European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2675

10.10.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2675

tal-10 ta' Ottubru 2024

li jipprevedi appoġġ finanzjarju ta’ emerġenza għas-setturi agrikoli affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Italja u fir-Rumanija, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Matul is-sajf tal-2024, il-Bulgarija kienet affettwata minn avvenimenti klimatiċi avversi ta’ kobor bla preċedent, jiġifieri temperaturi sħan mhux tas-soltu flimkien ma’ kundizzjonijiet persistenti ta’ nixfa li affettwaw b’mod sever il-produzzjoni tal-għelejjel miżrugħa fir-rebbiegħa, speċjalment il-qamħirrum u l-ġirasol, kif ukoll nirien bla preċedent li affettwaw il-produzzjoni agrikola fiż-żoni milquta.

(2)

Matul it-tieni nofs tax-xahar ta’ April 2024, partijiet mill-Ġermanja kienu affettwati minn avveniment klimatiku avvers ta’ kobor bla preċedent, jiġifieri l-ġlata, li għamlet ħsara sinifikanti lill-ġonna bis-siġar tal-frott u lid-dwieli u għalhekk il-produzzjoni ta’ ċertu frott u nbid.

(3)

Matul ix-xahar ta’ Lulju u fil-bidu tax-xahar ta’ Awwissu 2024, partijiet mill-Estonja kienu affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi ta’ kobor bla preċedent, jiġifieri avvenimenti estremament intensi ta’ xita u għargħar, li kienu preċeduti minn kundizzjonijiet klimatiċi avversi straordinarji matul ix-xitwa u r-rebbiegħa tal-2024. Il-ġlata u l-kesħa kbira, b’temperaturi kesħin rekord matul ix-xhur ta’ Diċembru 2023 u Jannar 2024, kienu segwiti minn temperaturi sħan mhux tas-soltu minn Marzu 2024, li wasslu għal kundizzjonijiet ta’ nixfa, u wara minn avvenimenti ta’ ġlata fil-bidu ta’ Mejju 2024 u silġ fil-bidu ta’ Ġunju 2024. Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi straordinarji li jvarjaw affettwaw il-produzzjoni tal-għelejjel, b’mod partikolari l-patata, iż-żerriegħa tal-kolza u l-frott u l-ħxejjex.

(4)

Matul l-ewwel nofs tal-2024, partijiet tal-Italja kienu affettwati minn kundizzjonijiet klimatiċi avversi ta’ kobor bla preċedent. Ġew irreġistrati temperaturi sħan mhux tas-soltu u kundizzjonijiet ta’ nixfa fil-parti tan-Nofsinhar tal-pajjiż u fil-gżejjer li affettwaw b’mod sever il-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex, l-inbid u l-uċuħ tar-raba’, b’mod partikolari s-setturi taċ-ċereali.

(5)

Matul ix-xahar ta’ Lulju 2024, partijiet mir-Rumanija kienu affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi ta’ kobor bla preċedent, jiġifieri mewġiet ta’ sħana, akkumpanjati minn maltempati vjolenti u silġ qawwi, li kienu segwiti minn temperaturi sħan mhux tas-soltu u kundizzjonijiet ta’ nixfa, u kkawżaw ħsara sinifikanti lill-produzzjoni tal-uċuħ tar-raba’. Dawn l-avvenimenti straordinarji tat-temp affettwaw b’mod sever il-produzzjoni taż-żrieragħ żejtnin u s-settur taċ-ċereali.

(6)

Filwaqt li hemm indikazzjonijiet li avvenimenti klimatiċi avversi simili jseħħu madwar l-Unjoni f’kuntest ġenerali ta’ żieda fir-riskji għall-agrikoltura relatati mat-tibdil fil-klima, l-intensità ta’ dawk l-avvenimenti fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Italja u fir-Rumanija kienet straordinarja, u affettwat żona kbira u sehem tal-produzzjoni sinifikanti.

(7)

Il-ħsarat sinifikanti għall-produtturi agrikoli kkawżati minn dawn l-avvenimenti klimatiċi avversi u t-telf ta’ introjtu li jirriżulta għall-produtturi affettwati fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Italja u fir-Rumanija jipperikolaw il-vijabbiltà ekonomika tal-azjendi agrikoli.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li tiġi adottata miżura eċċezzjonali biex tikkontribwixxi għall-indirizzar tal-problemi speċifiċi wara dawn l-avvenimenti klimatiċi avversi fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Italja u fir-Rumanija.

