European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2729

23.10.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2729

tat-22 ta’ Ottubru 2024

li jawtorizza eżenzjoni skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-użu ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra f’ċerti apparati ta’ simulazzjoni ambjentali, tagħmir tal-laboratorju għat-tnixxif bl-atomizzazzjoni jew għal-lijofilizzazzjoni, u ċentrifugi tal-laboratorju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness IV, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2024/573 jipprojbixxi l-introduzzjoni fis-suq ta’ tagħmir ta’ refriġerazzjoni awtonomu, ħlief chillers, li jkun fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar, mill-1 ta’ Jannar 2025, ħlief jekk dan ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ sikurezza fis-sit tal-operat.

(2)

Skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2024/573, fid-29 ta’ Mejju 2024, l-awtorità kompetenti Ġermaniża ressqet talba lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjoni li tippermetti l-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ tliet tipi ta’ tagħmir, li jkun fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra bħala refriġerant, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness IV, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2024/573, jiġifieri: (i) apparati ta’ simulazzjoni ambjentali għal temperaturi tal-applikazzjoni inqas minn 50 °C taħt iż-żero; (ii) tagħmir tal-laboratorju għat-tnixxif bl-atomizzazzjoni jew għal-lijofilizzazzjoni; u (iii) ċentrifugi tal-laboratorju.

(3)

It-tipi ta’ tagħmir imsemmija fit-talba għal eżenzjoni huma dawn li ġejjin: (i) apparati ta’ simulazzjoni ambjentali li jikkonsistu f’kompartiment tal-ittestjar li jintuża għar-riproduzzjoni ta’ varjetà ta’ kondizzjonijiet ambjentali eż. temperatura u umdità dipendenti fuq iż-żmien, għal applikazzjonijiet inqas minn 50 °C taħt iż-żero; (ii) tagħmir tal-laboratorju li jintuża għat-tnixxif ta’ kampjuni likwidi, permezz tat-tnixxif bl-atomizzazzjoni jew tal-lijofilizzazzjoni; u (iii) ċentrifugi tal-laboratorju li huma tagħmir li jissepara l-fluwidi ta’ densitajiet differenti jew il-likwidi mill-materjali solidi f’kontenitur li jdur b’mod rapidu.

(4)

It-talba għal eżenzjoni tiddikjara li, fil-preżent, ma hemm l-ebda tagħmir fis-suq tal-Unjoni tat-tipi msemmija li juża gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew inqas. Minħabba tħassib dwar is-sikurezza, tali tagħmir bħalissa jiddependi mir-refriġeranti mhux fjammabbli (b’GWP ta’ 150 jew aktar). L-iżvilupp u ċ-ċertifikazzjoni ta’ tagħmir li jista’ juża sustanzi alternattivi jeħtieġu aktar żmien, minħabba l-kumplessità tal-prodott u l-bidliet fid-disinn meħtieġa biex jiġu akkomodati r-refriġeranti b’GWP taħt il-150 filwaqt li jiġi indirizzat ukoll it-tħassib dwar is-sikurezza. Sabiex jiġi żgurat li l-alternattivi jkunu se jintużaw b’mod sikur u biex il-kostijiet jinżammu f’livell proporzjonat, huwa meħtieġ żmien biex tiġi ffaċilitata l-bidla għal refriġeranti b’valur GWP ta’ inqas minn 150. Barra minn hekk, jekk il-manifatturi jkunu meħtieġa jibdlu l-portafoll tal-prodott tagħhom f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna, huma jkunu f’riskju li b’mod obbligatorju jkollhom iwaqqfu l-introduzzjoni fis-suq u l-esportazzjoni ta’ tali tagħmir essenzjali. It-talba għal eżenzjoni titlob il-perjodu massimu ta’ żmien awtorizzat skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2024/573 minħabba l-kumplessità tat-tranżizzjoni għal refriġeranti alternattivi għal tali tipi ta’ tagħmir.

(5)

Il-Kummissjoni vvalutat it-talba mressqa mill-awtorità kompetenti Ġermaniża u tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2024/573 huma ssodisfati. Il-Kummissjoni tqis ukoll li f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn, jenħtieġ li jingħata biżżejjed żmien biex jiġi evitat tfixkil fis-suq fil-provvista ta’ tali tagħmir essenzjali. Il-Kummissjoni tqis li perjodu addizzjonali ta’ 4 snin ikun iġġustifikat f’dan il-każ eċċezzjonali.

(6)

Meta jitqies li l-projbizzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni tat-tip ta’ tagħmir imsemmi fl-eżenzjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025, minħabba restrizzjonijiet ta’ żmien, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, stabbiliti bl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2024/573,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Anness IV, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2024/573, l-introduzzjoni fis-suq tat-tagħmir li ġej li jkun fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar hija awtorizzata mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2028, dment li jkun ittikkettat skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2024/573:

(a)

apparati ta’ simulazzjoni ambjentali li jikkonsistu f’kompartiment tal-ittestjar li jintuża għar-riproduzzjoni ta’ varjetà ta’ kondizzjonijiet ambjentali eż. temperatura u umdità dipendenti fuq iż-żmien, għal applikazzjonijiet inqas minn 50 °C taħt iż-żero;

(b)

tagħmir tal-laboratorju li jintuża għat-tnixxif ta’ kampjuni likwidi, permezz tat-tnixxif bl-atomizzazzjoni jew tal-lijofilizzazzjoni;

(c)

ċentrifugi tal-laboratorju li jintużaw għas-separazzjoni tal-fluwidi ta’ densitajiet differenti jew tal-likwidi mill-materjali solidi f’kontenitur li jdur b’mod rapidu.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2729/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)