European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2811

14.11.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/2811 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Ottubru 2024

li temenda d-Direttiva 2014/65/UE biex tagħmel is-swieq kapitali pubbliċi fl-Unjoni aktar attraenti għall-kumpaniji u biex tiffaċilita l-aċċess għall-kapital għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u li tħassar id-Direttiva 2001/34/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 50, 53(1) u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet emendata bir-Regolament (UE) 2019/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li introduċa mitigazzjonijiet proporzjonati biex jittejjeb l-użu tas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs u biex jitnaqqsu rekwiżiti regolatorji eċċessivi għall-emittenti li jfittxu l-ammissjoni ta’ titoli fis-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, filwaqt li jinżamm livell xieraq ta’ protezzjoni tal-investituri u ta’ integrità tas-suq. Madankollu, biex jiġi ssimplifikat il-proċess li jwassal għall-kwotazzjoni u biex it-trattament regolatorju tal-kumpaniji jsir aktar flessibbli u proporzjonat għad-daqs tagħhom, huma meħtieġa emendi ulterjuri għad-Direttiva 2014/65/UE.

(2)

Id-Direttiva 2014/65/UE u d-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 (5) jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li skonthom il-provvediment ta’ riċerka dwar l-investiment minn partijiet terzi lil ditti ta’ investiment li jipprovdu mmaniġġar tal-portafoll jew servizzi oħra ta’ investiment jew anċillari ma għandux jitqies bħala inċentiv. Sabiex titrawwem aktar riċerka dwar l-investiment fuq il-kumpaniji fl-Unjoni, b’mod partikolari l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni żgħira u medja, u biex dawk il-kumpaniji jingħataw viżibbiltà akbar u aktar ċansijiet li jattiraw investituri potenzjali, huwa meħtieġ li jiġu introdotti emendi għad-Direttiva 2014/65/UE.

(3)

Id-dispożizzjonijiet dwar ir-riċerka stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE jirrikjedu li d-ditti ta’ investiment jisseparaw il-pagamenti li jirċievu bħala jeddijiet ta’ senserija mill-kumpens li jirċievu għall-provvediment ta’ riċerka dwar l-investiment (“regoli dwar is-separazzjoni tar-riċerka”), jew li jħallsu għar-riċerka dwar l-investiment mir-riżorsi proprji tagħhom u jivvalutaw il-kwalità tar-riċerka li jixtru abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità robusti u fuq il-kapaċità ta’ tali riċerka li tikkontribwixxi għal deċiżjonijiet aħjar ta’ investiment. Fl-2021, dawk ir-regoli ġew emendati bid-Direttiva (UE) 2021/338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) biex jippermettu pagamenti raggruppati għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka għall-emittenti li l-kapitalizzazzjoni tas-suq tagħhom għall-perjodu ta’ 36 xahar qabel il-forniment tar-riċerka ma qabżitx EUR 1 biljun. Madankollu, it-tnaqqis fir-riċerka dwar l-investiment ma naqasx.

(4)

Sabiex tingħata ħajja ġdida lis-suq għar-riċerka dwar l-investiment u biex tiġi żgurata kopertura suffiċjenti tar-riċerka tal-kumpaniji, b’mod partikolari għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni żgħira u medja, hemm bżonn li r-regoli dwar is-separazzjoni tar-riċerka jiġu aġġustati aktar biex joffru lid-ditti ta’ investiment aktar flessibbiltà fil-mod kif jagħżlu li jorganizzaw pagamenti għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka, u b’hekk jillimitaw is-sitwazzjonijiet fejn pagamenti separati jistgħu jkunu kkumplikati wisq.Għaldaqstant, jenħtieġ li jitneħħa l-livell limitu tal-kapitalizzazzjoni tas-suq għall-kumpaniji li għalihom ir-raggruppament mill-ġdid ta’ pagamenti għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u għar-riċerka ikun possibbli sabiex id-ditti ta’ investiment ikunu jistgħu jipproċedu bil-mod li jsibu l-aktar xieraq f’termini ta’ pagamenti għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u għar-riċerka. Madankollu, dan ikun jeħtieġ trasparenza fil-konfront tal-klijenti fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ pagament. Jenħtieġ għaldaqstant li ditti ta’ investiment jinfurmaw lill-klijenti tagħhom jekk japplikawx metodu ta’ pagament separat jew konġunt għall-forniment ta’ servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka minn partijiet terzi. Jenħtieġ li l-għażla ta’ ditta ta’ investiment dwar jekk tapplikax pagamenti separati jew konġunti għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka ssir f’konformità mal-politika tad-ditta ta’ investiment. Jenħtieġ li dik il-politika tiġi pprovduta lill-klijenti u jenħtieġ li tindika, skont il-metodu ta’ pagament magħżul mid-ditta, it-tip ta’ informazzjoni dwar il-kostijiet attribwibbli għar-riċerka minn parti terza. Fil-każ ta’ pagamenti konġunti għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka, jenħtieġ li l-klijenti jkunu intitolati li jirċievu, fuq talba u fuq bażi annwali, informazzjoni dwar il-kostijiet totali attribwibbli għar-riċerka minn parti terza pprovduta lid-ditta ta’ investiment, jekk tkun magħrufa mid-ditta. Jenħtieġ li l-politika tad-ditta ta’ investiment dwar pagamenti separati jew konġunti tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-miżuri fis-seħħ għall-prevenzjoni jew għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess li jirriżultaw mill-użu jew il-forniment ta’ riċerka minn parti terza lill-klijenti filwaqt li tipprovdi servizzi ta’ investiment lil dawk il-klijenti. Irrispettivament mill-metodu ta’ pagament magħżul, jenħtieġ li d-ditta ta’ investiment twettaq ukoll valutazzjoni tal-kwalità, l-użabbiltà u l-valur tar-riċerka li tuża biex tiżgura li t-tali riċerka tikkontribwixxi għat-titjib tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni dwar l-investiment tal-klijenti tad-ditta, meta dik ir-riċerka titqassam direttament lilhom jew meta tintuża mis-servizzi ta’ tal-portafoll tad-ditta. Is-sommarju dwar il-bejgħ u n-negozjar jinkludi analiżi tal-kundizzjonijiet tas-suq, ideat dwar in-negozjar u l-eżekuzzjoni ta’ negozju, għodod ta’ mmaniġġar tal-eżekuzzjoni ta’ negozju u analiżijiet personalizzati oħra relatati mal-eżekuzzjoni ta’ negozju fi strumenti finanzjarji. Tali sommarju dwar il-bejgħ u n-negozjar huwa inċidentali għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji peress li jippermetti lid-ditti ta’ investiment li joffru servizzi ta’ eżekuzzjoni juru l-kwalità tal-eżekuzzjoni li jiksbu għall-klijenti tagħhom. Għalhekk, is-sommarju dwar il-bejgħ u n-negozjar ma jistax jiġi sseparat mis-servizzi ta’ eżekuzzjoni u jenħtieġ li ma jitqiesx bħala riċerka dwar l-investiment.

