European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2903

19.11.2024

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/2903

tat-18 ta’ Novembru 2024

li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2025 u li jemenda r-Regolament (UE) 2024/257 fir-rigward ta' ċerti opportunitajiet tas-sajd f'ilmijiet oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kunsill għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma marbuta b'mod funzjonali ma' dawn l-opportunitajiet tas-sajd, kif xieraq. Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati f'konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS) kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) ta' dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri b'tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk jew attività tas-sajd.

(2)

Għalhekk, il-qabdiet totali permissibbli (TACs) jenħtieġ li jiġu stabbiliti, f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, billi jitqiesu l-implikazzjonijiet bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, u filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. F'konformità mal-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, dak il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-PKS elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. B'mod partikolari, il-pjan ifittex li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirrestawra u jżomm il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY). Il-pjan għandu wkoll l-għan li jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b'mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Dawk l-objettivi, kif speċifikat aktar fl-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jinkludu l-provvediment ta' kundizzjonijiet għal industrija tas-sajd, tal-qbid u tal-ipproċessar vijabbli u kompetittiva u għal attivitajiet relatati mas-sajd ibbażati fuq l-art, kif ukoll il-kontribuzzjoni għal standard tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jittieħed kont tas-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi.

(4)

Fil-31 ta' Mejju 2024, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ippubblika l-parir annwali tiegħu dwar l-istokkijiet tal-Baltiku għall-2025. Skont l-ICES, il-maġġoranza l-kbira tas-sajd fil-Baħar Baltiku għandu mill-inqas ċertu grad ta' taħlit bejn l-istokkijiet. Dak it-taħlit jikkonċerna kemm stokkijiet ġestiti minn TAC kif ukoll stokkijiet mhux ġestiti minn TAC. L-aktar grad importanti ta' taħlit iseħħ fost l-ispeċijiet pelaġiċi u l-ispeċijiet demersali .

(5)

Għall-2025, l-ICES jirrakkomanda li ma jsir l-ebda qbid tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent, tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant u tas-salamun fis-subdiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES. Barra minn hekk, l-ICES jirrakkomanda livelli baxxi ta' qbid għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent għall-2025. Għalhekk, jekk it-TACs għal dawk l-istokkijiet jiġu stabbiliti fil-livelli rakkomandati mill-ICES, l-obbligu li jinħattu l-art il-qabdiet kollha, inkluż il-qabdiet aċċessorji minn dawk l-istokkijiet fis-sajd imħallat, iwassal għall-fenomenu ta' speċijiet bi kwota limitanti. Il-bakkaljaw jinqabad b'mod aċċessorju fis-sajd kollu, l-aringa tal-Punent tinqabad b'mod aċċessorju fis-sajd immirat għal-laċċa kaħla, u s-salamun jista' jinqabad b'mod aċċessorju f'ħafna mis-sajd. Sitwazzjoni ta' speċijiet bi kwota limitanti taffettwa b'mod partikolari l-bastimenti li jistadu għall-pixxiċatt u għal-laċċa kaħla, u potenzjalment iġġegħelhom iwaqqfu l-operazzjonijiet tas-sajd fl-2025 u twassal għal għeluq prematur ta' dak is-sajd. Abbażi tad-data mill-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura , il-valur tal-ewwel bejgħ tas-sajd għall-barbun tat-tbajja' u għal-laċċa kaħla li jista' jinqabad fil-limiti tat-TACs u li mistenni jinqabad fiż-żona rispettiva rilevanti huwa stmat għal EUR 19 900 000 u EUR 400 000 ,rispettivament. Ħafna mis-sajd, b'mod partikolari s-sajd kostali fuq skala żgħira għal speċijiet mhux ġestiti minn TAC, ikun jeħtieġ ukoll li jwaqqaf l-operazzjonijiet tas-sajd fl-2025. Sabiex jinkiseb bilanċ bejn iż-żamma tas-sajd, minħabba l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi potenzjalment serji li jirriżultaw min-nuqqas ta' dan u l-ħtieġa li jinkiseb status bijoloġiku tajjeb għal dawk l-istokkijiet, filwaqt li titqies id-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha f'sajd imħallat b'MSY, huwa xieraq li t-TACs jinżammu esklużivament għal qabdiet aċċessorji inevitabbli għall-aringa tal-Baltiku tal-Punent, għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, u għas-salamun fil-baċir ewlieni.

