|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2710 |
24.10.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2710
tat-18 ta’ Marzu 2022
dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.53903 (2020/C ex 2019/NN) implimentata mill-Polonja għal LG Chem
(notifikata bid-dokument C(2022) 1570)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1), il-punt (a), tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti sottomessi minn dawk il-partijiet u minn partijiet terzi oħrajn,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fl-4 ta’ Lulju 2019, l-awtoritajiet Pollakki nnotifikaw għajnuna reġjonali (“l-għajnuna” jew “il-miżura”) li kienu taw (skont il-Polonja, soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) fl-20 ta’ Settembru 2017, fit-2 ta’ Ottubru 2017, fid-19 ta’ Frar 2018 u fil-5 ta’ Settembru 2018 favur LG Chem Wrocław Energy sp. z o.o. (“LG Chem Energy PL”). Wara aktar skambji, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Pollakki li l-każ se jiġi eżaminat skont il-proċedura li tirrigwardja l-għajnuna illegali stipulata fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (2). |
|
(2) |
Permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Awwissu 2020 (id-“deċiżjoni tal-ftuħ”), il-Kummissjoni informat lill-Polonja li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward tal-miżura. |
|
(3) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura. |
|
(4) |
L-awtoritajiet Pollakki ssottomettew il-kummenti tagħhom fid-19 ta’ Ottubru 2020. |
|
(5) |
Ġew ipprovduti wkoll kummenti minn partijiet terzi: Toray Industries, Inc. ipprovdiet kummenti fit-3 ta’ Frar 2021; il-Ministeru għall-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija tal-Korea t’Isfel ipprovda kummenti fil-5 ta’ Frar 2021; LG Energy Solution Wrocław sp. z o.o. (“LG Chem PL”), is-suċċessur legali (4) ta’ LG Chem Energy PL, ipprovda kummenti fil-5 ta’ Frar 2021. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti ta’ partijiet terzi lill-Polonja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. Il-kummenti tagħha ġew irreġistrati mill-Kummissjoni fit-13 ta’ April 2021. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni fis-26 ta’ Marzu 2021, li l-Polonja wieġbet għaliha fit-13 ta’ April 2021. |
|
(8) |
Fil-21 ta’ April 2021 saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki. |
|
(9) |
Waslet aktar informazzjoni mingħand il-Polonja permezz tal-posta elettronika fis-27 ta’ Settembru 2021, fl-20 ta’ Jannar 2022 u fil-11 ta’ Frar 2022. |
|
(10) |
Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2021, il-Polonja qablet b’mod eċċezzjonali li tirrinunzja għad-drittijiet li joħorġu mill-Artikolu 342 tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (5) u li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u nnotifikata skont l-Artikolu 297 tat-TFUE bil-lingwa Ingliża. |
2. DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA
2.1. Objettiv
|
(11) |
Il-Polonja biħsiebha tippromwovi l-iżvilupp reġjonali tar-reġjun ta’ Dolnośląskie (NUTS 2: PL51) billi tagħti għajnuna għall-investiment reġjonali ta’ EUR 85 443 491 (fil-valur preżenti (6)) għal investiment inizjali ta’ EUR 994 960 440 (fil-valur preżenti) għall-espansjoni tal-impjant eżistenti tal-produzzjoni tal-batteriji tal-jon tal-litju (“Li-ion”) ta’ LG Chem PL f’Biskupice Podgórne, li jinsab fir-reġjun ta’ Dolnośląskie, li huwa eliġibbli għal għajnuna reġjonali skont il-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE, b’limitu massimu standard tal-għajnuna reġjonali ta’ 25 %, taħt il-mappa tal-għajnuna reġjonali applikabbli 2014-2020 għall-Polonja (7). |
2.2. Il-benefiċjarju
|
(12) |
Ir-riċevitur tal-għajnuna huwa LG Chem PL, sussidjarja kollha kemm hi ta’ LG Energy Solution, Ltd., hija stess sussidjarja kollha kemm hi ta’ LG Chem Ltd. (“LG Chem KR”), li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Seoul, il-Korea t’Isfel. LG Chem KR hija impriża kbira b’fatturat ta’ madwar EUR 20 biljun fl-2017. LG Chem PL diġà hija attiva fil-Polonja fil-qasam tal-manifattura tal-batteriji tal-vetturi elettriċi (“EV”). |
|
(13) |
L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li la LG Chem PL, u lanqas LG Chem KR, ma huma impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (8). |
2.3. L-investiment
2.3.1. L-investiment innotifikat
|
(14) |
Il-proġett ta’ investiment huwa li tiġi estiża l-kapaċità tal-istabbiliment ta’ LG Chem PL f’Biskupice Podgórne (iż-Żona Ekonomika Speċjali ta’ Tarnobrzeg Euro-Park Wisłosan) li qed jipproduċi batteriji Li-ion għall-vetturi elettriċi. L-estensjoni (“Investiment 2”) toħloq kapaċità annwali addizzjonali ta’ [20 - 25] (*1) GWh, li hija ekwivalenti għall-produzzjoni ta’ batteriji għal madwar [200 000 – 400 000] vettura elettrika fis-sena, li hija ppjanata li sservi esklussivament is-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”). |
|
(15) |
Ix-xogħlijiet fuq l-investiment bdew fl-1 ta’ Ottubru 2017, wara li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna rilevanti ġew introdotti fil-11 ta’ Awwissu, fl-14 ta’ Settembru u fil-21 ta’ Settembru 2017. Il-produzzjoni bdiet fi […] 2018 u l-produzzjoni sħiħa ntlaħqet fi […] 2020. L-investiment tlesta qabel […] 2021. |
|
(16) |
Kif deskritt fil-premessi (19) u (20) tad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-investiment jikkostitwixxi, flimkien ma’ proġett preċedenti implimentat minn LG Chem PL fl-istess post (“Investiment 1”), proġett ta’ investiment uniku (“SIP”) skont il-paragrafu 20(t) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali 2014-2020 (9) (“RAG”). (10) |
2.3.2. Kostijiet eliġibbli tal-investiment
|
(17) |
Il-kostijiet eliġibbli totali nnotifikati tal-investiment (Investiment 2) jammontaw għal PLN 4 468 941 000 (EUR 1 054 244 161 (11)) f’valur nominali, li jikkorrespondi għal PLN 4 261 117 075 (EUR 994 960 440) fil-valur preżenti. Il-kostijiet eliġibbli (assi ġodda biss) jikkorrespondu għall-kost tal-bini (37 %) u tal-impjanti, tal-makkinarju u tat-tagħmir (63 %). |
2.4. Il-miżura
2.4.1. Forom ta’ għajnuna
|
(18) |
Il-miżura tikkonsisti f’erba’ strumenti:
|
2.4.2. L-ammont ta’ għajnuna
|
(19) |
L-għajnuna totali nnotifikata li tappoġġa l-investiment tammonta għal PLN 402 525 976 (EUR 94 957 767) f’valur nominali u PLN 362 194 962 (EUR 85 443 492) fil-valur preżenti, u tikkorrespondi għal intensità ta’ għajnuna ta’ 8,5 % għall-investiment. Huwa ppjanat li l-għajnuna titħallas f’pagamenti parzjali. |
|
(20) |
L-għajnuna fil-forma ta’ għotja ta’ flus (imsemmija fil-premessa (18)(a)) tammonta għal PLN 242 000 000 (EUR 57 088 936) f’valur nominali u PLN 217 785 842 (EUR 51 376 702) fil-valur preżenti. |
|
(21) |
L-għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà immobbli (imsemmija fil-premessa (18)(b)) tammonta għal PLN 12 220 983 (EUR 2 882 987) f’valur nominali u PLN 10 876 446 (EUR 2 565 805) fil-valur preżenti. |
|
(22) |
L-għajnuna li tirriżulta mill-bejgħ tal-art u ta’ infrastruttura relatata bi prezz preferenzjali (imsemmija fil-premessa (18)(c)) tammonta għal PLN 28 758 996 (EUR 6 784 382) (12) f’valur nominali u PLN 26 449 387 (EUR 6 239 535) fil-valur preżenti, ikkalkolat kif ippreżentat fil-premessa (18) tad-deċiżjoni tal-ftuħ. |
|
(23) |
L-awtoritajiet Pollakki jqisu li l-għajnuna fil-forma tal-eżenzjoni mis-CIT (imsemmija fil-premessa (18)(d)) tagħti lill-benefiċjarju d-dritt li jnaqqas l-ammont ta’ CIT dovut għad-durata tal-eżistenza taż-Żona Ekonomika Speċjali Tarnobrzeg Euro-Park Wisłosan sal-ammont kumulattiv totali ta’ PLN 119 545 904 (EUR 28 201 440) f’valur nominali u PLN 107 083 287 (EUR 25 261 450) fil-valur preżenti. Madankollu, dak l-ammont massimu ta’ għajnuna ma kienx speċifikat fl-att tal-għoti tal-għajnuna (jiġifieri l-permess ta’ SEZ). L-awtoritajiet Pollakki ddeterminaw l-ammont massimu ta’ għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mis-CIT billi kkalkolaw l-ammont massimu ta’ għajnuna għall-proġett b’rabta mal-kostijiet massimi ta’ investiment eliġibbli tal-investiment speċifikat fil-permess (13), li minnhom inaqqsu l-għajnuna mogħtija għall-istess investiment permezz tal-istrumenti elenkati fil-premessi minn (20) sa (22). |
|
(24) |
Kif imsemmi fil-premessa (16), l-investiment huwa parti minn SIP flimkien mal-proġett preċedenti msemmi fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.47662 (2017/N). L-għajnuna totali ppjanata għall-SIP tammonta għal PLN 572 088 725 (EUR 134 550 256) f’valur nominali u PLN 506 673 985 (EUR 119 154 997) fil-valur preżenti, għal nefqa eliġibbli ppjanata ta’ PLN 5 821 349 000 (EUR 1 370 028 129) f’valur nominali u PLN 5 444 427 050 (EUR 1 281 235 227) fil-valur preżenti, li jikkorrespondu għal intensità ta’ għajnuna ta’ 9,3 %. (14) |
3. RAĠUNIJIET BIEX JINGĦATA BIDU GĦALL-PROĊEDURA
|
(25) |
Il-Kummissjoni fetħet l-investigazzjoni formali fil-11 ta’ Awwissu 2020. Abbażi tar-riżultati tal-investigazzjoni preliminari, hija ma setgħetx tistabbilixxi l-konformità tal-miżura mad-dispożizzjonijiet tar-RAG, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tal-għajnuna, il-kontribut tagħha għall-iżvilupp reġjonali u l-adegwatezza tagħha. |
3.1.1. Dubji dwar ix-xenarju kontrofattwali
|
(26) |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk ix-xenarju kontrofattwali ([Post 1], iċ-Ċina) li l-Polonja ppreżentat kienx realistiku minħabba li, mingħajr għajnuna fi kwalunkwe wieħed mill-postijiet, l-investiment kien ikun aktar vijabbli fil-Polonja milli fiċ-Ċina (b’vantaġġ ta’ EUR 28,6 miljun f’termini ta’ valur preżenti nett (“VPN”) favur il-Polonja). B’hekk, f’dak ix-xenarju kontrofattwali, il-ħtieġa għall-miżura tista’ tiġi ġġustifikata biss kieku kellha tiġi aċċettata l-affermazzjoni li LG Chem KR kienet tibbenefika minn sussidju mill-awtoritajiet Ċiniżi, stmat b’mod konservattiv għal EUR 106 miljun (15), li kieku l-investiment kien implimentat fiċ-Ċina. |
