European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2778

29.10.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2778

tal-24 ta’ Ottubru 2024

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mal-ġidri tan-nagħaġ u mal-ġidri tal-mogħoż fil-Bulgarija

(notifikata bid-dokument C(2024)7529)

(Il-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, u tikkawża tfixkil għall-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż f’annimali kaprini u ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra ta’ annimali kaprini jew ovini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż il-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żona ristretta ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Il-Bulgarija infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ġidri tan-nagħaġ u l-ġidri tal-mogħoż fit-territorju tagħha, wara tliet tifqigħat ta’ dik il-marda fl-annimali kaprini u ovini, waħda minnhom fir-reġjun ta’ Stara Zagora, li ġiet ikkonfermata fil-11 ta’ Ottubru 2024, u tnejn fir-reġjun ta’ Haskovo, ikkonfermati fis-16 u fis-17 ta’ Ottubru 2024, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, stabbiliet żoni ristretti, li jinkludu żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza, kif ukoll żoni ristretti ulterjuri, li fihom jiġu applikati l-miżuri ġenerali għall-kontroll tal-mard stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat sabiex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

(5)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe xkiel bla bżonn fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, jiġu identifikati malajr iż-żoni ristretti għall-ġidri tan-nagħaġ u għall-ġidri tal-mogħoż, li jinkludu ż-żoni ta’ protezzjoni u ż-żoni ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żoni ristretti ulterjuri fil-Bulgarija.

(6)

Id-daqs taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żoni ristretti ulterjuri u d-durata tal-miżuri li japplikaw fihom jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluż is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-ġidri tan-nagħag u tal-ġidri tal-mogħoż fiż-żoni affettwati minn dik il-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali tal-ġidri tan-nagħag u tal-ġidri tal-mogħoż fl-Istat Membru kkonċernat minn dik il-marda kif ukoll il-livell tar-riskju għal aktar tixrid tal-marda. Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri tqis ukoll l-istandards internazzjonali, tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH). Fis-sitwazzjoni attwali, hemm riskju għoli ta’ aktar tixrid tal-marda, b’mod partikolari minħabba l-fatt li t-tifqigħat reċenti tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż seħħew aktar minn xahar wara u f’distanza ta’ aktar minn 80 km minn tifqigħa preċedenti fir-reġjun ta’ Yambol, u fi żmien 6 ijiem u madwar 35 km ’il bogħod minn xulxin, li jissuġġerixxi li l-marda qed tiċċirkola fiż-żona.

(7)

Minħabba s-severità u l-urġenza tas-sitwazzjoni u sabiex jiġi limitat minnufih it-tixrid tal-marda wara din it-tieni okkorrenza f’dak l-Istat Membru, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-movimenti tal-annimali miż-żoni ta’ protezzjoni, miż-żoni ta’ sorveljanza u miż-żoni ristretti ulterjuri lejn destinazzjonijiet ’il barra mill-perimetru estern taż-żoni ristretti ulterjuri kollha ma jseħħux, u li jiġu esklużi derogi possibbli mill-projbizzjoni li l-annimali jiġu mċaqalqa kif previst fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, għal ċertu perjodu ta’ żmien, sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda fuq distanza twila. Sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda fiż-żoni tal-Istati Membri, huwa importanti li ma jkun hemm l-ebda moviment tal-annimali miż-żoni ristretti.

(8)

Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll bħala żoni ristretti ulterjuri fil-Bulgarija jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi ffissata d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni u li jiġu ristretti l-movimenti tal-annimali. Id-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni jenħtieġ li tqis il-perjodi minimi għall-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni, fiż-żoni ta’ sorveljanza u fiż-żoni ristretti ulterjuri f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(9)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-ġidri tan-nagħaġ u tal-ġidri tal-mogħoż u l-ħtieġa li l-marda ma tinxteridx mill-istabbiliment affettwat fil-Bulgarija lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jixraq li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(10)

Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żoni ristretti ulterjuri fil-Bulgarija jenħtieġ li jiġu stabbiliti minnufih, jenħtieġ li jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi ffissata d-durata ta’ dak iż-żonar.

(11)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bulgarija għandha tiżgura li:

(a)

jiġu stabbiliti minnufih mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru żoni ristretti li jinkludu żoni ta’ protezzjoni u żoni ta’ sorveljanza, kif ukoll żoni ristretti ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri msemmija fil-punt (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

il-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni, fiż-żoni ta’ sorveljanza u fiż-żoni ristretti ulterjuri, huma applikati mill-inqas sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż miż-żoni ta’ protezzjoni, miż-żoni ta’ sorveljanza u miż-żoni ristretti ulterjuri lejn destinazzjoni li tinsab ’il barra mill-perimetru estern ta’ dawk iż-żoni ristretti ulterjuri kollha kif previst fil-Punt B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu pprojbiti sad-dati elenkati għal kull żona fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).


ANNESS

A.   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħat ikkonfermati

Reġjun u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żoni ristretti fil-Bulgarija kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun ta’ Stara Zagora

BG-CAPRIPOX-2024-00002

Żona ta’ protezzjoni:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Stara Zagora, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 42.2579, Lonġ. 25.8028 (2024/2)

6.11.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Stara Zagora, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 10 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 42.2579, Lonġ. 25.8028 (2024/2)„ esklużi ż-żoni li jinsabu fiż-żona ta’ protezzjoni

15.11.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Stara Zagora, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 42.2579, Lonġ. 25.8028 (2024/2)

7.11.2024–15.11.2024

Ir-reġjun ta’ Haskovo

BG-CAPRIPOX-2024-00003

BG-CAPRIPOX-2024-00004

Żona ta’ protezzjoni:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Haskovo, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 41.9698, Lonġ. 25.6564 (2024/3), Lat. 41.96, Lonġ. 25.65 (2024/4)

11.11.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Haskovo, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 10 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 41.9698, Lonġ. 25.6564 (2024/3), Lat. 41.96, Lonġ. 25.65 (2024/4) esklużi ż-żoni li jinsabu fiż-żona ta’ protezzjoni

20.11.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Haskovo, li jinsabu fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ 3 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 il-koordinati Lat. 41.9698, Lonġ. 25.6564 (2024/3), Lat. 41.96, Lonġ. 25.65 (2024/4)

12.11.2024–20.11.2024

B.   Żoni ristretti ulterjuri

Unità reġjonali

Żoni inklużi fiż-żoni ristretti ulterjuri stabbiliti fil-Bulgarija kif imsemmi fl-Artikolu 2

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun ta’ Stara Zagora

Il-muniċipalitajiet ta’ Radnevo, Galabovo, Opan, Stara Zagora, minbarra ż-żoni inklużi fi kwalunkwe żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza.

15.11.2024

Il-muniċipalitajiet ta’ Radnevo, Galabovo, Opan, Stara Zagora

16.11.2024–20.12.2024

Ir-reġjun ta’ Haskovo

Il-muniċipalitajiet ta’ Haskovo, Simeonovgrad u Dimitrovgrad, minbarra ż-żoni inklużi fi kwalunkwe żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza.

20.11.2024

Il-muniċipalitajiet ta’ Haskovo, Simeonovgrad u Dimitrovgrad

21.11.2024–20.12.2024


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2778/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)