European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2787

31.10.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2787

tat-23 ta’ Lulju 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-inklużjoni tal-folji tal-mulch fil-Kategorija tal-Materjali Komponenti 9

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Il-prodotti fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fihom materjali li jappartjenu għal waħda mill-Kategoriji tal-Materjal Komponenti (CMCs) fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 biss. Dak ir-Regolament jistabbilixxi obbligu għall-Kummissjoni li tivvaluta l-kriterji tal-bijodegradabbiltà għall-folji tal-mulch bl-iskop li tinkludihom bħala materjal komponent li jappartjeni għas-CMC 9. Il-Kummissjoni wettqet dik il-valutazzjoni bl-appoġġ ta’ studju estern (“l-istudju”) (2).

(2)

Il-folji tal-mulch jintużaw biex iżommu, itejbu jew jipproteġu l-proprjetajiet fiżiċi jew kimiċi, l-istruttura jew l-attività bijoloġika tal-ħamrija. Jistgħu jikkontribwixxu biex l-ilma jinżamm fil-ħamrija u biex tiżdied it-temperatura tal-ħamrija b’impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-għelejjel. Minħabba li l-applikazzjoni tal-folji tal-mulch ma tippermettix li jikber il-ħaxix ħażin, l-għelejjel ma jibqgħux jikkompetu mal-ħaxix ħażin għad-dawl tax-xemx u n-nutrijenti. Għalhekk, l-użu tal-folji tal-mulch jista’ jwassal għal użu aktar effiċjenti ta’ fertilizzanti. Il-folji tal-mulch inaqqsu wkoll l-użu tal-erbiċidi, u b’hekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-mira stabbilita fil-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt biex sal-2030 jitnaqqsu l-użu ġenerali u r-riskju tal-pestiċidi kimiċi b’50 %.

(3)

L-istudju wera li fis-suq hemm folji tal-mulch bijodegradabbli kif ukoll mhux bijodegradabbli, użati bħala prodott fertilizzanti nazzjonali. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti xierqa biex jiġu inklużi l-polimeri bijodegradabbli fil-forma ta’ folji tal-mulch fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1009. Il-bijodegradazzjoni jenħtieġ li tiġi vvalutata kemm fil-ħamrija kif ukoll fl-ambjenti akkwatiċi.

(4)

L-istudju bena għodda li tbassar l-imġiba tal-bijodegradabbiltà tal-polimeri bl-użu ta’ mudell matematiku u turi l-korrelazzjoni bejn il-bijodegradabbiltà fil-kundizzjonijiet tat-test u fl-ambjenti naturali rappreżentattivi tar-reġjuni differenti tal-Unjoni. Għalhekk, l-istudju vvaluta diversi fatturi bħat-temperatura tal-ħamrija, il-pH tal-ħamrija, il-kontenut ta’ ilma fil-ħamrija, it-temperatura tal-ilma u fatturi oħra marbuta mal-karatteristiċi tal-polimeri (struttura kimika, kristallinità, superfiċe u ħxuna). L-istudju ressaq proposti dwar il-kriterji tal-bijodegradabbiltà għall-folji tal-mulch fil-ħamrija u fl-ilma.

(5)

Fir-rigward tal-kriterji tal-bijodegradabbiltà fil-ħamrija, minħabba li l-folji tal-mulch jimplikaw l-applikazzjoni ta’ kwantitajiet kbar ta’ polimeri fil-ħamrija, il-bijodegradazzjoni tagħhom jenħtieġ li tintwera fi żmien massimu ta’ 24 xahar. Sabiex jitnaqqas il-perjodu tal-ittestjar, jenħtieġ li jiġi permess metodu ta’ ttestjar aċċellerat. L-istudju wera korrelazzjoni adegwata bejn il-kundizzjonijiet tal-ħajja reali u t-temperaturi ogħla minn 25 °C li hija t-temperatura użata fil-kundizzjonijiet tal-ittestjar. L-ittestjar f’temperatura ogħla bħal pereżempju 37 °C jaċċellera l-bijodegradazzjoni, filwaqt li dan l-ittestjar għadu meqjus aċċettabbli f’termini ta’ mikrobijoloġija u fatturi dipendenti fuq l-ambjent. Ir-riżultati miksuba mill-għodda tal-ħamrija żviluppata fl-istudju wrew li l-perjodu tal-ittestjar jista’ jitnaqqas f’każijiet speċifiċi. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi introdott ittestjar aċċellerat f’temperatura ta’ 37 °C f’kundizzjonijiet speċifiċi bħala għażla alternattiva biex tintwera d-degradazzjoni jew il-mineralizzazzjoni aħħarija ta’ 90 %.