(6)

Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, l-ICES jirrakkomanda li ma jsir l-ebda qbid għal dak l-istokk fl-2025 għas-sitt sena konsekuttiva. Barra minn hekk, l-ICES naqqas il-valutazzjoni tiegħu għal valutazzjoni prekawzjonarja tal-kategorija 3 minħabba data limitata u inkonsistenzi f'ċerti mudelli ta' stima. Madankollu, l-ICES jibqa' kunfidenti dwar ix-xejriet tal-bijomassa tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, li wrew żieda żgħira. Madankollu, il-bijomassa tal-istokk riproduttiv għadha ferm taħt il-punt ta' referenza dwar konservazzjoni (Blim), li taħtu jista' jkun hemm kapaċità riproduttiva mnaqqsa. Għalhekk, f'konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (EU) Nru 1380/2013, huwa xieraq li tinżamm is-sospensjoni tas-sajd immirat u miżuri ta' rimedju oħra marbuta b'mod funzjonali u li l-projbizzjoni tas-sajd rikreattiv tiġi estiża għaż-żona ta' ġestjoni kollha, b'eċċezzjoni għall-qabdiet aċċessorji inċidentali fis-subdiviżjonijiet 27 sa 32 tal-ICES. F'konformità mal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għal qabdiet aċċessorji inevitabbli jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll f'livell baxx sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għal żero.

(7)

Fir-rigward tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, l-ICES naqqas il-parir tiegħu s-sena l-oħra għal parir ta' prekawzjoni minħabba inċertezzi kontinwi fil-parir u rrakkomanda livelli ta' qbid estremament baxxi għall-2024 u l-2025. Barra minn hekk, fl-2021, l-ICES stima li l-istokk niżel taħt il-Blim 15-il sena ilu u baqa' taħt Blim minn dak iż-żmien 'l hawn, u laħaq livell storikament baxx fl-2022. Għalhekk, f'konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139 u l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, huwa xieraq li tinżamm is-sospensjoni tas-sajd immirat u miżuri ta' rimedju oħra marbuta b'mod funzjonali. F'konformità mal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għal qabdiet aċċessorji inevitabbli jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll f'livell baxx biex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għal żero.

(8)

Fir-rigward tas-salamun fis-subdiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES, l-ICES żamm mal-parir tiegħu li ma jsir l-ebda qbid, filwaqt li għall-2025 ikkunsidra l-possibbiltà ta' sajd kostali kummerċjali u rikreattiv immirat kontinwu mill-ġdid lejn iż-żona fit-Tramuntana tal-latitudni 59o 30′ N (is-subdiviżjonijiet tal-ICES 29 mit-Tramuntana sal-31) meta mqabbel mas-subdiviżjoni 31 tal-ICES fl-2024. Madankollu, l-ICES, naqqas il-parir tiegħu dwar il-qabdiet minħabba li s-sopravivenza tas-salamun wara l-fażi żagħżugħa naqset għal livell storikament baxx fl-2021 u hija inċerta għall-2022, u dan irriżulta f'żieda fl-inċertezza tat-tbassir tal-iżvilupp tal-istokk. Barra minn hekk, il-migrazzjoni kontra l-kurrent naqset b'mod sostanzjali mill-2021 u fl-2023 kienet l-aktar baxxa bil-bosta fis-serje kronoloġika għax-xmara bl-akbar produzzjoni ta' salamun. Barra minn hekk, hemm ukoll il-mortalità ta' wara r-rilaxx tas-salamun selvaġġ fis-sajd rikreattiv għas-salamun bil-pinna adipuża maqtugħa. Għalhekk, f'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, huwa xieraq li ż-żona tas-sajd u l-livell tal-opportunitajiet tas-sajd jiġu aġġustati meta mqabbla mal-2024 f'konformità mal-parir tal-ICES, u li jinżammu l-miżuri ta' rimedju marbuta b'mod funzjonali.

(9)

Fl-10 ta' Ottubru 2024, l-ICES irtira l-parir tiegħu għas-salamun fil-Golf tal-Finlandja u ddikjara li l-parir tiegħu maħruġ fl-2023 għas-sena tas-sajd tal-2024 huwa konsegwentement l-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Għalhekk, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu ffissati skont dan.

(10)

Sabiex jiġi żgurat l-użu sħiħ tal-opportunitajiet tas-sajd kostali għas-salamun fis-subdiviżjoni 32 tal-ICES, huwa xieraq li tinżamm il-flessibbiltà limitata bejn iż-żoni għas-salamun bejn is-subdiviżjonijiet 22 sa 31 tal-ICES u s-subdiviżjoni 32 tal-ICES li ġiet introdotta fl-2019.

(11)

Il-projbizzjoni tas-sajd għat-trota tal-baħar lil hinn minn erba' mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi u l-limitazzjoni tal-qabdiet aċċessorji tat-trota tal-baħar għal 3 % tal-qabda kkombinata tat-trota tal-baħar u tas-salamun ikkontribwew għal tnaqqis sostanzjali fil-livelli preċedentement għoljin ta' rapportar ħażin tal-qabdiet fis-sajd għas-salamun, b'mod partikolari fir-rigward tal-qabdiet tat-trota tal-baħar. Għalhekk huwa xieraq li jinżammu r-restrizzjonijiet eżistenti sabiex ikomplu jiġu żgurati livelli baxxi ta' rapportar ħażin.

