European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2620

4.10.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2620

tat-30 ta’ Lulju 2024

li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti biex il-gassijiet serra jitqiesu li saru marbuta kimikament b’mod permanenti fi prodott

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3b), it-tieni subparagrafu tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex tiġi allinjata mar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jistabbilixxi mira ta’ tnaqqis ta’ mill-anqas 55 % tal-emissjonijiet netti sal-2030 meta mqabbel mal-1990.

(2)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji u r-rekwiżiti meħtieġa biex il-gassijiet serra jitqiesu kimikament marbuta b’mod permanenti fi prodott.

(3)

Il-proċessi attwali tal-qbid u l-użu għal ħżin permanenti japplikaw biss għall-emissjonijiet ta’ CO2, billi gassijiet serra oħra, bħal CH4 jew N2O, ma jeħtiġux ħżin permanenti għall-mitigazzjoni ta’ tali emissjonijiet. Peress li r-reazzjonijiet kimiċi matul il-proċess ta’ użu jistgħu jwasslu għat-trasformazzjoni kimika tal-molekula tas-CO2, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-atomi tal-karbonju li jkunu saru kimikament marbuta.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-emissjonijiet tas-CO2 li jkunu saru kimikament marbuta b’mod permanenti fi prodott jipprovdu benefiċċju klimatiku simili bħall-ħżin ġeoloġiku, filwaqt li titqies in-natura differenti ta’ dawn l-approċċi differenti. Għalhekk, dak is-CO2 jenħtieġ li jibqa’ kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott għal mill-inqas perjodu ta’ diversi sekli jew itwal, abbażi tat-tip ta’ rabta kimika u l-użu normali u t-trattament probabbli fi tmiem il-ħajja tal-prodott rispettiv.

(5)

L-użu normali u l-mogħdijiet ta’ tmiem il-ħajja differenti għall-prodotti magħmula mis-CO2 maqbud se jirriżultaw fi probabbiltajiet differenti li l-karbonju maħżun inkorporat fi prodott jiġi rilaxxat. Ir-rilaxxi jistgħu jseħħu minħabba l-kombustjoni, jew bħala parti integrali mill-użu tal-prodott, kif inhu l-każ għall-fjuwils sintetiċi, jew mar-rimi, bħal permezz tal-inċinerazzjoni tal-iskart. Sabiex jiġi żgurat li l-karbonju maħżun fi prodott jibqa’ marbut kimikament b’mod permanenti u ma jidħolx fl-atmosfera għal perjodu ta’ mill-inqas diversi sekli, is-CO2 jenħtieġ li jkun marbut fi prodotti li jgħixu fit-tul fi kwalunkwe użu normali u, fi kwalunkwe attività normali fi tmiem il-ħajja, li jintremew b’mod ieħor għajr l-inċinerazzjoni, li jirrilaxxa l-karbonju maħżun fl-atmosfera.

(6)

Il-proprjetajiet kimiċi tal-karbonati minerali, bħall-karbonat tal-kalċju jew il-karbonat tal-manjeżju, jiżguraw rabtiet kimiċi qawwija li, sakemm ma jkunux esposti għal temperaturi għoljin jew aċidi qawwija, jipprovdu l-possibbiltà li l-karbonju jitqies kimikament marbut b’mod permanenti. Għalhekk, il-karbonazzjoni minerali tirriżulta fiż-żamma tal-karbonju għal żminijiet eċċezzjonalment twal fil-blat karbonat, li ma jiġix rilaxxat fl-atmosfera f’kundizzjonijiet normali (4).

(7)

Il-kundizzjonijiet preżenti fl-inċineraturi tal-iskart huma biżżejjed biex tinbeda r-reazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni. Għalhekk, il-karbonju maqbud u użat fi prodotti li jkollhom sehem sinifikanti ta’ trattament fi tmiem il-ħajja permezz tal-inċinerazzjoni jenħtieġ li ma jitqiesx bħala kimikament marbuta b’mod permanenti.

(8)

Il-prodotti bbażati fuq il-karbonati minerali u użati għall-prodotti tal-kostruzzjoni, bħal aggregati, siment, konkrit, briks jew madum, għandhom ħajja twila u jistgħu jibqgħu jintużaw minn għexieren sa mijiet ta’ snin. Fl-istadju ta’ tmiem il-ħajja, tali prodotti jaqgħu fil-kategorija tal-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, f’konformità mal-Lista ta’ Skart (5). Skont l-aħħar valutazzjoni miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (6), it-trattament medju tal-Unjoni fi tmiem il-ħajja għall-frazzjoni minerali tal-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni jikkonsisti fir-riċiklaġġ (79 %), fir-radam (10 %) u fir-rimi fil-miżbliet (11 %). Għalhekk, is-CO2 maqbud li jintuża fil-manifattura tal-karbonati minerali u li jintuża fil-prodotti għall-bini jenħtieġ li jitqies bħala kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott.

