European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2786

31.10.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2786

tat-23 ta’ Lulju 2024

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Enterococcaceae u li jippreżumi l-konformità tal-prodotti fertilizzanti tal-UE mingħajr verifika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Wara l-iżviluppi fl-implimentazzjoni tar-Regolament u l-ħidma ta’ standardizzazzjoni rilevanti, huma meħtieġa adattamenti tekniċi għall-Annessi I, II u III tar-Regolament (UE) 2019/1009 biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE sikuri u agronomikament effiċjenti fis-suq intern.

(2)

L-ewwel nett, l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi valuri ta’ limitu massimi għall-Enterococcaceae għal diversi kategoriji funzjonali ta’ prodotti u l-Anness II ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi valuri ta’ limitu għall-istess patoġenu għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkun fihom ċerti materjali komponenti. L-Enterococcaceae hija familja ta’ batterji ta’ spiss preżenti f’ambjenti li huma rikki fin-nutrijenti. Mid-diversi batterji li jappartjenu għal din il-familja, l-enterococci huma l-aktar perikolużi, minn perspettiva tas-saħħa, peress li ħafna drabi huma assoċjati ma’ infezzjonijiet tal-bniedem u tal-annimali. Matul il-ħidma mwettaq mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) biex jiġu żviluppati standards armonizzati b’appoġġ għal dawk ir-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2019/1009, is-CEN informa lill-Kummissjoni li ma hemm l-ebda metodu ta’ ttestjar biex jiġi determinat il-kontenut ta’ Enterococcaceae, minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ batterji kkonċernati. Il-metodi ta’ ttestjar eżistenti jiddeterminaw il-kontenut ta’ enterococci. Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2019/1009 jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġu stabbiliti rekwiżiti li jistgħu jiġu ttestjati fil-prattika. Dan jiffaċilita l-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti u jipprovdi ċarezza kemm dwar l-obbligi tal-manifatturi kif ukoll dwar il-mod kif jenħtieġ li jitwettqu l-verifiki tas-sorveljanza tas-suq.

(3)

It-tieni, skont il-Parti II, il-punt 4, tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009, meta l-konformità ma’ rekwiżit partikolari fl-Anness I (bħan-nuqqas ta’ kontaminant partikolari) issegwi b’mod ċert u li ma jistax jiġi kontestat min-natura jew il-proċess ta’ manifattura ta’ prodott fertilizzanti tal-UE, dik il-konformità tista’ tiġi preżunta fil-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità mingħajr verifika (bħall-ittestjar), fejn ir-responsabbiltà tkun f’idejn il-manifattur. Dispożizzjoni simili hija stabbilita għall-valuri ta’ limitu tal-kontaminanti fit-Taqsima CMC 15, il-punt (6), għall-materjali ta’ purità għolja rkuprati. Għar-raġunijiet ta’ koerenza u sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn, jenħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet simili fil-Parti II, it-Taqsimiet CMC 3, CMC 5, CMC 12, CMC 13 u CMC 14 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dawk id-dispożizzjonijiet jiffaċilitaw il-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom materjali bħal dawn u, fl-aħħar mill-aħħar, il-moviment liberu tagħhom fis-suq intern.

(4)

It-tielet, il-Parti III tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 tistabbilixxi regoli ta’ tolleranza għal diversi parametri li għandhom jiġu inklużi fuq it-tikketta tal-prodotti fertilizzanti tal-UE. Il-valur iddikjarat fuq it-tikketta jista’ jiddevja mill-valur reali, biss fi ħdan il-valuri ta’ limitu stabbiliti b’dak ir-Regolament. Fir-rigward tal-kwantità ta’ fertilizzanti inorganiċi, huma stabbiliti żewġ tolleranzi (1 % u 5 %). Huwa meħtieġ li jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet li fihom japplika kull wieħed miż-żewġ valuri. Għalhekk, il-kwantità ddikjarata ta’ fertilizzanti inorganiċi ta’ makronutrijenti jenħtieġ li tiddevja biss b’massimu ta’ 1 %, minħabba li tali prodotti normalment jinbiegħu f’pakketti akbar jew jinxtraw fi kwantitajiet akbar. Il-fertilizzanti inorganiċi ta’ mikronutrijenti normalment jinbiegħu f’pakketti iżgħar u għalhekk jenħtieġ li jikkonformaw ma’ tolleranza ta’ 5 %.

