European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2697

14.10.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2697

tal-14 ta’ Ottubru 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/1529 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1529 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Baħar l-Aħmar (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2023/1529.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li kieku l-Iran kellu jittrasferixxi missili ballistiċi u teknoloġija relatata lir-Russja għall-użu kontra l-Ukrajna wara li jkun ipprovda lir-reġim Russu vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), li jintużaw f’attakki bla waqfien kontra l-popolazzjoni ċivili fl-Ukrajna, l-Unjoni tkun lesta tirrispondi malajr u f’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali, inkluż b’miżuri restrittivi ġodda u sinifikanti kontra l-Iran. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-aċċess tar-Russja għal oġġetti u teknoloġiji sensittivi b’rilevanza għall-kampijiet tal-battalja jrid ikun ristrett kemm jista’ jkun, inkluż billi jiġu mmirati entitajiet f’pajjiżi terzi li jippermettu ċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex iħejju aktar sanzjonijiet kontra l-Belarussja, il-Korea ta’ Fuq u l-Iran.

(3)

Fit-13 ta’ Settembru 2024, fid-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f’isem l-Unjoni, l-Unjoni kkundannat bil-qawwa t-trasferiment reċenti ta’ missili ballistiċi magħmula fl-Iran lejn ir-Russja. Ir-Rappreżentant Għoli ddikjara li dak it-trasferiment kien theddida diretta għas-sigurtà Ewropea u rrappreżenta eskalazzjoni materjali sostantiva fir-rigward ta’ forniment ta’ UAVs u munizzjon Iranjani, li r-Russja kienet użat fil-gwerra illegali ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli ddikjara li l-Unjoni lesta tirrispondi malajr u f’koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali, inkluż b’miżuri restrittivi ġodda u sinifikanti kontra l-Iran, inkluż id-deżinjazzjoni ta’ individwi u entitajiet involuti fil-programmi ta’ missili ballistiċi u droni tal-Iran, u f’dan ir-rigward kienet qed tikkunsidra wkoll miżuri restrittivi fis-settur tal-avjazzjoni tal-Iran.

(4)

Ir-Russja qed tuża UAVs magħmula fl-Iran b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li tikser is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, inkluż kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili. Il-programm Iranjan sponsorjat mill-istat għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs għalhekk jikkontribwixxi għall-ksur tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali.

(5)

Il-programm tal-missili Iranjani, li huwa bbażat fuq kumpaniji tal-istat kif ukoll privati u jibbenefika minn kapaċitajiet ta’ riċerka domestiċi, huwa mmexxi mill-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati tal-Iran u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, li t-tnejn li huma huma sanzjonati mill-Unjoni.

(6)

It-trasferiment ta’ UAVs u missili magħmula fl-Iran u teknoloġiji relatati u komponenti tagħhom lejn ir-Russja u gruppi mhux statali armati fil-Lvant Nofsani u lil hinn huwa kwistjoni ċentrali ta’ tħassib. L-Iran ittrasferixxa UAVs u missili u teknoloġiji relatati magħmula fl-Iran u komponenti tagħhom lir-Russja, inkluż bl-użu ta’ linji tal-ajru.

(7)

Għalhekk, huwa xieraq li jiġu ddeżinjati tliet linji tal-ajru Iranjani li ripetutament ittrasferew lir-Russja UAVs magħmula fl-Iran u teknoloġiji relatati, li ntużaw fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawk id-deżinjazzjonijiet huma mmirati u jfittxu li jiskoraġġixxu politiki u attivitajiet speċifiċi Iranjani. L-Unjoni m’għandhiex l-intenzjoni li timpedixxi b’mod ġenerali t-traffiku tal-ajru jew il-kuntatti bejn il-persuni bejn l-Unjoni u l-Iran.

(8)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li seba’ persuni u seba’ entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1529 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 186, 25.7.2023, p. 1.


ANNESS

L-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“13.

