|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2545 |
26.11.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2545
tal-24 ta’ Settembru 2024
li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 95(11), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-swieq fil-kriptoassi huma inerentement transfruntiera. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti jkunu jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni li tippermettilhom jissorveljaw b’mod effettiv lill-emittenti u lill-offerenti tal-kriptoassi kif ukoll lill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li joperaw madwar l-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex jippermettu t-twettiq effettiv tad-dmirijiet u l-funzjonijiet superviżorji, investigattivi u ta’ infurzar tagħhom. |
|
(2) |
Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni b’mod effiċjenti u f’waqtu kif ukoll jipprovdu assistenza lil xulxin għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2023/1114, huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri, formoli u mudelli komuni għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għal assistenza, il-konfermi tar-riċevuti u t-tweġibiet għal tali talbiet. |
|
(3) |
Jenħtieġ li normalment l-informazzjoni tiġi skambjata bil-miktub. Madankollu, jenħtieġ li f’każijiet xierqa jkunu possibbli komunikazzjonijiet bil-fomm, inkluż, b’mod partikolari, qabel tintbagħat talba bil-miktub għal kooperazzjoni jew għall-iskambju ta’ informazzjoni, biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar talba futura għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, jew biex tiġi diskussa kwalunkwe kwistjoni li tista’ tagħmel diffiċli l-konformità ma’ dik it-talba. F’każijiet urġenti, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li tiġi kkomunikata bil-fomm talba għal kooperazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni, dment li tali urġenza ma tkunx dovuta għal dewmien min-naħa tal-parti rikjedenti. |
|
(4) |
Talbiet urġenti għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni jenħtieġ li jkunu permessi meta jkun rikjest rispons fil-pront min-naħa tal-awtorità rikjedenti sabiex titwaqqaf ħsara sinifikanti jew tiġi evitata ħsara sinifikanti potenzjali għall-investituri jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-fiduċja fiha. Dan jinkludi każijiet fejn, pereżempju, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti reċentement kisbet evidenza li turi li fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi awtorizzat fi Stat Membru ieħor qed jikkummerċjalizza kriptoassi li mhumiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-klijenti jew tad-detenturi fil-livell tal-konsumatur stabbiliti fl-Artikolu 102 tar-Regolament (UE) 2023/1114. Jenħtieġ li t-talbiet urġenti jkunu permessi wkoll meta awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti tkun irċeviet ilmenti rilevanti relatati ma’ fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi awtorizzat fi Stat Membru ieħor jew meta awtorità kompetenti jkollha raġunijiet biex temmen li fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li jopera fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkun f’riskju ta’ insolvenza, li jista’ jaffettwa lill-klijenti fil-ġuriżdizzjoni tagħha jew l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. |
|
(5) |
Ir-Regolament (UE) 2023/1114 jistabbilixxi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, jiskambjaw informazzjoni u jassistu lil xulxin. |
|
(6) |
Jenħtieġ li t-trażmissjonijiet mhux mitluba jkunu previsti f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1114, inkluż fuq bażi volontarja meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tikkunsidra li l-informazzjoni fil-pussess tagħha tista’ tkun ta’ użu għal awtorità kompetenti oħra. Meta tittrażmetti informazzjoni mhux mitluba, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tiżgura li jkollha bażi legali biex tagħmel dan, u tindikaha fil-formola stabbilita fl-Anness rilevanti. |
|
(7) |
Talba għal assistenza skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2023/1114 jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni suffiċjenti dwar is-suġġett tat-talba, inkluża r-raġuni għat-talba u l-kuntest tagħha, biex l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista’ tipproċessaha b’mod effiċjenti u espedjenti. Jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ li awtorità rikjedenti tindika l-fatti li jwasslu għas-suspett ta’ ksur li mmotiva t-talba meta l-informazzjoni mitluba tkun meħtieġa biex dik l-awtorità taqdi dmirijietha. |
|
(8) |
Il-proċeduri għall-kooperazzjoni jenħtieġ li jippermettu u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni, il-konsultazzjoni u l-interazzjoni bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba, biex jiġi żgurat ipproċessar effiċjenti tat-talbiet għal informazzjoni jew assistenza. Jenħtieġ li dawn il-proċeduri jippermettu wkoll lill-awtoritajiet kompetenti jipprovdu feedback lil xulxin dwar l-utilità tal-informazzjoni jew l-assistenza l-oħra rċevuta, dwar l-eżitu tal-każ li fir-rigward tagħha ntalbet l-assistenza, u dwar kwalunkwe problema li tinqala’ fl-għoti ta’ tali informazzjoni jew assistenza. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-assistenza jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata jew mibgħuta u l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data. |
|
(10) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority) f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA, European Banking Authority) u ppreżentat lill-Kummissjoni. |
|
(11) |
L-ESMA talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(12) |
L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-introduzzjoni ta’ tali standards, peress li kieku għamlet dan kien ikun sproporzjonat ħafna fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-impatt ta’ dawk l-istandards, meta jitqies li dan ir-Regolament jaffettwa biss lill-awtoritajiet u lill-entitajiet kompetenti u mhux lill-parteċipanti fis-suq. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjoni
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “mezzi elettroniċi” huma mezzi ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali), il-ħażna u t-trażmissjoni ta’ data, li jużaw wajers, radju, teknoloġiji ottiċi, jew kwalunkwe mezz elettromanjetiku ieħor, li jiżguraw li l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jinżammu matul it-trażmissjoni.