(12)

Jenħtieġ li l-miżuri dwar is-sajd rikreattiv għall-bakkaljaw u s-salamun u l-miżuri għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tat-trota tal-baħar u tas-salamun ikunu mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti skont l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(13)

Fir-rigward tal-aringi fil-Golf tal-Botnja, skont l-istimi tal-ICES il-bijomassa żdiedet iżda għadha taħt il-punt ta' referenza dwar il-konservazzjoni (Btrigger), li taħtu għandhom jittieħdu miżuri ta' rimedju xierqa biex jiġi żgurat ir-ritorn rapidu tal-istokk f'livelli ogħla minn dawk li kapaċi jipproduċu MSY. Barra minn hekk, l-ICES jinnota li l-għadd u d-daqs ta' individwi akbar fl-età fil-popolazzjoni x'aktarx li ma jiżdidux jekk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti fil-valur tal-punt FMSY. Fl-aħħar nett, l-ICES jinnota li l-istokk x'aktarx huwa vulnerabbli għat-telf tad-diversità ġenetika. F'konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139, huwa xieraq li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti skont dan.

(14)

Fir-rigward tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent, l-ICES jirrakkomanda li ma jsir l-ebda qbid għal dak l-istokk għas-seba' sena konsekuttiva. L-ICES irreveda wkoll l-istimi tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv 'l isfel għas-snin preċedenti u jistma li l-bijomassa għadha biss 60 % tal-Blim fl-2024, anke jekk kompliet tiżdied mill-2020. Barra minn hekk, ir-reklutaġġ għadu f'livelli storikament baxxi u l-bijomassa mhijiex mistennija li tirkupra 'l fuq mill-Blim fl-2026. F'dawk iċ-ċirkostanzi, skont ir-Regolament (UE) 2016/1139, huwa xieraq li tinżamm is-sospensjoni tas-sajd immirat. F'konformità mal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(5), il-punti (c) u (f) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd għal qabdiet aċċessorji inevitabbli jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll f'livell baxx sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-istabbiliment tal-opportunitajiet tas-sajd għal żero.

(15)

Fir-rigward tal-aringa tal-Baltiku Ċentrali, skont l-istimi tal-ICES l-istokk kien taħt il-Blim għall-biċċa l-kbira ta' dawn l-aħħar 30 sena. Għall-2024, minħabba żieda fil-proporzjon tal-piż u reklutaġġ qawwi fl-2022, skont l-istimi tal-ICES l-istokk qabeż il-Blim iżda għadu ferm taħt il-Btrigger. Il-parir dwar il-qabdiet jipprevedi żieda meta mqabbla mal-2024, iżda l-ICES jenfasizza li l-istimi tar-reklutaġġ għall-2023 u l-2024 huma inċerti. Barra minn hekk, il-probabbiltà li l-istokk jibqa' taħt il-Btrigger fl-2026 għadha ta' 55 % anke mingħajr l-ebda sajd u minkejja l-previżjoni pożittiva stmata. Għalhekk, f'konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2016/1139, huwa xieraq li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti skont dan.

(16)

Fir-rigward tal-aringa fil-Golf ta' Riga, l-ICES jistma li l-bijomassa hija 'l fuq mill-Btrigger u l-pressjoni tas-sajd fil-livell tal-FMSY. Għalhekk, f'konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2016/1139, huwa xieraq li l-opportunitajiet tas-sajd jiġu stabbiliti skont dan.

(17)

Fir-rigward tal-barbun tat-tbajja', skont l-ICES, il-bakkaljaw jinqabad b'mod aċċessorju fis-sajd għall-barbun tat-tbajja'. Barra minn hekk, ir-rata tal-iskartar tal-barbun tat-tbajja' żdiedet b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar snin. Għalhekk, f'konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2016/1139, huwa xieraq li jitqiesu dawk il-fatturi u li l-opportunitajiet tas-sajd għall-barbun tat-tbajja' jiġu stabbiliti skont dan.

(18)

Fir-rigward tal-laċċa kaħla, l-ICES jistma li, filwaqt li l-bijomassa għadha 'l fuq mill-Btrigger, din naqset b'mod sostanzjali minħabba reklutaġġ storikament baxx mill-2021. Barra minn hekk, l-ICES jenfasizza li l-previżjoni hija bbażata fuq stima ta' reklutaġġ li hija ottimista u inċerta. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mix-xenarji tal-qbid fil-meded tal-FMSY ma jiżgura li l-probabbiltà li l-bijomassa tal-istokk taqa' taħt il-Blim fl-2026 hija inqas minn 5 %. F'dawk iċ-ċirkostanzi, skont ir-Regolament (UE) 2016/1139, huwa xieraq li jiġu ffissati l-opportunitajiet tas-sajd fil-medda inferjuri tal-FMSY u li jiġi stabbilit għeluq fiż-żmien riproduttiv għas-sajd bi rkaptu attiv bħala miżura ta' rimedju addizzjonali marbuta b'mod funzjonali mal-opportunitajiet tas-sajd.

