European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2795

31.10.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2795

tal-24 ta’ Lulju 2024

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 461a(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013, fost l-oħrajn biex jintroduċi bħala rekwiżit ta’ rapportar f’dak ir-Regolament l-istandards tar-Rieżami Fundamentali tal-Ktieb tan-Negozjar (Fundamental Review of the Trading Book, FRTB), li huwa sett komprensiv ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji għall-iskoperturi għar-riskju tas-suq żviluppat mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (Basel Committee on Banking Supervision, BCBS). Ir-Regolament (UE) 2024/1623 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda għal darb’oħra r-Regolament (UE) Nru 575/2013, fost l-oħrajn biex jittrasforma l-istandards tal-FRTB f’rekwiżiti vinkolanti għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq.

(2)

Minħabba n-natura kompetittiva ħafna tal-attivitajiet kummerċjali internazzjonali, l-istandards FRTB ġew adottati fuq il-premessa li l-implimentazzjoni tagħhom fil-ġuriżdizzjonijiet kollha, kemm f’termini ta’ sustanza kif ukoll f’termini ta’ żmien, tiżgura kundizzjonijiet ekwi internazzjonali għall-attivitajiet ta’ negozjar tal-istituzzjonijiet. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istandards FRTB f’ġuriżdizzjonijiet membri oħra tal-BCBS, u b’mod aktar speċifiku f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet b’għadd kbir ta’ banek attivi internazzjonalment, wera li, minħabba dewmien fl-implimentazzjoni tal-istandards tal-FRTB f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet, hemm riskju sinifikanti ta’ distorsjonijiet għall-kundizzjonijiet ekwi internazzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-istandards tal-FRTB għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq fl-Unjoni tiġi ddifferita għal sena.

(3)

L-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu informazzjoni biex jimmonitorjaw l-impatt tal-FRTB, jidentifikaw kwistjonijiet potenzjali, u jiffaċilitaw l-iskambji relatati mal-implimentazzjoni bejniethom u l-istituzzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu meħtieġa jkomplu jirrapportaw l-informazzjoni relatata mal-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħhom għar-riskju tas-suq skont l-approċċi li jippreċedu l-FRTB sad-data tal-applikazzjoni tal-FRTB għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq fl-Unjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ikomplu jirrapportaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tagħhom f’konformità mal-Artikolu 430b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fil-verżjoni fis-seħħ fit-8 ta’ Lulju 2024.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2024/1623 jintroduċi fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 rekwiżiti speċifiċi ta’ divulgazzjoni għar-riskju tas-suq, imfassla għar-rekwiżiti stabbiliti fl-FRTB għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq. Id-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2024/1623 dwar il-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq għandha, madankollu, tiġi ddifferita b’sena. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, ir-rekwiżiti speċifiċi relatati ta’ divulgazzjoni jeħtieġ li jiġu posposti wkoll b’sena. Minħabba l-importanza tad-divulgazzjoni tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji fiż-żamma ta’ dixxiplina robusta tas-suq u fl-informazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-parteċipanti fis-suq, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet minflok ikunu meħtieġa, matul dak il-perjodu ta’ differiment, li jkomplu jiddivulgaw l-informazzjoni rilevanti għall-iskopertura tagħhom għar-riskju tas-suq u r-rekwiżiti ta’ fondi proprji relatati abbażi tal-approċċi ta’ kalkolu li jippreċedu l-FRTB.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat skont dan.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2024/1623 beda japplika mill-1 ta’ Jannar 2025. Huwa għalhekk meħtieġ li d-data tad-dħul fis-seħħ u d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġu allinjati ma’ dik id-data biex jiġu evitati rekwiżiti konfliġġenti għall-istituzzjonijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, jiddaħħal l-Artikolu 520a li ġej:

“Artikolu 520a

Applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq

Sal-1 ta’ Jannar 2026, l-istituzzjonijiet għandhom ikomplu japplikaw il-Parti Tlieta, it-Titolu IV, u r-rekwiżiti tar-riskju tas-suq tal-Artikoli 430, 430b, 445 u 455 ta’ dan ir-Regolament fil-verżjoni fis-seħħ fit-8 ta’ Lulju 2024.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/876/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1623 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżiti għar-riskju ta’ kreditu, għar-riskju ta' aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu, għar-riskju operazzjonali, għar-riskju tas-suq u għall-minimu tal-output (ĠU L, 2024/1623, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1623/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2795/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)