall-pjanti rilevanti indikati fl-ewwel talba, l-Awtorità identifikat il-pesti magħrufa li jintużaw bħala ospitanti jew bħala Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasus jew bħala Prunus pseudocerasus. Peress li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ siġar kbar u eqdem (ta’ 80 mm u 15-il sena) jitqies li jitnaqqas għal livell aċċettabbli bl-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa, huwa għalhekk iġġustifikat li jiġi konkluż li r-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni tal-pjanti kollha għat-tħawwil ta’ Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasus u Prunus pseudocerasus, irrispettivament mid-daqs, mill-età, minn jekk ikunux imlaqqmin jew le, jew minn jekk ikunux bl-għeruq mikxufin jew f’materjal għat-tkabbir, li joriġinaw mir-Renju Unit, jitnaqqas għal livell aċċettabbli bl-applikazzjoni ta’ miżuri xierqa.

(10)

Għaldaqstant, il-pjanti għat-tħawwil ta’ Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasus u Prunus pseudocerasus, ta’ rimjiet bl-għejun/tilqim ta’ Prunus spinosa ta’ mhux aktar minn sena, b’dijametru massimu ta’ 12 mm u ta’ pjanti mhux imlaqqmin għat-tħawwil ta’ Prunus spinosa ta’ mhux aktar minn 7 snin, b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 40 mm, li joriġinaw mir-Renju Unit (“il-pjanti rilevanti”), jenħtieġ li ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti ta’ riskju għoli. Għalhekk, jenħtieġ li jitneħħew mil-lista ta’ pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat kif xieraq.

(12)

Il-miżuri deskritti mir-Renju Unit fid-dossiers tekniċi tal-31 ta’ Marzu 2023 u tad-9 ta’ Ġunju 2023 huma meqjusa suffiċjenti biex inaqqsu r-riskju li jirriżulta mill-introduzzjoni tal-pjanti rilevanti fit-territorju tal-Unjoni għal livell aċċettabbli. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-miżuri jiġu stabbiliti bħala rekwiżiti fitosanitarji tal-importazzjoni fl-[Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 biex tiġi żgurata l-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni.

(13)

Il-Bemisia tabaci (popolazzjonijiet Ewropej) hija elenkata bħala pest tal-kwarantina f’żona protetta fl-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 u s-Scirtothrips dorsalis huwa elenkat bħala pest tal-kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(14)

Il-virus tar-ringspot tat-tabakk u l-virus tar-ringspot tat-tadam issa huma elenkati bħala pesti rregolati mhux tal-kwarantina fl-Unjoni fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(15)

It-Takahashia japonica għadha mhijiex inkluża fil-lista ta’ pesti tal-kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. Madankollu, abbażi tal-evidenza pprovduta mill-Istati Membri li tindika li l-impatt ta’ dak il-pest fuq il-pjanti ospitanti tiegħu fl-Unjoni mhuwiex sinifikanti, ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit tal-importazzjoni fir-rigward ta’ dak il-pest.

(16)

Il-Colletotrichum aenigma u l-Eulecanium excrescens għadhom mhumiex inklużi fil-lista tal-pesti tal-kwarantina fl-Unjoni. Jeħtieġ li ssir disponibbli valutazzjoni sħiħa tar-riskju tal-pesti, biex jiġi ddeterminat jekk dawk il-pesti jenħtieġx li jiġu elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, u jekk bħala konsegwenza l-pjanti rilevanti, flimkien mar-rekwiżiti speċifiċi rilevanti jenħtieġx li jiġu elenkati fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament.

(17)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 jiġi emendat biex jinkludi l-pesti Colletotrichum aenigma u Eulecanium excrescens, u r-rekwiżiti korrispondenti tagħhom.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2019/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213 tal-21 ta’ Awwissu 2020 dwar il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra li tneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 275, 24.8.2020, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1213/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2072/oj).

(5)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Qafas ta’ Windsor (Ara d-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, (ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87)) flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Qafas, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.

(6)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2024. Commodity risk assessment of Prunus avium plants from United Kingdom. EFSA Journal, 22(7), e8836. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8836.

(7)  Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2024. Commodity risk assessment of Prunus spinosa plants from United Kingdom. EFSA Journal, 22(7), e8893. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8893.