(6)

Il-kriterji tal-bijodegradabbiltà għall-ambjenti akkwatiċi jenħtieġ li jqisu kemm il-funzjoni tal-folji tal-mulch kif ukoll il-metodi ta’ ttestjar disponibbli. Dwar il-funzjoni, il-folji tal-mulch jiġu applikati fil-ħamrija biex itejbu jew jipproteġu l-proprjetajiet fiżiċi jew kimiċi, l-istruttura jew l-attività bijoloġika tal-ħamrija għal medja ta’ 12-il xahar. Għalhekk, il-folji tal-mulch huma ddisinjati biex jiddegradaw bil-mod meta jiġu esposti għal diversi fatturi ambjentali, b’mod partikolari d-dawl tax-xemx u x-xita. Il-bijodegradazzjoni li inevitabbilment isseħħ matul dak il-perjodu ta’ funzjonalità, jenħtieġ li tkun limitata sabiex il-folja tal-mulch xorta tkun tista’ tissodisfa l-funzjoni tagħha. Fir-rigward tal-metodi ta’ ttestjar disponibbli għall-bijodegradabbiltà fl-ilma, dawn huma affidabbli matul perjodu ta’ 12-il xahar. Għalhekk, jenħtieġ li l-kriterji tal-bijodegradabbiltà fl-ambjenti akkwatiċi jiġu stabbiliti f’livell matul il-perjodu tal-ittestjar biex ikunu jistgħu jissodisfaw il-funzjoni tagħhom u jiġi żgurat ukoll li ma jkunx hemm akkumulazzjoni ta’ polimeri fl-ambjenti akkwatiċi. Huwa preżunt li l-proċess ta’ bijodegradazzjoni jkompli wara l-perjodu tal-ittestjar ta’ 12-il xahar u jilħaq id-90 % fi żmien 24 xahar wara l-perjodu ta’ funzjonalità. Filwaqt li dik id-degradazzjoni aħħarija ma tistax tiġi ppruvata bil-metodi ta’ ttestjar eżistenti, xorta hija suppożizzjoni sikura peress li l-materjal diġà wera potenzjal ta’ bijodegradazzjoni u se jkompli jkun espost għall-istess fatturi ambjentali. Madankollu, minħabba l-ħidma li għaddejja fuq l-iżvilupp tal-metodi ta’ ttestjar għall-bijodegradazzjoni fl-ambjenti akkwatiċi u biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni, il-folji tal-mulch li għalihom jistgħu jiġu ppruvati l-istess kriterji ta’ bijodegradazzjoni fl-ambjent akkwatiku jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-UE.

(7)

Fil-kundizzjonijiet tal-ħajjar reali, il-folji tal-mulch għandhom jiġu applikati fil-ħamrija. Mhux suppost li jilħqu l-ambjenti akkwatiċi. Filwaqt li t-trasport ta’ partijiet tal-folji tal-mulch lejn l-ambjent akkwatiku ma jistax jiġi totalment eskluż, ir-riskji potenzjali għall-ambjent akkwatiku jitnaqqsu minħabba li l-polimeri kkonċernati jilħqu l-korpi tal-ilma biss wara li jkunu diġà bdew id-degradazzjoni fil-ħamrija. Sabiex jiġu limitati aktar ir-riskji potenzjali, jenħtieġ li jiġi stabbilit rekwiżit tat-tikkettar, li jwissi lill-utenti finali biex ma jużawx il-prodott qrib il-korpi tal-ilma tas-superfiċe u biex iżommu biċċiet art ta’ lqugħ, f’konformità mal-miżuri nazzjonali dwar l-użu tal-fertilizzanti. Fin-nuqqas ta’ regoli bħal dawn, jenħtieġ li tiġi osservata biċċa art minima ta’ lqugħ ta’ 3 m. Barra minn hekk, sabiex tiġi evitata l-lissija fil-korpi tal-ilma u titħeġġeġ il-bijodegradazzjoni fil-ħamrija, it-tikkettar tal-folji tal-mulch jenħtieġ li jinkludi wkoll struzzjoni biex il-prodott jiġi inkorporat fil-ħamrija wara l-perjodu ta’ funzjonalità.

