|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2516 |
30.9.2024 |
REGOLAMENT (UE) 2024/2516 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-18 ta’ Settembru 2024
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tat-tikkettar diġitali tal-prodotti fertilizzanti tal-UE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
L-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi r-rekwiżiti tat-tikkettar applikabbli għall-prodotti fertilizzanti tal-UE. L-informazzjoni msemmija f’dak l-Anness trid tingħata fuq tikketta fiżika mwaħħla fuq l-imballaġġ jew, għall-elementi tat-tikkettar li ma jistgħux jingħataw fuq it-tikketta minħabba li l-imballaġġ ikun żgħir wisq, fuq fuljett separat li jakkumpanja l-imballaġġ (“tikketta fiżika”), filwaqt li l-prodotti mingħajr imballaġġ ikunu akkumpanjati b’fuljett. Ir-rekwiżiti tat-tikkettar jikkonċernaw parametri relatati mal-effiċjenza agronomika tal-prodotti fertilizzanti tal-UE, bħall-kontenut tan-nutrijenti tagħhom, kif ukoll parametri oħra relatati ma’ dawn il-prodotti, bħall-kwantità tagħhom. Ir-rekwiżiti tat-tikkettar ikopru wkoll l-informazzjoni meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent meta jintużaw il-prodotti fertilizzanti tal-UE, bħall-informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (4) u l-informazzjoni meħtieġa għall-manipulazzjoni u l-użu korretti ta’ dawn il-prodotti wara x-xiri, pereżempju informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ħżin. |
|
(2) |
Jenħtieġ li l-mod kif il-prodotti fertilizzanti tal-UE jiġu ttikkettati f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi adattat skont il-bidliet teknoloġiċi u soċjetali fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni. Jenħtieġ li dan isir mingħajr ma jikkomprometti l-kwalità jew l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni u bl-għan li tingħata informazzjoni aħjar, filwaqt li jitqiesu l-impatti fuq l-operaturi ekonomiċi u l-utenti aħħarin u l-benefiċċji għalihom. |
|
(3) |
L-għoti ta’ informazzjoni dwar tikketta f’format diġitali (“tikketta diġitali”) għandu benefiċċji ċari. It-tikkettar diġitali jista’ jtejjeb il-komunikazzjoni tal-informazzjoni tat-tikkettar kemm billi jevita li t-tikketti fiżiċi jkunu miżgħuda bil-kliem kif ukoll billi jippermetti lill-utenti jużaw bosta għażliet tal-qari li huma disponibbli biss għal formati diġitali, bħat-tkabbir tat-tipa, it-tiftix awtomatiku, loudspeakers jew it-traduzzjoni f’lingwi oħra. Barra minn hekk, it-tikkettar diġitali tal-prodotti fertilizzanti tal-UE jista’ jikkontribwixxi għall-progress li għaddej b’rabta mat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tas-settur agrikolu Ewropew billi jnaqqas l-iskart mill-imballaġġ u jiffaċilita l-obbligi tar-rappurtar tal-bdiewa fejn jidħol l-użu ta’ dawn il-prodotti. It-tikkettar diġitali jista’ jwassal ukoll għal immaniġġar aktar effiċjenti tal-obbligi tat-tikkettar mill-operaturi ekonomiċi billi jiffaċilita l-aġġornament tal-informazzjoni tat-tikkettar u jippermetti l-għoti ta’ informazzjoni aktar immirata lill-utenti. Filwaqt li l-użu ta’ tikketti diġitali jista’ jegħleb il-limitazzjonijiet tal-ispazju meta mqabbla ma’ tikketti fiżiċi billi jippermetti t-traċċar tal-informazzjoni u jista’ jnaqqas il-prezzijiet tal-fertilizzanti minħabba l-kostijiet aktar baxxi tat-tikkettar, jenħtieġ li informazzjoni irrelevanti jew li ma tkunx meħtieġa tiġi evitata biex tiġi żgurata l-aħjar kwalità tal-informazzjoni essenzjali għall-utenti. Barra minn hekk, it-tikkettar diġitali jista’ jgħin biex jonqsu l-kostijiet tat-tikkettar tul il-katina tal-provvista kollha, peress li t-tikketti tal-prodotti fertilizzanti tal-UE jistgħu jinbidlu wara tranżazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, qabel ma jaslu għand l-utenti aħħarin. |
|
(4) |