(5)

L-aġġustament tar-regoli ta’ separazzjoni waħdu mhux ser ikun biżżejjed biex terġa’ tingħata l-ħajja lis-suq għar-riċerka dwar l-investiment u jiġi indirizzat in-nuqqas li ilu jeżisti ta’ kopertura tar-riċerka ta’ kumpaniji b’kapitalizzazzjoni żgħira u medja. Jenħtieġ li jiġu introdotti aktar miżuri biex tittejjeb il-kopertura tar-riċerka ta’ kumpaniji b’kapitalizzazzjoni żgħira u medja.

Jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ arranġamenti organizzattivi li jiżguraw li r-riċerka ffinanzjata mill-emittent tiġi prodotta f’konformità ma’ kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent isaħħaħ il-fiduċja f’ din ir-riċerka u l-użu tagħha. Jenħtieġ li dak il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE jiġi stabbilit abbażi ta’ standards tekniċi regolatorji li għandhom jiġu żviluppati mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

Jenħtieġ li miżura oħra biex tittejjeb il-kopertura tar-riċerka ta’ kumpaniji b’kapitalizzazzjoni żgħira u medja tkun li l-emittenti li jħallsu għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent ikunu jistgħu jagħmlu tali riċerka aktar viżibbli għall-pubbliku billi jagħtu lill-emittenti l-possibbiltà li jissottomettu tali riċerka lill-korp ta’ ġbir rilevanti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), bil-kundizzjoni li din tkun akkumpanjata mill-metadata meħtieġa. Jenħtieġ li tali miżuri ma jipprevjenux lill-Istati Membri jew lill-ESMA milli jikkunsidraw u jivvalutaw miżuri addizzjonali bbażati fuq inizjattivi pubbliċi jew privati, bħall-istabbiliment ta’ swieq iddedikati tar-riċerka, b’ispirazzjoni minn inizjattivi ta’ suċċess imnedija f’dawn l-aħħar snin f’diversi ċentri finanzjarji, biex terġa’ tingħata l-ħajja lill-kopertura tar-riċerka ta’ kumpaniji b’kapitalizzazzjoni żgħira u medja u tiżdied il-viżibbiltà tagħhom.

(6)

Sabiex jissaħħaħ ir-rikonoxximent tar-riċerka ffinanzjata mill-emittent imħejjija f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent u biex jiġi evitat li tali riċerka tiġi konfuża ma’ forom oħra ta’ rakkomandazzjoni li ma jikkonformawx ma’ dak il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE, jenħtieġ li biss riċerka ffinanzjata mill-emittent imħejjija f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar- riċerka ffinanzjata mill-emittent tiġi awtorizzata li tkun ikklassifikata hekk. Jenħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet tat-tip kopert mill-Artikolu 3(1), il-punt (35), tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 (9) li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent jiġu ttrattati bħala komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-finijiet tad-Direttiva 2014/65/UE u identifikati bħala tali.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li r-riċerka ffinanzjata mill-emittent, ikklassifikata bħala tali, tiġi prodotta f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw setgħat superviżorji biex jivverifikaw li d-ditti ta’ investiment li jipproduċu jew jiddistribwixxu tali riċerka jkollhom fis-seħħ arranġamenti organizzattivi biex jiżguraw tali konformità. Meta dawk id-ditti ma jikkonformawx ma’ dak il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jissospendu d-distribuzzjoni ta’ tali riċerka u li javżaw lill-pubbliku li minkejja l-klassifikazzjoni tagħha, ir-riċerka ffinanzjata mill-emittent ma ġietx prodotta f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE. Jenħtieġ li dawk is-setgħat superviżorji jkunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji ġenerali u għas-setgħa li jiġu adottati sanzjonijiet.

