European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2905

19.11.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2905

tat-18 ta’ Novembru 2024

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Saħel.

(2)

Fil-21 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1011 (1), li taħtar lis-Sa Emanuela Claudia DEL RE bħala r-RSUE għas-Saħel.

(3)

Fis-26 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2083 (2), li testendi l-mandat tar-RSUE għas-Saħel. Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-30 ta’ Novembru 2024.

(4)

Jenħtieġ li jinħatar RSUE ġdid għas-Saħel għal perjodu ta’ 21 xahar.

(5)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

1.   Mr João CRAVINHO huwa b’dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Saħel mill-1 ta’ Diċembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2026. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż jew itterminat aktar kmieni, fuq il bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u ta’ proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).

2.   Għall-fini tal-mandat tar-RSUE, is-Saħel hu definit li jinkludi l-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer. Ir-RSUE għandu jimpenja ruħu wkoll, kif xieraq, mal-pajjiżi tal-Baċir tal-Lag Chad u pajjiżi oħra u entitajiet reġjonali jew internazzjonali fis-Saħel u lil hinn mis-Saħel, inkluż il-Magreb u l-Golf tal-Guineau, b’mod partikolari, mal-pajjiżi ġirien li huma affettwati mid-dinamika tas-Saħel.

Artikolu 2

Objettivi ta’ politika

1.   Fuq il-bażi tal-objettivi ta’ politika tal-Istrateġija Integrata tal-Unjoni Ewropea fis-Saħel kif adottata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill fis-16 ta’ April 2021(l-“Istrateġija”), u fid-dawl tal-adattament tal-approċċ tal-Unjoni kif diskuss fil-Kunsill Affarijiet Barranin tal-11 ta’ Diċembru 2023 u tad-19 ta’ Frar 2024 u l-ħidma fuq approċċ imġedded għar-reġjun tas-Saħel, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li jikkontribwixxi b’mod attiv u jagħti prijorità lill-isforzi reġjonali u internazzjonali biex jinkisbu paċi, sigurtà, stabbiltà u żvilupp sostenibbli dejjiema fir-reġjun. Barra minn hekk, ir-RSUE għandu jimmira li jsaħħaħ il-kwalità, l-impatt u l-viżibilità tal-impenn multidimensjonali tal-Unjoni fis-Saħel. F’konformità mal-orjentazzjonijiet tal-Kunsill u mal-istrateġiji oġġettivi, l-interessi u l-valuri tal-Unjoni, ir-RSUE għandu jassisti lir-RGħ fid-definizzjoni ta’ approċċ imġedded tal-Unjoni dwar is-Saħel.

2.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni fir-reġjun b’mod integrat, inkluż fl-oqsma politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp, u għall-koordinazzjoni tal-istrumenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għall-azzjonijiet tal-Unjoni. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-approfondiment tal-isforzi tal-Unjoni għal impenn u koordinazzjoni ma’ mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

3.   Ir-RSUE għandu jaġixxi f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), id-delegazzjonijiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, b’mod partikolari, in-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-organizzazzjonijiet Afrikani, partikolarment l-Unjoni Afrikana (UA) u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS).

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

jikkontribwixxi b’mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u għall-ħidma fuq approċċ imġedded għar-reġjun tas-Saħel, kif xieraq, u jikkoordina u jkompli jiżviluppa l-approċċ integrat tal-Unjoni fir-reġjun, bil-ħsieb li jissaħħu l-koerenza u l-effettività ġenerali tal-attivitajiet tal-Unjoni fis-Saħel kif ukoll li jappoġġa komunikazzjoni strateġika effettiva;

(b)

jimpenja ruħu, inkluż permezz tad-diplomazija shuttle, kif ukoll il-ftehimiet ta’ paċi, u l-inizjattivi internazzjonali ta’ medjazzjoni u riżoluzzjoni tal-kunflitti, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-reġjun inkluż il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, iż-żagħżagħ, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, u l-pajjiżi tal-Magreb, l-Afrika tal-Punent u l-Baċir tal-Lag Chad, bil-ħsieb li jsir progress fl-objettivi u l-interessi tal-Unjoni u b’hekk jingħata kontribut għal fehim aħjar u immaġni pożittiva tar-rwol tal-Unjoni fis-Saħel u qrib tiegħu;