Madankollu, it-tikkettar diġitali jista’ wkoll iġib miegħu sfidi ġodda. Pereżempju, huwa possibbli li t-tikkettar diġitali ser joħloq problemi għall-gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari għall-persuni li m’għandhomx ħiliet diġitali jew għandhom ħiliet diġitali insuffiċjenti, jew li m’għandhomx aċċess jew għandhom aċċess insuffiċjenti għat-tagħmir diġitali meħtieġ biex jinkisbu t-tikketti diġitali, u għall-persuni b’diżabbiltà. It-tikkettar diġitali jista’ jagħmilha aktar diffiċli biex dawk il-gruppi jaċċessaw faċilment informazzjoni essenzjali dwar l-effiċjenza agronomika tal-prodotti fertilizzanti tal-UE, kif ukoll struzzjonijiet għall-użu sikur u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u tal-ambjent, u fl-aħħar mill-aħħar ikabbar id-distakk diġitali. Għalhekk, jenħtieġ li t-tikkettar diġitali jiġi introdott fir-Regolament (UE) 2019/1009 taħt ċerti kundizzjonijiet u jenħtieġ li t-tikketti diġitali jkunu jistgħu jinftiehmu faċilment u jkunu faċilment aċċessibbli għall-gruppi vulnerabbli u għall-persuni b’diżabbiltà, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u tal-ambjent, kif ukoll il-livell ta’ tħejjija diġitali, mingħajr ma l-kostijiet jiżdiedu b’mod eċċessiv. Huwa essenzjali li s-sikurezza tal-utenti ma tiġix kompromessa fil-proċess biex it-tikkettar isir aktar faċli għall-utenti b’mezzi diġitali u li jitqiesu l-possibbiltajiet u l-ħiliet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jiddiġitalizzaw it-tikketti. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jibqgħu liberi li jagħżlu jekk jixtiqux jipprovdu tikketta diġitali jew fiżika. Dan ser jiżgura li huma jkollhom il-flessibbiltà biex jagħżlu l-aktar regoli xierqa għas-sitwazzjoni tagħhom. Hu partikolarment importanti li ma jinħolqux kostijiet mhux ġustifikati għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li għalihom, minħabba l-volumi jew it-tipi mnaqqsa ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE li qed jimmaniġġaw, it-tikkettar diġitali jista’ jkun diffiċli. Huwa importanti wkoll li jingħata appoġġ fil-forma ta’ gwida u programmi ta’ taħriġ sabiex dawn l-intrapriżi jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet u l-kapaċitajiet meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. |
|
(6) |
L-għażla li tingħata tikketta diġitali hi primarjament f’idejn il-manifatturi u l-importaturi responsabbli biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dan huwa importanti biex jiġi żgurat li jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati li jkunu mfassla apposta għall-firxa ta’ prodotti u għall-klijenti intenzjonati tagħhom. Madankollu, biex jiġi massimizzat l-użu tat-tikketti diġitali u b’hekk tittejjeb il-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-utenti, jenħtieġ li d-distributuri jkunu jistgħu wkoll jiddiġitalizzaw it-tikketti tal-prodotti fertilizzanti tal-UE li huma jintroduċu fis-suq, abbażi tal-informazzjoni li tingħata mill-manifattur. Jenħtieġ li l-użu tat-tikketti diġitali jiżgura fluss konsistenti ta’ informazzjoni preċiża tul il-katina tal-provvista. L-iskala tat-tikkettar diġitali jenħtieġ li tiddependi fuq żewġ fatturi: jekk il-prodotti fertilizzanti tal-UE jkunux disponibbli għall-operaturi ekonomiċi jew għall-utenti aħħarin u jekk il-prodotti jingħatawx f’imballaġġ jew mingħajru. |
|
(7) |
L-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jitħallew jipprovdu l-elementi kollha tat-tikkettar imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 fuq tikketta diġitali biss għall-prodotti fertilizzanti tal-UE fornuti lil operaturi ekonomiċi oħra, f’imballaġġ jew mingħajru. L-użu tat-tikketti diġitali f’każijiet bħal dawn jista’ jnaqqas l-iskart u l-kostijiet tat-tikkettar fil-katina tal-provvista. L-importaturi jew id-distributuri ser ikunu jistgħu jwaħħlu tikketta fiżika fuq il-prodott fertilizzanti tal-UE direttament bil-lingwi uffiċjali meħtieġa għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom. Barra minn hekk, il-kostijiet tat-tikkettar jistgħu jiġu evitati meta l-prodotti fertilizzanti tal-UE jiġu mħallta, imballati jew imballati mill-ġdid, peress li l-prodotti jistgħu jiġu ttikkettati b’tikketta fiżika darba biss, qabel ma jaslu għand l-utenti aħħarin. Peress li prodotti bħal dawn jiġu fornuti lill-operaturi ekonomiċi, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-utenti aħħarin ma tiġix affettwata meta jintużaw tikketti diġitali biss. Meta l-operaturi ekonomiċi jagħżlu li jipprovdu tikketta fiżika flimkien ma’ tikketta diġitali, jenħtieġ li dawn ikunu liberi li jiddeċiedu liema elementi tat-tikkettar għandhom jinkludu f’dik it-tikketta fiżika f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1009. |