|
(27) |
Il-paragrafu 80 tar-RAG tabilħaqq jippermetti li tiġi aċċettata l-għajnuna għal investimenti barra miż-ŻEE bħala dħul, u b’hekk tali għajnuna żżid il-VPN tal-investiment fix-xenarju kontrofattwali fejn dak l-investiment kien jinsab barra miż-ŻEE. Madankollu, l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tad-deċiżjoni tal-ftuħ ma kinitx biżżejjed biex il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-għajnuna mistennija mill-awtoritajiet Ċiniżi kellha bażi realistika u setgħet titqies, meta jiġi kkunsidrat li, abbażi tal-informazzjoni sottomessa f’dak l-istadju, kienet disponibbli biss offerta ta’ għajnuna verbali minn uffiċjal Ċiniż lokali anzjan meta l-Kumitat tal-Investiment Korporattiv ta’ LG Chem KR iddeċieda dwar il-post tal-investiment (is-16 ta’ Awwissu 2017), u l-Bord tad-Diretturi ddeċieda li jwettaq l-investiment (id-29 ta’ Awwissu 2017). Skont l-informazzjoni sottomessa fil-fażi tal-eżami preliminari, saru offerti bil-miktub mill-awtoritajiet Ċiniżi biss wara li ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet (offerta bil-miktub mhux stampata fit-18 ta’ Settembru 2017; offerta stampata fit-13 ta’ Novembru 2017) (ara l-premessi minn (100) sa (104) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(28) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qajmet aktar dubji dwar il-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali meta wieħed jassumi l-post tal-investiment fiċ-Ċina: il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-possibbiltà li l-klima politika u ekonomika ostili fiċ-Ċina, flimkien ma’ fatturi bħas-suq Ewropew li qed jespandi malajr u l-prossimità tal-post fil-Polonja għall-klijenti Ewropej, kienu jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet strateġiċi prevalenti li kienu jwasslu lill-kumpanija biex tillokalizza l-investiment tagħha fil-Polonja fi kwalunkwe każ, anki fin-nuqqas ta’ għajnuna (ara l-premessi minn (107) sa (109) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
3.1.2. Dubji dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna
|
(29) |
Għar-raġunijiet miġbura fil-qosor fit-taqsima 3.1.1, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk kinitx teżisti d-diskrepanza fil-vijabbiltà invokata (differenza tal-VPN tal-investiment bejn il-Polonja u ċ-Ċina) ta’ EUR 77,3 miljun (fil-valur preżenti), u li l-għajnuna ta’ EUR 70 miljun (fil-valur preżenti (16)) li l-awtoritajiet Pollakki kellhom l-intenzjoni li jagħtu (u parzjalment kienu diġà taw) lil LG Chem PL (ara l-premessi minn (105) sa (106) tad-deċiżjoni tal-ftuħ) kienet meħtieġa sabiex huma jattiraw l-investiment lejn il-Polonja. B’hekk, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk l-għajnuna nnotifikata kellhiex xi impatt fuq id-deċiżjoni dwar il-post, jiġifieri, jekk kienx hemm effett ta’ inċentiv. |
3.1.3. Dubji dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna
|
(30) |
Fid-dawl tad-dubji tagħha rigward l-eżistenza tad-diskrepanza tal-VPN, il-Kummissjoni qajmet ukoll dubji dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna: kieku n-nuqqas ta’ diskrepanza tal-VPN jiġi kkonfermat, ma tkun meħtieġa l-ebda għajnuna biex titnaqqas dik id-diskrepanza u, għalhekk, l-għajnuna ma kinitx tkun limitata għall-minimu meħtieġ biex tiskatta l-post ta’ investiment favur il-Polonja (ara l-premessi (114)–(118) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
3.1.4. Dubji dwar il-kontribut tal-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali
|
(31) |
Fid-dawl tad-dubji tagħha dwar l-effett ta’ inċentiv, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma li l-għajnuna kkontribwiet għall-iżvilupp reġjonali (ara l-premessi (78)–(82) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
3.1.5. Dubji dwar l-adegwatezza tal-miżura
|
(32) |
Billi l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma l-eżistenza ta’ diskrepanza reali fil-vijabbiltà bejn iż-żewġ postijiet alternattivi għall-investiment, hija lanqas ma setgħet teskludi l-possibbiltà li kontribut simili għall-iżvilupp reġjonali jista’ jinkiseb b’mezzi oħrajn aktar effiċjenti mill-miżura (ara l-premessa (88) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
3.1.6. Dubji dwar ir-rispett tal-intensità massima tal-għajnuna nnotifikata
|
(33) |
Il-Kummissjoni nnotat (ara l-premessi minn (123) sa (127) tad-deċiżjoni tal-ftuħ) li l-permess tas-SEZ ma żgurax li l-intensità massima tal-għajnuna ġiet irrispettata kemm għall-investiment kif ukoll għall-SIP. Fil-fatt, il-permess tas-SEZ ma identifikax l-ammont massimu ta’ intitolamenti, iżda biss il-kostijiet massimi eliġibbli ta’ EUR 1 054 244 195 (PLN 4 468 941 000), f’valur nominali, li fuqhom tista’ tingħata l-għajnuna reġjonali. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni mill-att tal-għoti tal-għajnuna, il-Kummissjoni qieset li ma kienx ovvju li l-ammont tal-għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mis-CIT kien limitat għall-ammont innotifikat ta’ PLN 119 545 904 (EUR 28 201 440) (f’valur nominali), kif affermat mill-awtoritajiet Pollakki. Barra minn hekk, il-permess ma semmiex il-komponenti l-oħrajn tal-miżura li għandha tingħata għall-istess investiment, u naqas milli jispeċifika l-metodu li bih tiġi żgurata l-konformità mar-regoli ta’ akkumulazzjoni. Billi l-permess kien diġà nħareġ f’Settembru 2017 mingħajr klawżola ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna kienet diġà ngħatat in toto f’dak il-mument u esprimiet tħassib li l-limitu massimu tal-għajnuna permissibbli kien inqabeż u li ma kienx qed jiġi żgurat kontroll effettiv tal-akkumulazzjoni fil-livell tal-għoti tal-għajnuna. |
|
(34) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-kontroll tal-akkumulazzjoni fil-livell tal-ħlas tal-għajnuna deher li ma kienx biżżejjed għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, il-kontrolli jibbażaw fuq l-awtodikjarazzjonijiet tal-benefiċjarji tal-għajnuna u, it-tieni, il-kontrolli rispettivi jidhru li jseħħu biss fil-livell tal-awtoritajiet fiskali responsabbli għall-ħlas ta’ xi partijiet mill-għajnuna, iżda mhux fil-livell tal-awtoritajiet l-oħrajn involuti fil-ħlas ta’ għajnuna taħt komponenti oħrajn tal-miżura. Għalhekk, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk kienx hemm biżżejjed salvagwardji li l-għajnuna totali mħallsa mis-sorsi kollha ma taqbiżx l-intensità massima permissibbli tal-għajnuna u li kienet konformi mal-paragrafu 92 tar-RAG (ara l-premessi minn (128) sa (130) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
4. KUMMENTI MILL-POLONJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ
4.1. Kummenti mill-Polonja dwar il-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali
|
(35) |
Fil-kummenti tagħha, il-Polonja spjegat li, fil-Polonja, il-benefiċjarji tal-għajnuna reġjonali rari jirċievu xi offerta ta’ għajnuna bil-miktub. L-applikanti għall-għajnuna jafu l-intensità massima tal-għajnuna li jistgħu jistennew bil-quddiem abbażi tal-mappa tal-għajnuna reġjonali applikabbli, u jistgħu jiddeċiedu liema strumenti jkunu l-aktar xierqa għall-proġett ta’ investiment tagħhom. Dan l-approċċ ġie applikat ukoll għall-investiment f’dan il-każ, li għalih għalhekk ma nħarġet l-ebda offerta ta’ għajnuna bil-miktub. Il-Polonja nnotat li l-Kummissjoni qatt ma kkontestat dan l-approċċ f’każijiet preċedenti. Fil-fehma tal-Polonja, metodu simili jiġi applikat fiċ-Ċina, fejn ir-regoli u l-informazzjoni applikabbli għall-offerti ta’ inċentivi huma disponibbli għall-investituri, u b’hekk ikunu jistgħu jikkalkolaw ammont realistiku ta’ appoġġ li jistgħu jistennew huma stess. Barra minn hekk, il-Polonja sostniet li LG Chem KR tista’ tqis ukoll l-esperjenza tagħha minn proġett megħjun preċedenti fiċ-Ċina. Dan il-proġett kien jikkonsisti f’investiment fil-kapaċità tal-produzzjoni prinċipalment għall-batteriji tal-vetturi elettriċi, li għalihom ix-xogħlijiet bdew f’Lulju 2016 u l-ftehim ta’ investiment mal-awtoritajiet Ċiniżi ġie konkluż biss f’Jannar 2019. (17) B’hekk, il-Polonja qieset l-offerta ta’ għajnuna mill-awtoritajiet Ċiniżi bħala kredibbli, u sostniet li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni għad-diskriminazzjoni bejn offerta ta’ għajnuna mill-awtoritajiet Ċiniżi u offerta ta’ għajnuna maħruġa minn Stat Membru. |
|
(36) |
Fir-rigward tan-negozjati bejn LG Chem KR u l-awtoritajiet Ċiniżi dwar l-għoti ta’ għajnuna għall-investiment, il-Polonja enfasizzat id-differenzi li jeżistu bejn il-kultura tan-negozjati tal-Punent u l-kultura “Guanxi”, ipprattikata fiċ-Ċina. Il-kultura “Guanxi” tiddependi fuq ir-relazzjonijiet personali bejn il-parteċipanti, u l-ħtieġa li “ma jiġux umiljati”. Għalhekk, il-Polonja talbet lill-Kummissjoni biex tqis id-dinamika speċifika tal-kultura Ċiniża tan-negozju u tan-negozjati, fejn l-impenji verbali minn uffiċjali anzjani huma deċiżivi, minflok ma tibbaża fil-valutazzjoni tagħha fuq il-mod kif isir in-negozju fil-Punent. |
|
(37) |
Il-Polonja pprovdiet ukoll diversi dokumenti li juru kif ipproċedew in-negozjati fiċ-Ċina, kemm fir-rigward tal-post kontrofattwali tal-investiment fiċ-Ċina kif ukoll fir-rigward tal-proġett preċedenti ta’ LG Chem KR deskritt fil-premessa (35). |
|
(38) |
