European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2829

6.11.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/2829 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2024

li temenda d-Direttiva 2007/2/KE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti tar-rappurtar għal infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti tar-rappurtar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-monitoraġġ kif suppost u l-infurzar korrett ta’ atti legali tal-Unjoni. Madankollu, huwa importanti li tali rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li kienu maħsuba għalih u sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv.

(2)

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u tal-politiki jew tal-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent. Dik id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jaġġornaw, jekk ikun meħtieġ, u jippubblikaw rapport li jinkludi, fost affarijiet oħra, deskrizzjoni fil-qosor tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.

(3)

Filwaqt li tqiesu r-riżultati tar-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ġunju 2017 dwar Azzjonijiet għas-Simplifikazzjoni tar-Rappurtar Ambjentali u l-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-Rappurtar u l-Monitoraġġ tal-Politika Ambjentali tal-UE li jakkumpanjah, id-Direttiva 2007/2/KE ġiet emendata bir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) sabiex jitnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rappurtar għall-governanza għall-implimentazzjoni tagħha u għall-użu mill-ġdid tad-data ġeografika pubblika. Fl-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva 2007/2/KE, li ġiet konkluża fl-2022, il-Kummissjoni sabet li l-qafas legali jista’ jsir aktar effiċjenti permezz ta’ aktar tnaqqis fil-piż amministrattiv.

(4)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tar-rekwiżiti tar-rappurtar skont id-Direttiva 2007/2/KE, huwa meħtieġ li l-frekwenza u l-ħinijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni u l-użu tal-infrastrutturi tal-Istati Membri għall-informazzjoni ġeografika jiġu allinjati ma’ atti legali orizzontali aktar reċenti dwar id-data diġitali. Għalhekk huwa xieraq li l-frekwenza tar-rappurtar skont id-Direttiva 2007/2/KE titnaqqas għal darba kull sentejn.

(5)

Minħabba li l-emenda li għandha ssir fid-Direttiva 2007/2/KE tikkonċerna l-għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, ma hemm l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jittrasponuha. Huwa xieraq għalhekk li f’din is-sitwazzjoni partikolari tintuża deċiżjoni għal tali emenda.

(6)

Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti ta’ rappurtar stabbiliti fid-Direttiva 2007/2/KE, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jikseb dak l-objettiv.

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2007/2/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva 2007/2/KE

Fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2007/2/KE, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sentejn, mill-31 ta’ Marzu 2025, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw, jekk meħtieġ, rapport sommarju. Dawk ir-rapporti, li għandhom jiġu ppubblikati mis-servizzi tal-Kummissjoni, għandhom jinkludu deskrizzjonijiet sommarji ta’:”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsil

Il-President

ZSIGMOND B. P.


(1)   ĠU C, C/2024/1586, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1586/oj.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2024.

(3)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġislazzjoni relatata mal-ambjent u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 115).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2829/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)