(8)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-kompetizzjoni, jenħtieġ li jiġu elenkati l-metodi ta’ ttestjar biex tiġi ppruvata l-konformità mal-kriterji tal-bijodegradabbiltà. Tali metodi ta’ ttestjar huma stabbiliti fi standards Ewropej jew internazzjonali u għalhekk huma affidabbli u riproduċibbli.

(9)

Il-polimeri diġà inklużi fis-CMC 9 iridu jgħaddu minn test ta’ tossiċità akuta fuq it-tkabbir tal-pjanti, test ta’ tossiċità akuta fuq il-ħniex u test tal-inibizzjoni tan-nitrifikazzjoni bil-mikroorganiżmi tal-ħamrija. Sabiex jiġi żgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, jenħtieġ li japplikaw ukoll l-istess testijiet għall-polimeri fil-folji tal-mulch. Barra minn hekk, peress li l-folji tal-mulch jintużaw fi kwantitajiet akbar meta mqabbla mal-polimeri l-oħra fis-CMC 9, il-polimeri tal-folji tal-mulch jenħtieġ li jgħaddu wkoll minn test ta’ tossiċità kronika fuq il-ħniex.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

l-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1009/oj.

(2)  Study to assess biodegradability criteria for polymers used in EU fertilising products as coating agents or to increase water retention capacity or wettability and of mulch films, ISBN 978-92-68-05051-7; doi:10.2873/23399.


ANNESS I

Il-Parti II, it-Taqsima “CMC 9: POLIMERI LI MHUMIEX POLIMERI NUTRIJENTI” tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal il-punt 1a li ġej:

“1a.

Prodott fertilizzanti tal-UE li jappartjeni għall-PFC 3 jista’ jkun fih polimeru fil-forma ta’ folja tal-mulch.”;

(2)

jiddaħħal il-punt 2a li ġej:

“2

a. Il-polimeru f’folja tal-mulch imsemmi fil-punt 1a għandu jikkonforma mal-kriterji tal-bijodegradabbiltà stabbiliti fl-Appendiċi 2 ta’ dan l-Anness.”;

(3)

fil-punt 3, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-polimeri msemmija fil-punt 1(a) u (b) u fil-punt 1a, la l-polimeru bijodegradabbli, u lanqas il-prodotti sekondarji tad-degradazzjoni tiegħu, ma għandhom juru effett negattiv b’mod ġenerali fuq is-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti, jew fuq l-ambjent, taħt kundizzjonijiet raġonevolment prevedibbli ta’ użu fil-prodott fertilizzanti tal-UE. Il-polimeri msemmija fil-punti 1(a) u (b) u fil-punt 1a għandhom jgħaddu minn test ta’ tossiċità akuta fuq it-tkabbir tal-pjanti, test ta’ tossiċità akuta fuq il-ħniex u test ta’ inibizzjoni tan-nitrifikazzjoni bil-mikroorganiżmi tal-ħamrija kif ġej:”;

(4)

jiżdied il-punt 4 li ġej:

“4.

Il-polimeru msemmi fil-punt 1a għandu jgħaddi minn test tat-tossiċità kronika fuq il-ħniex sabiex:

(a)

wara perjodu ta’ inkubazzjoni ta’ 28 jum, il-mortalità osservata u l-bijomassa tal-ħniex adulti li jibqgħu ħajjin fil-ħamrija esposta għall-materjal tat-test ma għandhomx ivarjaw b’aktar minn 10 % meta mqabbla ma’ dawk mill-ħamrija korrispondenti vojta li ma ġietx esposta għall-materjal tat-test;

(b)

wara perjodu ta’ inkubazzjoni ta’ 56 jum, l-għadd ta’ nisel osservat fil-ħamrija esposta għall-materjal tat-test ma għandux ivarja b’aktar minn 10 % meta mqabbla ma’ dak mill-ħamrija korrispondenti vojta li ma ġietx esposta għall-materjal tat-test.