(8)

Id-Direttiva 2014/65/UE introduċiet il-kategorija tas-suq tat-tkabbir tal-SMEs biex iżżid il-viżibbiltà u l-profil tas-swieq speċjalizzati fin-negozjar ta’ titoli ta’ SMEs u trawwem l-iżvilupp ta’ standards regolatorji komuni fl-Unjoni ta’ swieq speċjalizzati fl-SMEs. Is-swieq tat-tkabbir tal-SMEs għandhom funzjoni ewlenija fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-kapital għal emittenti iżgħar billi jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom. Biex jitrawwem l-iżvilupp ta’ tali swieq speċjalizzati u biex jiġi limitat il-piż organizzazzjonali fuq id-ditti tal-investiment jew l-operaturi tas-swieq li jħaddmu faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs), huwa meħtieġ li s-segment ta’ MTF jitħalla japplika biex isir suq tat-tkabbir tal-SMEs dment li tali segment ikun separat b’mod ċar mill-bqija tal-MTF.

(9)

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ frammentazzjoni tal-likwidità tal-ishma tal-SMEs, u minħabba l-likwidità aktar baxxa ta’ dawk l-istrumenti, l-Artikolu 33(7) tad-Direttiva 2014/65/UE jirrikjedi li strument finanzjarju li jkun ammess għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs wieħed jista’ wkoll jiġi nnegozjat f’suq tat-tkabbir tal-SMEs ieħor biss fejn l-emittent tal-istrument finanzjarju jkun ġie infurmat u ma jkunx oġġezzjona għalih. Madankollu, dak l-Artikolu bħalissa ma jipprevedix ir-rekwiżit korrispondenti għal nuqqas ta’ oġġezzjoni mill-emittent meta t-tieni ċentru ta’ negozjar ikun tip ta’ ċentru ta’ negozjar għajr suq tat-tkabbir tal-SMEs. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-rekwiżit li jinkiseb in-nuqqas ta’ oġġezzjoni tal-emittent rigward l-ammissjoni għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs wieħed tal-istrumenti tiegħu diġà ammessi għan-negozjar f’suq ieħor tat-tkabbir tal-SMEs jiġi estiż għal kwalunkwe tip ieħor ta’ ċentru tan-negozjar, sabiex ikompli jitnaqqas ir-riskju ta’ frammentazzjoni tal-likwidità ta’ dawk l-istrumenti. Jekk strument finanzjarju ammess għan-negozjar f’suq tat-tkabbir tal-SMEs jiġi nnegozjat ukoll f’tip ieħor ta’ ċentru ta’ negozjar, jenħtieġ li l-emittent jikkonforma ma’ kwalunkwe obbligu relatat mal-governanza korporattiva jew id-divulgazzjoni inizjali, kontinwa jew ad hoc, fir-rigward ta’ dak iċ-ċentru ta’ negozjar l-ieħor.

(10)

Id-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) tistabbilixxi regoli dwar il-kwotazzjoni fis-swieq tal-Unjoni. Dik id-Direttiva għandha l-għan li tikkoordina r-regoli dwar l-ammissjoni ta’ titoli għall-kwotazzjoni uffiċjali fil-borża u dwar l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata dwar dawk il-titoli biex tiġi pprovduta protezzjoni ekwivalenti għall-investituri fil-livell tal-Unjoni. Dik id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli tal-qafas regolatorju u superviżorju għas-swieq primarji tal-Unjoni. Id-Direttiva 2001/34/KE ġiet emendata b’mod sinifikanti diversi drabi. Id-Direttivi 2003/71/KE (11) u 2004/109/KE (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill issostitwew il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ informazzjoni dwar talbiet għall-ammissjoni ta’ titoli għall-kwotazzjoni uffiċjali fil-borża u l-informazzjoni dwar it-titoli ammessi għan-negozjar, u għamlu partijiet kbar mid-Direttiva 2001/34/KE żejda. Fid-dawl ta’ dawk il-bidliet u tal-fatt li d-Direttiva 2001/34/KE bħala direttiva ta’ armonizzazzjoni minima tagħti lill-Istati Membri diskrezzjoni pjuttost wiesgħa biex jiddevjaw mir-regoli stabbiliti fiha, jenħtieġ li d-Direttiva 2001/34/KE titħassar biex tinkiseb ġabra unika tar-regoli fil-livell tal-Unjoni.