(19)

L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stipulati f'dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu dwar ir-reġistrar tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd u l-Artikolu 34 tiegħu dwar it-trażmissjoni tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd lill-Kummissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika l-kodiċijiet relatati mal-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament li l-Istati Membri għandhom jużaw meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni.

(20)

L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (4) jipprevedu flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti għall-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji u analitiċi. Skont l-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament, meta jistabbilixxi t-TACs, il-Kunsill għandu jiddeċiedi l-istokkijiet li għalihom ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4, b'mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi aktar flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art. Sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li timmina l-ilħuq tal-objettivi tal-PKS, jenħtieġ li l-flessibbiltà minn sena għal sena għall-kwoti skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma tapplikax b'mod kumulattiv. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-flessibbiltà minn sena għal sena skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fejn rilevanti, tiġi eskluża abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet.

(21)

Il-bijomassa tal-istokkijiet tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant, tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u tal-aringa tal-Baltiku tal-Punent tinsab taħt il-Blim. Għal dawn l-istokkijiet kollha, il-qabdiet aċċessorji u s-sajd xjentifiku biss huma permessi fl-2025. Għalhekk, u minħabba r-reżiljenza relattivament baxxa tal-ekosistema tal-Baħar Baltiku, l-Istati Membri li għandhom sehem mill-kwota tat-TACs rilevanti impenjaw ruħhom li ma japplikawx il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għal dawk l-istokkijiet fl-2025 sabiex il-qabdiet fl-2025 ma jaqbżux it-TACs rilevanti. Barra minn hekk, fin-Nofsinhar tal-latitudni 59o 30′ N, il-bijomassa ta' kważi l-istokkijiet kollha tas-salamun tax-xmajjar tinsab taħt il-punt ta' referenza tal-limitu għall-produzzjoni tas-salamun żgħir (Rlim) u fl-2025 huma permessi biss il-qabdiet aċċessorji u s-sajd xjentifiku. Għalhekk, l-Istati Membri rilevanti impenjaw ruħhom b'mod simili rigward il-flessibbiltà minn sena għal sena fir-rigward tal-qabdiet tas-salamun tal-baċir ewlieni fl-2025.

(22)

L-Unjoni u r-Renju Unit kellhom konsultazzjonijiet bilaterali fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2024 dwar it-TAC għall-merluzz tan-Norveġja fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Skagerrak-Kattegat), fl-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni tas-subżona 4 tal-ICES u fl-ilmijiet tar-Renju Unit tad-diviżjoni 2a tal-ICES (il-Baħar tat-Tramuntana) għall-perjodu mill-1 ta' Novembru 2024 sal-31 ta' Ottubru 2025. Dawk il-konsultazzjonijiet saru skont l-Artikolu 498(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (FKK) (5). L-Unjoni ħadet sehem f'dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet għall-pożizzjoni tal-Unjoni approvati mill-Kunsill fil-15 ta' Ottubru 2024, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 (6). L-Unjoni u r-Renju Unit qablu dwar TAC abbażi tal-parir tal-ICES għall-merluzz tan-Norveġja fis-subżona 4 u fid-diviżjoni 3a tal-ICES għal dak il-perjodu ppubblikata fil-11 ta' Ottubru 2024. L-eżitu tal-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat fir-Rekord bil-Miktub, li ġie ffirmat mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-21 ta' Ottubru 2024. Għalhekk, jenħtieġ li t-TAC għall-perjodu mill-1 ta' Novembru 2024 sal-31 ta' Ottubru 2025 tiġi ffissata fil-livell stabbilit f'dak ir-Rekord bil-Miktub.

(23)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/257 jiġi emendat kif xieraq.

(24)

Biex tiġi evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament relatati mal-Baħar Baltiku jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2025. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-merluzz tan-Norveġja fi Skagerrak-Kattegat u fil-Baħar tat-Tramuntana, għall-finijiet ta' ċarezza, mill-1 ta' Novembru 2024 sal-31 ta' Ottubru 2025 minħabba li dak huwa l-istaġun tas-sajd għall-merluzz tan-Norveġja. Għal raġunijiet ta' urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut fil-Baħar Baltiku għall-2025 u jemenda ċerti opportunitajiet tas-sajd f'ilmijiet oħra stabbiliti bir-Regolament (UE) 2024/257.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar Baltiku.