Artikolu 2
Punti ta’ kuntatt
1. Kull awtorità kompetenti għandha tiddeżinja punt ta’ kuntatt għall-finijiet li jiġu kkomunikati t-talbiet għal kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2023/1114.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-punti ta’ kuntatt tagħhom lill-ESMA sal-15 ta’ Jannar 2025 u għandhom jipprovdu informazzjoni aġġornata lill-ESMA kif meħtieġ.
3. L-ESMA għandha tmantni u żżomm aġġornata lista tal-punti ta’ kuntatt iddeżinjati mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 1.
Artikolu 3
Talba għal kooperazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni
1. Awtorità rikjedenti għandha tagħmel talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni bil-miktub, permezz tal-posta jew ta’ mezzi elettroniċi. Hija għandha tindirizza t-talba lill-punt ta’ kuntatt iddeżinjat skont l-Artikolu 2.
2. Meta titlob kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, awtorità kompetenti għandha tuża l-formola stabbilita fl-Anness I u għandha:
|
(a) |
tispeċifika d-dettalji tal-informazzjoni rilevanti mitluba; |
|
(b) |
tidentifika, fejn xieraq, il-kwistjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni mitluba. |
Artikolu 4
Konferma tar-riċevuta ta’ talbiet għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni
1. Fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mir-riċevuta talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta, bil-posta jew b’mezzi elettroniċi, lill-punt ta’ kuntatt iddeżinjat skont l-Artikolu 2, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fit-talba. Il-konferma tar-riċevuta għandha ssir billi tintuża l-formola stabbilita fl-Anness II u, fejn ikun possibbli, għandha tinkludi l-indikazzjoni tad-data jew tal-perjodu ta’ żmien stmat li fih mistennija tingħata tweġiba.
2. Meta ma jkunx possibbli li tiġi indikata d-data jew il-perjodu ta’ żmien stmat għat-tweġiba, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tindika l-frekwenza li biha se taġġorna lill-awtorità rikjedenti.
Artikolu 5
Tweġiba għal talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni
1. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha twieġeb għal talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni bil-miktub, permezz tal-posta jew ta’ mezzi elettroniċi. It-tweġiba għandha tiġi indirizzata lill-punt ta’ kuntatt iddeżinjat skont l-Artikolu 2, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fit-talba. Meta l-awtorità li ssirilha t-talba tirrikjedi informazzjoni addizzjonali fir-rigward tat-talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, hija għandha titlob aktar kjarifiki minnufih bi kwalunkwe mezz.
2. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha twieġeb għat-talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness III u għandha:
|
(a) |
tieħu l-passi raġonevoli kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tagħha biex tipprovdi l-informazzjoni jew l-assistenza mitluba; |
|
(b) |
taġixxi mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li tqis il-kumplessità tat-talba u l-ħtieġa li tinvolvi partijiet terzi jew awtorità kompetenti oħra. |
3. Meta l-awtorità li ssirilha t-talba tirrifjuta li taġixxi, b’mod sħiħ jew parzjalment, fuq talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti malajr kemm jista’ jkun bid-deċiżjoni tagħha, bil-miktub, permezz tal-posta jew ta’ mezzi elettroniċi, filwaqt li tindika fuq liema raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 tkun ibbażat fuqhom.
Artikolu 6
Talbiet urġenti għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni
1. Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 4 u 5, il-proċedura f’dan l-Artikolu għandha tapplika għal talbiet urġenti għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni.
2. L-awtorità rikjedenti għandha tispeċifika, b’mod ċar, ir-raġunijiet għall-urġenza tat-talba, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness I.
3. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, l-awtorità rikjedenti tista’ inizjalment tikkomunika l-informazzjoni bil-fomm meta dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkostanzi konkreti li wasslu għat-talba. Dik il-preżentazzjoni bil-fomm għandha sussegwentement tiġi kkonfermata bil-miktub u trażmessa lill-awtorità li ssirilha t-talba, mingħajr dewmien żejjed, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness I, sakemm l-awtorità li ssirilha t-talba ma taqbilx mod ieħor.
4. Fi żmien 3 ijiem tax-xogħol mir-riċevuta ta’ talba urġenti għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta bil-miktub, permezz tal-posta jew ta’ mezzi elettroniċi, lill-punt ta’ kuntatt iddeżinjat skont l-Artikolu 2, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fit-talba, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness II.
5. Jekk l-awtorità li ssirilha t-talba ma taqbilx mal-urġenza tat-talba, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti b’dan il-fatt flimkien mal-konferma tar-riċevuta, filwaqt li tagħti d-dettalji dwar ir-raġunijiet tagħha b’mod ċar u billi tuża l-formola stabbilita fl-Anness II. F’tali każ, it-talba ma għandhiex tiġi ttrattata bħala talba urġenti għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni.
6. Meta l-awtorità li ssirilha t-talba tirrifjuta li taġixxi, b’mod sħiħ jew parzjalment, fuq talba urġenti għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti malajr kemm jista’ jkun bid-deċiżjoni tagħha, bil-miktub, permezz tal-posta jew ta’ mezzi elettroniċi, filwaqt li tindika għal liema raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 tkun ibbażat fuqhom.
7. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi tweġiba preċiża u komprensiva malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol mir-riċevuta tat-talba. It-tweġiba għandha tingħata bil-miktub, permezz tal-posta jew ta’ mezzi elettroniċi, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness III, sakemm l-awtorità rikjedenti ma taqbilx mod ieħor.
8. Meta l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista’ tipprovdi lill-awtorità rikjedenti bi tweġiba preċiża u komprensiva fi żmien 10 jum tax-xogħol, hija għandha, permezz ta’ deroga mill-paragrafu 7, tipprovdi tweġiba parzjali sa dik l-iskadenza. F’dak il-każ, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi tweġiba preċiża u komprensiva fi żmien 20 jum tax-xogħol mid-data tar-riċevuta tat-talba oriġinali. Meta l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista’ tiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa sa dik l-iskadenza, hija għandha tipprovdi spjegazzjoni tar-restrizzjonijiet rilevanti lill-awtorità rikjedenti.
Artikolu 7
Proċeduri biex tintbagħat u tiġi pproċessata talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni
1. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkomunikaw bl-użu tal-aktar mezzi espedjenti, filwaqt li jqisu dan li ġej:
|
(a) |
il-kunsiderazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità; |
|
(b) |
it-tul ta’ ħin tal-korrispondenza; |
|
(c) |
il-volum tal-materjal li għandu jiġi kkomunikat; |
|
(d) |
il-faċilità ta’ aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti. |
L-awtorità rikjedenti għandha twieġeb fil-pront għal kwalunkwe talba ta’ kjarifika mill-awtorità li ssirilha t-talba.
2. Meta ma tkunx tista’ tingħata tweġiba sad-data jew sal-perjodu ta’ żmien stmat imsemmija fl-Artikolu 4(1), l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tagħti data jew perjodu ta’ żmien stmat ġdid lill-awtorità rikjedenti filwaqt li tispjega r-raġunijiet għad-dewmien, billi tuża l-istess mezzi użati għall-konferma tar-riċevuta tat-talba.
3. L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw sabiex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista’ tinħoloq fl-eżekuzzjoni ta’ talba.