Behnam SHAHRIYARI

بهنام شهریاری

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): uffiċjal fl-Unità 190 tal-Forza Quds tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

Data tat-twelid: 1968

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-passaport: D10007350; K47248790

Behnam Shahriyari huwa uffiċjal prominenti tal-Unità 190 tal-Forza Quds tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), involut fl-aspetti loġistiċi tat-trasferiment tal-armi, inkluż rokits u missili, lil gruppi armati allinjati mal-Iran fis-Sirja, il-Libanu, l-Iraq u t-Territorji Palestinjani Okkupati.

Għaldaqstant, Behnam Shahriyari huwa involut fit-trasferiment ta’ missili lil gruppi armati u entitajiet li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.

14.10.2024

14.

Ali SHADMANI

علی شادمانی

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): viċi koordinatur tal-Khatam al-Anbiya Central Headquarters (KCHG)

Post tat-twelid: Hamedan, l-Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Entitajiet assoċjati: Khatam al-Anbiya Central Headquarters (KCHG)

Ali Shadmani huwa l-viċi koordinatur tal-Khatam al-Anbiya Central Headquarters (KCHG) tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) elenkat mill-UE u għalhekk huwa assoċjat ma’ entità elenkata mill-UE.

Il-KCHG hija l-entità ċentrali fil-katina ta’ kmand tal-forzi armati tal-Iran li tagħmel deċiżjonijiet militari operazzjonali, u tikkoordina bejn l-armata konvenzjonali tal-Iran (Artesh) u l-IRGC, li t-tnejn li huma jakkwistaw kif ukoll jiskjeraw inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs). Il-missjoni tal-KCHG hija li tissorvelja l-operazzjonijiet offensivi u difensivi, inkluż permezz tal-kwartieri ġenerali reġjonali u tematiċi tagħha, bħal dawk fil-Golf Persjan u fil-Golf tal-Oman, li jirrapportaw lill-kwartieri ġenerali ewlenin. Hija responsabbli wkoll għall-ippjanar u l-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet militari konġunti, inkluż provi. Billi għandha preċedenza fuq l-IRGC u Artesh fil-katina tal-kmand, u b’hekk tissorvelja l-forzi armati u l-intelligence kollha tal-Iran, u l-Khatam al-Anbiya Construction Headquarters elenkata mill-UE, il-KCHG tinsab fil-qalba tal-forzi militari tal-Iran u hija involuta fl-iżvilupp tal-programm tal-UAVs tal-Iran.

Bħala viċi koordinatur tal-KCHG, Shadmani ilu jippromwovi b’mod attiv il-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Iran, inkluż id-droni u l-missili, f’diversi okkażjonijiet, inkluż fir-Russja, tul dawn l-aħħar snin.

Għaldaqstant, Ali Shadmani huwa assoċjat ma’ entità elenkata mill-UE involuta fil-programm tal-UAVs u tal-missili tal-Iran u huwa involut fit-trasferiment tal-UAVs lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

14.10.2024

15.

Ali JAFARABADI

علی جعفرآبادی

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): kmandant tad-Diviżjoni tal-Ispazju tal-Aerospace Force tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

Data tat-twelid: 1975

Post tat-twelid: Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Ali Jafarabadi huwa l-kmandant tad-Diviżjoni Spazjali tal-Forza Ajruspazjali (Aerospace Force) tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC).

Id-Diviżjoni Spazjali tal-Forza Ajruspazjali tal-IRGC għandha kontroll operazzjonali fuq diversi sistemi ta’ missili Iranjani u involuta fl-iżvilupp u l-illanċjar futur ta’ trasportaturi satellitari, li huma essenzjali għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ missili ballistiċi fuq distanza twila, li l-Iran qed ikompli jiżviluppa.

Għaldaqstant, Ali Jafarabadi huwa involut fl-iżvilupp tal-programm tal-missili tal-Iran.

14.10.2024

16.

Mehdi GOGERDCHIAN

مهدی گوگردچیان

(Farsi spelling)

Pożizzjoni(jiet): direttur maniġerjali tal-Iran Aircraft Manufacturing Industries (HESA)

Data tat-twelid: 14.8.1975

Post tat-twelid: Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-passaport: 1286966558 (Iran)

Mehdi Gogerdchian huwa d-direttur maniġerjali tal-Iran Aircraft Manufacturing Industries (HESA) elenkata mill-UE. Il-kumpanija hija kkontrollata mill-Iran Aviation Industries Organisation (IAIO) li hija elenkata mill-UE u sussidjarja tal-Ministeru Iranjan għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) li huwa elenkat mill-UE, li huwa responsabbli għall-ippjanar u l-ġestjoni tal-industrija tal-avjazzjoni militari tal-Iran.