ANNESS I

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fil-punt 1, fit-tabella, fit-tieni kolonna bit-titolu “Deskrizzjoni”, l-entrata għall-“Prunus L., hija sostitwita b’dan li ġej:

“Prunus L., għajr:

pjanti għat-tħawwil, mingħajr weraq, inattivi, bl-għeruq mikxufin, ta’ Prunus domestica mlaqqmin fuq is-salvaġġ ta’ Prunus cerasifera li joriġinaw mill-Ukrajna;

biċċiet mingħajr għeruq, mingħajr weraq, inattivi, ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ Prunus persica u Prunus dulcis li joriġinaw mit-Turkija;

pjanti għat-tħawwil mingħajr weraq, inattivi, bl-għeruq mikxufin, ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ Prunus persica, Prunus dulcis, Prunus armeniaca u Prunus davidiana, li joriġinaw mit-Turkija;

pjanti għat-tħawwil ta’ Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasus u Prunus pseudocerasus, li joriġinaw mir-Renju Unit;

rimjiet bl-għejun/tilqim ta’ mhux aktar minn sena ta’ Prunus spinosa b’dijametru massimu ta’ 12 mm li joriġinaw mir-Renju Unit; u

pjanti mhux imlaqqma għat-tħawwil ta’ Prunus spinosa ta’ mhux aktar minn 7 snin, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk, li joriġinaw mir-Renju Unit.”


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213, fit-tabella, l-entrati li ġejjin jiddaħħlu bejn l-entrata “biċċiet mingħajr għeruq, mingħajr weraq, inattivi ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ Prunus persica u Prunus dulcis; pjanti għat-tħawwil mingħajr weraq, inattivi, bl-għeruq mikxufin, ta’ mhux aktar minn sentejn ta’ Prunus persica, Prunus dulcis, Prunus armeniaca u Prunus davidiana. ” u l-entrata “pjanti għat-tħawwil ta’ mhux aktar minn 15-il sena u b’dijametru massimu fil-bażi taz-zokk ta’ 80 mm tal-Quercus petraea u tal-Quercus robur. ”:

Pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra

Kodiċi NM

Pajjiżi terzi ta’ oriġini

Miżuri

Pjanti għat-tħawwil ta’ Prunus avium, Prunus canescens, Prunus cerasus u Prunus pseudocerasus.

ex 0602 10 90

ex 0602 20 20

ex 0602 20 80

ex 0602 90 45

ex 0602 90 46

ex 0602 90 48

Ir-Renju Unit

(a)

Dikjarazzjoni uffiċjali li:

(i)

il-pjanti huma ħielsa mill- Colletotrichum aenigma u mill-Eulecanium excrescens;

(ii)

waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fi żminijiet xierqa, mill-bidu tal-aħħar perjodu tat-tkabbir, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Colletotrichum aenigma u mill-Eulecanium excrescens;

(iii)

twaqqfet sistema biex jiġi żgurat li qabel ma jiddaħħlu fis-sit tal-produzzjoni, l-għodod u l-makkinarju jkunu tnaddfu għalkollox mill-ħamrija u minn biċċiet tal-pjanti u ġew diżinfettati biex jinħelsu mill-Colletotrichum aenigma; u

(iv)

immedjatament qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Eulecanium excrescens b’daqs tal-kampjun kbir biżżejjed li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 %; u għal spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Colletotrichum aenigma inkluż il-kampjunar aleatorju u l-ittestjar tal-pjanti;

(b)

taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

(i)

id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213”; u

(ii)

l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.

Prunus spinosa,

rimjiet bl-għejun/tilqim ta’ mhux aktar minn 1 sena b’dijametru massimu ta’ 12 mm;

pjanti għat-tħawwil mhux imlaqqma ta’ mhux aktar minn 7 snin, b’dijametru massimu ta’ 40 mm fil-bażi taz-zokk.

ex 0602 10 90

ex 0602 20 20

ex 0602 20 80

ex 0602 90 45

ex 0602 90 46

ex 0602 90 48

Ir-Renju Unit

(a)

Dikjarazzjoni uffiċjali li:

(i)

il-pjanti huma ħielsa mill-Eulecanium excrescens;

(ii)

waqt spezzjonijiet uffiċjali li saru fi żminijiet xierqa, mill-bidu tal-aħħar perjodu tat-tkabbir, is-sit tal-produzzjoni nstab li hu ħieles mill-Eulecanium excrescens; u

(iii)

eżatt qabel l-esportazzjoni, il-konsenji tal-pjanti saritilhom spezzjoni uffiċjali għall-preżenza tal-Eulecanium excrescens, b’daqs tal-kampjun kbir biżżejjed li jkun jippermetti s-sejbien ta’ mill-inqas livell ta’ infestazzjoni ta’ 1 % b’livell ta’ kunfidenza ta’ 99 %;

(b)

taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, iċ-ċertifikati fitosanitarji għal dawk il-pjanti jinkludu:

(i)

id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-konsenja tikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1213”; u

(ii)

l-ispeċifikazzjoni tas-siti tal-produzzjoni rreġistrati.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2931/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)