European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2723

22.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2723

tal-21 ta’ Ottubru 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 (1), li stabbiliet il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA), b’mandat inizjali wara t-tnedija tagħha, ta’ sentejn sat-8 ta’ Awwissu 2022.

(2)

Fid-9 ta’ Lulju 2024, abbażi tal-Valutazzjoni Strateġika tal-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-UE fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) u tal-EUAM RCA, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà irrakkomanda li l-mandat tal-EUAM RCA jiġi estiż sas-7 ta’ Awwissu 2026 u li jitwettaq rieżami strateġiku taż-żewġ Missjonijiet fi żmien debitu.

(3)

Fit-22 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2003 (2), li estendiet l-EUAM RCA fl-ewwel fażi sal-31 ta’ Ottubru 2024 b’ammont ta’ referenza mhux mibdul.

(4)

Jenħtieġ li l-mandat tal-EUAM RCA jiġi estiż aktar, b’ammont ta’ referenza ġdid, sas-7 ta’ Awwissu 2026.

(5)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 tiġi emendata skont dan.

(6)

L-EUAM RCA ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u tista’ xxekkel l-ilħuq tal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 hija emendata kif ġej;

(1)

fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM RCA għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2024 sas-7 ta’ Awwissu 2026 għandu jkun ta’ EUR 24 844 975,68.”

(2)

fl-Artikolu 17, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal rieżami strateġiku li għandu jsir mill-KPS fl-ewwel tliet xhur tal-2026, il-mandat tal-EUAM RCA għandu jintemm fis-7 ta’ Awwissu 2026.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/2110 tad-9 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) (ĠU L 318, 10.12.2019, p. 141).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2003 tat-22 ta’ Lulju 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2110 dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA) (ĠU L, 2024/2003, 23.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2003/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2723/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)