HESA tispeċjalizza fl-iżvilupp u l-manifattura ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), speċjalment id-droni Shahed, li qed jintużaw mir-Russja fil-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna.

Għaldaqstant, Mehdi Gogerdchian huwa involut fil-programm tal-UAVs tal-Iran.

14.10.2024

17.

Seyed Hamzeh GHALANDARI

سید حمزه قلندری

(Farsi spelling)

Pożizzjoni(jiet): viċi ministru għad-difiża tal-Iran

Data tat-twelid: 16.7.1984

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-passaport: D10009455 (Iran)

Seyed Hamzeh Ghalandari huwa l-viċi ministru għad-difiża tal-Iran, b’enfasi fuq l-affarijiet internazzjonali fi ħdan il-ministeru.

Il-Ministeru Iranjan għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL), li huwa elenkat mill-UE, huwa responsabbli għall-industrija tal-armi Iranjana, inkluż l-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs) u l-missili ballistiċi.

Fid-dawl tar-rwol ta’ livell għoli tiegħu bħala viċi ministru għad-difiża, Seyed Hamzeh Ghalandari huwa involut fl-iżvilupp tal-programmi tal-UAVs u tal-missili tal-Iran.

14.10.2024

18.

Reza Khosravi MOGHADDAM

رضا خسروي مقدم

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Attaché militari Iranjan fir-Russja

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Reza Khosravi Moghaddam huwa l-attaché militari tal-ambaxxata Iranjana fir-Russja, li jirrappreżenta u jippromwovi l-industrija tad-difiża ta’ pajjiżu. Huwa responsabbli għar-relazzjonijiet bilaterali f’dan il-qasam.

Fil-kariga tiegħu, Moghaddam huwa element mibgħut (forward element) tal-Ministeru Iranjan għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) elenkat mill-UE. MODAFL huwa responsabbli għall-industrija tal-armi Iranjana, inkluż l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ armi militari, bħall-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs) u l-missili ballistiċi.

Fir-rwol tiegħu, Moghaddam jippromwovi b’mod attiv l-industrija tad-difiża tal-Iran, u b’mod partikolari l-kummerċ tal-armi bejn l-Iran u r-Russja, b’hekk jippromwovi l-programmi tal-Iran dwar l-UAV u l-missili.

L-Iran jipprovdi lir-Russja b’UAVs u missili ballistiċi li qed jiġu użati mir-Russja kontra l-Ukrajna.

Għaldaqstant, Reza Khosravi Moghaddam huwa involut fil-programm tal-UAVs u tal-missili tal-Iran.

14.10.2024

19.

Seid Mir Ahmad NOOSHIN

سید میراحمد نوشین

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): direttur tal-Organizzazzjoni tal-Industriji Ajruspazjali (AIO)

Data tat-twelid: 11.1.1966

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-passaport: G9311208

Seid Mir Ahmad Nooshin huwa d-direttur tal-Aerospace Industries Organisation (AIO) elenkata mill-UE. L-AIO hija organizzazzjoni li tirrapporta lill-Ministeru Iranjan għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) elenkat mill-UE, u li għandha rwol ewlieni fil-programmi tal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs) u tal-missili ballistiċi tal-Iran. L-AIO tissorvelja l-produzzjoni tal-missili tal-Iran, inkluż mill-entitajiet elenkati mill-UE Shahid Hemmat Industries Group (SHIG) u Shahid Baheri Industrial Group (SBIG).

Għaldaqstant, Seid Mir Ahmad Nooshin huwa involut fil-programm tal-missili tal-Iran.

14.10.2024.”

(2)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“10.