(5)

Ir-raba’, il-Parti III tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi tolleranza ta’ 0,3 punt perċentwali f’termini assoluti għall-kontenut ta’ komposti inibituri li jaqbżu konċentrazzjoni ta’ inibituri ta’ 2 %, l-istess bħal dik applikabbli għall-fertilizzanti b’komposti inibituri. Skont il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-korpi notifikati stabbilit skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2019/1009, dik it-tolleranza hija restrittiva ħafna għall-inibituri, peress li l-komposti inibituri normalment ikunu preżenti f’konċentrazzjonijiet kbar f’tali prodotti, u mhux biss f’konċentrazzjonijiet żgħar bħal fil-każ tal-fertilizzanti. Sabiex jitqiesu d-devjazzjonijiet tal-manifattura u l-akkuratezza tal-metodu ta’ ttestjar disponibbli u b’hekk tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità tal-inibituri, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat biex tiġi introdotta tolleranza aktar permissiva għall-kontenut ta’ komposti inibituri fl-inibituri.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)

l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(3)

l-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1009/oj.


ANNESS I

Il-Parti II tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:

(1)

fit-Taqsima “PFC 1(A): FERTILIZZANT ORGANIKU”, il-punt 4, tabella, il-kliem “Escherichia coli jew Enterococcaceae”, huma sostitwiti b’“Escherichia coli jew enterococci”;

(2)

fit-Taqsima “PFC 1(B): FERTILIZZANT ORGANOMINERALI”, il-punt 5, tabella, il-kliem “Escherichia coli jew Enterococcaceae” huma sostitwiti b’“Escherichia coli jew enterococci”;

(3)

fit-Taqsima “PFC 1(C): FERTILIZZANT INORGANIKU”, il-punt 2, tabella, il-kliem “Escherichia coli jew Enterococcaceae”, huma sostitwiti b’“Escherichia coli jew enterococci”;

(4)

fit-Taqsima “PFC 3(A): TEJJIEB ORGANIKU TAL-ĦAMRIJA”, il-punt 4, tabella, il-kliem “Escherichia coli jew Enterococcaceae”, huma sostitwiti b’“Escherichia coli jew enterococci”;

(5)

fit-Taqsima “PFC 3(B): TEJJIEB INORGANIKU TAL-ĦAMRIJA”, il-punt 4, tabella, il-kliem “Escherichia coli jew Enterococcaceae”, huma sostitwiti b’“Escherichia coli jew enterococci”;

(6)

fit-Taqsima “PFC 4: MATERJAL GĦAT-TKABBIR”, il-punt 4, tabella, il-kliem “Escherichia coli jew Enterococcaceae”, huma sostitwiti b’“Escherichia coli jew enterococci”;

(7)

fit-Taqsima “PFC 6(A): BIJOSTIMULANT MIKROBIKU TAL-PJANTI”, il-punt 2, tabella, il-kelma “Enterococcaceae” hija sostitwita b’“enterococci”;

(8)

fit-Taqsima “PFC 6(B): BIJOSTIMULANT NONMIKROBIKU TAL-PJANTI”, il-punt 2, tabella, il-kliem “Escherichia coli jew Enterococcaceae”, huma sostitwiti b’“Escherichia coli jew enterococci”.


ANNESS II

Il-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:

(1)

fit-Taqsima “CMC 3: KOMPOST”, jiżdied il-punt 6 li ġej:

“6.

Meta l-konformità mar-rekwiżit fil-punt 4(a) issegwi b’mod ċert u inkontestabbli min-natura jew il-proċess ta’ rkupru tal-kompost jew il-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE, dik il-konformità tista’ tiġi preżunta fil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità mingħajr verifika (bħall-ittestjar), taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.”;

(2)

fit-Taqsima “CMC 5: DIĠESTAT GĦAJR DIĠESTAT TAL-GĦELEJJEL FRISKI”, jiżdied il-punt 7 li ġej:

“7.