Għall-każ inkwistjoni, ġew ipprovduti d-dokumenti li ġejjin: (i) email interna ta’ LG Chem KR datata s-27 ta’ Marzu 2017 li kienet tinkludi, bħala dokument mehmuż, […]; (ii) email interna ta’ LG Chem KR datata t-30 ta’ Marzu 2017 li titlob informazzjoni dwar […]; (iii) email interna ta’ LG Chem KR datata d-9 ta’ Mejju 2017 li tiddiskuti l-istat ta’ […]; (iv) email interna ta’ LG Chem KR datata t-18 ta’ Ġunju 2017 li kienet tinkludi, bħala dokument mehmuż, […]; (v) il-minuti minn laqgħa ta’ rappreżentant ta’ LG Chem KR mar-rappreżentanti taż-Żona ta’ Żvilupp Ekonomiku u Teknoloġiku ta’ […] (iż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […]) tas-7 ta’ Lulju 2017 li jsemmu li l-proġett diskuss, jekk jiġi implimentat fiċ-Ċina, jenħtieġ li jirċievi mill-inqas sussidji daqs il-proġett li kien implimentat qabel fi […]; (vi) email miż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] lil LG Chem KR datata s-17 ta’ Lulju 2017 […]; (vii) il-minuti ta’ laqgħa bejn ir-rappreżentanti ta’ LG Chem KR u l-awtoritajiet Ċiniżi (irrappreżentati, fost l-oħrajn, miż-Żona ta’ Żvilupp u mill-Uffiċċju għall-Promozzjoni tal-Investiment) tad-9 ta’ Awwissu 2017, fejn ġie diskuss il-proġett inkwistjoni u fejn ġie ssuġġerit li s-sussidji għall-investiment jenħtieġ li jkunu jirriflettu dawk mogħtija lil proġetti preċedenti ta’ LG Chem fi […]; (viii) ittra miż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] datata s-17 ta’ Awwissu 2017 lil LG Chem KR li ssemmi liema art fiż-Żona tista’ tiġi offruta lil LG Chem KR għall-proġett tagħhom; (ix) email miż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] lil LG Chem KR datata t-22 ta’ Awwissu 2017 […]; (x) ittra ta’ offerta (mingħajr timbru) datata t-18 ta’ Settembru 2017 […]; (xi) ittra ta’ offerta (b’timbru uffiċjali) mill-Kumitat ta’ Tmexxija taż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] datata t-13 ta’ Novembru 2017 […] (dwar l-entrati (x) u (xi), ara wkoll il-premessa (44) tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(39) |
Għall-proġett preċedenti, ġew ipprovduti d-dokumenti li ġejjin: (i) email miż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] lil LG Chem KR datata l-5 ta’ Lulju 2016, li tiġbor fil-qosor l-offerta ta’ sussidji fil-forma ta’ għotja ta’ flus għall-proġett li għandu jiġi implimentat fis-snin 2016-2018 (RMB 410 miljun (USD 57 miljun) għall-investiment ta’ USD [450–900] miljun); (ii) parti minn rapport lill-maniġment ta’ LG Chem KR dwar ir-riżultat tan-negozjati maż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] mill-20 ta’ Jannar 2017 li tispjega li filwaqt li l-għotja ta’ flus tibqa’ ta’ RMB 410 miljun (USD 57 miljun), il-kostijiet tal-investiment tnaqqsu minn USD [450–900] miljun għal USD [280–630] miljun; u (iii) il-ftehim ta’ investiment bejn iż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] u […] LG Chem [iċ-Ċina] relatat mal-proġett (b’timbru uffiċjali) datat id-9 ta’ Jannar 2019 fejn il-kost tal-investiment kien ogħla minn dak f’negozjati preċedenti (USD [280–630] miljun) iżda l-inċentiv ta’ flus kien ukoll ogħla (USD 79,5 miljun, li jammonta għal [10–20] % tal-kostijiet tal-investiment). |
|
(40) |
Il-Polonja fakkret li t-tensjonijiet ekonomiċi u politiċi bejn il-Korea t’Isfel u ċ-Ċina għandhom storja twila. Madankollu, iċ-Ċina għadha l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Korea t’Isfel (25,1 % tal-esportazzjonijiet totali tagħha marru lejn iċ-Ċina fl-2020). Il-Polonja enfasizzat b’mod partikolari li l-ambjent politiku ostili fiċ-Ċina ma affettwax in-negozji orjentati lejn l-esportazzjoni. Il-Polonja fakkret li fl-2017 LG Chem KR iddeċidiet li timplimenta xi espansjonijiet tal-proġett preċedenti fiċ-Ċina minkejja li r-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi kienu birdu temporanjament. Barra minn hekk, il-Polonja rrimarkat li n-negozjati fuq il-post kontrofattwali tal-investiment fiċ-Ċina saru fl-2017, u li l-offerta ttimbrata tat-13 ta’ Novembru 2017 kienet waslet minkejja l-fatt li l-gvern Ċiniż kien iddeċieda li jirtira s-sussidji għall-vetturi elettriċi Ċiniżi li kienu jitħaddmu b’batteriji mill-Korea t’Isfel fl-aħħar tal-2016. |
4.2. Kummenti mill-Polonja dwar it-tfassil tal-miżura
|
(41) |
L-awtoritajiet Pollakki kkonfermaw li LG Chem PL ma kienet użat l-ebda għajnuna, u li huma kienu qed jaħdmu biex itejbu s-sistema ta’ kontroll tal-akkumulazzjoni tagħhom. Il-Polonja kkonfermat ukoll li l-iskema ta’ għajnuna għall-eżenzjoni mis-CIT kienet ġiet emendata biex tinkludi klawżola standstill (18). Barra minn hekk, il-Polonja informat lill-Kummissjoni li LG Chem PL kienet offriet li tissottometti rapporti annwali mħejjija minn awditur iċċertifikat indipendenti li jistabbilixxi l-ammonti ta’ għajnuna mill-Istat riċevuti mill-kumpanija mis-sorsi kollha. Abbażi ta’ dawk ir-rapporti, l-awtoritajiet li jagħtu l-għajnuna jistgħu jivverifikaw l-ammonti tal-għajnuna mill-Istat u jiżguraw li l-intensità massima tal-għajnuna ma tinqabiżx mill-pagamenti attwali tal-għajnuna. |
|
(42) |
Il-Polonja pproponiet ukoll li temenda l-permess ta’ SEZ sabiex ikun fih kemm klawżola standstill kif ukoll lista tal-komponenti kollha tal-miżura relatati mal-investiment. |
5. KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ
5.1. Kummenti minn LG Chem PL
5.1.1. Kummenti minn LG Chem PL dwar il-kredibbiltà tal-kontrofattwali
|
(43) |
LG Chem PL kompliet tespandi fuq ir-rilevanza tal-kultura “Guanxi” li tiddependi ħafna fuq il-komunikazzjoni verbali u r-relazzjonijiet personali fil-proċess tan-negozjati. LG Chem PL spjegat li n-negozjati dwar l-inċentivi tal-għajnuna fiċ-Ċina normalment iseħħu fil-livell tal-gvern lokali. L-awtoritajiet lokali jinżammu responsabbli għal kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ b’rabta mal-investimenti li jkunu qed jinnegozjaw ma’ investituri barranin. Għalhekk, dawk l-awtoritajiet huma interessati li jikkonformaw mal-wegħdiet tagħhom lill-investituri. Dan l-argument ġie kkonfermat mix-xhieda ta’ membru anzjan tat-tim tan-negozjati ta’ LG Chem KR fiċ-Ċina. Fix-xhieda tiegħu, huwa jiddeskrivi l-esperjenza tax-xogħol tiegħu b’rabta man-negozjati għall-inċentivi ta’ investiment fiċ-Ċina, jistabbilixxi l-ambjent tal-investiment u l-mod kif l-inċentivi jiġu nnegozjati fiċ-Ċina, u jipprovdi dettalji dwar il-proċess ta’ negozjar tal-proġett inkwistjoni fiċ-Ċina. |
|
(44) |
LG Chem PL ipprovdiet informazzjoni dwar l-esperjenza ta’ negozjar ta’ LG Chem KR fiċ-Ċina, inkluża tabella li tiġbor fil-qosor l-aktar proġetti reċenti tagħha fiċ-Ċina (prinċipalment fir-rigward tal-vetturi elettriċi) li hija riprodotta hawn taħt fit-Tabella 1. Qatt ma eżistiet xi ittra ta’ offerta ta’ inċentiv għal xi wieħed mill-proġetti elenkati f’dik it-tabella, filwaqt li f’inqas minn nofs il-każijiet elenkati, il-ftehim ta’ investiment rispettiv kien ġie ffirmat qabel il-bidu tax-xogħlijiet. Minkejja dan, LG Chem KR fil-fatt kienet irċeviet l-inċentivi indikati fil-ftehimiet ta’ investiment għall-proġetti li ġew implimentati bis-sħiħ. Għal LG Chem PL, dik it-tabella turi li n-negozju fiċ-Ċina jsir abbażi ta’ impenji verbali u fiduċja reċiproka. Tabella 1 Rekord tal-investiment ta’ LG Chem KR fiċ-Ċina
|
|
(45) |
Barra minn hekk, LG Chem PL spjegat fid-dettall il-proċess tan-negozjar tal-għajnuna konkreta għall-post kontrofattwali tal-investiment fiċ-Ċina, u ssottomettiet evidenza relatata mal-offerta ta’ għajnuna mill-awtoritajiet Ċiniżi. B’mod partikolari, LG Chem PL issottomettiet diversi dokumenti li ġew sottomessi wkoll mill-Polonja (deskritti fil-premessa (38) taħt il-punti (i), (ii), (iii), (iv), (v), (vii), (viii), (ix), (x) u (xi)), li ħafna minnhom imorru għal qabel id-data tad-deċiżjoni dwar il-post. Barra minn hekk, hija ssottomettiet email interna ta’ LG Chem KR fis-17 ta’ Awwissu 2017 li tirreferi għal email tal-5 ta’ Lulju 2016 (deskritta fil-premessa (39)) li fiha ż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] ipprovdiet ħarsa ġenerali lejn is-sussidji li għandhom jiġu offruti għall-proġett preċedenti. L-email issemmi li l-ammont ta’ inċentivi fi flus meta mqabbel mal-investiment totali għal dak il-proġett kien ta’ [10–20] % (19) u ssuġġeriet li jenħtieġ li l-istess livell ta’ intensità tal-għajnuna jkun il-bażi għall-istudju tal-fattibbiltà għall-proġett inkwistjoni. |
|
(46) |
LG Chem PL issottomettiet ukoll konferma pprovduta mill-Kumitat għat-Tmexxija taż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] fir-rigward tal-proċess ta’ negozjar, li seħħ ma’ LG Chem KR matul l-2017, inkluża laqgħa fid-9 ta’ Awwissu 2017 li matulha l-Kumitat issuġġerixxa li jekk LG Chem tipproċedi bl-investiment fi [Post 1], l-inċentivi jkunu simili għal dawk li kienu pprovduti għall-proġett preċedenti ta’ LG Chem f’Nanjing, bid-data tat-28 ta’ Jannar 2021. Hija ssottomettiet ukoll żewġ xhieda tal-membri tat-tim ta’ LG Chem KR li nnegozjaw l-offerta ta’ għajnuna Ċiniża. F’dawn ix-xhieda, il-membri tat-tim jiddeskrivu kemm l-esperjenza ġenerali tagħhom fir-rigward tan-negozjati mal-awtoritajiet Ċiniżi, kif ukoll dettalji konkreti tal-proċess ta’ negozjar fl-2017. Waħda mix-xhieda, diġà msemmija fil-premessa (43), tiddeskrivi kif l-awtur tagħha kien qed jiskeda u jorganizza laqgħat fuq il-post mal-gvern lokali Ċiniż. L-awtur tax-xhieda l-oħra jiġbor fil-qosor ukoll l-esperjenza tax-xogħol tiegħu, jispjega l-mod tas-soltu ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi u jiddeskrivi n-negozjati mal-awtoritajiet Ċiniżi, b’enfasi fuq il-perjodu ta’ Ġunju–Novembru 2017. Huwa jikkonferma li l-awtoritajiet Ċiniżi ddikjaraw f’laqgħa fis-7 ta’ Lulju 2017 li s-sussidji għall-investiment ikunu simili għal dawk għall-proġett preċedenti u li dan ġie kkonfermat f’laqgħa fid-9 ta’ Awwissu 2017. Dawn ix-xhieda huma konformi mal-kummenti pprovduti mill-Polonja dwar din il-kwistjoni. |
|
(47) |