(9)

Il-ħsarat sinifikanti u t-telf ekonomiku mġarrbin mill-produtturi agrikoli minħabba avvenimenti klimatiċi avversi jikkostitwixxu problema speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ma tistax tiġi indirizzata faċilment mill-miżuri meħuda skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjoni mhijiex marbuta speċifikament ma’ disturb uniku identifikat fis-suq jew ma’ theddida preċiża assoċjata miegħu. Mhijiex marbuta lanqas ma’ miżuri li jikkombattu t-tixrid tal-mard tal-annimali jew mat-telf fil-fiduċja tal-konsumaturi minħabba r-riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti.

(10)

Jenħtieġ li l-ammonti magħmula disponibbli għall-Bulgarija, għall-Ġermanja, għall-Estonja, għall-Italja u għar-Rumanija jiġu ddeterminati, filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, il-piż rispettiv ta’ dawk l-Istati Membri fis-settur agrikolu tal-Unjoni, abbażi tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll l-impatt tal-avvenimenti klimatiċi avversi f’dawk l-Istati Membri.

(11)

Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija jenħtieġ li jqassmu l-għajnuna permezz tal-aktar mezzi effettivi abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji li jqisu l-kobor tad-diffikultajiet u d-danni ekonomiċi attwali li jiffaċċaw il-bdiewa kkonċernati. Jenħtieġ li jiżguraw li l-bdiewa jkunu l-benefiċjarji aħħarin tal-għajnuna u jevitaw kwalunkwe distorsjoni tas-suq jew tal-kompetizzjoni.

(12)

Billi l-ammonti allokati lill-Bulgarija, lill-Ġermanja, lill-Estonja, lill-Italja u lir-Rumanija jindirizzaw biss b’mod parzjali d-diffikultajiet ekonomiċi mġarrba mill-bdiewa, jenħtieġ li l-Istat Membru jitħalla jagħti appoġġ nazzjonali addizzjonali lill-bdiewa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament.

(13)

Sabiex il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija jingħataw il-flessibbiltà biex iqassmu l-għajnuna skont il-ħtieġa taċ-ċirkustanzi tal-bdiewa kkonċernati, jenħtieġ li l-Istat Membru jkun jista’ jakkumula dik l-għajnuna ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mingħajr ma jagħtu kumpens żejjed lill-bdiewa.

(14)

Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, jenħtieġ li l-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija jqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew skemi privati bħala rispons għat-telf ekonomiku mġarrab.

(15)

Peress li l-għajnuna tal-Unjoni hija stabbilita bl-euro, u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi u simultanja, jeħtieġ li tiġi ffissata data għall-konverżjoni tal-ammont allokat lill-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita nazzjonali tagħhom, kif inhu l-każ għall-Bulgarija u r-Rumanija. Billi dan ir-Regolament ma jipprevedix skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, jixraq li, għall-finijiet tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (3), titqies id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament bħala l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju fir-rigward tal-ammonti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(16)

Għal raġunijiet baġitarji, jenħtieġ li n-nefqa mġarrba mill-Bulgarija, mill-Ġermanja, mill-Estonja, mill-Italja u mir-Rumanija, l-Unjoni tiffinanzjaha skont din il-miżura eċċezzjonali biss meta tali nefqa ssir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà. Għalhekk, jenħtieġ li l-appoġġ għal din il-miżura eċċezzjonali jitħallas sat-30 ta’ April 2025.

(17)

Peress li ma għandhomx isiru pagamenti wara t-30 ta’ April 2025, ma għandux japplika l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127, li jipprevedi tnaqqis proporzjonali tal-pagamenti ta’ kull xahar li jsiru wara l-iskadenza.

(18)

Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija jenħtieġ li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex l-Unjoni tkun tista’ timmonitorja l-effiċjenza tal-miżura introdotta b’dan ir-Regolament.