Artikolu 8
Proċedura għat-talbiet rigward it-teħid ta’ dikjarazzjoni mingħand persuna
1. Fejn l-awtorità rikjedenti tinkludi fit-talba tagħha li tittieħed dikjarazzjoni minn kwalunkwe persuna, l-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom, soġġett għal-limitazzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet legali eżistenti u kwalunkwe differenza fir-rekwiżiti proċedurali, jivvalutaw u jikkunsidraw dan li ġej:
|
(a) |
id-drittijiet tal-persuni li mingħandhom għandu jittieħdu d-dikjarazzjonijiet, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe kwistjonijiet ta’ awtoinkriminazzjoni; |
|
(b) |
ir-rwol u n-natura tal-parteċipazzjoni tal-persunal tal-awtorità li ssirilha t-talba u tal-awtorità rikjedenti fit-teħid tad-dikjarazzjoni, b’mod partikolari jekk il-parteċipazzjoni tkunx attiva jew passiva; |
|
(c) |
jekk il-persuna li mingħandha għandha tittieħed d-dikjarazzjoni għandhiex id-dritt li tkun assistita minn rappreżentant legali, u jekk dan ikun il-każ, l-ambitu tal-assistenza mir-rappreżentant matul it-teħid tad-dikjarazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ kwalunkwe rekord jew rapport tad-dikjarazzjoni; |
|
(d) |
jekk id-dikjarazzjoni għandhiex tittieħed fuq bażi volontarja jew mandatorja, fejn teżisti tali distinzjoni; |
|
(e) |
jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli meta ssir it-talba, il-persuna li mingħandha għandha tittieħed id-dikjarazzjoni tkunx xhud jew persuna suspettata, fejn teżisti tali distinzjoni; |
|
(f) |
jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tat-talba, id-dikjarazzjoni tkunx tista’ jew hijiex maħsuba biex tintuża fi proċedimenti kriminali; |
|
(g) |
l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità rikjedenti; |
|
(h) |
ir-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni u tal-proċeduri applikabbli, inkluż jekk id-dikjarazzjoni hijiex se tkun kontemporanja, miġburin fil-qosor f’minuti miktubin jew irreġistrati bl-użu ta’ mezzi awdjo jew awdjoviżivi; |
|
(i) |
proċeduri dwar iċ-ċertifikazzjoni jew il-konferma tad-dikjarazzjoni mill-persuni li jipprovdu d-dikjarazzjoni, inkluż jekk tali ċertifikazzjoni jew konferma ssirx wara li ttieħdet id-dikjarazzjoni; u |
|
(j) |
il-proċedura għat-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni lill-awtorità rikjedenti, inkluż il-format ta’ tali trażmissjoni u ż-żmien għaliha. |
2. L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jiżguraw li jkun hemm arranġamenti fis-seħħ li jippermettu lill-persunal tagħhom jipproċedi b’mod effiċjenti u li jaqblu dwar dan li ġej:
|
(a) |
l-ippjanar ta’ dati; |
|
(b) |
il-lista ta’ mistoqsijiet li għandhom isiru lill-persuna li mingħandha trid tittieħed id-dikjarazzjoni; |
|
(c) |
l-arranġamenti tal-ivvjaġġar, inkluż l-iżgurar li l-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu l-kwistjoni qabel ma tittieħed id-dikjarazzjoni; |
|
(d) |
arranġamenti lingwistiċi; |
|
(e) |
kwalunkwe kwistjoni prattika oħra li tista’ tinqala’ b’rabta mat-teħid ta’ dikjarazzjoni. |
Artikolu 9
Proċedura għal talbiet li jirrigwardaw investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post
1. Fejn issir talba biex titwettaq investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post skont l-Artikolu 95(4) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin dwar l-aħjar mod kif jista’ jingħata effett utli għat-talba, filwaqt li jikkunsidraw l-Artikolu 95(4), tat-tieni subparagrafu, punti (a) sa (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114, inkluż dwar il-merti li titwettaq investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post.
2. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha żżomm l-awtorità rikjedenti infurmata dwar il-progress tal-investigazzjoni jew tal-ispezzjoni fuq il-post u għandha tittrażmetti s-sejbiet tagħha fil-pront lill-awtorità rikjedenti.