Barra minn hekk, LG Chem PL irrimarkat li r-RAG ma jeħtieġu l-ebda offerta ta’ għajnuna formali jew bil-miktub għall-Istati Membri, filwaqt li affermat li l-oneru tal-provi fuqha huwa sproporzjonat, u tali oneru tal-provi jidher li jinterferixxi mad-dritt leġittimu ta’ pajjiżi terzi li jipproteġu l-informazzjoni sovrana mid-divulgazzjoni lil pajjiżi oħrajn, jew istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
(48) |
Fir-rigward tar-rilevanza tal-ambjent politiku, LG Chem PL irrimarkat li LG Chem KR kienet implimentat proġett fiċ-Ċina ftit qabel ma ġie diskuss il-post kontrofattwali tal-investiment fiċ-Ċina (dak il-proġett huwa deskritt fil-premessa (35)), u ieħor ftit wara dik id-diskussjoni (għal ħarsa ġenerali lejn il-proġetti mibdija fiċ-Ċina ara l-premessa (44)). Hija pprovdiet ukoll dokumenti bil-miktub li juru li kienet ilha teżisti relazzjoni tajba fit-tul bejn LG Chem KR u l-awtoritajiet Ċiniżi mill-2003, kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Ċiniżi fl-ittra tagħhom tat-28 ta’ Jannar 2021 (ara l-premessa (46)). Barra minn hekk, LG Chem PL ipprovdiet ittra minn LG Chem KR lill-awtoritajiet Ċiniżi datata s-6 ta’ Lulju 2017 […] u email interna ta’ LG Chem KR datata l-24 ta’ Lulju 2017 relatata mat-tħejjijiet għal laqgħa bejn LG Chem KR – […] – u l-Kumitat għall-Promozzjoni tal-Kummerċ Internazzjonali taċ-Ċina li kellha ssir fil-25 ta’ Lulju 2017). |
5.1.2. Kummenti minn LG Chem PL dwar it-tfassil tal-miżura
|
(49) |
LG Chem PL informat lill-Kummissjoni li l-permess tas-SEZ kien ġie emendat fit-18 ta’ Jannar 2021: issa jinkludi klawżola standstill, jelenka l-komponenti kollha tal-miżura, u jipprevedi li l-ammont massimu tal-eżenzjoni mis-CIT ikun id-differenza bejn l-ammont massimu permissibbli ta’ għajnuna għall-investiment (20), u l-valur totali tal-elementi l-oħrajn kollha tal-għajnuna inklużi fil-miżura. Kopja tal-permess emendat ġiet ipprovduta lill-Kummissjoni. |
|
(50) |
LG Chem PL offriet ukoll li tissottometti rapporti annwali mħejjija minn awditur indipendenti li jiċċertifika l-ammonti ta’ għajnuna mill-Istat, riċevuti mis-sorsi kollha, lill-awtoritajiet kollha involuti li jagħtu l-għajnuna. |
5.2. Kummenti minn Toray Industries, Inc.
|
(51) |
Toray Industries, Inc. (“Toray”) hija kumpanija li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha fil-Ġappun, attiva fil-manifattura u fl-ipproċessar ta’ materjali bħall-fibri u t-tessuti, is-sustanzi kimiċi ta’ prestazzjoni u l-materjali komposti tal-fibra tal-karbonju. Toray enfasizzat l-importanza tas-sussidji fl-Ewropa għall-kumpaniji Asjatiċi: għal Toray, “is-sussidju fl-UE huwa kritiku ħafna għall-kumpaniji Asjatiċi relatati mal-batteriji tal-vetturi elettriċi biex jinvestu u joperaw il-manifattura fl-UE”. Toray informat lill-Kummissjoni li l-awtoritajiet lokali Ċiniżi (fil-livell tal-provinċja) huma ħerqana ħafna li jattiraw investimenti ġodda u li l-inċentivi li joffru huma aktar ġenerużi minn dawk offruti fl-UE. Toray issuġġeriet ukoll li l-proċess huwa aktar sempliċi u aktar mgħaġġel milli fl-UE. Toray enfasizzat b’mod partikolari d-differenza fil-prattiki tan-negozjar bejn l-UE u ċ-Ċina, enfasizzat l-importanza ta’ offerti verbali, u informat lill-Kummissjoni li fiċ-Ċina l-investituri normalment jirċievu offerta ta’ għajnuna ladarba jiddeċiedu dwar l-investiment tagħhom. Għal din ir-raġuni, l-investituri jibbażaw fuq id-dikjarazzjonijiet verbali tal-awtoritajiet Ċiniżi u jassumu, fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, li l-offerti ta’ inċentivi li jsiru verbalment huma validi. |
5.3. Kummenti mill-Ministeru għall-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija tal-Korea t’Isfel
|
(52) |
Il-Ministeru talab li jirrieżamina l-evidenza rigward l-offerta ta’ għajnuna mill-awtoritajiet Ċiniżi abbażi tad-dokumenti sottomessi minn LG Chem PL, u ddefenda d-deċiżjoni li l-ammont ta’ inċentiv mistenni jiġi bbażat fuq esperjenza ta’ investiment preċedenti. Barra minn hekk, huwa enfasizza l-impatt limitat tal-“klima politika ostili” fuq l-investiment, filwaqt li nnota li, fl-2017, il-kumpaniji Sud Koreani għamlu investimenti sostanzjali fiċ-Ċina, u li l-attività ta’ investiment saħansitra żdiedet fl-2018. |
6. KUMMENTI MILL-POLONJA DWAR IL-KUMMENTI TA’ PARTIJIET TERZI
|
(53) |
Il-Polonja appoġġat il-fehmiet ippreżentati minn LG Chem PL u laqgħet il-kummenti pprovduti mill-Korea t’Isfel u minn Toray. |
|
(54) |
Il-Polonja kkonfermat li l-Permess ta’ SEZ inizjali mogħti lil LG Chem PL kien ġie emendat bil-mod indikat minn LG Chem PL fl-osservazzjonijiet tagħha (ara l-premessa (49)), u pprovdiet kopja tad-deċiżjoni li temenda l-permess. |
7. VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA
7.1. Eżistenza tal-għajnuna
|
(55) |
Għar-raġunijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqis li l-miżura ta’ għajnuna nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, minħabba li l-miżura hija imputabbli lill-Istat u ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat, hija selettiva, tagħti vantaġġ ekonomiku lil LG Chem PL, x’aktarx li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni. L-emendi għall-miżura deskritta fil-premessa (49) ta’ din id-Deċiżjoni ma jaffettwawx dik il-valutazzjoni. |
7.2. Il-legalità tal-miżura
|
(56) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni stabbiliet li l-awtoritajiet Pollakki kienu daħħlu fis-seħħ parti mill-miżura (eżenzjoni mis-CIT mogħtija taħt il-permess ta’ SEZ) qabel ma ġiet adottata deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna illegali mid-data tal-għoti tagħha, minħabba li ġiet implimentata bi ksur tal-obbligu standstill tal-Polonja skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE. |
|
(57) |
Kif spjegat fil-premessa (54), il-Permess ta’ SEZ inizjali mogħti lil LG Chem PL ġie emendat biex jinkludi obbligu standstill. Minħabba li, sa issa, ma ġiet invokata l-ebda eżenzjoni mit-taxxa għall-introjtu li jirriżulta mill-investiment kopert mill-permess, il-komponenti kollha tal-miżura issa huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni; b’hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-illegalità ta’ dik il-miżura ta’ għajnuna tneħħiet mingħajr ma kellha xi effett fuq il-kompetizzjoni. |
7.3. Kompatibbiltà tal-miżura
|
(58) |
Kif spjegat fil-premessa (69) tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-miżura ta’ għajnuna nnotifikata għandha tiġi vvalutata billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna reġjonali stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE, kif interpretati mil-linji gwida rilevanti adottati mill-Kummissjoni. Minħabba li l-atti li jagħtu l-għajnuna diġà ġew adottati (soġġetti biss għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni (21)) bejn l-2017 u l-2018, l-atti interpretattivi applikabbli jinkludu r-RAG 2014-2020 (22), u l-mappa tal-għajnuna reġjonali 2014-2020 għall-Polonja (23). |
|
(59) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni tal-ftuħ li parti mill-kriterji ta’ kompatibbiltà stipulati fir-RAG ġew issodisfati (jiġifieri, li hemm bżonn ta’ intervent mill-Istat, li l-għajnuna ma toħloqx kapaċità żejda f’suq bi tnaqqis assolut, li ma jkun hemm l-ebda effett ta’ kontra l-koeżjoni u li l-għajnuna ma tkunx kawżali għal kwalunkwe għeluq u rilokazzjoni); l-investigazzjoni formali ma żvelat l-ebda element li jqajjem dubji dwar il-valutazzjoni preliminari sottostanti tal-konformità mill-awtoritajiet Pollakki ma’ dawk il-kriterji ta’ kompatibbiltà. L-emendi għall-miżura deskritta fil-paragrafu (49) ma jaffettwawx il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat magħmula fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Għalhekk, dawk il-kriterji ma ġewx ivvalutati mill-ġdid f’din id-Deċiżjoni. B’kuntrast għal dan, l-elementi li jifdal li dwarhom tqajmu dubji fid-deċiżjoni tal-ftuħ huma vvalutati hawn taħt. |
7.3.1. Dubji dwar ix-xenarju kontrofattwali
|
(60) |
Il-paragrafu 64 tar-RAG jirrikjedi li l-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv formali, jiġifieri li x-xogħlijiet fuq proġett jistgħu jibdew biss wara li tiġi sottomessa l-formola ta’ applikazzjoni għall-għajnuna. L-eżistenza tal-effett ta’ inċentiv formali ġiet stabbilita fil-premessa (90) tad-deċiżjoni tal-ftuħ. |
|
(61) |
Barra minn hekk, ir-RAG (ara t-Taqsima 3.5 tagħhom) jirrikjedu li l-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv sostantiv, u li dan l-effett ta’ inċentiv għandha tingħata prova tiegħu billi l-investiment appoġġat mill-għajnuna jitqabbel ma’ xenarju kontrofattwali fejn ma tingħata l-ebda għajnuna għal dak l-investiment. Ir-RAG jidentifikaw f’dan il-kuntest żewġ xenarji kontrofattwali possibbli. F’sitwazzjonijiet tax-xenarju 1 (deċiżjoni dwar l-investiment), l-għajnuna tagħti lill-benefiċjarju tagħha inċentiv biex jadotta deċiżjoni pożittiva dwar l-investiment minħabba li investiment illi kieku ma kienx ikun profittabbli biżżejjed kullimkien jista’ jseħħ fiż-żona kkonċernata. F’sitwazzjonijiet tax-xenarju 2 (deċiżjonijiet dwar il-post), l-għajnuna tagħti lill-benefiċjarju tagħha inċentiv biex isib investiment ippjanat fiż-żona fil-mira minflok f’post alternattiv fejn il-proġett jikseb VPN ogħla milli fil-post fil-mira, minħabba li l-għajnuna tikkumpensa għad-diskrepanza fil-vijabbiltà bejn iż-żewġ postijiet (id-differenza tal-VPN fiż-żewġ postijiet). Għal sitwazzjonijiet tax-xenarju 2 li fihom il-post alternattiv ikun jinsab barra miż-ŻEE u, b’hekk, ma jkunx soġġett għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, il-paragrafu 80 tar-RAG jippermetti li tiġi aċċettata fil-VPN għajnuna għat-tqabbil fil-post barra miż-ŻEE bħala dħul li jżid il-VPN tal-investiment fil-post kontrofattwali. |
|
(62) |