(19)

Sabiex ikun żgurat li l-bdiewa jirċievu l-għajnuna malajr kemm jista’ jkun, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija jenħtieġ li jkunu jistgħu jimplimentaw dan ir-Regolament mingħajr dewmien. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(20)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għajnuna tal-Unjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 119 700 000 għandha tkun disponibbli għall-Bulgarija, għall-Ġermanja, għall-Estonja, għall-Italja u għar-Rumanija biex jipprovdu appoġġ eċċezzjonali lill-bdiewa soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   In-nefqa tal-Unjoni mġarrba f’konformità ma’ dan ir-Regolament ma għandhiex taqbeż l-ammont totali ta’:

(a)

EUR 10 900 000 għall-Bulgarija;

(b)

EUR 46 500 000 għall-Ġermanja;

(c)

EUR 3 300 000 għall-Estonja;

(d)

EUR 37 400 000 għall-Italja;

(e)

EUR 21 600 000 għar-Rumanija.

3.   Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija għandhom jużaw l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 għal miżuri li għandhom l-għan li jikkumpensaw lill-bdiewa l-aktar affettwati fis-setturi u l-produzzjonijiet affettwati minn avvenimenti klimatiċi avversi fir-reġjuni affettwati għat-telf ekonomiku li għandu impatt fuq il-vijabbiltà tal-bdiewa.

4.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jittieħdu abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji li jqisu t-telf ekonomiku attwali mġarrab mill-bdiewa affettwati u għandhom jiżguraw li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw ebda distorsjoni fis-suq jew fil-kompetizzjoni.

5.   Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija għandhom jiżguraw li, meta l-bdiewa ma jkunux il-benefiċjarji diretti tal-pagamenti tal-għajnuna tal-Unjoni, il-benefiċċju ekonomiku tal-għajnuna tal-Unjoni jingħadda lilhom b’mod sħiħ.

6.   In-nefqa imġarrba mill-Bulgarija, mill-Ġermanja, mill-Estonja, mill-Italja u mir-Rumanija msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-pagamenti għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sat-30 ta’ April 2025.

7.   Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jistgħu jiġu kumulati ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

8.   Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija jistgħu jagħtu appoġġ nazzjonali addizzjonali għall-miżuri meħuda skont il-paragrafu 3 sa massimu ta’ 200 % tal-ammont rispettiv stabbilit fil-paragrafu 2, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, dment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżaw ebda distorsjoni fis-suq jew fil-kompetizzjoni, jew kumpens żejjed. Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija għandhom iħallsu l-appoġġ nazzjonali addizzjonali sal-31 ta’ Lulju 2025.

9.   Sabiex jiġi evitat kumpens żejjed, meta jingħata appoġġ skont dan ir-Regolament, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija għandhom iqisu l-appoġġ mogħti fil-qafas ta’ strumenti oħra ta’ appoġġ nazzjonali jew tal-Unjoni jew skemi privati bħala rispons għat-telf ekonomiku kkonċernat.

Artikolu 2

1.   Mingħajr dewmien u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dawn li ġejjin, b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(3):

(a)

deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu;

(b)

il-kriterji li ntużaw biex jiġu ddeterminati l-metodi għall-għoti tal-għajnuna, l-ammonti u r-raġunament għad-distribuzzjoni tal-għajnuna fost il-bdiewa;

(c)

l-impatt maħsub tal-miżuri bl-għan li l-bdiewa jiġu kkumpensati għat-telf ekonomiku;

(d)

l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġi vverifikat li jinkiseb l-impatt maħsub tal-miżuri;

(e)

l-azzjonijiet li ttieħdu biex jiġu evitati d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-kumpens żejjed;

(f)

il-previżjoni għall-pagamenti tan-nefqa tal-Unjoni imqassma kull xahar sat-30 ta’ April 2025;

(g)

il-livell ta’ appoġġ nazzjonali addizzjonali li għandu jingħata skont l-Artikolu 1(8);

(h)

l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-bdiewa u biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2025, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Italja u r-Rumanija għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-ammonti totali mħallsa għal kull miżura, fejn japplika mqassma skont l-għajnuna tal-Unjoni u l-appoġġ nazzjonali addizzjonali, in-numru u t-tip ta’ benefiċjarji u l-valutazzjoni tal-effettività tal-miżura.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2675/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)