3. Meta jieħdu deċiżjoni dwar jekk jibdewx investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkunsidraw tal-inqas dan li ġej:
|
(a) |
il-kontenut ta’ kwalunkwe talba għal assistenza riċevuta mingħand l-awtorità rikjedenti, inkluż kwalunkwe suġġeriment dwar l-adegwatezza li titwettaq investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunt fuq il-post; |
|
(b) |
jekk l-awtoritajiet kompetenti humiex iwettqu b’mod separat l-inkjesti tagħhom stess dwar kwistjoni b’implikazzjonijiet transfruntieri u jekk dik il-kwistjoni tkunx aktar xierqa għal azzjoni konġunta; |
|
(c) |
il-qafas legali u regolatorju f’kull waħda mill-ġuriżdizzjonijiet tagħhom kif ukoll ir-restrizzjonijiet potenzjali u l-limitazzjonijiet legali tat-twettiq ta’ kwalunkwe investigazzjoni jew spezzjoni konġunta fuq il-post u dwar kwalunkwe proċediment li jista’ jsegwi, inkluż kwalunkwe kwistjoni relatata mal-prinċipju ta’ ne bis in idem; |
|
(d) |
l-immaniġġjar u d-direzzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni jew l-ispezzjoni fuq il-post; |
|
(e) |
l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-ħatra tal-persunal inkarigat biex iwettaq investigazzjonijiet jew spezzjonijiet fuq il-post; |
|
(f) |
il-possibbiltà li jiġi stabbilit pjan ta’ azzjoni konġunt u skeda ta’ żmien għall-ħidma li għandha titwettaq minn kull awtorità kompetenti; |
|
(g) |
id-determinazzjoni ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu, b’mod konġunt jew b’mod individwali, minn kull awtorità kompetenti; |
|
(h) |
il-kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni miġbura u tar-rappurtar dwar ir-riżultati ta’ kwalunkwe azzjoni individwali meħuda; |
|
(i) |
kwistjonijiet speċifiċi oħra tal-każ. |
4. Meta l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba jiddeċiedu li jwettqu investigazzjoni konġunta jew spezzjoni konġunta fuq il-post, huma għandhom:
|
(a) |
jaqblu dwar il-proċeduri għat-twettiq u l-konklużjoni tagħha; |
|
(b) |
jidħlu fi djalogu li għaddej biex jikkoordinaw il-ġbir tal-informazzjoni u t-tfittxija konġunta tal-fatti; |
|
(c) |
jaħdmu mill-qrib u jikkooperaw ma’ xulxin dwar it-twettiq tal-investigazzjoni konġunta jew tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post; |
|
(d) |
jipprovdu assistenza reċiproka fi proċedimenti ta’ infurzar sussegwenti sa fejn ikun legalment permissibbli, inkluż l-koordinazzjoni ta’ kwalunkwe proċedimenti jew azzjoni ta’ infurzar relatati mal-eżitu tal-investigazzjoni konġunta jew l-ispezzjoni konġunta fuq il-post (amministrattiva, ċivili jew kriminali) jew, fejn xieraq, il-prospetti ta’ soluzzjoni. |
|
(e) |
jidentifikaw id-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li jirregolaw is-suġġett tal-investigazzjoni konġunta jew tal-ispezzjoni konġunta fuq il-post. |
Artikolu 10
Għoti ta’ informazzjoni mhux mitluba
Meta awtorità kompetenti jkollha informazzjoni li temmen li tassisti lil awtorità kompetenti oħra għall-finijiet tat-twettiq ta’ dmirijietha skont ir-Regolament (UE) 2023/1114, għandha tibgħat dik l-informazzjoni bil-miktub bil-posta jew b’mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti l-oħra mingħajr dewmien żejjed, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness IV, u tispeċifika l-bażi legali għall-għoti tal-informazzjoni.
Artikolu 11
Restrizzjonijiet u l-użu permissibbli ta’ informazzjoni
1. L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jinkludu twissija ta’ kunfidenzjalità xierqa fi kwalunkwe talba għal assistenza, fi tweġiba għal talba għal assistenza jew fi trażmissjoni ta’ informazzjoni mhux mitluba f’konformità mal-formoli stabbiliti fl-Anness rilevanti.
2. Meta, sabiex tiġi eżegwita t-talba, l-awtorità li ssirilha t-talba tkun rikjesta tiddivulga l-fatt li l-awtorità rikjedenti tkun għamlet talba, għandha tiddivulga t-talba wara li tkun iddiskutiet in-natura u d-daqs tad-divulgazzjoni meħtieġa mal-awtorità rikjedenti u wara li tkun kisbet il-kunsens tal-awtorità kompetenti għal tali divulgazzjoni. Meta l-awtorità rikjedenti ma tagħtix il-kunsens tagħha għad-divulgazzjoni, l-awtorità li ssirilha t-talba ma għandhiex taġixxi fuq it-talba, u l-awtorità rikjedenti tista’ tirtira jew tissospendi t-talba tagħha sakemm tkun tista’ tagħti tali kunsens għad-divulgazzjoni.
3. L-informazzjoni riċevuta f’konformità mal-Artikolu 10 għandha tintuża biss għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2023/1114, jew tal-infurzar tagħhom, inklużi il-bidu, it-twettiq jew l-assistenza fi proċedimenti kriminali, amministrattivi, ċivili jew dixxiplinarji li jirriżultaw minn ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84), ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).