(11)

Id-Direttiva 2014/65/UE, bħad-Direttiva 2001/34/KE, tipprevedi r-regolamentazzjoni tas-swieq fl-istrumenti finanzjarji u ssaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni. Id-Direttiva 2014/65/UE tistabbilixxi wkoll regoli dwar l-ammissjoni ta’ strumenti finanzjarji għan-negozjar. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE biex ikopri dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2001/34/KE ser tiżgura li jinżammu d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha mid-Direttiva 2001/34/KE. Għadd ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/34/KE, inklużi r-rekwiżiti dwar il-flotazzjoni libera u l-kapitalizzazzjoni tas-suq li għadhom japplikaw, huma infurzati mill-awtoritajiet kompetenti u huma meqjusa bħala regoli importanti għat-tfittxija tal-ammissjoni għan-negozjar ta’ ishma fi swieq regolati fl-Unjoni mill-parteċipanti fis-suq. Għalhekk huwa meħtieġ li dawk ir-regoli jiġu ttrasferiti fid-Direttiva 2014/65/UE sabiex, f’dispożizzjoni ġdida ta’ dik id-Direttiva, jiġu stabbiliti kundizzjonijiet minimi speċifiċi għall-ammissjoni għan-negozjar ta’ ishma fi swieq regolati. L-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni l-ġdida jenħtieġ li tikkomplementa d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-ammissjoni ta’ strument finanzjarju għan-negozjar stabbiliti fid-Direttiva 2014/65/UE.

(12)

Il-livell ta’ flotazzjoni libera minima ta’ 25 % meħtieġ mid-Direttiva 2001/34/KE huwa meqjus eċċessiv u ma għadux xieraq. Sabiex ikun hemm lok għal aktar flessibbiltà għall-emittenti u biex is-swieq kapitali tal-Unjoni jsiru aktar kompetittivi, jenħtieġ li r-rekwiżit minimu ta’ flotazzjoni libera jitnaqqas għal 10 %, li huwa livell limitu li jiżgura livell suffiċjenti ta’ likwidità fis-suq. Madankollu, sabiex jitqiesu aħjar il-karatteristiċi u d-daqs ta’ ħruġ ta’ ishma, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu modi alternattivi biex jitkejjel jekk ikunx tqassam għadd suffiċjenti ta’ ishma lill-pubbliku. Jenħtieġ li l-konformità mal-livell limitu ta’ 10 %, jew mar-rekwiżiti alternattivi pprovduti fil-livell nazzjonali għall-iżgurar ta’ flotazzjoni libera minima, tiġi vvalutata fil-mument tal-ammissjoni għan-negozjar. Jenħtieġ li r-rekwiżit tal-flotazzjoni libera stabbilit fid-Direttiva 2001/34/KE li għadd suffiċjenti ta’ ishma għandhom jiġu distribwiti lill-pubbliku fi Stat Membru wieħed jew aktar ma jinżammx peress li d-Direttiva 2014/65/UE ma tipprevedix tali restrizzjoni ġeografika għall-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar.

Ċerti rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2001/34/KE jew diġà huma koperti minn dispożizzjonijiet stabbiliti f’atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni fis-seħħ, jew inkella saru obsoleti. Għalhekk jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti ma jiġux trasferiti għad-Direttiva 2014/65/UE. Pereżempju r-rekwiżit li kumpanija tippubblika jew tippreżenta l-kontijiet annwali tagħha għal perjodu speċifiku diġà huwa inkluż fir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). B’mod simili, id-Direttiva 2014/65/UE diġà tistabbilixxi dispożizzjonijiet biex jiġu nnominati l-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, ir-rekwiżit għall-ammont minimu tas-self għal titoli ta’ dejn ma għadux jirrifletti l-prattika tas-suq. Għalhekk, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet ma jiġux trasferiti għad-Direttiva 2014/65/UE.

(13)

Il-kunċett ta’ ammissjoni ta’ titoli għall-kwotazzjoni uffiċjali fil-borża previst fid-Direttiva 2001/34/KE ma għadux dak prevalenti, minħabba l-iżviluppi tas-suq, peress li d-Direttiva 2014/65/UE diġà tipprevedi l-kunċett ta’ “ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar f’suq regolat”. Filwaqt li l-kunċetti “ammissjoni għall-kwotazzjoni uffiċjali” u “ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat” jintużaw b’mod interkambjabbli f’xi Stati Membri, fi Stati Membri oħra l-kunċett ta’ “ammissjoni għall-kwotazzjoni uffiċjali” jibqa’ jkollu rwol importanti flimkien mal-kunċett ta’ “ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat”, b’mod partikolari billi jipprovdi alternattiva lill-emittenti ta’ titoli, b’mod partikolari titoli ta’ dejn, li jfittxu viżibbiltà akbar iżda li għalihom l-ammissjoni għan-negozjar mhijiex għażla rilevanti jew vijabbli. Jenħtieġ li t-tħassir tad-Direttiva 2001/34/KE jkun mingħajr preġudizzju għall-validità u l-kontinwazzjoni tar-reġimi ta’ ammissjoni għall-kwotazzjoni uffiċjali fil-boroż f’dawk l-Istati Membri li jixtiequ jkomplu japplikaw dak ir-reġim. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu l-kapaċità li jipprevedu u jirregolaw tali reġimi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali (14).

