European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2665

9.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2665

tat-8 ta’ Ottubru 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa.

(2)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 tapplika sal-15 ta’ Ottubru 2024. Abbażi ta’ rieżami ta’ dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stipulati fiha jiġu estiżi sal-15 ta’ Ottubru 2025, u jenħtieġ li tiġi aġġornata d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet fir-rigward ta’ żewġ persuni fiżiċi u entità waħda elenkati fl-Anness tagħha.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 9, id-data “15 ta’ Ottubru 2024” hija sostitwita bi “15 ta’ Ottubru 2025”;

(2)

l-Anness huwa emendat kif jinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

VARGA M.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1720 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (ĠU L 262, 15.10.2019, p. 58).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2019/1720 huwa emendat kif ġej:

(1)

Taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikoli 1(1) u 2(1)”, l-entrati 5 u 12 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“5.

Luís PÉREZ OLIVAS

Data tat-twelid: 8.1.1956

Sess: raġel

Kap tal-Istazzjon tal-Pulizija tat-Tielet Distrett f’Managua mill-2023. Eks Kummissarju Ġenerali u Uffiċjal Prinċipali għall-Assistenza Legali (DAEJ) fiċ-ċentru penitenzjarju ‘El Chipote’. Responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura, l-użu ta’ forza estensiva, it-trattament ħażin tad-detenuti u forom oħra ta’ trattament degradanti.

4.5.2020

12.

Alba Luz RAMOS

VANEGAS

Data tat-twelid: 3.6.1949

Sess: mara

Nazzjonalità: Nikaragwana

Numru tal-passaport: A0009864 (in-Nikaragwa)

Eks President tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja tan-Nikaragwa. Responsabbli għall-istrumentalizzazzjoni tal-ġudikatura favur l-interessi tar-reġim ta’ Ortega, permezz tal-kriminalizzazzjoni selettiva tal-attivitajiet tal-oppożizzjoni, u b’hekk tipperpetwa x-xejra ta’ ksur tad-drittijiet għal proċess ġust, arresti arbitrarji, u l-iskwalifika ta’ partiti politiċi u kandidati tal-oppożizzjoni.

Għalhekk hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, u għall-imminar serju tal-istat tad-dritt fin-Nikaragwa

2.8.2021”

(2)

Taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)”, l-entrata 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“2.

Kunsill Elettorali Suprem

Consejo Supremo Electoral

Indirizz: Pista Juan Pablo II, Managua 14005, Nicaragua

Sit web: https://www.cse.gob.ni/

Email: info@cse.gob.ni

Il-Kunsill Elettorali Suprem (SEC) huwa l-korp responsabbli għat-tħejjija, l-organizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2021, li minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom, ta’ oppożizzjoni vera u ta’ dibattitu demokratiku, dgħajjef l-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi. Is-SEC ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-opportunità li toħroġ għal elezzjonijiet ħielsa u żgura l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet f’kundizzjonijiet mhux demokratiċi.

Fit-3 ta’ Ottubru 2023, is-SEC ħassar l-istatus legali ta’ Yatama, il-partit politiku indiġenu ewlieni fin-Nikaragwa, u xekkel il-parteċipazzjoni tiegħu fl-elezzjonijiet ta’ Marzu 2024 f’żewġ reġjuni awtonomi tal-pajjiż (Costa Caribe u Costa Caribe Norte).

Is-SEC huwa għaldaqstant responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika, kif ukoll għall-imminar serju tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

10.1.2022”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2665/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)