Dan ir-Regolament japplika wkoll għas-sajd rikreattiv meta dan jissemma b'mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet rilevanti.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Barra minn hekk, japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“subdiviżjoni” tfisser subdiviżjoni tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) tal-Baħar Baltiku, kif definita fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(2)

“qabda totali permissibbli (TAC)” tfisser:

(a)

fil-każ tas-sajd soġġett għall-eżenzjoni mill-obbligu ta' ħatt l-art kif stabbilit fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-kwantità ta' ħut li jista' jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;

(b)

fis-sajd l-ieħor kollu, il-kwantità ta' ħut li jista' jinqabad minn kull stokk kull sena;

(3)

“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;

(4)

“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, pereżempju għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport;

(5)

“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjoni kwantitattiva tax-xejriet fi stokk partikolari, ibbażata fuq data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk kif ukoll fuq indikaturi, li l-analiżi xjentifika tkun indikat li hija ta' kwalità tajba biżżejjed biex tagħti parir xjentifiku;

(6)

“TAC analitika” tfisser TAC li għaliha tkun disponibbli valutazzjoni analitika;

(7)

“TAC prekawzjonarja” tfisser TAC li għaliha ma tkunx disponibbli valutazzjoni analitika u li għaliha tkun disponibbli valutazzjoni bbażata fuq l-approċċ prekawzjonarju jew ma tkun disponibbli l-ebda valutazzjoni.

KAPITOLU II

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 4

TACs u allokazzjonijiet

It-TACs, il-kwoti u, fejn xieraq, il-miżuri marbuta b'mod funzjonali magħhom huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd

1.   L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri stabbilita f'dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju:

(a)

għall-iskambji li jsiru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

għat-tnaqqis u għar-riallokazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c)

għall-ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d)

għall-kwantitajiet miżmuma f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew trasferiti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(e)

għat-tnaqqis li jsir skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   L-istokkijiet soġġetti għat-TACs prekawzjonarji jew analitiċi għall-finijiet tal-ġestjoni minn sena għal sena tat-TACs u l-kwoti previsti fir-Regolament (KE) Nru 847/96 huma identifikati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

3.   Għajr meta speċifikat mod ieħor fl-Anness ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandu japplika għall-istokkijiet li huma soġġetti għal TAC prekawzjonarja, u l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-istokkijiet soġġetti għal TAC analitika.

4.   L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art ta' qabdiet u ta' qabdiet aċċessorji

L-istokkijiet ta' speċijiet mhux fil-mira fil-limiti bijoloġiċi sikuri msemmija fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li għalihom tapplika d-deroga mill-obbligu li l-qabdiet jingħaddu skont il-kwoti rilevanti huma identifikati fit-tabelli tat-TAC rilevanti fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Għeluq għall-protezzjoni tar-riproduzzjoni tal-bakkaljaw

1.   Għandu jiġi pprojbit is-sajd bi kwalunkwe tip ta' rkaptu tas-sajd fis-subdiviżjonijiet 25 u 26 mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Awwissu.

2.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każ ta':

(a)

operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta' investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(b)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b'tul totali ta' inqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bl-għeżula tat-tħabbil jew bil-pariti, bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet, bil-konzijiet tal-wiċċ, bix-xlief u bl-irkaptu tat-trejjix jew b'irkaptu passiv simili f'żoni fejn il-fond tal-ilma jkun inqas minn 20 metru skont il-koordinati ta' fuq il-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(c)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fis-subdiviżjoni 25 għal stokkijiet pelaġiċi għall-konsum dirett mill-bniedem, bl-użu ta' rkapti b'daqs tal-malja ta' 45 mm jew inqas, f'żoni fejn il-fond tal-ilma jkun inqas minn 50 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u li l-ħatt l-art tagħhom jiġi magħżul.

3.   Għandu jkun ipprojbit is-sajd bi kwalunkwe tip ta' rkaptu tas-sajd fis-subdiviżjonijiet 22 u 23 mill-15 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu u fis-subdiviżjoni 24 mill-15 ta' Mejju sal-15 ta' Awwissu.

4.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika fil-każ ta':

(a)

operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta' investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241;

(b)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b'tul totali ta' inqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bl-għeżula tat-tħabbil jew bil-pariti, bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet, bil-konzijiet tal-wiċċ, bix-xlief u bl-irkaptu tat-trejjix jew b'irkaptu passiv simili f'żoni fejn il-fond tal-ilma jkun inqas minn 20 metru skont il-koordinati ta' fuq il-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(c)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu fis-subdiviżjoni 24 għal stokkijiet pelaġiċi għall-konsum dirett mill-bniedem, bl-użu ta' rkapti b'daqs tal-malja ta' 45 mm jew inqas, f'żoni fejn il-fond tal-ilma jkun inqas minn 40 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u li l-ħatt l-art tagħhom jiġi magħżul;

(d)

bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu bil-gangmi għall-molluski bivalvi fis-subdiviżjoni 22, f'żoni fejn il-fond tal-ilma jkun inqas minn 20 metru skont il-koordinati ta' fuq il-mappa nawtika uffiċjali li tinħareġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

5.   Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 2(b) jew (c), u fil-paragrafu 4, punti (b), (c) jew (d), għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tkun tista' tiġi mmonitorjata fi kwalunkwe ħin mill-awtoritajiet tal-kontroll tal-Istat Membru kompetenti.