(14)

Sabiex tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-kumpaniji kkwotati, b’mod partikolari l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni żgħira u medja, u sabiex jiġu adattati l-kundizzjonijiet tal-kwotazzjoni biex jittejbu r-rekwiżiti għall-emittenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-Direttiva emendatorja 2014/65/UE. Jenħtieġ li l-adozzjoni tar-regoli dwar il-kwotazzjoni fl-Unjoni tirrifletti wkoll il-prattika tas-suq biex tkun effettiva u tippromwovi l-kompetizzjoni. B’mod partikolari huwa importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (15). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(15)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni żgħira u medja tal-Unjoni għas-swieq kapitali u li tiżdied il-koerenza tar-regoli tal-kwotazzjoni tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda minflok, minħabba t-titjib u l-effetti mfittxija, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(16)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE

Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(1), il-punt (12) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(12)

‘suq tal-SMEs li qed jespandi’ tfisser MTF, jew segment ta’ MTF, li hija rreġistrata bħala suq tal-SMEs li qed jespandi f’konformità mal-Artikolu 33;”

;

(2)

l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Ir-riċerka prodotta minn ditti ta’ investiment jew minn partijiet terzi u użata minn ditti ta’ investiment, il-klijenti tagħhom jew il-klijenti potenzjali tagħhom, jew distribwita lilhom, għandha tkun ġusta, ċara u mhux qarrieqa. Ir-riċerka għandha tkun identifikabbli b’mod ċar bħala tali jew f’termini simili, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 (*1) applikabbli għar-riċerka.

3b.   Id-ditti ta’ investiment li jipprovdu mmaniġġar tal-portafoll jew servizzi oħra ta’ investiment jew servizzi anċillari għandhom jiżguraw li r-riċerka li jiddistribwixxu lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali li titħallas, kompletament jew parzjalment, minn emittent għandha tiġi kklassifikata bħala ‘riċerka ffinanzjata mill-emittent’ biss jekk tiġi prodotta f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent imsemmija fil-paragrafu 3c.

3c.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tistabbilixxi kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent. Dak il-kodiċi ta’ kondotta għandu jistabbilixxi standards ta’ indipendenza u oġġettività, u jispeċifika l-proċeduri u l-miżuri għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u d-divulgazzjoni effettiva tal-kunflitti ta’ interess.

Fl-iżvilupp tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent, l-ESMA għandha tqis il-kontenut u l-parametri tal-kodiċijiet ta’ kondotta għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent li ġew stabbiliti fil-livell nazzjonali qabel id-data tal-applikazzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji, speċjalment meta tali kodiċijiet ikunu ġew approvati b’mod wiesa’ u osservati. L-ESMA għandha wkoll, fejn applikabbli, tqis l-obbligi u l-istandards rilevanti dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ investiment stabbiliti fl-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-5 ta’ Diċembru 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-ESMA.

L-ESMA għandha tivvaluta mill-inqas kull ħames snin wara l-adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, jekk il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent jeħtieġx li jiġi emendat, f’liema każ hija għandha tippreżenta abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-ditti ta’ investiment li jipproduċu jew jiddistribwixxu riċerka ffinanzjata mill-emittent ikollhom fis-seħħ arranġamenti organizzattivi biex jiżguraw li tali riċerka tiġi prodotta f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent u tikkonforma mal-paragrafi 3a, 3b u 3e.

3d.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe emittent jista’ jissottometti r-riċerka tiegħu ffinanzjata mill-emittent, kif imsemmi fil-paragrafu 3b ta’ dan l-Artikolu, lill-korp ta’ ġbir rilevanti kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Meta jissottometti dik ir-riċerka lill-korp tal-ġbir, l-emittent għandu jiżgura li din tkun akkumpanjata minn metadata li tispeċifika li l-informazzjoni tikkonforma mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent. Tali riċerka ma għandhiex titqies bħala informazzjoni regolata skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/109/KE u lanqas riċerka dwar l-investiment skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva u għalhekk ma għandhiex tkun soġġetta għall-istess livell ta’ skrutinju regolatorju bħal informazzjoni regolata jew riċerka dwar l-investiment.

3e.   Ir-riċerka li tkun ikklassifikata bħala ‘riċerka ffinanzjata mill-emittent’ għandha tindika fuq il-paġna ta’ quddiem tagħha b’mod ċar u prominenti li tkun tħejjiet f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent. Kwalunkwe materjal ta’ riċerka ieħor imħallas, kompletament jew parzjalment, mill-emittent iżda mhux imħejji f’konformità ma’ dak il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent għandu jiġi kklassifikat bħala komunikazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2859, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj).”;"

(b)

Il-paragrafu 9a huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-forniment ta’ riċerka minn partijiet terzi lil ditta ta’ investiment li tipprovdi servizzi ta’ mmaniġġar tal-portafoll jew servizzi oħra ta’ investiment jew anċillari lill-klijenti għandu jitqies bħala li jissodisfa l-obbligi skont il-paragrafu 1 jekk:

(a)

ikun sar ftehim bejn id-ditta ta’ investiment u l-fornitur terz tas-servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka li jistabbilixxi metodoloġija għar-remunerazzjoni, inkluż kif jitqies ġeneralment il-kost totali tar-riċerka meta jiġu stabbiliti l-imposti totali għas-servizzi ta’ investiment;