Ir-riżultati għandhom jitqiesu li huma validi biss jekk fil-kontrolli (jiġifieri l-ħamrija vojta):

(a)

wara perjodu ta’ inkubazzjoni ta’ 28 jum, il-mortalità osservata tal-adulti ma tkunx aktar minn 10 %;

(b)

wara perjodu ta’ inkubazzjoni ta’ 56 jum kull replika (li jkun fiha 10 adulti) tipproduċi mill-inqas 30 nisel; u

(c)

il-koeffiċjent tal-varjazzjoni tar-riproduzzjoni ma jkunx aktar minn 30 %.”;

(5)

jiżdied l-Appendiċi 2 li ġej:

“Appendiċi 2

Kriterji tal-bijodegradabbiltà tal-polimeri għall-folji tal-mulch imsemmija fit-taqsima CMC 9, il-punt 1a

1.   

Il-bijodegradabbiltà tal-polimeri fil-folji tal-mulch msemmija fit-Taqsima CMC 9, il-punt 1a, għandha tintwera fiż-żewġ kompartimenti ambjentali li ġejjin:

(a)

kompartiment 1: ħamrija;

(b)

kompartiment 2: l-ilma ħelu, tal-estwarju jew tal-baħar, jew l-interfaċċa tas-sediment tal-ilma.

2.   

Il-polimeru għandu jikseb:

(a)

fil-kompartiment 1:

(1)

degradazzjoni aħħarija ta’ mill-inqas 90 % meta mqabbla mad-degradazzjoni tal-materjal ta’ referenza fi żmien 24 xahar flimkien mal-perjodu ta’ funzjonalità tal-prodott kif indikat fuq it-tikketta; jew

(2)

mineralizzazzjoni ta’ mill-inqas 90 %, imkejla bħala CO2 evolut, fuq massimu ta’ 24 xahar flimkien mal-perjodu ta’ funzjonalità tal-prodott kif indikat fuq it-tikketta;

(b)

fil-kompartiment 2:

(1)

degradazzjoni aħħarija ta’ mill-inqas 30 % fir-rigward tad-degradazzjoni tal-materjal ta’ referenza fi 12-il xahar; jew

(2)

degradazzjoni aħħarija ta’ mill-inqas 90 % meta mqabbla mad-degradazzjoni tal-materjal ta’ referenza fi żmien 24 xahar flimkien mal-perjodu ta’ funzjonalità tal-prodott kif indikat fuq it-tikketta.

3.   

Biex jintwerew il-kriterji tal-bijodegradabbiltà fil-punt 2(a), għandu jintuża wieħed mill-metodi ta’ ttestjar li ġejjin:

(a)

EN ISO 17556:2019. Plastik – Determinazzjoni tal-bijodegradabilità aerobika aħħarija tal-materjali tal-plastik fil-ħamrija bil-kejl tad-domanda ta’ ossiġenu f’respirometru jew tal-ammont tad-diossidu tal-karbonju evolut;

(b)

ISO/CD 23517:2021. Plastik – Materjali bijodegradabbli fil-ħamrija għall-folji tal-mulch għall-użu fl-agrikoltura u fl-ortikoltura;

(c)

ASTM D5988-96:2018. Metodu Standard ta’ Ttestjar għad-Determinazzjoni tal-Bijodegradazzjoni Aerobika tal-Materjali tal-Plastik fil-Ħamrija.

4.   

Meta ma jkunx hemm tranżizzjoni tal-fażi (tranżizzjoni tal-ħġieġ jew tranżizzjoni tat-tidwib) bejn 25 °C u 37 °C, it-temperatura matul l-ittestjar f’konformità mal-punti 3(a), (b) u (c) tista’ tiġi aġġustata għal 37 °C.

F’każ bħal dan, il-kriterju rilevanti fil-punt 2(a) għandu jitqies li jkun intwera jekk il-polimeru jikseb:

(a)

mill-inqas 45 % tad-degradazzjoni jew tal-mineralizzazzjoni aħħarija kif imsemmi fil-punt 2(a) f’test separat f’25 °C f’10 xhur, fejn id-degradazzjoni jew il-mineralizzazzjoni tkun miexja, u l-fażi ta’ livell kostanti ma tkunx intlaħqet, sakemm id-degradazzjoni jew il-mineralizzazzjoni ma tkunx mill-inqas 90 %; u

(b)

wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(i)

degradazzjoni aħħarija ta’ mill-inqas 90 % meta mqabbla mad-degradazzjoni tal-materjal ta’ referenza fi żmien 10 xhur flimkien mal-perjodu ta’ funzjonalità tal-prodott kif indikat fuq it-tikketta; jew

(ii)

mineralizzazzjoni ta’ mill-inqas 90 %, imkejla bħala CO2 evolut, fuq massimu ta’ 10 xahar flimkien mal-perjodu ta’ funzjonalità tal-prodott kif indikat fuq it-tikketta.