Fl-istadju tal-eżami preliminari, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed evidenza dwar l-offerta ta’ għajnuna mill-awtoritajiet Ċiniżi biex tkun tista’ tikkonkludi li kien realistiku għal LG Chem KR li tistenna li tirċievi tali għajnuna u, b’hekk, li tikkonkludi li x-xenarju kontrofattwali ppreżentat kien realistiku (ara l-premessi (26) u (27)). Kien hemm dubji addizzjonali dwar ix-xenarju kontrofattwali li kienu dovuti għall-klima politika u ekonomika ostili fiċ-Ċina li, flimkien ma’ fatturi oħrajn, setgħet tikkostitwixxi kunsiderazzjonijiet strateġiċi prevalenti li kienu jwasslu lill-kumpanija biex tillokalizza l-investiment tagħha fil-Polonja fi kwalunkwe każ (ara l-premessa (28)). |
|
(63) |
Il-Polonja u LG Chem PL sostnew li r-RAG ma jeħtiġux offerti formalizzati ta’ għajnuna mill-Istati Membri (ara l-premessi (35) u (47)). Madankollu, dak l-argument bħala tali ma huwiex rilevanti, minħabba li r-RAG ma jirreferu għal ebda offerta bħal din. Għall-kuntrarju, mill-paragrafu 69 tar-RAG jirriżulta b’mod ċar li x-xenarju kontrofattwali ma jrid jassumi l-għoti tal-ebda għajnuna minn xi awtorità pubblika fiż-ŻEE fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-effett ta’ inċentiv. Għalhekk, minnu nnifsu, l-Istat Membru notifikanti mhux se jibbaża fuq offerta ta’ għajnuna (bil-miktub jew verbali) minn kwalunkwe pajjiż ieħor taż-ŻEE biex jagħti prova tal-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv (u/jew tal-proporzjonalità tal-għajnuna). Il-Kummissjoni tinnota wkoll il-kummenti magħmula mill-Polonja li, fiċ-Ċina, ir-regoli u l-informazzjoni applikabbli dwar l-offerti ta’ inċentivi huma disponibbli għall-investituri, u jippermettulhom jikkalkolaw ammont realistiku ta’ appoġġ li jistgħu jistennew huma stess (il-premessa (35)). Madankollu, din id-dikjarazzjoni weħidha hija ta’ natura ġenerali u ma ġietx issostanzjata; meħuda weħidha, hija ma tistax turi l-kredibbiltà tal-offerta ta’ sussidju fiċ-Ċina fil-każ inkwistjoni. |
|
(64) |
Pjuttost, dak li huwa importanti huwa li tiġi pprovduta prova dokumentarja suffiċjenti ta’ xenarju kontrofattwali kredibbli u l-kredibbiltà tal-kalkoli tal-VPN għax-xenarju kontrofattwali, kif meħtieġ mill-paragrafi 67, 71 u 72 tar-RAG. B’mod partikolari, fejn il-bażi għall-kalkoli tal-kontrofattwali u tad-diskrepanza fil-vijabbiltà rilevanti tkun offerta ta’ sussidju verbali minn pajjiż barra miż-ŻEE, u fejn l-Istat Membru juri l-eżistenza u l-kontenut ta’ tali offerta abbażi ta’ evidenza dokumentarja suffiċjenti, il-kalkoli tal-kontrofattwali u tad-diskrepanza fil-vijabbiltà xorta jistgħu jiġu vvalutati bħala kredibbli. |
|
(65) |
Il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna ntwera skont l-istandard meħtieġ mir-RAG. Il-Polonja u LG Chem PL issottomettew evidenza dokumentarja li turi li sar tqabbil realistiku bejn il-kostijiet u l-benefiċċji tal-lokalizzazzjoni tal-investiment fiż-żoni kkonċernati fil-Polonja u fiċ-Ċina. Dik l-evidenza tinkludi dokumenti li jikkorroboraw il-pożizzjoni tal-Polonja dwar l-eżistenza u l-kontenut tal-offerta ta’ sussidju mill-awtoritajiet Ċiniżi (ara l-premessi (38), (39) u (45)). Id-dokumenti datati qabel is-16 ta’ Awwissu 2017, li hija d-data tad-deċiżjoni dwar il-post, jinkludu dawn li ġejjin: (i) emails interni […] ta’ LG Chem KR (datati s-27 ta’ Marzu 2017, it-30 ta’ Marzu 2017 u t-18 ta’ Ġunju 2017); (ii) il-minuti ta’ laqgħa bejn LG Chem KR u r-rappreżentanti taż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] datati s-7 ta’ Lulju 2017 fejn ġie diskuss il-proġett u li kkonfermat il-livell ta’ sussidji għalih (li jenħtieġ li jkun simili għas-sussidji għall-proġett preċedenti (24) - ara l-premessi (35), (39) u (45) għal aktar dettalji dwar dak il-proġett); (iii) email miż-Żona ta’ Żvilupp ta’ Nanjing datata s-17 ta’ Lulju 2017 […]; u (iv) il-minuti ta’ laqgħa bejn LG Chem KR u l-awtoritajiet Ċiniżi datati d-9 ta’ Awwissu 2017 fejn ġie diskuss il-proġett inkwistjoni u fejn ġie ssuġġerit li jenħtieġ li s-sussidji għall-investiment jirriflettu dawk mogħtija lil proġetti preċedenti ta’ LG Chem fiż-żona ta’ żvilupp. Barra minn hekk, LG Chem KR ipprovdiet xhieda ta’ ċerti impjegati tagħha li kienu responsabbli għan-negozjati ta’ inċentivi fiċ-Ċina dwar, fost l-oħrajn, il-proċess ta’ negozjar tal-proġett (ara l-premessi (43) u (46)), kif ukoll dokument ipprovdut miż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […], tat-28 ta’ Jannar 2021, fejn huma jikkonfermaw id-deskrizzjoni ta’ LG Chem KR tal-proċess ta’ negozjar tal-proġett inkwistjoni, u b’mod partikolari jikkonfermaw li, sas-16 ta’ Awwissu 2017, LG Chem KR kienet irċeviet offerta ta’ sussidju realistika u affidabbli mill-awtoritajiet Ċiniżi li tipprevedi intensità tal-għajnuna komparabbli ma’ dik applikabbli għall-għotja ta’ flus li tappoġġa l-proġett preċedenti li beda fl-2016 (ara l-premessa (46)). Dawk l-elementi kollha juru li n-negozjati mal-awtoritajiet Ċiniżi dwar il-post possibbli tal-investiment fiċ-Ċina kienu għadhom għaddejjin, u kienu konkreti fir-rigward tal-ammont ta’ sussidji li LG Chem KR setgħet tistenna li jiġu offruti. |
|
(66) |
Din l-evidenza ġiet issupplimentata b’diversi dokumenti addizzjonali li rċeviet LG Chem KR wara s-16 ta’ Awwissu 2017: jiġifieri, (i) ittra datata s-17 ta’ Awwissu 2017 miż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] li tiddiskuti liema art fiż-Żona tista’ tiġi offruta lil LG Chem KR; (ii) email interna ta’ LG Chem KR datata s-17 ta’ Awwissu 2017 li tispjega li għall-istudju ta’ fattibbiltà għal dan il-proġett, jenħtieġ li tintuża l-istess intensità ta’ għajnuna ([10–20] %) bħal fil-każ tal-proġett preċedenti deskritt fil-premessa (35); (iii) email miż-Żona ta’ Żvilupp datata t-22 ta’ Awwissu 2017 […]; u (iv) żewġ ittri ta’ offerta miż-Żona ta’ Żvilupp ta’ […] (waħda datata t-18 ta’ Settembru 2017, mingħajr timbru, u t-tieni waħda datata t-13 ta’ Novembru 2017, b’timbru uffiċjali) (għal aktar dettalji ara l-premessi (38) u (45)). |
|
(67) |
Sabiex turi aktar li LG Chem KR tista’, u fil-fatt kienet, tibbaża fuq offerti ta’ sussidju verbali mill-awtoritajiet Ċiniżi bħala bażi suffiċjenti biex tibda x-xogħlijiet fuq l-investimenti tagħha, LG Chem PL ipprovdiet ukoll lista ta’ proġetti implimentati minn LG Chem KR fiċ-Ċina, inkluż l-investiment li sar qabel l-Investiment 2, li x-xogħlijiet għal ħafna minnu bdew qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ investiment (ara l-premessa (44)). Għaldaqstant, l-esperjenza preċedenti ta’ LG Chem KR li tikkonċerna investimenti preċedenti fiċ-Ċina ppermettiet lil LG Chem KR tqis l-offerta ta’ għajnuna verbali miċ-Ċina għall-proġett bħala vinkolanti. |
|
(68) |
Bħala konklużjoni, hemm biżżejjed evidenza ġenwina u kontemporanja li turi li ċ-Ċina kienet għamlet offerta ta’ għajnuna lil LG Chem KR qabel is-16 ta’ Awwissu 2017, li tali offerta kienet relatata ma’ sussidju li LG Chem KR setgħet tistma b’mod realistiku u konservattiv li jkun ta’ mill-inqas EUR 106 miljun u li l-korpi korporattivi ta’ LG Chem KR ibbażaw ruħhom fuq dik l-offerta meta ddeċidew dwar il-post tal-investiment. Il-konklużjoni li l-aspettattivi ta’ LG Chem KR kienu realistiċi hija barra minn hekk ikkorroborata mill-fatt li l-offerta ġiet formalizzata aktar tard, u li l-kontenut tal-offerta formalizzata kien jikkorrespondi għall-offerta magħmula b’mod verbali, jiġifieri, hija pproponiet ukoll sussidju b’intensità ta’ madwar [10–20] %, f’konformità mal-intensità li LG Chem KR u l-awtoritajiet Ċiniżi kienu qablu fuqha għall-proġett ta’ investiment preċedenti msemmi fil-premessa (35) (25). Barra minn hekk, LG Chem KR uriet li, wara li ddeċidew dwar il-post tal-proġett ta’ investiment inkwistjoni, huma ddeċidew u implimentaw investimenti fiċ-Ċina, li bbenefikaw minn sussidji, minkejja n-nuqqas ta’ offerta formalizzata jew ftehim ta’ investiment (ara t-Tabella 1). |
|
(69) |
Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ li l-investiment kontrofattwali fiċ-Ċina jista’ ma jkunx kredibbli minħabba l-ambjent politiku ostili ġenerali li ltaqgħu miegħu l-impriżi Sud Koreani f’dak iż-żmien, ġiet ippreżentata evidenza li turi li l-klima politika ġenerali ma taffettwax l-investiment speċifiku u l-kredibbiltà taċ-Ċina bħala post kontrofattwali. Dan għaliex l-investiment, kif indikat fil-premessi (35), (36) u (38) tad-deċiżjoni tal-ftuħ, iservi bħala bażi għall-esportazzjonijiet, minħabba li l-produzzjoni ma tinbiegħx fis-suq domestiku Ċiniż, iżda tiġi esportata lejn l-Ewropa. Il-kredibbiltà ta’ tali orjentazzjoni kummerċjali bbażata fuq l-esportazzjoni tal-investiment kontrofattwali fiċ-Ċina ma ġiet ikkontestata minn ebda waħda mill-partijiet li ssottomettew kummenti matul l-investigazzjoni formali. |
|
(70) |
Barra minn hekk, LG Chem PL issottomettiet dokumenti li juru relazzjonijiet kummerċjali tajbin kontinwi ta’ LG Chem KR fiċ-Ċina (ara l-premessa (48)) u li juru li, b’mod ġenerali, it-tensjonijiet politiċi bejn iċ-Ċina u l-Korea t’Isfel kellhom impatt negliġibbli fuq il-kooperazzjoni kummerċjali ma’ kumpaniji Sud Koreani fiċ-Ċina jew l-investiment tagħhom. Dawn id-dokumenti jappoġġaw il-pożizzjoni tal-Polonja u tal-Korea t’Isfel dwar din il-kwistjoni. |
|
(71) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ġie pprovat li l-ambjent ostili ma kienx jaffettwa l-investiment kontrofattwali, minħabba li dak l-ambjent kien ifisser biss li l-konsumaturi Ċiniżi ma kinux se jirċievu sussidji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi b’batteriji Sud Koreani. Madankollu, billi l-investiment kontrofattwali kien jimmira, bħal dak li fil-fatt twettaq, lejn is-suq Ewropew, dik il-politika domestika dwar is-sussidju ma kien ikollha l-ebda impatt fuq il-bejgħ prospettiv tal-batteriji li għandhom jiġu manifatturati fil-faċilità. |
|