Artikolu 8

Għeluq għall-protezzjoni tar-riproduzzjoni tal-laċċa kaħla fis-subdiviżjonijiet 25, 26, 27, 28.2, 29 u 32

1.   Mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Lulju għandu jkun ipprojbit li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistadu għall-istokkijiet pelaġiċi b'irkaptu attiv f'żoni lil hinn minn 12-il mil nawtiku mkejla mil-linji bażi fis-subdiviżjonijiet 25, 26, 27, 28.2, 29 u fil-Punent ta' 24.00`E fis-subdiviżjoni 32.

2.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

l-operazzjonijiet tas-sajd imwettqa għall-fini esklużiv ta' investigazzjonijiet xjentifiċi, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241;

(b)

il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li b'kollox ikunu iqsar minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bl-għeżula tat-tħabbil tal-qiegħ jew bil-pariti, bil-konzijiet tal-qiegħ, bil-konzijiet, bil-konzijiet tal-wiċċ, bix-xlief u bl-irkaptu tat-trejjix jew b'irkaptu passiv simili.

Artikolu 9

Miżuri dwar is-sajd rikreattiv għall-bakkaljaw fis-subdiviżjonijiet 22 sa 32

1.   Is-sajd rikreattiv għall-bakkaljaw għandu jkun ipprojbit fis-subdiviżjonijiet 22 sa 32. Kwalunkwe kampjun ta' bakkaljaw li jinqabad b'mod aċċidentali għandu jiġi rilaxxat lura fil-baħar minnufih.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw fis-sajd rikreattiv għal speċijiet oħra fis-subdiviżjonijiet 27 sa 32 jistgħu jinżammu.

Artikolu 10

Miżuri dwar is-sajd rikreattiv għas-salamun fis-subdiviżjonijiet 22 sa 31

1.   Is-sajd rikreattiv tas-salamun għandu jkun ipprojbit fis-subdiviżjonijiet 22 sa 31. Kwalunkwe kampjun ta' salamun li jinqabad b'mod aċċidentali għandu jiġi rilaxxat lura fil-baħar minnufih.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, is-sajd rikreattiv tas-salamun għandu jkun permess bil-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

kull sajjied li jieħu sehem f'sajd rikreattiv ma jistax jaqbad u jżomm aktar minn kampjun wieħed kuljum ta' salamun bil-pinna adipuża maqtugħa;

(b)

wara li s-sajjied li jieħu sehem f'sajd rikreattiv jaqbad l-ewwel salamun bil-pinna adipuża maqtugħa, huwa għandu jieqaf jistad għas-salamun għall-bqija tal-ġurnata;

(c)

il-kampjuni kollha ta' kwalunkwe speċi ta' ħut miżmuma għandhom jinħattu l-art sħaħ.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1, is-sajd rikreattiv għas-salamun fit-Tramuntana tal-latitudni 59o 30′ N għandu jkun permess mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Awwissu f'żoni sa erba' mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi.

4.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti skont l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 11

Miżuri għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tat-trota tal-baħar u tas-salamun fis-subdiviżjonijiet 22 sa 32

1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ma għandhomx jistadu għat-trota tal-baħar lil hinn minn erba' mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-subdiviżjonijiet 22 sa 32. Meta jsir is-sajd għas-salamun lil hinn minn erba' mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-subdiviżjoni 32, il-qabdiet aċċessorji tat-trota tal-baħar ma għandhomx jaqbżu t-3 % tal-qabda totali tas-salamun u tat-trota tal-baħar abbord fi kwalunkwe mument jew meta jinħattu l-art wara kull vjaġġ tas-sajd.

2.   Is-sajd bil-konzijiet għat-trota tal-baħar jew għas-salamun lil hinn minn erba' mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi fis-subdiviżjonijiet 22 sa 31 għandu jkun ipprojbit.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti skont l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 12

Trażmissjoni tad-data

Meta l-Istati Membri jibagħtu data relatata mal-kwantitajiet ta' stokkijiet maqbuda jew li jinħattu l-art lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, dawn għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Emenda tar-Regolament (UE) 2024/257

Fl-Anness IA, il-Parti B, tar-Regolament (UE) 2024/257, it-Tabella 122 hija ssostitwita b'dan li ġej:

“Tabella 122

Speċi:

Merluzz tan-Norveġja u qabdiet aċċessorji assoċjati

Żona:

3a; l-ilmijiet tar-Renju Unit u tal-Unjoni taż-żona 4; l-ilmijiet tar-Renju Unit taż-żona 2a

Trisopterus esmarkii

(NOP/2A3A4.)