(9)

Il-lista ta’ prodotti meqjusa li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12(3b) tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li tiġi rieżaminata u, jekk ikun meħtieġ, aġġornata kif meħtieġ abbażi ta’ kwalunkwe żvilupp teknoloġiku rilevanti u innovazzjoni fil-qasam tal-ħżin permanenti tal-karbonju fil-prodotti, titjib fil-prattiki ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika li jistgħu jiċċertifikaw il-permanenza tal-ħżin, kif ukoll l-esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti biex is-CO2 jitqies li sar kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“qbid” tfisser kwalunkwe proċess jew proċedura teknoloġika meħtieġa għall-qbid, u, jekk meħtieġ, għall-ipproċessar jew il-purifikazzjoni qabel l-użu, tas-CO2 li jirriżulta minn attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE;

(2)

“użu” tfisser kwalunkwe proċess jew prattika teknoloġika li tagħmel użu mis-CO2 maqbud bħala materja prima għall-manifattura ta’ prodotti;

(3)

“kimikament marbut” tfisser li s-CO2 jiġi ttrasformat kimikament sabiex l-atomu tal-karbonju jiġi marbut kimikament b’rabtiet b’saħħithom b’mod li jipprevjeni l-impatt tat-tisħin globali tiegħu milli jseħħ;

(4)

“prodott” tfisser oġġetti jew materjali, inkluż l-intermedji u d-derivati tagħhom, li jużaw is-CO2 permezz tal-irbit kimiku jew l-atomi tal-karbonju derivati mis-CO2;

(5)

“prodott għall-bini” tfisser kwalunkwe oġġett fiżiku b’forma jew mingħajr forma mqiegħed fis-suq għall-inkorporazzjoni b’mod permanenti f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew partijiet minnhom;

(6)

“użu normali” tfisser kwalunkwe mod li bih prodott ikun mistenni li jintuża tipikament mill-utent finali abbażi tal-karatteristiċi tal-prodott;

(7)

“attività normali li sseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tal-prodott” tfisser kwalunkwe trattament prevalenti ta’ prodott wara li jintrema mill-utent finali abbażi tal-prattiki rilevanti tal-immaniġġjar tal-iskart u tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Artikolu 3

Rekwiżiti għall-qbid u l-użu permanenti fil-prodotti

1.   Is-CO2 għandu jitqies kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott meta jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

Ikun sar kimikament marbut fi prodott permezz ta’ proċess ta’ użu attiv u kkontrollat, li jippermetti l-kejl u d-determinazzjoni tal-ammont ta’ ekwivalenti ta’ CO2 marbut fil-prodott matul il-proċess ta’ użu, eskluż kwalunkwe karbonju preżenti fil-materjal qabel il-proċess ta’ użu jew assorbit b’mod naturali mill-atmosfera jew minn sorsi oħra wara l-proċess ta’ użu; u

(b)

Jibqa’ kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott b’tali mod li ma jidħolx fl-atmosfera b’użu normali tal-prodott, inkluża kwalunkwe attività normali li sseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tal-prodott, għal perjodu ta’ mill-inqas diversi sekli. Fil-każ ta’ prodotti b’diversi użi normali u mogħdijiet ta’ tmiem il-ħajja, dawn il-mogħdijiet kollha jeħtieġ li jitqiesu għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu. Prodotti li matul l-użu normali, inkluża kwalunkwe attività normali li sseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tal-prodott, jistgħu jkunu esposti għal kombustjoni f’temperatura għolja, bħal matul l-inċinerazzjoni tal-iskart, ma għandhomx jitqiesu bħala CO2 kimikament marbut b’mod permanenti.

2.   Il-prodotti meqjusa li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 huma elenkati fl-Anness.

Artikolu 4

Proċess ta’ rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-prodotti elenkati fl-Anness abbażi tal-iżviluppi teknoloġiċi rilevanti u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ħżin permanenti tal-karbonju fil-prodotti, it-titjib fil-prattiki ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika, kif ukoll l-esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha taġġorna l-Anness, jekk ikun meħtieġ.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis it-talbiet sottomessi mill-awtoritajiet kompetenti biex tiġi aġġornata l-lista ta’ prodotti fl-Anness, meta dawn ikunu debitament appoġġati minn evidenza ta’ konformità mar-rekwiżiti fl-Artikolu 3(1).

3.   Ir-riżultati u d-dokumentazzjoni rilevanti ta’ kwalunkwe rieżami tal-prodotti elenkati fl-Anness għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(2)  Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(4)  IPCC 2005. Special Report on Carbon Dioxide Capture and Storage. [Metz, B, Davidson, O., de Coninck, H. C., Loos, M., and Meyer, L. A. (eds.)]. Prepared by Working Group III of the Intergovernmental Panel on Climate Change Cambridge and New York: Cambridge University Press.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/955/UE tat-18 ta’ Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2000/532/KE dwar il-lista ta’ skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 370, 30.12.2014, p. 44).

(6)  Cristobal Garcia, J., Caro, D., Foster, G., Pristera, G., Gallo, F. u Tonini, D., Techno-economic and environmental assessment of construction and demolition waste management in the European Union, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, doi: 10.2760/721895, JRC135470.


ANNESS

PRODOTTI MEQJUSA LI JGĦAQQDU KIMIKAMENT B’MOD PERMANENTI S-CO2

Il-karbonati minerali użati fil-prodotti għall-bini li ġejjin:

(a)

aggregati karbonati użati f’forma marbuta jew mhux marbuta fi prodotti għall-bini bbażati fuq minerali;

(b)

kostitwenti karbonizzati tas-siment, tal-ġir, jew ta’ leganti idrawliċi oħrajn użati fil-prodotti għall-bini;

(c)

konkrit karbonizzat, inklużi blokok prefabrikati, ċangaturi jew konkrit arjat;

(d)

briks, madum, jew unitajiet oħrajn tal-ġebel karbonizzati.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2620/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)