(72) |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li LG Chem PL ipprovdiet biżżejjed evidenza addizzjonali li tikkonċerna n-negozjati dwar l-għajnuna fiċ-Ċina. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li, f’dan l-isfond, l-offerta ta’ għajnuna Ċiniża tista’ titqies li ġiet sottomessa qabel is-16 ta’ Awwissu 2017 minkejja nuqqas ta’ offerta ta’ għajnuna ttimbrata bil-miktub f’dak il-mument meta l-Kumitat tal-Investiment Korporattiv ta’ LG Chem KR iddeċieda dwar il-post tal-investiment. B’mod partikolari, il-Kummissjoni taċċetta li LG Chem KR kienet wettqet negozjati mal-awtoritajiet Ċiniżi lokali dwar il-post kontrofattwali tal-investiment fiċ-Ċina, u li l-istima konservattiva ta’ LG Chem KR, li skontha tkun tista’ tibbenefika minn intensità tal-għajnuna ta’ madwar [10–20] %, tista’ titqies bħala realistika. |
|
(73) |
Barra minn hekk, abbażi tal-ispjegazzjonijiet u d-dokumentazzjoni pprovduti, il-Kummissjoni taċċetta li l-ambjent politiku ostili fiċ-Ċina, li fil-biċċa l-kbira jipprevjeni lill-produtturi tal-batteriji tal-vetturi elettriċi Sud Koreani milli jfornu lis-suq Ċiniż minħabba r-restrizzjonijiet fuq is-sussidji li jappoġġaw ix-xiri tal-vetturi elettriċi fiċ-Ċina, ma kellux impatt fuq il-kredibbiltà ta’ post possibbli tal-investiment fiċ-Ċina. Dan minħabba li dak l-investiment kien maħsub biex jespandi l-produzzjoni tal-batteriji li għandhom jinbiegħu barra miċ-Ċina, fl-Ewropa, filwaqt li ċ-Ċina ma oġġezzjonatx għall-esportazzjonijiet taċ-ċelloli minn fabbriki taċ-ċelloli tal-vetturi elettriċi bbażati fiċ-Ċina bi sjieda barranija. |
|
(74) |
Meta jitqiesu dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-post tal-investiment fiċ-Ċina kien xenarju kontrofattwali realistiku għall-post tiegħu fil-Polonja. |
7.3.2. Dubji dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna
|
(75) |
Kif spjegat fil-premessa (61), skont ir-RAG, f’sitwazzjonijiet tax-xenarju 2, l-għajnuna għandha tagħti lill-benefiċjarju tagħha inċentiv biex investiment ippjanat jiġi lokalizzat fiż-żona rilevanti aktar milli xi mkien ieħor minħabba li tikkumpensa għall-iżvantaġġi u l-kostijiet netti marbuta ma’ post fiż-żona kkonċernata. |
|
(76) |
Fl-istadju tal-eżami preliminari, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk kienx hemm id-diskrepanza fil-vijabbiltà mistennija ta’ EUR 77,3 miljun, u li l-għajnuna ta’ EUR 70 miljun li kellha tingħata lil LG Chem PL kienet meħtieġa biex tattira l-investiment lejn il-Polonja (ara l-premessa (29)). F’dak iż-żmien, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed elementi biex issib li l-għajnuna nnotifikata kellha xi impatt fuq id-deċiżjoni dwar il-post, jiġifieri, li kien hemm effett ta’ inċentiv. |
|
(77) |
Minħabba l-konklużjonijiet fil-premessa (74), fid-dawl tal-evidenza kollha pprovduta, u billi taċċetta li l-istima konservattiva ta’ għajnuna mill-awtoritajiet Ċiniżi ta’ [10–20] % tal-kostijiet tal-investiment, li hija riflessa fil-kalkolu tal-VPN għaċ-Ċina, għandha bażi realistika, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-diskrepanza fil-vijabbiltà mistennija ta’ EUR 77,3 miljun bejn il-postijiet fil-Polonja u fiċ-Ċina tabilħaqq kienet teżisti. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura għandha effett ta’ inċentiv. |
7.3.3. Dubji dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna
|
(78) |
Skont it-taqsima 3.6 tar-RAG, japplika limitu massimu doppju għall-ammont ta’ għajnuna. L-ewwel nett, l-għajnuna reġjonali trid tkun limitata għall-minimu meħtieġ biex tinduċi investiment jew attività addizzjonali fiż-żona kkonċernata. Fil-każ tal-għajnuna individwali nnotifikata, l-ammont ta’ għajnuna ma jridx ikun ogħla mid-differenza bejn il-VPN tal-proġett fil-postijiet alternattivi kkunsidrati (mingħajr ma jitqiesu kwalunkwe sussidji mogħtija f’dawk il-postijiet jekk ikunu fiż-ŻEE). It-tieni, l-intensitajiet massimi tal-għajnuna jintużaw bħala limitu massimu għal dan l-approċċ ta’ diskrepanza fil-vijabbiltà: l-għajnuna biex tikkumpensa d-differenza tal-VPN ma tridx taqbeż l-ammont massimu ta’ għajnuna li tista’ tingħata b’applikazzjoni tal-limitu massimu tal-għajnuna reġjonali applikabbli għar-reġjun fil-mira għal proġett ta’ investiment tad-daqs partikolari (filwaqt li jitqiesu r-regoli dwar it-tnaqqis fl-iskala stipulati fil-paragrafi 86 u 20(c) tar-RAG u, fejn rilevanti, iċ-ċirkostanza li l-investiment jista’ jkun parti minn SIP, kif definit fil-paragrafu 20(t) tar-RAG, u l-għajnuna preċedenti mogħtija għall-komponenti l-oħrajn tal-SIP). |
|
(79) |
Fl-istadju tal-eżami preliminari, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi li l-għajnuna kienet proporzjonata minħabba li ma setgħetx tikkonferma li kienet teżisti diskrepanza fil-VPN bejn iż-żewġ postijiet alternattivi ta’ investiment. Fin-nuqqas ta’ tali diskrepanza, l-għajnuna ma tkunx limitata għall-minimu meħtieġ biex tiskatta l-post ta’ investiment favur il-Polonja (ara l-premessa (30)). |
|
(80) |
Fil-premessa (74), il-Kummissjoni tikkonkludi li x-xenarju kontrofattwali li jassumi l-post tal-investiment fiċ-Ċina kien realistiku u, b’hekk, kienet teżisti diskrepanza fil-VPN bejn iż-żewġ postijiet. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni biex tqajjem dubji dwar l-ammont ta’ dik id-diskrepanza (jiġifieri EUR 77,3 miljun) u, b’hekk, tikkonkludi li l-għajnuna nnotifikata ta’ EUR 70 miljun (26) (fil-valur preżenti) ma taqbiżx l-ammont meħtieġ biex titnaqqas dik id-diskrepanza. |
|
(81) |
Il-Kummissjoni tinnota li, abbażi tal-limitu massimu reġjonali ta’ 25 % stipulat fil-mappa tal-għajnuna reġjonali 2014–2020 għall-Polonja għar-reġjun ta’ Dolnośląskie, u bl-applikazzjoni tar-regoli dwar it-tnaqqis fl-iskala tal-paragrafi 86 u 20(c) tar-RAG, l-għajnuna totali massima korrispondenti għall-SIP b’nefqa eliġibbli ppjanata ta’ EUR 1 281 235 227 hija ta’ EUR 119 154 994 (27) fil-valur preżenti, li tirriżulta f’intensità massima tal-għajnuna ta’ 9,3 %. |
|
(82) |
Il-Kummissjoni tinnota li, għall-SIP, l-għajnuna totali ppjanata tammonta għal PLN 506 673 985 (EUR 119 154 997) fil-valur preżenti għall-kostijiet eliġibbli ppjanati ta’ PLN 5 444 427 050 (EUR 1 281 235 227) fil-valur preżenti (ara l-premessa (24)). Għall-investiment innotifikat, il-kostijiet eliġibbli ppjanati jammontaw għal EUR 994 960 440 fil-valur preżenti, l-għajnuna nnotifikata tammonta għal EUR 85 443 491 fil-valur preżenti u l-intensità tal-għajnuna li tirriżulta hija ta’ 8,5 % (ara l-premessi (17) u (19)). |
|
(83) |
B’hekk, l-għajnuna nnotifikata, flimkien mal-għajnuna preċedenti, ma taqbiżx l-ammont massimu ta’ għajnuna ta’ EUR 119 154 994 u l-intensità massima tal-għajnuna permissibbli ta’ 9,3 % għall-SIP. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-limitu massimu aġġustat tal-intensità tal-għajnuna għall-SIP ma jinqabiżx. |
|
(84) |
Minħabba dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija proporzjonata. |
7.3.4. Dubji dwar il-kontribut tal-għajnuna għall-iżvilupp reġjonali
|
(85) |
Ir-RAG (il-paragrafu 36) jirrikjedu li l-għajnuna għall-investiment reġjonali tagħti kontribut reali u sostnut għall-iżvilupp ta’ reġjun żvantaġġat. |
|
(86) |
Kif spjegat fil-premessa (31), fid-dawl tad-dubji tagħha dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna fl-istadju tal-eżami preliminari, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma li l-għajnuna kkontribwiet għall-iżvilupp reġjonali. |
|
(87) |
Minħabba l-valutazzjoni pożittiva ġenerali u mhux ikkontestata tal-kontribut tal-miżura għall-iżvilupp reġjonali fid-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-premessi (77)–(80) tad-deċiżjoni tal-ftuħ) li l-Kummissjoni tikkonferma f’din id-Deċiżjoni, u billi din id-Deċiżjoni tikkonferma li l-għajnuna għandha effett ta’ inċentiv (ara l-premessa (77)), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tippromwovi l-iżvilupp ta’ reġjun eliġibbli għal għajnuna reġjonali skont il-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE. |
7.3.5. Dubji dwar l-adegwatezza
|
(88) |
Ir-RAG (il-paragrafi (50) u (57)) jirrikjedu li l-għajnuna reġjonali tkun strument ta’ politika xieraq biex jiġi indirizzat l-objettiv ta’ politika kkonċernat, u li tingħata f’forma li x’aktarx tiġġenera l-inqas ammont ta’ distorsjonijiet għall-kummerċ u għall-kompetizzjoni. |
|
(89) |
Il-Kummissjoni diġà kienet ikkonkludiet fid-deċiżjoni tal-ftuħ (il-premessi (86) u (87)) li l-għajnuna għall-investiment reġjonali hija forma xierqa ta’ appoġġ għall-promozzjoni tal-iżvilupp taż-żona kkonċernata. |
|
(90) |
Kif spjegat fil-premessa (32), fid-dawl tad-dubji tagħha dwar l-eżistenza ta’ diskrepanza reali fil-vijabbiltà bejn il-Polonja u ċ-Ċina, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma li ma setax jinkiseb kontribut simili għall-iżvilupp reġjonali b’mezzi oħrajn aktar effiċjenti. |
|
(91) |
Minħabba l-valutazzjoni pożittiva fid-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-premessa (88) tagħha) u billi l-Kummissjoni kkonfermat li kienet teżisti diskrepanza reali fil-vijabbiltà bejn il-postijiet alternattivi fil-Polonja u fiċ-Ċina (ara l-premessa (74)), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija strument xieraq biex tinfluwenza d-deċiżjoni dwar il-post. |
7.3.6. Dubji dwar ir-rispett tal-intensità massima tal-għajnuna nnotifikata
|
(92) |
Skont il-paragrafu 119 tar-RAG, ikun jeżisti effett negattiv evidenti meta tinqabeż l-intensità massima tal-għajnuna tal-proġett. Dan ikun il-każ meta l-ammont ta’ għajnuna propost jaqbeż, meta mqabbel man-nefqa eliġibbli (standardizzata) fuq l-investiment (28), il-limitu massimu (aġġustat) tal-intensità tal-għajnuna li japplika għal proġett tad-daqs partikolari, filwaqt li jitqies “it-tnaqqis progressiv fl-iskala” meħtieġ (29). |
