|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2715 |
25.10.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2715
tal-24 ta’ Ottubru 2024
li jagħmel importazzjonijiet ta’ aċidu gliossiliku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li informat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ aċidu gliossiliku li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(2) |
Dan il-bidu segwa lment imressaq fl-10 ta’ Ġunju 2024 minn WeylChem Lamotte SAS f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-aċidu gliossiliku. |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(3) |
Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa l-aċidu gliossiliku (Chemical Abstracts Service (CAS) Numru 298-12-4), ta’ purità ta’ mill-inqas 95 % skont il-piż xott, kemm jekk f’forma solida kif ukoll jekk bħala soluzzjoni milwiema b’konċentrazzjoni skont il-piż ogħla minn 40 % tiegħu. |
|
(4) |
Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2918 30 00 (il-kodiċi TARIC 2918 30 00 13). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u bla ħsara għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. |
2. REĠISTRAZZJONI
|
(5) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm. |
|
(7) |
Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni. |
|
(8) |
L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping minn 96 % sa 112 % u livell medju ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ madwar 50 % sa 60 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu minn Jannar sa Diċembru 2023. |
|
(9) |
L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Jekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ssib evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ responsabbiltà futura possibbli jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping kif previst fl-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku jekk jiġi konkluż li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
3. IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(10) |
Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu gliossiliku (Chemical Abstracts Service (CAS) Numru 298-12-4), ta’ purità ta’ mill-inqas 95 % skont il-piż xott, kemm jekk f’forma solida kif ukoll jekk bħala soluzzjoni milwiema b’konċentrazzjoni skont il-piż ogħla minn 40 % tiegħu, attwalment ikklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2918 30 00 (il-kodiċi TARIC 2918 30 00 13), u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) ĠU C, C/2024/4751, 25.7.2024, ELI, http://data.europa.eu/eli/C/2024/4751/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2715/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)