(c)

jirrappreżenta u jippromwovi l-interessi u l-viżibilità tal-Unjoni f’fora reġjonali u internazzjonali rilevanti u kwalunkwe proċess ieħor rilevanti għall-istabbiltà tar-reġjun;

(d)

jiffaċilita azzjoni tal-Unjoni fir-reġjun li tkun ikkoordinata u integrata b’mod sħiħ u li tislet mill-istrumenti rilevanti kollha, fosthom il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, u l-attivitajiet tal-Istati Membri u l-appoġġ tal-Unjoni għall-maniġġar ta’ kriżijiet u l-prevenzjoni ta’ kunflitti permezz ta’ azzjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) tal-Unjoni u sforzi ta’ stabbilizzazzjoni reġjonali u nazzjonali, inkluż dawk dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ eks ġellieda, u l-wirt kulturali fil-kunflitti u l-kriżijiet;

(e)

iżomm kooperazzjoni mill-qrib man-NU, b’mod partikolari r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afrika tal-Punent u s-Saħel, il-Koordinatur Speċjali għall-iżvilupp fis-Saħel, l-UA, l-ECOWAS, u partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra, fosthom Mibgħuta Speċjali oħra għas-Saħel;

(f)

isegwi mill-qrib, janalizza u jirrapporta dwar l-impatt tal-għeruq tal-instabbiltà u x-xejriet fit-tul fir-reġjun, fosthom it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, il-pastoraliżmu, l-insigurtà tal-ikel, l-aċċess għar-riżorsi naturali, b’mod partikolari l-art u l-ilma, kif ukoll jippromwovi l-ġestjoni sostenibbli ta’, u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-riżorsi naturali li jsaħħu l-istabbiltà, u jappoġġa l-isforzi għal-limitazzjoni tat-tixrid tal-instabbiltà, billi jagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni l-aktar vulnerabbli;

(g)

isegwi mill-qrib dimensjonijiet reġjonali u transkonfinali oħra tal-isfidi li qed jiffaċċa r-reġjun, fosthom il-pandemiji, it-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni, estremiżmu vjolenti, il-kriminalità organizzata, vjolenza interkomunali, it-theddid ibridu u ċibernetiku, il-kuntrabandu ta’ armi, it-traffikar u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin, it-traffikar tad-drogi, l-insigurtà marittima, il-flussi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni u l-flussi finanzjarji illeċiti relatati;

(h)

isegwi mill-qrib il-konsegwenzi umanitarji, politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp ta’ flussi ta’ refuġjati u ta’ migrazzjoni fuq skala kbira, inkluż persuni spostati internament, u, kif meħtieġ, jimpenja ruħu fi djalogi dwar il-migrazzjoni mal-awtoritajiet u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jikkontribwixxi b’mod aktar ġenerali għall-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati fir-rigward tar-reġjun, f’konformità mal-objettivi, l-interessi u l-valuri tal-Unjoni, sabiex jippromwovi kooperazzjoni produttiva fl-oqsma tal-migrazzjoni b’approċċ komprensiv ta’ rotta sħiħa;

(i)

f’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEAE, il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu u l-Kummissjoni, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontrihom, iżomm kuntatti politiċi ta’ livell għoli regolari mal-pajjiżi affettwati mit-terroriżmu u l-kriminalità organizzata internazzjonali u jiżgura r-rwol ewlieni tal-Unjoni fl-isforzi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-estremiżu vjolenti u l-kriminalità organizzata internazzjonali;

(j)

isegwi mill-qrib il-konsegwenzi politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp tal-kriżijiet umanitarji fir-reġjun, b’kont meħud tar-rabta bejn il-paċi, l-umanitarja u l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet reġjonali fit-tul għall-kriżijiet u l-konflitti;