|
(93) |
Il-Kummissjoni aċċettat fid-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-premessi (124) u (125) tagħha) li l-għajnuna nnotifikata rrispettat il-limitu massimu aġġustat tal-intensità tal-għajnuna għall-proġett u wkoll bħala parti mill-SIP. Madankollu, billi l-permess ta’ SEZ ma identifikax l-ammont massimu ta’ intitolamenti, iżda biss il-kostijiet eliġibbli massimi ta’ EUR 1 054 244 195 (PLN 4 468 941 000), f’valur nominali, li fuqhom tista’ tingħata l-għajnuna reġjonali, ma kienx garantit li l-ammont tal-għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni mis-CIT kien limitat għall-ammont innotifikat ta’ PLN 119 545 904 (EUR 28 201 440) (f’valur nominali), kif iddikjarat mill-awtoritajiet Pollakki. Barra minn hekk, il-permess ma semmiex il-komponenti l-oħrajn tal-miżura, li għandhom jingħataw għall-istess investiment, u naqas milli jispeċifika l-metodu li bih tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-akkumulazzjoni. Minħabba li l-permess kien diġà nħareġ f’Settembru 2017 mingħajr klawżola standstill, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li l-limitu massimu tal-għajnuna permissibbli kien inqabeż u li ma kienx żgurat kontroll effettiv tal-akkumulazzjoni fil-livell tal-għoti tal-għajnuna. |
|
(94) |
Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (34), il-Kummissjoni nnotat, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, li l-kontroll tal-akkumulazzjoni biss fil-livell tal-ħlas tal-għajnuna deher li ma kienx biżżejjed. Għalhekk, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk kienx hemm biżżejjed salvagwardji li l-għajnuna totali mħallsa mis-sorsi kollha ma kinitx taqbeż l-intensità massima permissibbli tal-għajnuna u li kienet konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 92 tar-RAG. |
|
(95) |
Il-Polonja kkonfermat li LG Chem PL ma kienet użat l-ebda għajnuna u li l-iskema ta’ għajnuna għall-eżenzjoni mis-CIT kienet ġiet emendata biex tinkludi klawżola standstill. |
|
(96) |
Kemm LG Chem PL kif ukoll il-Polonja informaw lill-Kummissjoni li l-permess ta’ SEZ ġie emendat fit-18 ta’ Jannar 2021, u issa jinkludi klawżola standstill, jelenka l-komponenti kollha tal-miżura, u jiddikjara li l-ammont tal-eżenzjoni mis-CIT ikun id-differenza bejn l-ammont massimu permissibbli ta’ għajnuna (30) u l-valur totali tal-komponenti l-oħrajn kollha tal-miżura. |
|
(97) |
Barra minn hekk, LG Chem PL qablet ukoll li tissottometti rapporti annwali li għandhom jitħejjew minn awditur indipendenti, li jiċċertifika l-ammonti ta’ għajnuna mill-Istat, użati mis-sorsi kollha, lill-awtoritajiet kollha involuti fl-għoti tal-għajnuna. Abbażi ta’ dawk ir-rapporti, l-awtoritajiet li jagħtu l-għajnuna jistgħu jivverifikaw l-ammonti ta’ għajnuna mill-Istat u jiżguraw li l-intensità massima tal-għajnuna ma tinqabiżx. Il-fatt li l-għajnuna f’forom oħrajn tiġi implimentata qabel ma jkunu jistgħu jiġu sfruttati (bis-sħiħ) il-vantaġġi mill-eżenzjoni mis-CIT jimminimizza r-riskju li tinqabeż l-intensità massima tal-għajnuna. |
|
(98) |
Minħabba l-emenda tal-permess u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ad hoc, it-tħassib tal-Kummissjoni dwar ir-rispett tal-limiti massimi ġenerali tal-akkumulazzjoni, kemm fil-mument tal-għoti kif ukoll f’termini tal-pagamenti, u dwar l-ammont kumplessiv ta’ intitolamenti maħluqa mill-permess, jittaffa. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-limitu massimu nnotifikat tal-intensità tal-għajnuna ġie rrispettat. |
7.3.7. Ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna
|
(99) |
Il-valutazzjoni tal-kriterji msemmija fil-premessi minn (60) sa (98) uriet li hemm bżonn ta’ intervent mill-Istat, li l-għajnuna hija xierqa, li x-xenarju kontrofattwali ppreżentat huwa kredibbli u realistiku, u li l-għajnuna għandha effett ta’ inċentiv u hija limitata għall-ammont meħtieġ biex tinbidel id-deċiżjoni dwar il-post tal-benefiċjarju. Billi tiskatta l-post tal-investiment f’reġjun assistit, l-għajnuna tikkontribwixxi għall-iżvilupp reġjonali tar-reġjun ta’ Dolnośląskie. Il-valutazzjoni wriet ukoll li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett negattiv evidenti skont it-tifsira tal-paragrafi 120–122 tar-RAG: hija ma twassalx għall-ħolqien jew iż-żamma ta’ kapaċità żejda f’suq bi tnaqqis assolut, jew għal effetti eċċessivi fuq il-kummerċ; hija tirrispetta l-limitu massimu applikabbli tal-għajnuna reġjonali; hija ma għandha l-ebda effett evidenti kontra l-koeżjoni; u ma hijiex kawżali għall-għeluq ta’ attivitajiet xi mkien ieħor fiż-ŻEE u r-rilokazzjoni tagħhom għal Biskupice Podgórne. |
|
(100) |
L-effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni (minbarra l-effetti negattivi evidenti) li għandhom jitqiesu fit-test tal-ibbilanċjar li jifdal jekk l-investiment jindirizza żewġ swieq ġeografiċi distinti huma identifikati fil-paragrafi 114, 115 u 132 tar-RAG u jikkonċernaw il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq jew il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ kapaċitajiet żejda f’suq bi prestazzjoni agħar minn dik mistennija (anki jekk dan is-suq ma jkunx sejjer lura b’mod assolut). Minħabba li l-għajnuna hija limitata għall-ammont meħtieġ biex tinbidel id-deċiżjoni dwar il-post u, b’hekk, ma tagħmilx disponibbli aktar riżorsi għall-benefiċjarju tal-għajnuna milli meħtieġ biex tiskatta d-deċiżjoni dwar il-post, u minħabba li l-bejgħ mill-investiment, ikun xi jkun il-post tiegħu, kien jindirizza l-istess suq ġeografiku, u l-effetti potenzjali tal-kompetizzjoni tal-investiment fuq is-suq ġeografiku rilevanti (pereżempju fil-forma tal-kontribut tiegħu għall-kapaċità żejda jew għal żieda jew ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq) kienu jseħħu bl-għajnuna u mingħajrha, huma ma għandhomx bżonn jiġu analizzati u kkunsidrati fit-test tal-ibbilanċjar li jifdal, minħabba li ma humiex ikkawżati mill-għajnuna. |
|
(101) |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (99) u (100), il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett negattiv bla bżonn fuq il-kompetizzjoni. |
|
(102) |
Billi l-għajnuna tirrispetta l-paragrafu 107 tar-RAG dwar il-limitu massimu applikabbli tal-għajnuna reġjonali, u ma għandha l-ebda effett kontra l-koeżjoni jew ta’ rilokazzjoni skont it-tifsira tal-paragrafi 121 u 122 tar-RAG, il-Kummissjoni tqis, kif diġà ġie ddikjarat fil-premessa (99), li l-għajnuna ma għandha l-ebda effett negattiv evidenti fuq il-kummerċ. L-effetti (negattivi, iżda mhux evidenti) li jifdal fuq il-kummerċ, jiġifieri, l-effett tal-għajnuna fuq l-għażla tal-post tal-investiment fir-reġjun ikkonċernat u li jirriżultaw minnu, huma limitati biżżejjed, minħabba li l-investiment huwa implimentat fil-limiti tal-mappa approvata tal-għajnuna reġjonali. |
|
(103) |
B’kuntrast għal dan, l-għajnuna għandha effetti pożittivi sostanzjali, b’mod partikolari permezz tal-impjiegi (il-ħolqien tal-impjiegi), l-effetti ta’ raggruppament u l-effetti konsegwenzjali tal-għarfien (ara t-taqsima 4.3.3.1 tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Dawk l-effetti pożittivi jkomplu jiffaċilitaw l-iżvilupp reġjonali tar-reġjun ta’ Dolnośląskie, li huwa reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont il-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE taħt il-mappa tal-għajnuna reġjonali applikabbli awtorizzata mill-Kummissjoni. |
|
(104) |
Billi l-għajnuna tissodisfa r-rekwiżiti minimi kollha, ma għandha l-ebda effett negattiv evidenti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, u lanqas effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni, u effetti limitati ħafna biss fuq il-kummerċ, il-Kummissjoni tqis li l-effetti pożittivi sostanzjali tal-għajnuna fuq l-iżvilupp reġjonali tar-reġjun ta’ Dolnośląskie jegħlbu b’mod ċar kwalunkwe effett negattiv. |
7.3.8. L-ebda ksur rilevanti tad-dritt tal-UE
|
(105) |
Min-notifika u mill-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni formali ma jirriżultax li l-għajnuna jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha, jew l-attivitajiet ekonomiċi ffaċilitati mill-għajnuna, jistgħu jinvolvu ksur ta’ dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni (31). B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma bagħtitx opinjoni motivata lill-Polonja dwar ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni li jkollu relazzjoni ma’ dan il-każ, u lanqas ma rċeviet ilmenti jew informazzjoni li jistgħu jissuġġerixxu li l-għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet marbuta magħha jew l-attivitajiet ekonomiċi ffaċilitati mill-għajnuna jistgħu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. |
8. KONKLUŻJONI
|
(106) |
Il-Kummissjoni ssib li l-Polonja implimentat illegalment parti mill-miżura bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, iżda li din l-illegalità sadanittant tneħħiet, mingħajr ma kellha effetti fuq il-kompetizzjoni. |
|
(107) |
Minħabba li l-għajnuna tissodisfa l-kriterji kollha ta’ kompatibbiltà stipulati fir-RAG 2014-2020, u billi l-Kummissjoni sabet li l-effetti pożittivi sostanzjali tal-għajnuna jegħlbu b’mod ċar kwalunkwe effett negattiv tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna mill-Istat innotifikata mill-Polonja għal LG Energy Solution Wrocław sp. z o.o., li tammonta għal ammont massimu ta’ PLN 362 194 962 (fi prezzijiet tal-2017) u li tikkorrespondi għal intensità massima tal-għajnuna ta’ 8,5 % f’ekwivalenti tal-għotja grossa, hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Viċi President Eżekuttiv
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
(3) Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.
