European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2806

4.11.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2806

tal-31 ta’ Ottubru 2024

li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva metribużin, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE (2) daħħlet il-metribużin bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3).

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva metribużin, kif stipulata fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiskadi fil-15 ta’ Frar 2025.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) u fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak l-Artikolu, ġiet sottomessa applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva metribużin lill-Estonja, l-Istat Membru relatur, u lill-Ġermanja, l-Istat Membru korelatur.

(5)

L-applikant ippreżenta l-fajls supplimentari lill-Istat Membru relatur, lill-Istat Membru korelatur, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet ammissibbli.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid b’konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u bagħtu lill-Awtorità u lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2019. Fl-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid tiegħu, l-Istat Membru relatur ippropona li l-approvazzjoni tal-metribużin ma tiġġeddidx.

(7)

L-Awtorità għamlet il-fajl tas-sommarju supplimentari disponibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, l-Awtorità ċċirkolat ukoll l-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri biex jagħtu l-kummenti tagħhom u nediet konsultazzjoni pubblika dwaru. L-Awtorità għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni.

(8)

Fil-25 ta’ Lulju 2023, l-Awtorità kkomunikat lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (6) dwar jekk jistax ikun mistenni li l-metribużin jissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

L-Awtorità identifikat tħassib. B’mod partikolari, hija kkonkludiet li l-metribużin jissodisfa l-kriterji biex jiġi identifikat bħala interferent endokrinali għall-modalità tat-tirojde (T) għall-bnedmin u li ma ntweriex li l-esponiment tal-bnedmin għal dik is-sustanza attiva fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, f’kundizzjonijiet ta’ użu proposti realistiċi, huwa negliġibbli. Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li l-istimi tal-esponiment għal min ikun fil-qrib u għar-residenti jaqbżu l-valur limitu stabbilit għall-użi rappreżentattivi kollha evalwati, u li l-istudji disponibbli ma kinux biżżejjed biex jeskludu riskju għoli għan-naħal.

(10)

L-awtorità evalwat jekk il-metribużin huwiex meħtieġ għall-kontroll ta’ periklu serju għas-saħħa tal-pjanti li ma jistax jitrażżan b’mezzi disponibbli oħra inklużi metodi mhux kimiċi. Din l-evalwazzjoni kienet tinkludi biss każijiet fejn il-metribużin jintuża għall-kontroll tal-ħaxix ħażin għall-applikazzjonijiet ta’ erbiċidi qabel u wara li jitfaċċa. L-Awtorità kkonkludiet li kien hemm għadd insuffiċjenti ta’ alternattivi kimiċi disponibbli fiż-żmien tal-valutazzjoni għall-għelejjel kollha evalwati u għalhekk li f’dak ir-rigward id-deroga hija appoġġata xjentifikament fl-għelejjel kollha evalwati. Il-valutazzjoni ta’ alternattivi mhux kimiċi għall-użi ppreżentati kkonkludiet li firxa wiesgħa ta’ metodi mhux kimiċi huma disponibbli, minkejja l-fatt li dawn il-metodi jista’ ma jkollhomx l-istess effikaċja bħall-metodi kimiċi jew jista’ jkollhom limitazzjonijiet ekonomiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 mhumiex issodisfati.

(11)

Il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ tiġdid u abbozz ta’ dan ir-Regolament lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fit-22 ta’ Mejju 2024 u fl-10 ta’ Lulju 2024 rispettivament.

(12)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Awtorità. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 14(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012, il-Kummissjoni stiednet lill-applikant biex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta’ tiġdid. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(13)

Minkejja l-argumenti li ressaq l-applikant, it-tħassib rigward is-sustanza attiva metribużin ma setax jiġi eliminat.

(14)

B’konsegwenza ta’ dan, fir-rigward ta’ użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-metribużin, ma ġiex stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Jixraq għalhekk li ma tiġġeddidx l-approvazzjoni tas-sustanza attiva metribużin f’konformità mal-Artikolu 20(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament.

(15)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat kif xieraq.

(16)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 (7) elenka l-metribużin bħala kandidat għas-sostituzzjoni. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-metribużin, dak l-elenkar ma għadux rilevanti. Għaldaqstant, jenħtieġ li s-sustanza attiva metribużin titħassar mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408.

(17)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw żmien biżżejjed biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metribużin.

(18)

Fir-rigward tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metribużin, meta l-Istati Membri jagħtu perjodu ta’ grazzja f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dak il-perjodu jenħtieġ li ma jaqbiżx it-12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(19)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/918 (8) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tal-metribużin sal-15 ta’ Frar 2025 sabiex il-proċess ta’ tiġdid ikun jista’ jitlesta qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ approvazzjoni ta’ dik is-sustanza attiva. Madankollu, peress li ttieħdet deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni qabel dik id-data ta’ skadenza ta’ dak il-perjodu ta’ approvazzjoni estiż, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika qabel dik id-data.

(20)

Dan ir-Regolament ma jwaqqafx is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tal-metribużin skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(21)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva metribużin mhijiex imġedda.

Artikolu 2

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, ir-ringiela 152 dwar il-metribużin titħassar.

Artikolu 3

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408

L-entrata għall-metribużin titħassar mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408.

Artikolu 4

Miżuri tranżizzjonali

L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-metribużin bħala sustanza attiva sal-24 ta’ Mejju 2025.

Artikolu 5

Perjodu ta’ grazzja

Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jiskadi sal-24 ta’ Novembru 2025.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-23 ta’ April 2007 li emenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb bħala sustanzi attivi (ĠU L 106, 24.4.2007, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/25/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/414/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/540/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/844/oj), li jkompli japplika għall-proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza attiva skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1740 tal-20 ta’ Novembru 2020 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (ĠU L 392, 23.11.2020, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1740/oj).

(6)  EFSA (European Food Safety Authority), 2023. Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance metribuzin. EFSA Journal 2023;21(8):8140 https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8140.

Il-konklużjoni reġgħet inħarġet b’korrezzjonijiet editorjali fil-parti ewlenija tat-test u l-Appendiċi B fit-13 ta’ Mejju 2024 biex jirriflettu r-riżultati ta’ konsultazzjoni esperta addizzjonali. Il-korrezzjonijiet ma jaffettwawx materjalment il-kontenut jew l-eżitu ta’ dan ir-riżultat xjentifiku.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni (ĠU L 67, 12.3.2015, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/408/oj).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/918 tal-4 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi aclonifen, ametoktradin, beflubutamid, benthiavalicarb, boscalid, captan, kletodim, ċiklossidim, ċiflumetofen, dażomet, diklofop, dimethomorph, ethephon, fenażakwin, fluopicolide, fluoxastrobin, fluworokloridon, folpet, formetanate, Helicoverpa armigera nucleopolyhedrovirus, imessażol, aċidu indolilbutiriku, mandipropammid, metalaxyl, metaldeid, metam, metazachlor, metribuzin, milbemectin, paklobutrażol, penoxsulam, fenmedifam, pirimiphos-methyl, propamocarb, proquinazid, prothioconazole, S-metolachlor, Spodoptera littoralis nucleopolyhedrovirus, Trichoderma asperellum ir-razza T34 u Trichoderma atroviride ir-razza I-1237 (ĠU L 119, 5.5.2023, p. 160, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/918/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2806/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)