Saha Airlines

هواپیمایی ساها

(Farsi spelling)

Indirizz: Ayat Saeedi St., 65 meters from Fatah, Tehran, Iran

Tip ta’ entità: entità tal-gvern

Post tar-reġistrazzjoni: Tehran, Iran

Saha Airlines hija linja tal-ajru statali Iranjana, proprjetà sħiħa tal-Forza tal-Ajru tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Intużat ripetutament għat-trasferiment lejn ir-Russja ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs) u teknoloġiji relatati magħmula fl-Iran, li ntużaw fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Għaldaqstant, Saha Airlines hija involuta fit-trasferiment tal-UAVs magħmula fl-Iran u teknoloġiji relatati lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

14.10.2024

11.

Mahan Air

ماهان ایر

(Ortografija Farsi)

Indirizz: No 21 Mahan Air Tower – Azadegan Street, Karaj Highway, Tehran, Iran

Postbox 1481655761

Post tar-reġistrazzjoni: Tehran, Iran

Mahan Air hija linja tal-ajru privata Iranjana bbażata f’Tehran.

Intużat ripetutament għat-trasferiment ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs) u teknoloġiji relatati magħmula fl-Iran lejn ir-Russja, li ntużaw fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Għaldaqstant, Mahan Airlines hija involuta fit-trasferiment ta’ UAVs magħmula fl-Iran u teknoloġiji relatati lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

14.10.2024

12.

Iran Air

(magħrufa wkoll bħala the Airline of the Islamic Republic of Iran; Homa; Iran Air Cargo; Iran Air Ground Services; Iran Air Catering)

ایران ایر

(Ortografija Farsi)

Indirizz: Central Offices, Airport Boulevard, Tehran, Iran

Tip ta’ entità: entità tal-gvern

Post tar-reġistrazzjoni: Tehran, Iran

Iran Air hija linja tal-ajru statali Iranjana kkontrollata mill-Ministeru Iranjan għall-Infrastruttura, u għalhekk hija subordinata għat-tmexxija militari-politika tal-pajjiż.

Intużat ripetutament għat-trasferiment ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs) u teknoloġiji relatati magħmula fl-Iran lejn ir-Russja, li ntużaw fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Għaldaqstant, Iran Airlines hija involuta fit-trasferiment ta’ UAVs magħmula fl-Iran u teknoloġiji relatati lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

14.10.2024

13.

Basamad Electronic Pouya Engineering Co.

(magħrufa wkoll bħala Dynamic Electronic Frequency Engineering Limited Liability Company)

بسامد الکترونیک پویا

(Ortografija Farsi)

Indirizz: No. 63 Unit 4, Shahrara, Patrice Lumumba St. Abshori St., Tehran, 144593491, Iran

Tip ta’ entità: kumpanija b’responsabbiltà limitata

Numru tar-reġistrazzjoni: 466887

Numru tal-identità nazzjonali: 14004684489

Individwi assoċjati: Hossein Hatefi Ardakani (uffiċjal kap eżekuttiv)

Entitajiet assoċjati: Kavan Electronics Behrad LLC

Basamad Electronic Pouya Engineering Co. hija ditta tal-akkwist Iranjana. Tagħmel parti minn network tal-akkwist issorveljat minn Hossein Hatefi Ardakani, elenkat mill-UE, li huwa l-uffiċjal kap eżekuttiv u l-akbar azzjonist ta’ Basamad Electronic Pouya Engineering Co.

Hossein Hatefi Ardakani huwa negozjant Iranjan li huwa involut, permezz tan-network tal-akkwist li jissorvelja, fil-forniment ta’ oġġetti għall-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs) lill-Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO), li hija elenkata mill-UE, li mbagħad jiġu fornuti lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Għaldaqstant, Basamad Electronic Pouya Engineering Co. hija assoċjata ma’ persuna fiżika involuta fil-programm tal-UAVs tal-Iran u fit-trasferiment ta’ UAVs magħmula fl-Iran lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

14.10.2024

14.

Iran Alumina Company (IAC)

(magħrufa ukoll bħala I.A.C.; Iran Alumina Co.)