(b)

id-ditta tal-investiment tinforma lill-klijenti tagħha bl-għażla tagħha li tħallas jew b’mod konġunt jew separatament għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka u tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom il-politika tagħha dwar il-pagamenti għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka, inkluż it-tip ta’ informazzjoni li tista’ tiġi pprovduta skont l-għażla tal-metodu ta’ pagament tad-ditta u, fejn rilevanti, kif id-ditta ta’ investiment tipprevjeni jew timmaniġġja kunflitti ta’ interess skont l-Artikolu 23 meta tapplika metodu ta’ pagament konġunt għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka;

(c)

id-ditta ta’ investiment tivvaluta fuq bażi annwali l-kwalità, l-użabbiltà u l-valur tar-riċerka użata, kif ukoll il-kapaċità tar-riċerka użata biex tikkontribwixxi għal deċiżjonijiet ta’ investiment aħjar; L-ESMA tista’ tiżviluppa linji gwida għal ditti ta’ investiment bl-għan li jwettqu dawk il-valutazzjonijiet;

(d)

meta d-ditta ta’ investiment tagħżel li tħallas separatament għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka minn partijiet terzi, il-forniment ta’ riċerka minn partijiet terzi lid-ditta ta’ investiment jiġi riċevut bi skambju għal waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

pagamenti diretti mid-ditta ta’ investiment mir-riżorsi proprji tagħha;

(ii)

pagamenti minn kont ta’ pagament tar-riċerka separat ikkontrollat mid-ditta ta’ investiment.”

;

(ii)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, is-sommarju dwar in-negozjar u servizzi personalizzati oħra ta’ konsulenza dwar il-kummerċ intrinsikament marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni fi strumenti finanzjarji ma għandhomx jitqiesu bħala riċerka.

Meta ditta ta’ investiment tirċievi riċerka minn fornitur tar-riċerka li ma jkunx involut f’servizzi ta’ eżekuzzjoni u ma jkunx parti minn grupp ta’ servizzi finanzjarji li jinkludi ditta ta’ investiment li toffri servizzi ta’ eżekuzzjoni jew ta’ senserija, il-forniment ta’ tali riċerka lid-ditta ta’ investiment jitqies li jissodisfa l-obbligi skont il-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, id-ditta ta’ investiment għandha tikkonforma mar-rekwiżit fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dan il-paragrafu.

Meta jkunu jafu bihom, id-ditti ta’ investiment għandhom iżommu rekord tal-kostijiet totali attribwibbli għar-riċerka minn parti terza pprovduta lilhom. Fuq talba, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli fuq bażi annwali għall-klijenti tad-ditta ta’ investiment.

Sal-5 ta’ Diċembru 2028, l-ESMA għandha tħejji rapport b’valutazzjoni komprensiva tal-iżviluppi tas-suq rigward ir-riċerka skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu. Dik il-valutazzjoni għandha tinkorpora mill-inqas il-kopertura tar-riċerka tad-ditti kkwotati, l-evoluzzjoni tal-kostijiet u l-kwalità ta’ dik ir-riċerka, l-impatt tal-pagamenti konġunti fuq il-kwalità tal-eżekuzzjoni, is-sehem ta’ pagamenti separati u konġunti magħmula minn ditti ta’ investiment lil fornituri terzi għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka, u l-livell ta’ twettiq tad-domanda għar-riċerka mill-investituri u minn xerrejja oħra.

Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun xieraq, tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta leġiżlattiva dwar bidliet fir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva rigward ir-riċerka.”

;

(3)

l-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-operatur ta’ MTF ikun jista’ japplika mal-awtorità kompetenti tal-post biex l-MTF, jew segment tagħha, tiġi rreġistrata bħala suq tal-SMEs li qed jespandi.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtorità kompetenti tad-domiċilju tista’ tirreġistra l-MTF, jew segment tagħha, bħala suq tal-SMEs li qed jespandi jekk l-awtorità kompetenti tirċievi applikazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 u tkun issodisfata li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 jkunu mħarsa fir-rigward tal-MTF, jew li r-rekwiżiti fil-paragrafu 3a jkunu mħarsa fir-rigward ta’ segment tal-MTF.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-segment rilevanti tal-MTF ikun soġġett għal regoli, sistemi u proċeduri effettivi li jiżguraw li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-segment tal-MTF irreġistrat bħala ‘suq tal-SMEs li qed jespandi’ ikun separat b’mod ċar mis-segmenti tas-suq l-oħra mħaddma mid-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF, li jkun fost l-oħrajn indikat b’isem differenti, b’ġabra ta’ regoli differenti, bi strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni differenti, u b’pubbliċità differenti, kif ukoll b’allokazzjoni speċifika tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tas-suq għas-segment irreġistrat bħala segment tas-suq tal-SMEs li qed jespandi;

(b)

it-tranżazzjonijiet magħmula fis-segment tas-suq tal-SMEs li qed jespandi kkonċernat ikunu distinti b’mod ċar minn attività oħra tas-suq fis-segmenti l-oħra tal-MTF;

(c)

fuq it-talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-MTF, l-MTF għandha tipprovdi lista komprensiva tal-istrumenti kkwotati fis-segment ikkonċernat tas-suq tal-SMEs li qed jespandi, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni dwar it-tħaddim tas-segment tas-suq tal-SMEs li qed jespandi li l-awtorità kompetenti tista’ titlob.”

