|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2682 |
17.10.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2682
tas-16 ta’ Ottubru 2024
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid biss jista’ jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid. |
|
(3) |
Il-lista tal-Unjoni stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 tinkludi t-trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2 bħala ikel ġdid awtorizzat. |
|
(4) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2079 (3) awtorizza l-introduzzjoni fis-suq tat-trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2 bħala ikel ġdid biex jintuża f’għadd ta’ tipi ta’ ikel. |
|
(5) |
Fid-29 ta’ Marzu 2024, il-kumpanija MBio, Monaghan Mushrooms (“l-applikant”) issottomettiet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex jinbidlu l-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2. L-applikant talab li tiġi estiża l-medda awtorizzata ta’ konċentrazzjonijiet ta’ vitamina D2 fit-trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2 biex jiġu inklużi konċentrazzjonijiet aktar baxxi u biex jiġu riveduti l-livelli awtorizzati ta’ karboidrati, jitħassru l-livelli massimi differenti għall-“karboidrati” u l-“fibri totali” u jiġi stabbilit livell massimu uniku għall-karboidrati totali. |
|
(6) |
L-applikant iġġustifika t-talba għal din ir-reviżjoni billi indika li l-livelli attwali awtorizzati ta’ kontenut ta’ vitamina D2 (580-595 μg/g ta’ trab tal-faqqiegħ) huma ristretti ħafna. Bħala riżultat tal-esperjenza kummerċjali sussegwenti u l-fehim tal-ħtiġijiet tal-klijenti, deher ċar li fil-prattika huma meħtieġa formulazzjonijiet inqas konċentrati, peress li jippermettu l-inklużjoni aktar faċli fl-applikazzjonijiet tal-prodotti finali. Il-medda mitluba ta’ vitamina D2, jiġifieri 137,5-595 μg/g ta’ piż xott, se tiffaċilita ż-żieda affidabbli ma’ varjetà ta’ ikel u se tippermetti li l-vitamina D tiżdied b’mod aktar preċiż fil-konċentrazzjonijiet finali meħtieġa. Il-proċess tal-produzzjoni jibqa’ l-istess fir-rigward tal-karatteristiċi fundamentali tiegħu: it-tul tal-mewġa ta’ dawl UV jibqa’ fil-medda awtorizzata; il-konċentrazzjoni ta’ vitamina D fit-trab hija ddeterminata mid-durata tal-esponiment għad-dawl UV. Il-produzzjoni ta’ konċentrazzjonijiet aktar baxxi tinvolvi inqas esponiment għad-dawl UV mill-konċentrazzjoni ogħla eżistenti. Biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-klijenti u tal-utenti finali dwar iż-żieda preċiża u konsistenti tal-vitamina D mal-prodotti tal-ikel finali, il-konsistenza tat-trab ittrattat hija żgurata permezz ta’ taħlit bir-reqqa ma’ proporzjonijiet xierqa ta’ trab tal-faqqiegħ li ma jkunx ġie trattat bil-UV. It-trab tal-faqqiegħ mhux ittrattat użat għal dan l-għan huwa identiku għat-trab ittrattat, għajr għan-nuqqas ta’ vitamina D, u b’hekk jiġi eliminat kwalunkwe riskju possibbli li kieku jista’ jiġi assoċjat mal-użu ta’ materjal ta’ taħlit li ma jkunx faqqiegħ. Fir-rigward tat-talba biex jiġi stabbilit livell massimu uniku għall-karboidrati totali, l-applikant jindika li dan il-livell ikun jinkludi ż-żewġ livelli separati speċifikati fl-awtorizzazzjoni attwali, b’mod partikolari “karboidrati” u “fibri totali” li għandhom limiti stretti ħafna. Għalhekk, l-applikant jipproponi li l-limiti eżistenti tal-kontenut ta’ karboidrati u fibri totali jiġu sostitwiti b’limitu uniku għall-karboidrati totali ta’ mhux aktar minn 60 %. Barra minn hekk, l-applikant iqis li dan l-approċċ ikollu benefiċċji prattiċi li jeliminaw l-inċertezza madwar id-determinazzjoni separata tal-fibri totali u l-karboidrati. L-applikant jindika wkoll li trabijiet oħra simili u approvati tal-faqqiegħ li fihom il-vitamina D2 għandhom limiti inqas ristrettivi fuq il-karboidrati. F’dak il-kuntest, il-limitu propost ta’ mhux aktar minn 60 % tal-karboidrati totali, ma huwiex mingħajr preċedent. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni tqis li l-aġġornament mitlub tal-lista tal-Unjoni dwar il-bidla tal-ispeċifikazzjonijiet tat-trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2 proposta mill-applikant, mhuwiex mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem u li mhijiex meħtieġa evalwazzjoni tas-sikurezza mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) f’konformità mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Il-bidla mitluba tal-ispeċifikazzjonijiet tikkonċerna livelli aktar baxxi tal-kontenut ta’ vitamina D2 minn dawk ivvalutati preċedentament mill-Awtorità bħala sikuri u li appoġġaw l-awtorizzazzjoni tat-trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2 skont ir-Regolament (UE) 2021/2079. Barra minn hekk, il-bidliet fil-proċess tal-produzzjoni ma jaffettwawx is-sikurezza tal-ikel ġdid. Barra dan, il-bidla mitluba li tikkonsisti fl-iffissar ta’ limitu uniku għall-karboidrati totali, tikkombina biss tnejn mill-parametri li huma attwalment awtorizzati u għalhekk ma taffettwax is-sikurezza tal-ikel ġdid. |
|
(8) |
L-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li l-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-ikel ġdid huma f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2015/2283 u jenħtieġ li jiġu approvati. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2283/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2470/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2079 tas-26 ta’ Novembru 2021 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2 bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (ĠU L 426, 29.11.2021, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2079/oj).
ANNESS
Fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470, l-entrata għat-trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2 hija sostitwita b’dan li ġej:
|
Ikel Ġdid Awtorizzat |
Speċifikazzjoni |
|
“Trab tal-faqqiegħ li fih il-vitamina D2 |
Deskrizzjoni/Definizzjoni: L-ikel ġdid huwa t-trab tal-faqqiegħ prodott mill-faqqiegħ sħiħ imnixxef Agaricus bisporus. Il-proċess jinkludi t-tnixxif, it-tħin u l-esponiment ikkontrollat tat-trab tal-faqqiegħ għall-irradjazzjoni tal-UV. Radjazzjoni tal-UV: Proċess ta’ radjazzjoni bid-dawl ultravjola f’medda ta’ tul tal-mewġa simili għall-ikel ġdid trattat bil-UV awtorizzat skont ir-Regolament (UE) 2015/2283. Karatteristiċi/kompożizzjoni: Kontenut ta’ vitamina D2: 137-595 μg/g ta’ trab tal-faqqiegħ Rmied: ≤ 13,5 % Attività tal-ilma: < 0,5 Kontenut ta’ ndewwa: ≤ 7,5 % Total ta’ karboidrati: ≤ 60 % Proteina mhux raffinata (N × 6,25): ≥ 22 % Xaħam: ≤ 4,5 % Metalli tqal: Ċomb: ≤ 0,5 mg/kg Kadmju: ≤ 0,5 mg/kg Merkurju: ≤ 0,1 mg/kg Arseniku: ≤ 0,3 mg/kg Mikotossini: Aflatossina B1: ≤ 0,10 μg/kg Aflatossini (is-somma ta’ B1 + B2 + G1 + G2): < 4 μg/kg Kriterji mikrobijoloġiċi: Għadd totali tal-kolonji: ≤ 5 000 CFU Għadd totali ta’ ħmira u ta’ moffa: < 100 CFU/g E. coli: < 10 CFU/g Salmonella spp.: Assenti f’25 g Staphylicoccus aureus: ≤ 10 CFU/g Koliformi: ≤ 10 CFU/g Listeria spp.: Assenti f’25 g Enterobacriaceae: < 10 CFU/g CFU: unitajiet li jifformaw kolonja.” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2682/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)