آلومینای ایران شرکت

(Ortografija Farsi)

Indirizz 1: 100, Somayyeh St., Tehran, Iran (uffiċċju prinċipali)

Indirizz 2: Kilometer 7 turnpike Sankhast, Jajarm, North Khorasan, Iran (fabbrika)

Post prinċipali tan-negozju: Provinċja ta’ Khorasan, Iran

Iran Alumina Company (IAC) hija l-uniku produttur tal-Iran ta’ ossidu tal-aluminju (Al2O3) jew trab tal-alumina, li jintuża fil-manifattura ta’ propellant tal-fjuwil solidu użat għall-illanċjar ta’ rokits u missili. Il-faċilità topera f’isem il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-produzzjoni tal-fjuwil tal-missili mit-trab tal-metall. IAC hija sussidjarja tal-kumpanija azzjonarja fil-qasam tal-minjieri u tal-metall proprjetà tal-istat Iranian Mines and Mining Industries Development and Renovation Organisation (IMIDRO), li hija kkontrollata mill-Ministeru Iranjan għall-Industriji u l-Minjieri.

Għaldaqstant, Iran Alumina Company (IAC) hija involuta fil-programm tal-missili tal-Iran.

14.10.2024

15.

Shahid Haj Ali Movahed Research Center

(magħrufa wkoll bħala Shahid Movahed Industry; Shahid Mohaved Industries; SHIG Department 7500)

مرکز تحقیقات شهید حاج علی

موحد

(Ortografija Farsi)

Indirizz: c/o SHIG, Damavand Tehran Highway, PO Box 16595-159, Tehran, Iran

Post prinċipali tan-negozju: Tehran Province, Iran

Shahid Haj Ali Movahed Research Center hija sussidjarja ta’ Shahid Hemmat Industries Group (SHIG), grupp industrijali elenkat mill-UE subordinat għall-Aerospace Industries Organisation (AIO) li hija kkontrollata mill-istat u elenkata mill-UE, li tappoġġa l-programm tal-missili ballistiċi bi propellant likwidu tal-Iran.

Shahid Haj Ali Mohaved Research Center kienet involuta fir-riċerka, l-ittestjar u l-manifattura ta’ missili Iranjani. Shahid Haj Ali Mohaved Research Center hija direttament involuta fl-iżvilupp tal-missili, inkluż fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn l-Iran u r-RDPK, li minnha rċeviet appoġġ speċjalizzat għall-iżvilupp tal-missili fuq distanza twila.

Għaldaqstant, Shahid Haj Ali Movahed Research Center hija involuta fil-programm tal-missili tal-Iran.

14.10.2024

16.

Teyf Tadbir Engineering Company

(magħrufa wkoll bħala Teyf Tadbir Arya Engineering Company; Teif Tadbir Arya; Teyf Tadbir Aria)

شرکت مهندسی تیف تدبیر

(Ortografija Farsi)

Indirizz: Unit 10, No. 1, End of Bahar, Kardan Street, Patrice Street, Tehran 144596443, Iran

Numru tar-reġistrazzjoni: 427320 (Iran)

Individwi assoċjati: Hossein Hatefi Ardakani (uffiċjal kap eżekuttiv)

Entitajiet assoċjati: Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO)

Teyf Tadbir Engineering Company hija ditta tal-akkwist Iranjana. L-uffiċjal kap eżekuttiv tagħha huwa Hossein Hatefi Ardakani, negozjant Iranjan elenkat mill-UE li jissorvelja network ta’ akkwist tranżnazzjonali għal komponenti għall-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs). Huwa jopera permezz tad-ditti tiegħu bbażati f’Tehran, inkluż Teyf Tadbir Engineering Company u Kavan Electronics LLC li hija elenkata mill-UE.

Permezz tan-network ta’ akkwist tiegħu, Hossein Hatefi Ardakani huwa involut fil-provvista ta’ oġġetti għall-UAVs lill-Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO) li hija elenkata mill-UE. Dawn l-oġġetti jintużaw fl-UAVs Iranjani tas-serje Shahed, li l-Iran iforni lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Għaldaqstant, Teyf Tadbir Engineering Company hija assoċjata ma’ persuni fiżiċi u ġuridiċi u entitajiet involuti fil-programm tal-UAVs tal-Iran u fit-trasferiment ta’ UAVs magħmula fl-Iran lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

14.10.2024”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2697/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)