ANNESS I
FORMOLA GĦAL TALBA GĦAL KOOPERAZZJONI JEW GĦAL SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI
Talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni
|
Numru ta’ referenza: Data: Informazzjoni ġenerali MINN: Stat Membru: Awtorità Kompetenti: Indirizz: (Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt) Isem: Telefown: Email: GĦAL: Stat Membru: Awtorità Kompetenti: Indirizz: (Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt) Isem: Telefown: Email: Għażiż/a [daħħal l-isem xieraq], F’konformità mal-Artikolu 3 qed jintalab il-kontribut tiegħek dwar il-kwistjoni(jiet) imniżżla f’aktar dettall hawn taħt. Inkun grat jekk nirċievi tweġiba għat-talba ta’ hawn fuq fi żmien [ipprovdi perjodu ta’ żmien ibbażat fuq it-tip ta’ talba] mir-riċevuta ta’ din it-talba. Tip ta’ Talba Immarka l-kaxxa/i adattata/i |
|||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Attivitajiet superviżorji (għoti ta’ informazzjoni, teħid ta’ dikjarazzjoni) |
□ |
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Investigazzjoni |
□ |
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Spezzjoni fuq il-post |
□ |
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
|
□ |
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Urġenza tat-Talba Immarka l-kaxxa/i adattata/i |
|||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Talba mhux urġenti |
□ |
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Talba urġenti |
□ |
||||||||||||||||||||||||||||||||
|
Il-[awtorità rikjedenti] titlob lill-[awtorità li ssirilha t-talba] tqis din it-talba bħala urġenti għar-raġunijiet li ġejjin: … … … [ipprovdi, b’mod ċar, ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-urġenza tat-talba, inkluż jekk it-talba saret inizjalment bil-fomm] Raġunijiet għat-Talba … … … [daħħal id-dispożizzjoni(jiet) tal-leġiżlazzjoni settorjali i) li taħtha l-awtorità rikjedenti hija kompetenti biex tittratta l-kwistjoni u ii) li tista’ potenzjalment tinkiser.] It-talba hija għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni dwar … … … [daħħal id-deskrizzjoni tas-suġġett tat-talba, l-għan li għalih qed tintalab il-kooperazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni, il-fatti sottostanti għall-investigazzjoni li jiffurmaw il-bażi tat-talba kif ukoll l-ispjegazzjoni dwar kif it-tweġiba għall-informazzjoni jew l-assistenza mitluba se tkun utli biex jiġu ssodisfati d-dmirijiet skont ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)] Minn dan isegwi … … … [jekk applikabbli, daħħal id-dettalji ta’ kwalunkwe talba preċedenti sabiex tkun tista’ tiġi identifikata] Attivitajiet Superviżorji (għoti ta’ informazzjoni, teħid ta’ dikjarazzjoni) Għoti ta’ informazzjoni Ipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-informazzjoni speċifika mitluba bir-raġunijiet għaliex dik l-informazzjoni se tkun ta’ assistenza u, jekk magħruf, lista tal-persuni li jista’ jkolhom l-informazzjoni mitluba jew tal-postijiet minn fejn tista’ tinkiseb din l-informazzjoni. … … … Jekk it-talba tikkonċerna informazzjoni dwar tranżazzjoni jew ordni f’kriptoassi speċifiċi, ipprovdi l-informazzjoni li ġejja. ID tal-prodott: … [daħħal deskrizzjoni preċiża tal-kriptoassi, inkluż l-identifikatur tal-prodott f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi standards tekniċi adottati skont l-Artikolu 68(10)(b) tar-Regolament (UE) 2023/1114] ID tal-persuna: … [daħħal l-identità ta’ kwalunkwe persuna marbuta mat-tranżazzjoni jew l-ordni, inkluża persuna li tinnegozja fil-kriptoassi jew li f’isimha jitqies li jkun sar in-negozjar] Fejn disponibbli, inkludi kwalunkwe kodiċi ta’ identifikazzjoni applikabbli, bħall-kodiċi LEI jew l-ID tal-klijent skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)] Dati: … [daħħal id-dati li bejniethom ikunu saru tranżazzjonijiet jew ordnijiet f’dawk il-kriptoassi inkluż, fil-każ ta’ perjodu ta’ żmien sinifikanti, ir-raġunijiet għaliex huwa meħtieġ dan il-perjodu ta’ żmien kollu] Jekk it-talba tikkonċerna informazzjoni