European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2546

27.9.2024

DEĊIŻJONI (UE) 2024/2546 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Settembru 2024

li temenda d-Deciżjoni (UE) 2023/2684 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħrug ta’ muniti fl-2024 (BĊE/2023/28) (BĊE/2024/25)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Diċembru 2015 dwar il-qafas proċedurali għall-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti tal-euro (BĊE/2015/43) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(8) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv sa mill-1 ta’ Jannar 1999 biex japprova l-volum ta’ muniti maħruġin mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Skont l-estimi tad-domanda għall-muniti tal-euro fl-2024 li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ppreżentaw lill-BĊE, il-BĊE approva l-volum totali tal-muniti tal-euro intiżi għaċ-ċirkolazzjoni u l-muniti tal-euro għall-kollezzjonisti mhux intiżi għaċ-ċirkolazzjoni fl-2024 fid-Deċiżjoni (UE) 2023/2684 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/28) (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2332(BĊE/2015/43), l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jinnotifikaw lill-BĊE jekk id-domanda attwali għal muniti tal-euro x’aktarx taqbeż il-volum approvat ta’ ħruġ ta’ muniti f’sena kalendarja u, meta d-domanda akbar għall-muniti tkompli teżisti, għandhom jagħmlu talba għall-approvazzjoni ad hoc għal volum addizzjonali ta’ ħruġ ta’ muniti f’dik is-sena kalendarja.

(4)

Fit-12 ta’ Lulju 2024, il-BĊE rċieva talba mill-Bank Ċentrali ta’ Malta f’isem Malta biex jiżdied il-volum ta’ muniti tal-euro għaċ-ċirkolazzjoni li Malta tista’ toħroġ fl-2024 b’volum addizzjonali ta’ EUR 9,0 miljun, minn EUR 0,5 miljun għal EUR 9,5 miljun. Ir-raġuni għal din it-talba hija li volum ta’ muniti tal-euro għall-kollezzjonisti, kemm maħruġa kif ukoll mibjugħa permezz ta’ ftehimiet ta’ kollaborazzjoni li Malta ħarġet fl-2024 jaqbeż il-volum tal-ħruġ ta’ muniti tal-euro għall-kollezzjonisti approvat mill-BĊE għal Malta fl-2024. Peress li l-approvazzjoni ta’ volum addizzjonali ta’ ħruġ ta’ muniti tal-euro mill-BĊE hija prevista biss qabel ma jinħareġ il-volum addizzjonali ta’ muniti tal-euro, il-Bord Eżekuttiv iddetermina li l-volum addizzjonali ta’ ħruġ ta’ muniti tal-euro għall-kollezzjonisti li għandu jiġi approvat mill-BĊE għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih tiġi rċevuta t-talba għal approvazzjoni ad hoc.

(5)

Skont l-Artikolu 3(8) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2332 (BĊE/2015/43), meta l-Bord Eżekuttiv jiddetermina li l-volum addizzjonali ta’ ħruġ ta’ muniti mitlub minn Stat Membru taż-żona tal-euro jeħtieġ modifika, huwa għandu jissottometti proposta mmotivata li tispjega l-modifiki meħtieġa lill-Kunsill Governattiv, li għandu jadotta deċiżjoni individwali dwar it-talba għall-approvazzjoni ad hoc.

(6)

Il-Bord Eżekuttiv jipproponi li l-volum ta’ muniti tal-euro għall-kollezzjonisti li Malta tista’ toħroġ fil-perjodu minn Awwissu sa Diċembru 2024 għandu jiżdied b’volum addizzjonali ta’ EUR 3,75 miljun. Peress li diġà nħareġ volum ta’ EUR 0,5 miljun, il-volum totali ta’ ħruġ ta’ muniti tal-euro għall-kollezzjonijisti għal Malta fl-2024 se jiżdied għal EUR 4,25 miljun.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2023/2684 (BĊE/2023/28) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

It-tabella fl-Artikolu 2 tad-Decizjoni (UE) 2023/2684 (BĊE/2023/28) hija emendata kif gej:

(1)

ir-ringiela dwar Malta hija mibdula b’li ġej:

“Malta

6,70

4,25

10,95 ”;

(2)

ir-ringiela intitolata “Total” hija mibdula b’li ġej:

“Total

1 876,02

472,35

2 348,37 ”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Settembru 2024.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 328, 12.12.2015, p. 123.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2023/2684 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Novembru 2023 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2024 (BĊE/2023/28) (ĠU L, 2023/2684, 28.11.2023 , ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2684/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2546/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)