Sena

2024

 

2025

 

 

TAC analitika

 

 

 

 

 

 

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

Id-Danimarka

8 226

(1)(3)

299,722

(5)(6)

 

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

Il-Ġermanja

2

(1)(2)(3)

0,057

(2)(5)(6)

 

 

In-Netherlands

6

(1)(2)(3)

0,221

(2)(5)(6)

 

L-Unjoni

8 234

(1)(3)

300,000

(5)(6)

 

Ir-Renju Unit

2 058

(2)(3)

100

(2)(5)(6)

 

TAC

10 292

 

400

 

 

(1)

Sa 5 % mill-kwota tista' tkun qabdiet aċċessorji ta' merluzz tal-linja sewda u ta' merlangu (OT2/*2A3A4). Flimkien, il-qabdiet aċċessorji tal-merluzz tal-linja sewda u tal-merlangu li jinqatgħu mill-kwota skont din id-dispożizzjoni u l-qabdiet aċċessorji tal-ispeċijiet li jinqatgħu mill-kwota skont l-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandhomx jaqbżu 9 % tal-kwota.

(2)

Din il-kwota tista' tinqabad biss fl-ilmijiet tar-Renju Unit u f'dawk tal-Unjoni taż-żoni 2a, 3a u 4 tal-ICES.

(3)

Tista' tinqabad biss mill-1 ta' Novembru 2023 sal-31 ta' Ottubru 2024.

(5)

Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett għall-merluzz tan-Norveġja taħt din il-kwota.

(6)

Tista' tinqabad biss mill-1 ta' Novembru 2024 sal-31 ta' Ottubru 2025.”

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2025. Madankollu, l-Artikolu 13 għandu japplika mill-1 ta' Novembru 2024 sal-31 ta' Ottubru 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1139/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 ( ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TACs u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/847/oj).

(5)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1875 tat-22 ta' Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-konsultazzjonijiet annwali mar-Renju Unit biex jintlaħaq ftehim dwar il-qabdiet totali permissibbli (ĠU L 378, 26.10.2021, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1875/oj).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/218/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta' ekosistemi tal-baħar permezz ta' miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj).


ANNESS

TACs APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIŻ-ŻONI LI GĦALIHOM JEŻISTU T-TACs SKONT L-ISPEĊI U Ż-ŻONA

It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f'tunnellati ta' piż ħaj, għajr fejn ikun speċifikat mod ieħor) skont l-istokk u l-miżuri marbutin b'mod funzjonali magħhom.

Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għaż-żoni tal-ICES.

L-istokkijiet tal-ħut jissemmew skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet xjentifiċi tal-ispeċijiet.

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, qed tiġi pprovduta t-tabella komparattiva li ġejja tal-ismijiet xjentifiċi u l-ismijiet komuni:

Isem xjentifiku

Kodiċi Alfa-3

Isem komuni

Clupea harengus

HER

Aringi

Gadus morhua

COD

Bakkaljaw

Pleuronectes platessa

PLE

Barbun tat-tbajja'

Salmo salar

SAL

Salamun tal-Atlantiku

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa Kaħla


Tabella 1

Speċi:

Aringi

Żona:

Subdiviżjonijiet 30–31

Clupea harengus

(HER/30/31.)

Il-Finlandja

 

54 476

 

TAC analitika

L-Iżvezja

 

11 970

 

L-Unjoni

 

66 446

 

TAC

 

66 446

 


Tabella 2

Speċi:

Aringi

Żona:

Subdiviżjonijiet 22–24

Clupea harengus

(HER/3BC+24)

Id-Danimarka

 

110

(1)

TAC analitika

Il-Ġermanja

 

435

(1)

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Il-Finlandja

 

0

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Il-Polonja

 

103

(1)

L-Iżvezja

 

140

(1)

L-Unjoni

 

788

(1)

TAC

 

788

(1)

(1)

Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett fil-kuntest ta' din il-kwota.

B'deroga mill-ewwel paragrafu, attivitajiet tas-sajd li jsiru biss għall-fini esklużiva tal-investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għall-aringi sakemm dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

B'deroga mill-ewwel paragrafu, is-sajd ta' din il-kwota huwa permess għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b'tul totali ta' inqas minn 12-il metru li jistadu bl-għeżula, bl-għeżula tat-tħabbil, bix-xlief, bix-xbieki mirfuda f'post fiss jew bi rkapti tat-trejjix. Il-kaptani ta' dawk il-bastimenti tas-sajd għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tkun tista' tiġi mmonitorjata fi kwalunkwe ħin mill-awtoritajiet tal-kontroll tal-Istat Membru kompetenti.


Tabella 3

Speċi:

Aringi

Żona:

Ilmijiet tal-Unjoni tas-subdiviżjonijiet 25–27, 28.2, 29 u 32

Clupea harengus

(HER/3D-R30)

Id-Danimarka

 

1 845

 

TAC analitika

Il-Ġermanja

 

489

 

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Estonja

 

9 424

 

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Il-Finlandja

 

18 395

 

Il-Latvja

 

2 326

 

Il-Litwanja

 

2 449

 

Il-Polonja

 

20 898

 

L-Iżvezja

 

28 055

 

L-Unjoni

 

83 881

 

TAC

Mhix rilevanti

 


Tabella 4

Speċi:

Aringi

Żona:

Subdiviżjoni 28.1

Clupea harengus

(HER/03D.RG)

L-Estonja

 

19 227

 

TAC analitika

Il-Latvja

 

22 408

 

L-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament japplika.

