European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2927

25.11.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2927

tal-20 ta’ Novembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2119 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija

(notifikata bid-dokument C(2024) 8321)

(It-test Rumen biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar hija marda infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, b’hekk tfixkel il-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-annimali kaprini jew ovini, hemm riskju serju li din il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali kaprini jew ovini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u ddefinit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż l-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u, jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2119 (4) ġiet adottata abbażi tar-Regolament (UE) 2016/429 u tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija. B’mod aktar partikolari, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2119 tipprevedi li ż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri li għandu jistabbilixxi dak l-Istat Membru, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, wara t-tifqigħat ta’ din il-marda, iridu jkunu jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(5)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2119, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni b’tifqigħat addizzjonali tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fi stabbilimenti fejn kienu jinżammu l-annimali ovini u kaprini. Barra minn hekk, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni b’ċertu dewmien fl-applikazzjoni tal-miżuri għall-kontroll tal-mard li jeħtieġ jiġu applikati fil-każ tal-konferma uffiċjali ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A fl-annimali terrestri miżmuma fi stabbiliment. B’riżultat ta’ dan, l-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ġie emendat kif xieraq biex jitqiesu dawn il-fatti. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2119 ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2832 (5).

(6)

Mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2832 ’l hawn, ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni li kull miżura għall-kontroll tal-mard li jeħtieġ tiġi applikata fil-każ tal-konferma uffiċjali ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A fl-annimali terrestri miżmuma fi stabbiliment, stabbilita fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, ġiet implimentata għat-tifqigħat kollha tal-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar li ġew ikkonfermati sa issa fit-territorju tagħha, inkluż dawk fil-Kontea ta’ Timis. Barra minn hekk, mill-bidu tal-epidemija fil-Kontea ta’ Timis, ir-Rumanija wettqet sorveljanza tal-marda fiż-żona madwar dawn it-tifqigħat, jiġifieri fil-Kontea ta’ Timis u fil-Kontea ta’ Caras Severin, b’riżultati negattivi għall-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li jiġu aġġustati d-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fiż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri għar-Rumanija, fil-Kontea ta’ Timis, fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2119, kif ukoll id-daqs ta’ dawn iż-żoni, filwaqt li titqies l-aktar data epidemjoloġika reċenti. Għaldaqstant, jeħtieġ jiġu emendati l-lista taż-żoni ristretti u d-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fihom stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(8)

Id-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni, taż-żoni ta’ sorveljanza u taż-żoni ristretti ulterjuri u d-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fihom jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluż is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fiż-żoni affettwati minn din il-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-Istat Membru kkonċernat minnha, kif ukoll il-livell tar-riskju li din il-marda tkompli tinxtered. Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri tkun tqis ukoll l-istandards internazzjonali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH, World Organisation for Animal Health). Fis-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali, ir-riskju li l-marda tkompli tinxtered jikkonċerna biss liż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza b’rabta mal-aktar tifqigħa reċenti fil-Kontea ta’ Timis. Għaldaqstant, ma għadx hemm il-ħtieġa ta’ żona ristretta ulterjuri madwar l-istess żona.

(9)

Sabiex jiġi evitat telf finanzjarju bla bżonn fis-settur tal-biedja, l-emendi li għandhom isiru fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2119 b’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jibdew japplikaw mill-aktar fis possibbli.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2119

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2119 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2119 tad-29 ta’ Lulju 2024 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija (ĠU L, 2024/2119, 30.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2119/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2832 tal-31 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2119 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija (ĠU L, 2024/2832, 5.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2832/oj).


ANNESS

Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħat ikkonfermati

Kontea u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza li jiffurmaw parti miż-żona ristretta fir-Rumanija kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Il-Kontea ta’ Timis

RO-PPR-2024-00019

RO-PPR-2024-00061

RO-PPR-2024-00063

RO-PPR-2024-00064

RO-PPR-2024-00065

RO-PPR-2024-00066

RO-PPR-2024-00067

Protection zone:

Those parts of the counties of Timis, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 45.280895, Long. 21.473979 (2024/61), Lat. 45.280971, Long. 21.460345 (2024/63), Lat. 45.279911, Long. 21.47413 (2024/64), Lat. 45.281111, Long. 21.471944 (2024/65), Lat. 45.280833, Long. 21.464167 (2024/66). Lat. 45.280274, Long. 21.472984 (2024/67).

23.11.2024

Surveillance zone:

Those parts of the counties of Timis and Caras-Severin, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 45.261807, Long. 21.451327 (2024/19) Lat. 45.280895, Long. 21.473979 (2024/61), Lat. 45.280971, Long. 21.460345 (2024/63), Lat. 45.279911, Long. 21.47413 (2024/64), Lat. 45.281111, Long. 21.471944 (2024/65), Lat. 45.280833, Long. 21.464167 (2024/66). Lat. 45.280274, Long. 21.472984 (2024/67) excluding the areas included in any protection zone.

2.12.2024

Surveillance zone:

Those parts of the counties of Timis and Caras-Severin, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 45.261807, Long. 21.451327 (2024/19) Lat. 45.280895, Long. 21.473979 (2024/61), Lat. 45.280971, Long. 21.460345 (2024/63), Lat. 45.279911, Long. 21.47413 (2024/64), Lat. 45.281111, Long. 21.471944 (2024/65), Lat. 45.280833, Long. 21.464167 (2024/66). Lat. 45.280274, Long. 21.472984 (2024/67).

24.11.2024 – 2.12.2024


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2927/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)