;

(c)

il-paragrafi 4 sa 8 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Il-konformità tad-ditta ta’ investiment jew tal-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF, jew segment tagħha, mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 3a hija mingħajr preġudizzju għall-konformità minn dik id-ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq ma’ obbligi oħra skont din id-Direttiva rilevanti għat-tħaddim tal-MTFs. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7, id-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF, jew segment tagħha, jista’ jimponi rekwiżiti addizzjonali.

5.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ta’ MTF tkun tista’ tiddereġistra MTF, jew segment tagħha, bħala suq tal-SMEs li qed jespandi fi kwalunkwe każ minn dawn li ġejjin:

(a)

id-ditta ta’ investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF, jew segment tagħha, japplika għad-dereġistrazzjoni tagħha;

(b)

ma jkunx hemm aktar konformità mar-rekwiżiti fil-paragrafu 3 jew 3a b’rabta mal-MTF, jew segment tagħha.

6.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li jekk awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ta’ MTF tirreġistra jew tiddereġistra MTF, jew segment tagħha, bħala suq tal-SMEs li qed jespandi skont dan l-Artikolu, dik l-awtorità għandha tinforma mill-aktar fis possibbli lill-ESMA b’dik ir-reġistrazzjoni jew dereġistrazzjoni. L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tas-swieq tal-SMEs li qed jespandu u għandha żżomm dik il-lista aġġornata.

7.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li fejn strument finanzjarju ta’ emittent huwa ammess għan-negozjar f’suq tal-SMEs li qed jespandi wieħed, dak l-istrument finanzjarju jista’ wkoll ikun innegozjat f’ċentru ta’ negozjar ieħor unikament fejn l-emittent ikun ġie infurmat u ma jkunx oġġezzjona. Fejn iċ-ċentru ta’ negozjar l-ieħor ikun suq ieħor tal-SMEs li qed jespandi jew segment ta’ suq tal-SMEs li qed jespandi, l-emittent ma għandux ikun suġġett għal kwalunkwe obbligu ieħor marbut mal-governanza korporattiva jew divulgazzjoni inizjali, kontinwa jew ad hoc, fir-rigward ta’ dak is-suq l-ieħor tal-SMEs li qed jespandi. Fejn iċ-ċentru ta’ negozjar l-ieħor ma jkunx suq tal-SMEs li qed jespandi, l-emittent għandu jiġi infurmat bi kwalunkwe obbligu li l-emittent ser ikun soġġett għalih li jkun relatat mal-governanza korporattiva, jew id-divulgazzjoni inizjali, kontinwa jew ad hoc fir-rigward taċ-ċentru ta’ negozjar l-ieħor. L-ESMA għandha tiżviluppa linji gwida sal-5 ta’ Ġunju 2026 fir-rigward tal-proċeduri biex l-emittenti jiġu infurmati u l-proċess għall-preżentazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, kif ukoll l-iskedi ta’ żmien rilevanti.

8.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tkompli tispeċifika r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 3 u 3a ta’ dan l-Artikolu. Dawk ir-rekwiżiti għandhom iqisu l-ħtieġa li jinżammu livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-investituri sabiex tiġi promossa l-fiduċja tal-investituri f’dawk is-swieq, filwaqt li jiġu mminimizzati l-piżijiet amministrattivi għall-emittenti fis-suq. Għandhom iqisu wkoll li d-dereġistrazzjonijiet ma għandhomx iseħħu u lanqas ir-reġistrazzjonijiet ma għandhom jiġu rrifjutati sempliċiment minħabba nuqqas temporanju ta’ konformità mar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 3, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu.”

;

(4)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 51a

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-ammissjoni ta’ ishma għan-negozjar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-swieq regolati jirrikjedu li l-kapitalizzazzjoni tas-suq prevedibbli tal-kumpanija li għall-ishma tagħha tintalab l-ammissjoni għan-negozjar, jew jekk dak ma jkunx jista’ jiġi vvalutat, il-kapital u r-riżervi ta’ dik il-kumpanija, inkluż il-profitt u t-telf, mill-aħħar sena finanzjarja, għandhom ikunu mill-inqas EUR 1 000 000 jew ammont ekwivalenti f’munita nazzjonali għajr l-euro.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-ammissjoni għan-negozjar ta’ ishma funġibbli ma’ ishma diġà ammessi għan-negozjar.

3.   Fejn, bħala riżultat ta’ aġġustament tal-ammont ekwivalenti f’munita nazzjonali għajr l-euro, il-kapitalizzazzjoni tas-suq espressa fil-munita nazzjonali tibqa’ għal perjodu ta’ sena mill-inqas 10 % aktar, jew mill-inqas 10 % inqas minn EUR 1 000 000, l-Istat Membru għandu, fi żmien 12-il xahar wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, jaġġusta l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tiegħu biex jikkonformaw mal-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-swieq regolati jirrikjedu li mill-inqas 10 % tal-kapital sottoskritt irrappreżentat mill-klassi ta’ ishma kkonċernata mill-applikazzjoni għall-ammissjoni għan-negozjar ikun miżmum mill-pubbliku fil-mument tal-ammissjoni għan-negozjar.

