|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2713 |
18.10.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2713
tal-10 ta’ Ottubru 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-adeżjoni ta’ San Marino mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015 (il-“Ftehim”) ġie konkluż f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (1). |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”) irid jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ Gvern mal-Ftehim. |
|
(3) |
Il-Gvern ta’ San Marino applika formalment biex jaderixxi mal-Ftehim. Għalhekk, il-Kunsill tal-Membri, waqt sessjoni futura tiegħu jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, ser jiġi mistieden jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ San Marino, fir-rigward tal-ishma ta’ parteċipazzjoni fil-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC - International Olive Council) u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni. |
|
(4) |
Peress li San Marino qed jiżviluppa s-settur taż-żebbuġ tiegħu fir-rigward tal-konsum u beħsiebu jiżviluppa l-produzzjoni tiegħu, l-adeżjoni tiegħu, skont ċerti kundizzjonijiet, tista’ ssaħħaħ lill-IOC, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali b’rabta mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ. |
|
(5) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati ser ikollhom effetti legali fuq l-Unjoni billi kollhom impatt fuq il-bilanċ deċiżjonali fil-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jkunux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”) waqt sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Gvern ta’ San Marino mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015, hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
PINTÉR S.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.05.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj).
ANNESS
L-Unjoni għandha tappoġġa l-adeżjoni tal-Gvern ta’ San Marino mal-Ftehim, f’sessjoni futura tal-Kunsill tal-Membri jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, dment li l-ishma ta’ parteċipazzjoni ta’ San Marino jiġu kkalkulati skont il-formula speċifikata fl-Artikolu 11 tal-Ftehim u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni ma jaqbiżx it-18-il xahar wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Membri. Jekk id-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni jiddewwem, l-Unjoni, f’deċiżjonijiet sussegwenti li jridu jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri, tista’ tappoġġa l-estensjoni tal-limitu taż-żmien għad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2713/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)