|
(8) |
It-tikketti fiżiċi jibqgħu mod preferut mill-utenti aħħarin biex jiksbu informazzjoni ewlenija dwar l-użu tal-prodotti fertilizzanti tal-UE għaliex dawn joffru aċċess immedjat u affidabbli għall-informazzjoni billi din titwaħħal mal-imballaġġ. Barra minn hekk, il-maġġoranza l-kbira tal-prodotti fertilizzanti tal-UE disponibbli fis-suq jintużaw minn utenti professjonali, bħall-bdiewa u l-kuntratturi agrikoli. Filwaqt li l-utenti professjonali huma midħla sew tal-prodotti fertilizzanti u spiss jiddependu fuq il-konsulenza għall-pjanijiet tal-fertilizzazzjoni tagħhom, hemm it-tendenza li dawn jagħmlu parti minn gruppi ta’ età aktar avvanzata, b’livell aktar baxx ta’ ħiliet diġitali u jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jaċċessaw it-tikketti diġitali. Barra minn hekk, ir-reġjuni rurali inqas żviluppati jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ aċċess li jvarja għall-Internet fl-għalqa jew fl-azjenda agrikola. |
|
(9) |
Meta l-operaturi ekonomiċi jagħżlu tikkettar diġitali għall-prodotti fertilizzanti tal-UE fornuti lill-utenti aħħarin f’imballaġġ, jenħtieġ li jiżguraw li fuq it-tikketta fiżika jkun hemm ukoll sett minimu ta’ informazzjoni ewlenija dwar l-effiċjenza agronomika u l-użu tal-prodott. F’dan il-kuntest u fir-rigward ta’ regoli oħra speċifiċi għall-prodotti magħmula disponibbli f’imballaġġ, jenħtieġ li l-imballaġġ ma jkunx fih aktar minn 1 000 kg f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (5) sabiex jiġi żgurat li kwantitajiet akbar, li tipikament jintużaw f’ambjenti industrijali, jiġu ttrattati b’mod differenti minn imballaġġ li normalment jingħata lill-konsumaturi. Il-prodotti fornuti f’imballaġġ li jaqbeż dan il-limitu jenħtieġ li jitqiesu bħala li ġew fornuti mingħajr imballaġġ għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dan ser jindirizza wkoll l-isfidi li jistgħu jiffaċċaw il-gruppi vulnerabbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-informazzjoni speċifika li l-operaturi ekonomiċi għandhom jitħallew jipprovdu fuq it-tikketta diġitali biss tirrifletti l-istat attwali tad-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà u s-sitwazzjoni partikolari tal-utenti tal-prodotti fertilizzanti tal-UE u jenħtieġ li tirrikonoxxi d-diversità tal-bażi tal-utenti. Biex l-utenti aħħarin kollha jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati qabel ma jixtru l-prodotti fertilizzanti tal-UE u biex jiżguraw il-manipulazzjoni u l-użu sikuri ta’ dawn il-prodotti mill-gruppi kollha tal-utenti aħħarin, jenħtieġ li l-informazzjoni tat-tikkettar dwar is-sikurezza u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u tal-ambjent, kif ukoll l-informazzjoni minima dwar l-effiċjenza agronomika tal-prodotti fertilizzanti tal-UE u dwar il-kontenut u l-użu korrett tagħhom, tingħata dejjem fuq it-tikketta fiżika. It-tikketti diġitali jistgħu jinkludu wkoll informazzjoni dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra relatati mal-proċess tal-produzzjoni, l-impatt ambjentali tal-fertilizzant, inkluż il-proċess tal-produzzjoni tiegħu, u l-effiċjenza agroekoloġika. Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jenħtieġ li jindika b’mod ċar liema informazzjoni tista’ tingħata b’mod diġitali biss. |
|
(10) |