(4) Fl-1 ta’ Diċembru 2020, LG Chem Ltd. qasmet id-diviżjoni tan-negozju tal-batteriji tagħha fis-sussidjarja kollha kemm hi ġdida LG Energy Solution, Ltd., ibbażata f’Seoul, il-Korea t’Isfel. Konsegwentement, l-ishma miżmuma minn LG Chem Ltd. (“LG Chem KR”) fin-negozju Pollakk tagħha tal-batteriji — LG Chem Wroclaw Energy Sp. z o.o. (LG Chem Energy PL) — ġew ikkontribwiti għal LG Energy Solution, Ltd. LG Chem Wroclaw Energy Sp. z o.o. biddlet ukoll l-isem kummerċjali tagħha f’LG Energy Solution Wroclaw Sp. z o.o. (“LG Chem PL”), u din il-bidla ġiet irreġistrata mill-qorti tar-reġistru Pollakka fil-21 ta’ Jannar 2021.
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58).
(6) Il-valuri preżenti huma kkalkolati bl-użu ta’ rata ta’ skont ta’ 2,83 % (rata bażi ta’ 1,83 % flimkien ma’ 100 punt bażi). Iċ-ċifri kollha huma skontati sal-2017 bħala sena bażi.
(7) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2014 fil-Kawża SA.37485 (2013/N) — il-Polonja — Mappa tal-għajnuna reġjonali 2014-2020 (ĠU C 210, 4.7.2014, p. 1), estiża sal-31 ta’ Diċembru 2021, kif approvata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawża SA.58437 (2020/N) (ĠU C 430, 11.12.2020, p. 1).
(8) ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.
(*1) Informazzjoni kunfidenzjali.
(9) Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-2020 (ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1).
(10) Il-Kummissjoni approvat għajnuna mill-Istat għall-investiment preċedenti fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Jannar 2019 fil-Kawża SA.47662 (2017/N) — il-Polonja — LIP — Għajnuna lil LG Chem Wrocław Energy sp. z o.o. (ĠU C 93, 20.3.2020, p. 1).
(11) Iċ-ċifri espressi f’EUR jingħataw abbażi ta’ rata tal-kambju ta’ PLN/EUR 0,24.
(12) Dan il-valur huwa kemxejn inqas mill-ammont innotifikat ta’ PLN 28 759 089 (EUR 6 784 404). L-awtoritajiet Pollakki spjegaw li din id-diskrepanza żgħira (ta’ PLN 93, li hija ekwivalenti għal EUR 22) tirriżulta minn approssimazzjonijiet tar-rati tal-kambju użati fil-konverżjoni tal-valur rispettiv minn PLN għal EUR u lura għal PLN.
(13) Bl-applikazzjoni tal-formula speċifikata fil-bażi ġuridika nazzjonali: l-ammont massimu ta’ għajnuna = R × (EUR 50 miljun + 0,50 × B + 0,34 × C), fejn R huwa l-limitu massimu mhux aġġustat tal-għajnuna reġjonali, B hija n-nefqa eliġibbli bejn EUR 50 miljun u EUR 100 miljun, u C hija n-nefqa eliġibbli ta’ aktar minn EUR 100 miljun.
(14) L-ammont ta’ għajnuna approvat għall-ewwel proġett ammonta għal PLN 169 562 749 (EUR 39 592 488) f’valur nominali.
(15) Dan jirrappreżenta intensità tal-għajnuna ta’ madwar [10–20] % li kieku l-investiment kien implimentat fiċ-Ċina.
(16) Għall-kalkolu tal-ekwivalenti tal-għotja grossa, il-paragrafu 20(f) tar-RAG jirrikjedi li ċ-ċifri jiġu skontati abbażi tar-rata ta’ referenza applikabbli (ara, pereżempju, fil-premessa (11)). Madankollu, il-paragrafu 73 (in-nota 39 f’qiegħ il-paġna) tar-RAG jiddikjara li l-VPN huwa tipikament ikkalkolat bl-użu tal-kost tal-kapital bħala rata ta’ skont. Id-diskrepanza tal-VPN bejn il-Polonja u ċ-Ċina tiġi kkalkolata bl-użu tal-kost medju ponderat tal-kapital (“WACC”) ta’ LG Chem Ltd. Energy Solution ta’ [8–10,5] % bħala rata ta’ skont. Għalhekk, meta jitqabbel l-ammont ta’ għajnuna mad-diskrepanza tal-VPN, l-ammont ta’ għajnuna jiġi skontat ukoll bl-użu ta’ tali WACC. Għal skopijiet oħrajn minbarra t-tqabbil tal-ammont ta’ għajnuna mad-diskrepanza tal-VPN, ir-rata ta’ skont li għandha tintuża hija dik ibbażata fuq ir-rata ta’ referenza applikabbli.
(17) Kif deskritt aktar fil-premessa (39) ta’ din id-Deċiżjoni u fil-premessa (41) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.
(18) Fl-24 ta’ Ġunju 2020, l-awtoritajiet Pollakki emendaw l-iskema ta’ għajnuna għall-eżenzjoni mis-CIT fis-seħħ f’dik id-data, jiġifieri l-Att tal-10 ta’ Mejju 2018 dwar l-Appoġġ għall-Investimenti Ġodda, billi żiedu t-Taqsima 2 tal-Artikolu 15 bil-kliem li ġej: “Jekk japplika l-obbligu li l-Kummissjoni Ewropea tiġi nnotifikata, id-deċiżjoni dwar l-appoġġ tindika li l-imprenditur ma huwiex intitolat juża l-għajnuna sakemm il-Kummissjoni Ewropea tieħu deċiżjoni li tawtorizza tali għajnuna.”.
(19) Dan huwa spjegat mill-fatt li f’Jannar 2017, il-kost tal-investiment tal-proġett preċedenti tnaqqas minn USD [450–900] miljun għal USD [280–630] miljun, filwaqt li nżamm l-ammont ta’ sussidju, li għalhekk wassal għas-sussidju fi flus li jammonta għal [10–20] % tal-kost tal-investiment. Għalkemm kien hemm ukoll inċentiv tat-taxxa mogħti għal dak l-investiment (li jammonta għal USD [12–26] miljun, jiġifieri [3–7] % addizzjonali tal-kostijiet tal-investiment), dan ma kellux jitqies għall-istudju tal-fattibbiltà tal-proġett inkwistjoni.
(20) Jiġifieri l-ammont ta’ għajnuna li jista’ jingħata għall-proġett minħabba d-daqs tiegħu, fir-reġjun ikkonċernat u b’applikazzjoni tal-mappa tal-għajnuna Reġjonali 2014-2020 għall-Polonja u d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis fl-iskala tal-paragrafi 86 u 20(c) tar-RAG.
(21) Ħlief għall-eżenzjoni mis-CIT li inizjalment ingħatat mingħajr klawżola standstill.
(22) Kif imsemmi fin-nota 9 f’qiegħ il-paġna.
(23) Kif imsemmi fin-nota 7 f’qiegħ il-paġna.
(24) Ġew ipprovduti wkoll diversi dokumenti dwar dan il-proġett preċedenti, ara l-premessa (39).
(25) Il-Kummissjoni tinnota li l-Polonja u LG Chem PL sostnew li dan l-approċċ ta’ negozjar prinċipalment b’mod verbali huwa konformi mal-kultura ta’ negozjar ta’ Guanxi (ara l-premessi (36) u (43)).
(26) Meta skontati bl-istess rata bħad-diskrepanza fil-vijabbiltà, jiġifieri l-WACC (għal aktar dettalji, ara n-nota 16 f’qiegħ il-paġna).
(27) Id-differenza ta’ EUR 3 meta mqabbla mal-ammont ta’ EUR 119 154 997 imsemmi fil-premessa (82) hija dovuta għal arrotondament.
(28) In-nefqa eliġibbli standardizzata għal proġetti ta’ investiment minn impriżi kbar hija deskritta fid-dettall fit-taqsimiet 3.6.1.1 u 3.6.1.2 tar-RAG.
(29) Ara l-paragrafi 86 u 20(c) tar-RAG.
(30) F’konformità mar-RAG.
(31) Ara l-paragrafu 28 tar-RAG.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2710/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)