5.   B’deroga mill-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li s-swieq regolati jistabbilixxu, fil-mument tal-ammissjoni, mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin għal applikazzjoni għall-ammissjoni għan-negozjar tal-ishma:

(a)

għadd suffiċjenti ta’ ishma jkun miżmum mill-pubbliku;

(b)

l-ishma jkunu miżmuma minn għadd suffiċjenti ta’ azzjonisti;

(c)

il-valur tas-suq tal-ishma miżmuma mill-pubbliku jirrappreżenta livell suffiċjenti ta’ kapital sottoskritt fil-klassi tal-ishma kkonċernati.

6.   Meta tintalab ammissjoni għan-negozjar għal ishma funġibbli ma’ ishma diġà ammessi għan-negozjar, is-swieq regolati għandhom jivvalutaw, biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 4, jekk ikunx tqassam għadd suffiċjenti ta’ ishma lill-pubbliku fir-rigward tal-ishma kollha maħruġa u mhux biss fir-rigward tal-ishma funġibbli ma’ ishma diġà ammessi għan-negozjar.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 89 biex temenda din id-Direttiva billi timmodifika l-livelli limitu msemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu jew il-livell limitu msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jew kollha kemm huma, meta l-livelli limitu applikabbli jimpedixxu likwidità fis-swieq pubbliċi meta jitqiesu żviluppi finanzjarji.”

;

(5)

fl-Artikolu 69(2), l-ewwel subparagrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(v)

jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jivverifikaw li d-ditti ta’ investiment ikollhom fis-seħħ arranġamenti organizzattivi biex jiżguraw li r-riċerka ffinanzjata mill-emittent li jipproduċu jew jiddistribwixxu tikkonforma mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent;

(w)

jissospendu d-distribuzzjoni mid-ditti ta’ investiment ta’ kwalunkwe riċerka ffinanzjata mill-emittent mhux prodotta f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE tar-riċerka ffinanzjata mill-emittent;

(x)

meta riċerka kklassifikata bħala ‘riċerka ffinanzjata mill-emittent’ u distribwita minn ditta tal-investiment ma tiġix prodotta f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent, joħorġu twissijiet biex jinformaw lill-pubbliku li dik ir-riċerka mhijiex prodotta f’konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-UE għar-riċerka ffinanzjata mill-emittent.”

;

(6)

l-Artikolu 89 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3) u (4), l-Artikolu 4(1), il-punt (2), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 51a(7), l-Artikolu 52(4), l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), l-Artikolu 64(7), l-Artikolu 65(7) u l-Artikolu 79(8) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(3) u (4), l-Artikolu 4(1), il-punt (2), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 51a(7), l-Artikolu 52(4) l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), l-Artikolu 64(7), l-Artikolu 65(7) u Artikolu 79(8) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(3) jew (4), l-Artikolu 4(1), il-punt (2), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 16(12), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 24(13), l-Artikolu 25(8), l-Artikolu 27(9), l-Artikolu 28(3), l-Artikolu 30(5), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(8), l-Artikolu 51a(7), l-Artikolu 52(4), l-Artikolu 54(4), l-Artikolu 58(6), l-Artikolu 64(7), l-Artikolu 65(7) jew l-Artikolu 79(8) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”

;

(7)

fl-Artikolu 90, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Sal-5 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u tivvaluta l-impatt tad-dispożizzjoni dwar in-nuqqas ta’ oġġezzjoni fl-Artikolu 33(7) fuq il-kompetizzjoni fost iċ-ċentri ta’ negozjar, b’mod partikolari s-swieq tal-SMEs li qed jespandu, u l-impatt tagħha fuq l-aċċess għall-kapital għall-SMEs.”.

Artikolu 2

Tħassir tad-Direttiva 2001/34/KE

Id-Direttiva 2001/34/KE titħassar b’effett mill-5 ta’ Diċembru 2026.

Artikolu 3

Traspożizzjoni u applikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Ġunju 2026. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mis-6 ta’ Ġunju 2026.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li fiha jingħad li kull meta fil-liġijiet, fir-regolamenti u fid-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti jkun hemm referenzi għad-Direttiva mħassra minn din id-Direttiva dawk għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza u kif għandha titfassal dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-23 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

ZSIGMOND B. P.


(1)   ĠU C 184, 25.5.2023, p. 103.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Ottubru 2024.

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda d-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 596/2014 u (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-promozzjoni tal-użu ta’ swieq tat-tkabbir tal-SMEs (ĠU L 320, 11.12.2019, p. 1).

(5)  Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tas-7 ta’ April 2016 li tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-salvagwardja tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta’ governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-provvediment jew ir-riċeviment ta’ tariffi, kummissjonijiet jew kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 500).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2021/338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni, governanza tal-prodotti u limiti ta’ pożizzjoni, u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/878 fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għad-ditti tal-investiment, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 68, 26.2.2021, p. 14).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2859, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(10)  Id-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 fuq l-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ stock exchange uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tkun ippubblikata fuq dawk it-titoli (ĠU L 184, 6.7.2001, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(12)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

(14)  Id-Direttiva 2014/57/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż tas-suq (direttiva dwar l-abbuż tas-suq) (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 179).

(15)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2811/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)