L-Unjoni

 

41 635

 

TAC

 

41 635

 


Tabella 5

Speċi:

Bakkaljaw

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-subdiviżjonijiet 25-32

Gadus morhua

(COD/3DX32.)

Id-Danimarka

 

99

(1)

TAC prekawzjonarja

Il-Ġermanja

 

39

(1)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Estonja

 

10

(1)

Il-Finlandja

 

8

(1)

Il-Latvja

 

37

(1)

Il-Litwanja

 

24

(1)

Il-Polonja

 

113

(1)

L-Iżvezja

 

100

(1)

L-Unjoni

 

430

(1)

TAC

Mhix rilevanti

 

(1)

Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett fil-kuntest ta' din il-kwota.

B'deroga mill-ewwel paragrafu, attivitajiet tas-sajd li jsiru biss għall-finijiet esklużivi tal-investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għall-bakkaljaw sakemm dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.


Tabella 6

Speċi:

Bakkaljaw

Żona:

Subdiviżjonijiet 22–24

Gadus morhua

(COD/3BC+24)

Id-Danimarka

 

116

(1)

TAC prekawzjonarja

Il-Ġermanja

 

57

(1)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Estonja

 

3

(1)

Il-Finlandja

 

2

(1)

Il-Latvja

 

10

(1)

Il-Litwanja

 

6

(1)

Il-Polonja

 

31

(1)

L-Iżvezja

 

41

(1)

L-Unjoni

 

266

(1)

TAC

 

266

(1)

(1)

Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett fil-kuntest ta' din il-kwota.

B'deroga mill-ewwel paragrafu, attivitajiet tas-sajd li jsiru biss għall-finijiet esklużivi tal-investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għall-bakkaljaw sakemm dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.


Tabella 7

Speċi:

Barbun tat-tbajja'

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-subdiviżjonijiet 22-32

Pleuronectes platessa

(PLE/3BCD-C)

Id-Danimarka

 

8 105

 

TAC analitika

Il-Ġermanja

 

900

 

L-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament japplika.

Il-Polonja

 

1 697

 

L-Iżvezja

 

611

 

L-Unjoni

 

11 313

 

TAC

 

11 313

 


Tabella 8

Speċi:

Salamun tal-Atlantiku

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-subdiviżjonijiet 22-31

Salmo salar

(SAL/3BCD-F.)

Id-Danimarka

 

7 209

(1)(2)

TAC analitika

Il-Ġermanja

 

802

(1)(2)

L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

L-Estonja

 

733

(1)(2)(3)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.

Il-Finlandja

 

8 989

(1)(2)

Il-Latvja

 

4 585

(1)(2)

Il-Litwanja

 

539

(1)(2)

Il-Polonja

 

2 187

(1)(2)

L-Iżvezja

 

9 743

(1)(2)

L-Unjoni

 

34 787

(1)(2)

TAC

Mhix rilevanti

 

(1)

Espress fl-għadd ta' ħutiet individwali.

(2)

Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett fil-kuntest ta' din il-kwota.

B'deroga mill-ewwel paragrafu, l-operazzjonijiet tas-sajd li jsiru biss għall-fini esklużiv tal-investigazzjonijiet xjentifiċi jistgħu jiġu diretti għas-salamun, dment li dawk l-investigazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

B'deroga mill-ewwel paragrafu, is-sajd ta' din il-kwota huwa permess għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fit-Tramuntana tal-latitudni 59o30′ N f'żoni sa erba' mili nawtiċi mkejla mil-linji bażi matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Awwissu.

(3)

Kundizzjoni speċjali: fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-subdiviżjoni 32, jistgħu jiġu mistada sa massimu ta' 450 kampjun ta' din il-kwota (SAL/*3D32).


Tabella 9

Speċi:

Salamun tal-Atlantiku

Żona:

Ilmijiet tal-Unjoni tas-subdiviżjoni 32

Salmo salar

(SAL/3D32.)

L-Estonja

 

1 040

(1)

TAC prekawzjonarja

Il-Finlandja

 

9 104

(1)

L-Unjoni

 

10 144

(1)

TAC

Mhix rilevanti

 

(1)

Espress fl-għadd ta' ħutiet individwali.


Tabella 10

Speċi:

Laċċa Kaħla

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni tas-subdiviżjonijiet 22-32

Sprattus sprattus

(HER/3BCD-C)

Id-Danimarka

 

13 761

 

TAC analitika

Il-Ġermanja

 

8 718

 

L-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament japplika.

L-Estonja

 

15 979

 

 

Il-Finlandja

 

7 203

 

Il-Latvja

 

19 299

 

Il-Litwanja

 

6 981

 

Il-Polonja

 

40 957

 

L-Iżvezja

 

26 602

 

L-Unjoni

 

139 500

 

TAC

Mhix rilevanti

 


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2903/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)