Meta l-konformità mar-rekwiżit fil-punt 4 issegwi b’mod ċert u inkontestabbli min-natura jew il-proċess ta’ rkupru tad-diġestat, jew il-frazzjoni tiegħu, jew il-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE, dik il-konformità tista’ tiġi preżunta fil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità mingħajr verifika (bħall-ittestjar), taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.”;

(3)

It-Taqsima “CMC 12: IMLIEĦ TAL-FOSFAT PREĊIPITATI U D-DERIVATI TAGĦHOM”, hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 8 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-kliem introduttorju, il-kelma “Enterococcaceae” hija sostitwita b’“enterococci”;

(ii)

fit-tabella, il-kliem “Escherichia coli jew Enterococcaceae”, huma sostitwiti b’“Escherichia coli jew enterococci”;

(b)

fil-punt 10, il-kelma “Enterococcaceae” hija sostitwita b’“enterococci”;

(c)

jiżdied il-punt 15 li ġej:

“15.

Meta l-konformità ma’ wieħed mir-rekwiżiti fil-punti 11 u 12 issegwi b’mod ċert u inkontestabbli min-natura jew il-proċess ta’ rkupru tal-melħ tal-fosfat preċipitat jew id-derivat, jew il-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE, dik il-konformità tista’ tiġi preżunta fil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità mingħajr verifika (bħall-ittestjar), taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.”;

(4)

fit-Taqsima “CMC 13: MATERJALI TAL-OSSIDAZZJONI TERMALI JEW ID-DERIVATI TAGĦHOM”, jiżdied il-punt 9 li ġej:

“9.

Meta l-konformità ma’ wieħed mir-rekwiżiti fil-punti 5 u 7 issegwi b’mod ċert u inkontestabbli min-natura jew il-proċess ta’ rkupru tal-materjal tal-ossidazzjoni termali jew id-derivat, jew il-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE, dik il-konformità tista’ tiġi preżunta fil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità mingħajr verifika (bħall-ittestjar), taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.”;

(5)

fit-Taqsima “CMC 14: MATERJALI TA’ PIROLIŻI U TA’ GASSIFIKAZZJONI, jiżdied il-punt 8 li ġej:

“8.

Meta l-konformità ma’ wieħed mir-rekwiżiti fil-punti 3 u 6 issegwi b’mod ċert u inkontestabbli min-natura jew il-proċess ta’ rkupru tal-materjali ta’ piroliżi jew ta’ gassifikazzjoni, jew il-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE, dik il-konformità tista’ tiġi preżunta fil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità mingħajr verifika (bħall-ittestjar), taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.”;

(6)

It-Taqsima “CMC 15: MATERJALI TA’ PURITÀ GĦOLJA RKUPRATI” hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt (7) huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-kliem introduttorju, il-kelma “Enterococcaceae” hija sostitwita b’“enterococci”;

(ii)

fit-tabella, il-kliem “Escherichia coli jew Enterococcaceae”, huma sostitwiti b’“Escherichia coli jew enterococci”;

(b)

fil-punt 8, l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi, il-kelma “Enterococcaceae” hija sostitwita b’“enterococci”.


ANNESS III

Il-Parti III tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:

(1)

it-Taqsima “PFC 1(C): FERTILIZZANT INORGANIKU” hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata “Kwantità” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Kwantità

± 1 % devjazzjoni relattiva tal-valur dikjarat għall-prodotti li jappartjenu għal PFC 1(C)(I)

± 5 % devjazzjoni relattiva tal-valur dikjarat għall-prodotti li jappartjenu għal PFC 1(C)(II)’

(b)

l-aħħar sentenza “Kwantità: ± 5 % devjazzjoni relattiva tal-valur dikjarat” titħassar;

(2)

fit-Taqsima “PFC 5: INIBITUR”, l-entrata “Konċentrazzjoni ta’ iktar minn 2 %” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Konċentrazzjoni ta’ iktar minn 2 %

± 10 % tal-valur dikjarat sa massimu ta’ ± 2 % f’termini assoluti”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2786/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)