relatata man-negozju jew mal-attivitajiet ta’ persuna, ipprovdi informazzjoni biex tkun tista’ tiġi identifikata dik il-persuna. … … … Jekk hemm kunsiderazzjonijiet speċjali rigward is-sensittività tal-informazzjoni mitluba, ipprovdi indikazzjoni ta’ dik is-sensittività u ta’ kwalunkwe prekawzjoni speċjali li trid tittieħed fil-ġbir tal-informazzjoni minħabba kunsiderazzjonijiet relatati mal-investigazzjoni. Speċifika wkoll jekk l-awtorità li ssirilha t-talba tistax tiżvela l-identità tal-awtorità rikjedenti. … … … … Ipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li titqies rilevanti. … … … [Pereżempju, jekk l-awtorità rikjedenti kkuntattjatx jew hux se tikkuntattja kwalunkwe awtorità jew aġenzija tal-infurzar tal-liġi oħra fl-Istat Membru tal-awtorità li ssirilha t-talba fir-rigward tas-suġġett tat-talba jew ma’ kwalunkwe awtorità oħra li, sa fejn tkun konxja l-awtorità rikjedenti, għandha interess attiv fis-suġġett tat-talba] Teħid ta’ dikjarazzjoni Indika:
[Pereżempju, indika jekk il-persunal tal-awtorità rikjedenti huwiex jitlob li jipparteċipa fit-teħid tad-dikjarazzjoni, id-dettalji tal-uffiċjali parteċipanti tal-awtorità rikjedenti, fejn ikun xieraq, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe rekwiżit legali u proċedurali li jrid jiġi rrispettat sabiex tkun żgurata l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jsiru fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità rikjedenti] Il-ftuħ ta’ investigazzjoni Jekk it-talba tikkonċerna l-ftuħ ta’ investigazzjoni f’isem l-awtorità rikjedenti, ipprovdi informazzjoni biex l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista’ tivvaluta jekk jistax ikollha interess li tidħol f’investigazzjoni konġunta, inkluża l-proposta tal-awtorità rikjedenti għall-investigazzjoni, ir-raġunament tagħha għall-ftuħ ta’ investigazzjoni u l-benefiċċji perċepiti għal dik l-awtorità. … … … [inkluża l-informazzjoni rilevanti kollha li teħtieġ l-awtorità li ssirilha t-talba biex tkun tista’ tipprovdi l-assistenza meħtieġa billi tiftaħ investigazzjoni jew investigazzjoni konġunta, kif xieraq] Il-ftuħ ta’ spezzjoni fuq il-post Jekk it-talba tikkonċerna l-ftuħ ta’ spezzjoni fuq il-post f’isem l-awtorità rikjedenti, ipprovdi informazzjoni biex l-awtorità li ssirilha t-talba tkun tista’ tivvaluta jekk jistax ikollha interess tidħol fi spezzjoni konġunta fuq il-post, inklużi l-proposta tal-awtorità rikjedenti għal spezzjoni, ir-raġunament tagħha għall-ispezzjoni u l-benefiċċji perċepiti għal dik l-awtorità. … … … [inkluża l-informazzjoni relevanti kollha li teħtieġ l-awtorità li ssirilha t-talba biex tipprovdi l-assistenza meħtieġa billi tiftaħ spezzjoni fuq il-post jew spezzjoni konġunta fuq il-post, kif xieraq] L-informazzjoni inkluża f’din it-talba għandha tinżamm kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) 2023/1114. Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 101 tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandhom jiġu osservati fir-rigward ta’ kwalunkwe data persunali inkluża f’din it-talba. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-Kapitolu III “Id-drittijiet tas-suġġett tad-data” tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dejjem tiegħek, [firma] |
|||||||||||||||||||||||||||||||||
(1) Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2014/600/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1,ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
ANNESS II
FORMOLA TAL-KONFERMA TAR-RIĊEVUTA
Konferma tar-riċevuta
|
Numru ta’ referenza: Data: MINN: Stat Membru: Awtorità Kompetenti: Indirizz: (Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt) Isem: Telefown: Email: GĦAL: Stat Membru: Awtorità Kompetenti: Indirizz: (Id-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt) Isem: Telefown: Email: Għażiż/a [daħħal l-isem xieraq], Nixtiequ ngħarrfuk li rċevejna t-talba tiegħek għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni [daħħal ir-referenza għat-talba] fi [daħħal id-data].
