|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2703 |
17.10.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2703
tal-10 ta’ Ottubru 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (1) (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. Il-Ftehim ġie konkluż għal perjodu ta’ 3 snin sal-31 ta’ Diċembru 1995. |
|
(2) |
Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“ISC”, International Sugar Council) kien imwaqqaf skont l-Artikoli 3 u 8 tal-Ftehim, biex jadotta ċerti deċiżjonijiet. Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, l-ISC jista’ jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tiegħu ’l hawn, il-Ftehim ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar b’deċiżjoni tal-ISC f’Novembru 2023 u se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(3) |
Fl-2021, l-ISC qabel li jemenda l-Ftehim u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 23, 25, 32, 33 u 34 tiegħu. L-emendi għall-Ftehim kienu oriġinarjament maħsuba biex jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024. Matul it-62 sessjoni tiegħu, l-ISC qabel li jtawwal il-perjodu li fih il-Membri jkunu jistgħu jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom sat-30 ta’ April 2024, filwaqt li d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim emendat ġie pospost għall-1 ta’ Jannar 2025. Matul l-64 sessjoni tal-ISC, dawk id-dati ġew posposti aktar għat-30 ta’ Ġunju 2026 u għall-1 ta’ Jannar 2027, rispettivament.Il-validità tal-Ftehim fil-formulazzjoni attwali tiegħu għalhekk jeħtieġ tiġi estiża. |
|
(4) |
Matul il-65 sessjoni tiegħu li se ssir fid-29 ta’ Novembru 2024, l-ISC irid jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Ftehim fil-formulazzjoni attwali tiegħu sal-31 ta’ Diċembru 2026. |
|
(5) |
Jixraq li fil-65 sessjoni tal-ISC tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, peress li huwa fl-interess tal-Unjoni li l-Ftehim jerġa’ jiġi estiż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-65 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor għandha tkun li tivvota favur l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 għal perjodu ulterjuri ta’ sentejn, mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
PINTÉR S.
(1) ĠU L 379, tat-23.12.1992, p. 16.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1992/580/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2703/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)