European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2779

29.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2779

tal-24 ta’ Ottubru 2024

li tistabbilixxi l-grupp ta’ esperti dwar l-ekodisinn għall-prodotti sostenibbli u t-tikkettar tal-enerġija (“il-Forum dwar l-Ekodisinn”)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Bl-għan li tiġi żgurata konsultazzjoni xierqa dwar ir-rekwiżiti tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-prodotti permezz tal-parteċipazzjoni bbilanċjata ta’ esperti maħtura mill-Istati Membri u tal-partijiet interessati kollha, il-Kummissjoni jeħtieġ li titlob l-għarfien espert tal-ispeċjalisti f’korp konsultattiv.

(2)

L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1369 jistipula li l-grupp ta’ esperti (“il-Forum Konsultattiv”) stabbilit f’konformità miegħu għandu jingħaqad mal-forum imsemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-involviment tal-partijiet ikkonċernati meta jinġabar l-għarfien espert fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/1781 u t-tħassir tad-Direttiva 2009/125/KE, il-grupp ta’ esperti msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1369 jenħtieġ li jingħaqad mal-grupp ta’ esperti (“il-Forum dwar l-Ekodisinn”) stabbilit skont din id-Deċiżjoni.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit grupp ta’ esperti fil-qasam tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija, u li jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(4)

Il-grupp jenħtieġ li jgħin fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija.

(5)

Il-grupp jenħtieġ li jkun magħmul minn esperti maħtura mill-Istati Membri u minn partijiet interessati oħra, bħar-rappreżentanti tal-industrija, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) kif definiti fl-Artikolu 2(1) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (4) u l-industrija tal-artiġjanat, l-intrapriżi soċjali, it-trade unions, in-negozjanti, il-bejjiegħa bl-imnut, l-importaturi, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-ambjent, l-atturi involuti fl-attivitajiet tal-ekonomija ċirkolari, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u r-riċerkaturi.

(6)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni mill-membri tal-grupp.

(7)

Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Il-grupp ta’ esperti dwar l-ekodisinn għall-prodotti sostenibbli u t-tikkettar tal-enerġija, il-Forum dwar l-Ekodisinn (“il-grupp”), huwa stabbilit.

Artikolu 2

Kompiti

Il-kompiti tal-grupp għandhom ikunu:

 

li jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/1781;

 

li jassisti lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament (UE) 2017/1369;

 

li jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija bikrija tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2024/1781 f’konformità mal-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2024/1781 u l-Artikolu 12(12) tar-Regolament (UE) 2017/1369, qabel ma jitressqu quddiem il-kumitat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011;

 

li jaġevola skambju ta’ esperjenza u prattika tajba fil-qasam tal-prodotti sostenibbli.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni jistgħu jikkonsultaw lill-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mad-disinn u mal-implimentazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-prodotti sostenibbli u t-tikkettar tal-enerġija.

Artikolu 4

Kompożizzjoni

1.   Il-membri għandhom ikunu individwi maħtura biex jirrappreżentaw interess komuni, organizzazzjonijiet, awtoritajiet tal-Istati Membri, jew entitajiet pubbliċi oħra.

2.   Il-grupp għandu jkun magħmul minn massimu ta’ 250 membru.

3.   Il-membri maħtura biex jirrappreżentaw interess komuni ma għandhomx jirrappreżentaw parti kkonċernata individwali, iżda orjentazzjoni ta’ politika komuni għal organizzazzjonijiet differenti tal-partijiet ikkonċernati.

4.   L-awtoritajiet, l-organizzazzjonijiet u entitajiet pubbliċi oħra tal-Istati Membri għandhom jaħtru r-rappreżentanti tagħhom u għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li r-rappreżentanti tagħhom jagħtu għarfien espert ta’ livell għoli.

5.   Il-membri li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-grupp, li, fl-opinjoni tas-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni, ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew li jirriżenjaw, ma għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-grupp u jistgħu jiġu sostitwiti għall-bqija tal-mandat tagħhom. Is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni kkonċernati jistgħu wkoll itemmu s-sħubija ta’ dawn il-membri.

Artikolu 5

Proċess tal-għażla

1.   L-għażla ta’ individwi maħtura biex jirrappreżentaw interess komuni u ta’ organizzazzjonijiet bħala membri tal-grupp għandha titwettaq permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet li tkun kontinwament miftuħa, li għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”). Barra minn hekk, is-sejħa għall-applikazzjonijiet tista’ tiġi ppubblikata permezz ta’ mezzi oħra, inkluż fuq siti web apposta. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiddeskrivi b’mod ċar il-kriterji tal-għażla li jinkludu l-livell ta’ għarfien espert neċessarju u l-interessi li għandhom ikunu rappreżentati rigward il-ħidma li trid titwettaq.

2.   Ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru tat-Trasparenza hija meħtieġa sabiex jinħatru l-individwi li jirrappreżentaw interess komuni u l-organizzazzjonijiet.

3.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mis-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni, minn fost applikanti b’kompetenzi fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3.