5.   

Biex jintwerew il-kriterji tal-bijodegradabbiltà fil-punt 2(b), għandu jintuża wieħed mill-metodi ta’ ttestjar li ġejjin:

(a)

EN/ISO 14851:2019 Determinazzjoni tal-bijodegradabbiltà aerobika aħħarija tal-materjali tal-plastik f’medium milwiem. Metodu bil-kejl tad-domanda tal-ossiġenu f’respirometru magħluq;

(b)

EN/ISO 14852:2021 Determinazzjoni tal-bijodegradabbiltà aerobika aħħarija tal-materjali tal-plastik f’medium milwiem. Metodu bl-analiżi tad-diossidu tal-karbonju evolut;

(c)

ASTM D6691:2018 Metodu Standard ta’ Ttestjar għad-Determinazzjoni tal-Bijodegradazzjoni Aerobika ta’ Materjali tal-Plastik fl-Ambjent tal-Baħar permezz ta’ Konsorzju Mikrobiku Definit jew Inokulu tal-Ilma tal-Baħar Naturali;

(d)

EN/ISO 19679:2020 Plastik — Determinazzjoni tal-bijodegradabilità aerobika tal-materjal tal-plastik li ma jżommx fis-superfiċe f’interfaċċa ta’ ilma tal-baħar/sediment - Metodu bl-analiżi tad-diossidu tal-karbonju evolut;

(e)

EN/ISO 18830:2017 Plastik — Determinazzjoni tal-bijodegradabilità aerobika tal-materjal tal-plastik li ma jżommx fis-superfiċe f’interfaċċa ta’ ilma tal-baħar/sediment tar-ramel — Metodu bil-kejl tad-domanda ta’ ossiġenu f’respirometru magħluq.

6.   

Il-polimeri jistgħu jiġu ttestjati fi kwalunkwe waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

fil-forma tas-saff imqiegħed fis-suq;

(b)

fil-forma ta’ trab tas-saff maċinat.

7.   

Il-materjali li ġejjin jistgħu jintużaw bħala materjali ta’ referenza:

(a)

kontrolli pożittivi: materjali bijodegradabbli bħal trab taċ-ċelluloża mikrokristallina, filtri taċ-ċelluloża mingħajr irmied jew poli-β-idrossibutirat;

(b)

kontrolli negattivi: polimeri mhux bijodegradabbli bħall-polietilen jew il-polistiren.

”.

ANNESS II

Fil-Parti I, il-punt 1, tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009, jiddaħħal il-punt (fa) li ġej:

“(fa)

għall-prodotti li jappartjenu għall-PFC 3 li fihom polimeru msemmi fil-Parti II, it-Taqsima CMC 9, il-punt 1a, tal-Anness II:

(a)

il-perjodu ta’ żmien wara l-użu li matulu t-tejjieb tal-ħamrija jissodisfa l-funzjoni tiegħu (il-‘perjodu ta’ funzjonalità’), li ma għandux ikun itwal mill-perjodu ta’ bejn żewġ applikazzjonijiet f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-użu msemmija fil-punt (d) ta’ dan il-punt;

(b)

struzzjoni biex jiġi applikat il-prodotti f’konformità maż-żoni ta’ lqugħ meħtieġa għall-prodotti fertilizzanti f’konformità mar-regoli nazzjonali rilevanti jew, fin-nuqqas ta’ tali regoli, biex jiġi applikat il-prodott mill-inqas 3 m minn kwalunkwe korp ta’ ilma tas-superfiċe;

(c)

struzzjoni biex jiġu segwiti l-miżuri nazzjonali dwar l-immaniġġjar tas-saffi ta’ mulch wara l-perjodu ta’ funzjonalità tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ tali miżuri, biex il-prodott jiġi inkorporat fil-ħamrija wara l-perjodu ta’ funzjonalità tiegħu u jinżamm midfun;”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2787/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)