(k)

jikkontribwixxi, f’kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, il-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar Tfal u Kunflitti Armati, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u l-politika tal-Unjoni dwar in-Nisa’, il-Paċi u s-Sigurtà f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà 2019-2024, u jippromwovi l-inklussività u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess tal-bini tal-istat, f’konformità mal-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà (UNSCR) 1325 (2000) u UNSCR sussegwenti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż l-UNSCR 2242 (2015), u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-UNSCR 2250(2015) dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà;

(l)

ikompli josserva s-settur tal-ġustizzja kollu kemm hu, u l-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà li jistgħu jintużaw biex tiġi miġġielda l-impunità, inkluż il-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet u ż-żamma ta’ kuntatti regolari mal-awtoritajiet rilevanti fir-reġjun, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-impenn mad-difensuri u l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun;

(m)

japprofondixxi l-għarfien tal-Unjoni dwar l-aspettattivi lokali u l-kuntesti lokali permezz ta’ kuntatti frekwenti fir-reġjun, inkluż ma’ atturi lokali. Abbażi ta’ analiżi bir-reqqa u kontinwa tas-sitwazzjoni, jiffaċilita r-riflessjoni u jikkontribwixxi għar-rispons bikri, l-adattament, u l-viżjoni strateġika u fit-tul tal-Unjoni fis-Saħel.

2.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-mandat tar-RSUE, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:

(a)

jagħti pariri u jirrapporta dwar il-formulazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni f’fora reġjonali u internazzjonali, kif meħtieġ, sabiex jippromovi b’mod proattiv il-kuntatti u l-azzjonijiet diplomatiċi li jsaħħu l-approċċ integrat tal-Unjoni għas-Saħel;

(b)

jikkontribwixxi biex tinżamm viżjoni globali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u jikkoopera mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jikkoopera u jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mad-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta’ Diċembru 2024 sal-31 ta’ Awwissu 2026 għandu jkun ta’ EUR 2 984 189,62.

2.   In-nefqa għandha tiġi ġestita konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.   Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta’ tim. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u l-Kummissjoni mill-ewwel infurmati dwar minn min hu magħmul il-grupp.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu s-sekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali kkuntrattat għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibagħtu, tal-istituzzjoni tal-Unjoni jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

4.   Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kolokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif meħtieġ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3).

Artikolu 9

Aċċess għall-informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u l-Istati Membri, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun, kif xieraq.

Artikolu 10

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva skont it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta’ responsabbiltà, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li ser jiġi stazzjonat barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà jiġu implimentati u jipprovdi rapporti bil-miktub lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti regolari ta’ progress u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi rapporti bil-fomm u bil-miktub lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, skont kif meħtieġ. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F’konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Fil-qafas tal-Istrateġija, u bil-ħsieb tal-adattament ta’ approċċ imġedded għar-reġjun tas-Saħel u l-ħidma fuqu, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu involuti b’mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. Għandhom jintalbu kuntatti mal-Istati Membri fuq bażi regolari. Ir-rwol ta’ tlaqqigħ tar-RSUE fil-ġbir ta’ Mibgħuta Speċjali tas-Saħel mill-Istati Membri u, b’mod aktar ġenerali, flimkien ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, għandu jkompli jkun importanti. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tas-SEAE, id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-Kummissjoni, kif ukoll ma’ dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi sessjonijiet ta’ tagħrif regolari lis-SEAE, lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u lill-missjonijiet tal-Istati Membri fir-reġjun.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri rilevanti, mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-missjonijiet tal-PSDK. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-EUCAP Sahel Mali. Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lill xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.

Artikolu 13

Assistenza rigward pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta’ elementi b’rispons għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għas-Saħel, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn il-finijiet.

Artikolu 14

Rieżami

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sal-31 ta’ Mejju 2026.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2024.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1011 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (ĠU L 222, 22.6.2021, p. 21).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2083 tas-26 ta’ Lulju 2024 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1011 (ĠU L, 2024/2083, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2083/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2905/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)