Dejjem tiegħek, [firma] |
(1) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1; ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
ANNESS III
FORMOLA GĦAT-TWEĠIBA GĦAL TALBA GĦAL KOOPERAZZJONI JEW GĦAL SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI
Tweġiba għal talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni
|
Numru ta’ referenza: Data: MINN: Stat Membru: Awtorità Kompetenti: Indirizz: (Id-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt) Isem: Telefown: Email: GĦAL: Stat Membru: Awtorità Kompetenti: Indirizz: (Id-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt) Isem: Telefown: Email: Għażiż/a [daħħal l-isem xieraq], F’konformità mal-Artikolu 5, it-talba tiegħek datata [jj.xx.ssss] bin-numru ta’ referenza [daħħal in-numru ta’ referenza] ġiet ipproċessata minna. Informazzjoni miġbura … … … [Jekk l-informazzjoni nġabret, niżżel l-informazzjoni hawnhekk jew spjega kif se tingħata] L-informazzjoni pprovduta hija kunfidenzjali u tiġi żvelata lil [daħħal isem l-awtorità rikjedenti] skont [daħħal id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli] u fuq il-bażi li l-informazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-[daħħal isem l-awtorità rikjedenti] għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11 fir-rigward tal-użi permissibbli tal-informazzjoni pprovduta, u l-Artikolu 101 tar-Regolament (UE) 2023/1114 fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment tad-data personali. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-Kapitolu III “Id-drittijiet tas-suġġett tad-data” tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Jekk il-[daħħal isem l-awtorità rikjedenti] għandha l-intenzjoni li tuża jew tiżvela informazzjoni pprovduta f’din it-tweġiba għal għan differenti minn dak iddikjarat fit-talba iżda li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114, il-[daħħal isem l-awtorità rikjedenti] għandha tinnotifika lil [daħħal isem l-awtorità li ssirilha t-talba] li għandha 10 ijiem tax-xogħol biex toġġezzjona għal tali użu jew żvelar, jew fejn meħtieġ tindika limitu ta’ żmien preċiż sa meta se jkunu jistgħu jipprovdu tali feedback. Fejn il-[daħħal isem l-awtorità rikjedenti] għandha l-intenzjoni li tuża jew tiżvela informazzjoni pprovduta f’din it-tweġiba għal xi għan li jmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114, hija għandha tinnotifika lil [daħħal isem l-awtorità li ssirilha t-talba] u, sakemm ma tapplikax l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114, hija għandha tikseb il-kunsens minn qabel ta’ [daħħal isem l-awtorità li ssirilha t-talba]. Fejn il-[daħħal isem l-awtorità li ssirilha t-talba] tagħti l-kunsens tagħha għal tali użu jew żvelar, tista’ tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. Dejjem tiegħek, [firma] |
(1) Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1; ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
ANNESS IV
FORMOLA GĦALL-GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI MHUX MITLUBA
Għoti ta’ informazzjoni mhux mitluba
|
Numru ta’ referenza: Data: MINN: Stat Membru: Awtorità Kompetenti: Indirizz: (Id-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt) Isem: Telefown: Email: GĦAL: Stat Membru: Awtorità Kompetenti: Indirizz: (Id-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt) Isem: Telefown: Email: Għażiż/a [daħħal l-isem xieraq], F’konformità mal-Artikolu 10, qed nipprovdu l-informazzjoni li ġejja li nemmnu li tista’ tkun ta’ għajnuna fit-twettiq ta’ dmirijietek. Informazzjoni pprovduta … … … [Daħħal id-dettalji tal-informazzjoni hawnhekk, inkluża, jekk rilevanti, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe dokument ta’ sostenn jew materjal anness] L-informazzjoni pprovduta hija kunfidenzjali u qed tiġi żvelata lil [daħħal isem l-awtorità kompetenti li qed tirċievi l-informazzjoni] skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u fuq il-bażi li l-informazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) 2023/1114. Il-[daħħal isem l-awtorità kompetenti li qed tirċievi l-informazzjoni] għandha tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 11 fir-rigward tal-użi permissibbli ta’ tali informazzjoni, u tal-Artikolu 101 tar-Regolament (UE) 2023/1114 fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment tad-data personali. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-Kapitolu III “Id-drittijiet tas-suġġett tad-data” tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Fejn il-[daħħal isem l-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni] għandha l-intenzjoni li tuża jew tiżvela informazzjoni pprovduta f’din it-tweġiba għal għanijiet differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 11(3) hija għandha tinnotifika lil [daħħal isem l-awtorità kompetenti li tipprovdi l-informazzjoni] u, sakemm tiġi applikata l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114, għandha tikseb il-kunsens minn qabel ta’ [daħħal isem l-awtorità kompetenti li tipprovdi l-informazzjoni]. Fejn [daħħal isem l-awtorità kompetenti li tipprovdi l-informazzjoni] tagħti l-kunsens tagħha għal dan l-użu jew l-iżvelar tal-informazzjoni, din tista’ tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. Dejjem tiegħek, [firma] |
(1) Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1; ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2545/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)