|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2843 |
6.11.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2843
tal-5 ta’ Novembru 2024
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati Eġizzjani
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF trid tintuża biex tiffinanzja miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni tal-2016 tistabbilixxi l-objettivi tat-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża, l-investiment fir-reżiljenza tal-Istati u s-soċjetajiet fin-Nofsinhar tal-Unjoni, l-iżvilupp ta’ approċċ integrat għall-konflitti u l-kriżijiet, inkluż id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. |
|
(3) |
Fil-21 ta’ Marzu 2022, l-Unjoni approvat il-Boxxla Strateġika, bl-objettiv li ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, inkluż permezz ta’ użu akbar tal-EPF b’appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ difiża tas-sħab. |
|
(4) |
Id-Disa’ Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, f’Ġunju 2022, ġedded il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu bl-adozzjoni tal-prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu (2021-2027) li jistabbilixxu l-qafas politiku sal-2027. |
|
(5) |
Fis-17 ta’ Marzu 2024, ġiet iffirmata Dikjarazzjoni Konġunta biex titnieda Sħubija Strateġika u Komprensiva mal-Eġittu. Wieħed mis-sitt pilastri ewlenin tad-Dikjarazzjoni Konġunta huwa ffukat fuq il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà. |
|
(6) |
Fid-19 ta’ Lulju 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċieva talba mir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu biex l-Unjoni ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Forzi Armati Eġizzjani. |
|
(7) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(8) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrealizza d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza (il-“miżura ta’ assistenza”) li tibbenifika minnha r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu (il-“benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF).
2. L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati Eġizzjani biex jissaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà nazzjonali tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, kif ukoll biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili. Il-miżura ta’ assistenza għandha tippermetti lill-Forzi Armati Eġizzjani jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ kontroll territorjali tagħhom, u jirrispondu aħjar għat-theddid għas-sigurtà fit-territorju kollu tal-Eġittu, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Punent.
3. Biex jintlaħaq l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin mhux imfassla biex iwasslu forza letali:
|
(a) |
vetturi blindati ħfief ta’ pattuljar; |
|
(b) |
sistemi ta’ vetturi tal-ajru żgħar mingħajr bdot abbord; |
|
(c) |
radars mobbli u ħfief; u |
|
(d) |
goggles bil-viżjoni billejl. |
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, fejn meħtieġ.
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 20 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (r-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati Eġizzjani appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
l-użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
il-manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi pprovduti skont il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilfux jew ma jiġux ittrasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ skont il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u skont ir-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, u l-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mid-Défense Conseil International - DCI Group.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji ta’ ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati Eġizzjani appoġġati fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u tal-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
il-verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rapportar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju jrid jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti partikolari sakemm dan ir-rapportar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħaq l-objettiv stipulat fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rapportar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
VARGA M.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(2) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2843/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)