4.   Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta’ 5 snin, li għandu jiġġedded awtomatikament, sakemm is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni ma jiddeċidux mod ieħor. Il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti.

Artikolu 6

Presidenza

Il-grupp għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tas-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Operat

1.   Il-grupp għandu jaġixxi fuq talba tas-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni, f’konformità mar-regoli orizzontali dwar il-gruppi ta’ esperti (6) (“ir-regoli orizzontali”).

2.   Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-grupp għandhom isiru f’bini tal-Kummissjoni jew virtwalment, skont iċ-ċirkostanzi.

3.   Is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni għandhom jipprovdu s-servizzi segretarjali. Uffiċjali minn dipartimenti oħra tal-Kummissjoni b’interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.

4.   Bi qbil mal-President, il-grupp jista’, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi.

5.   Il-minuti dwar id-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u dwar l-opinjonijiet mogħtija mill-grupp għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandu jħejjihom is-segretarjat taħt ir-responsabbiltà tal-President.

6.   Sa fejn ikun possibbli, il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens. F’każ ta’ vot, ir-riżultat tal-vot għandu jkun deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra jew li jkunu astjenew għandhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti.

Artikolu 8

Sottogruppi

1.   Għandu jiġi stabbilit sottogrupp magħmul minn esperti maħtura mill-Istati Membri (“Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri”).

2.   Is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni jistgħu jistabbilixxu sottogruppi addizzjonali bl-għan li jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza li jiddefinixxu huma stess. Dawn is-sottogruppi addizzjonali għandhom joperaw f’konformità mar-regoli orizzontali u għandhom jirrapportaw lill-grupp. Dawn għandhom jiġu xolti malli jintlaħaq l-għan tal-mandat tagħhom.

3.   Il-membri tas-sottogruppi li ma jkunux membri tal-grupp għandhom jintagħżlu permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 5 mar-regoli orizzontali.

Artikolu 9

Esperti mistiedna

Is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni grupp jistgħu jistiednu esperti b’għarfien espert speċifiku fir-rigward ta’ suġġett fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogruppi fuq bażi ad hoc.

Artikolu 10

Osservaturi

1.   Individwi, organizzazzjonijiet, u entitajiet pubbliċi għajr l-awtoritajiet tal-Istati Membri, jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, f’konformità mar-regoli orizzontali, bi stedina diretta jew b’riżultat ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet.

2.   L-organizzazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi maħtura bħala osservaturi għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom.

3.   L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, ma għandhomx ikollhom id-dritt tal-vot u ma għandhomx jipparteċipaw fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.

Artikolu 11

Regoli ta’ proċedura

Fuq proposta tas-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni u bi qbil magħhom, il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, abbażi tar-regoli proċedurali standard għall-gruppi ta’ esperti, f’konformità mar-regoli orizzontali. Is-sottogruppi għandhom joperaw f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-grupp.

Artikolu 12

Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni klassifikata

Il-membri tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, huma soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, japplika għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom, u huma soġġetti wkoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (7) u 2015/444 (8). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux rispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

Artikolu 13

Trasparenza

1.   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”).

2.   Rigward il-kompożizzjoni tal-grupp u tas-sottogruppi, għandha tiġi ppubblikata d-data li ġejja fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:

l-isem tal-awtoritajiet tal-Istati Membri;

l-isem ta’ entitajiet pubbliċi oħra, inkluż l-isem tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi;

l-isem tal-individwi maħtura li jirrappreżentaw interess komuni; l-interess rappreżentat għandu jkun żvelat;

l-ismijiet tal-organizzazzjonijiet membri; l-interess rappreżentat għandu jkun żvelat;

l-isem tal-osservaturi.

3.   Id-dokumenti rilevanti kollha, inklużi l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli fuq ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti minn pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu possibbli biss fejn jitqies li l-iżvelar ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

Artikolu 14

Appoġġ finanzjarju

Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-membri, b’mod partikolari lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, lill-NGOs ambjentali jew lir-rappreżentanti tal-SMEs, speċjalment dawk tal-mikrointrapriżi kif definiti fl-Artikolu 2(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, biex tippermetti l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-grupp, fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli taħt il-pakketti rilevanti tal-programmi tal-UE.

Artikolu 15

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Forum dwar l-Ekodisinn u s-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li joffru.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba fl-attivitajiet tal-Forum dwar l-Ekodisinn u tas-sottogruppi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni għal rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru u għall-esperti mistiedna f’konformità mal-Artikolu 9. Ir-rimborż għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Maroš ŠEFČOVIČ

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj.

(2)   ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1369/oj.

(3)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/125/oj).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 final tat-30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-operat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj).).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).

(9)  Dawn l-eċċezzjonijiet huma maħsuba biex jipproteġu s-sigurtà pubblika, l-affarijiet militari, ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, il-privatezza u l-integrità tal-individwu, l-interessi kummerċjali, il-proċedimenti tal-qorti u l-pariri legali, l-ispezzjonijiet/l-investigazzjonijiet/l-awditi u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2779/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)