Għall-prodotti fertilizzanti tal-UE fornuti mingħajr imballaġġ, l-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu l-elementi tat-tikkettar f’fuljett, sabiex jiżguraw li, anki mingħajr imballaġġ dirett, l-informazzjoni essenzjali xorta tkun aċċessibbli għall-utent, inkluż dawk neqsin minn ħiliet bażiċi ta’ litteriżmu. Il-fuljett, għall-kuntrarju tat-tikketti fiżiċi, m’għandu l-ebda rabta fiżika mal-prodott innifsu u għalhekk ma jagħtix aċċess immedjat għall-informazzjoni rilevanti dwar il-prodott meta jkun qed jiġi mmanipulat. Għalhekk, jenħtieġ li l-fuljett iservi bħala pont bejn il-prodott u l-utent, billi jiżgura li d-dettalji essenzjali ma jintilfux. L-għoti tal-istess elementi tat-tikkettar f’format diġitali jinvolvi aġġustament tal-mod kif tinkiseb l-informazzjoni. Aġġustament bħal dan ikun ġustifikat ladarba r-riskji għall-utenti jiġu indirizzati u mitigati kif xieraq. Jenħtieġ li l-format diġitali jkun flessibbli, armonizzat u aġġornat f’ħin reali, biex jiġi żgurat li l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw l-aktar informazzjoni reċenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jitħallew jipprovdu l-elementi kollha tat-tikkettar imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 fuq tikketta diġitali għall-prodotti fertilizzanti tal-UE fornuti mingħajr imballaġġ biss. Meta l-operaturi ekonomiċi jagħżlu li jipprovdu fuljett flimkien ma’ tikketta diġitali, jenħtieġ li dawn ikunu liberi jiddeċiedu liema elementi tat-tikkettar jixtiequ li jinkludu f’dak il-fuljett. |
|
(11) |
Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost l-operaturi ekonomiċi li jintroduċu prodotti fertilizzanti tal-UE fis-suq, u biex l-utenti aħħarin jiġu protetti meta jimmanipulaw dawn il-prodotti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti armonizzati għat-tikkettar diġitali. |
|
(12) |
Biex jiġi żgurat li l-utenti jirċievu l-elementi kollha meħtieġa tat-tikkettar fuq it-tikketta diġitali u ma jkollhomx bżonn jiġbru l-informazzjoni kemm minn tikketta fiżika kif ukoll minn tikketta diġitali, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi li jużaw tikketta diġitali jkunu meħtieġa jinkludu kull element tat-tikkettar bħal dan fit-tikketta diġitali, anki jekk dawn ikunu inklużi wkoll fuq it-tikketta fiżika sabiex jiġi żgurat sors wieħed għall-informazzjoni kollha li tkun meħtieġa. Billi l-informazzjoni li tippermetti lill-utenti aħħarin jidentifikaw u jikkuntattjaw lill-manifattur u lill-importatur tal-prodotti fertilizzanti tal-UE hija informazzjoni essenzjali, jenħtieġ li t-tikketti diġitali jinkludu wkoll din l-informazzjoni, peress li din hija meħtieġa biex ikun hemm linja ta’ komunikazzjoni diretta biex jissaħħu l-fiduċja u t-trasparenza u jekk tingħata b’mod diġitali ser ikun aktar faċli li tinħoloq rabta bejn il-prodott u t-tikketta diġitali kif ukoll bejn il-manifattur jew l-importatur u l-utent aħħari. Barra minn hekk, peress li l-prodotti fertilizzanti jiġu introdotti fis-suq ukoll bħala prodotti mhux armonizzati, huwa kruċjali li fuq it-tikketta diġitali titniżżel il-marka CE u kwalunkwe referenza korrispondenti għal korp notifikat, sabiex l-utenti aħħarin ikunu jistgħu jiddeduċu mit-tikketta diġitali waħedha li l-prodott ikun qed jiġi kummerċjalizzat f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1009. Madankollu, biex jiġi ffaċilitat l-aġġornament ta’ ċerta informazzjoni li trid tingħata mill-manifatturi, li tinbidel sikwit u li ma tintużax kuljum mill-utenti aħħarin, b’mod partikolari n-numru tal-lott u d-data tal-produzzjoni, jenħtieġ li l-manifatturi jkollhom l-għażla li jipprovdu l-informazzjoni b’mod fiżiku jew diġitali. Din il-flessibbiltà jenħtieġ li twassal għal aġġornamenti aktar rapidi u aktar preċiżi. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ukoll l-għażla li ma jinkludux il-kwantità fuq it-tikketta diġitali jekk din tkun ngħatat diġà f’forma fiżika, peress li dak l-element jista’ jinbidel tul il-katina tal-provvista jew jista’ jvarja ma’ kull tranżazzjoni fil-każ ta’ prodotti fornuti mingħajr imballaġġ. Ta’ min ifakkar li huwa wkoll essenzjali li l-utenti aħħarin ikollhom l-informazzjoni meħtieġa msemmija fir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jikkuntattjaw lill-persuna responsabbli għall-prodotti introdotti fis-suq tal-Unjoni. |
|
(13) |
Peress li t-tikketti diġitali, bl-istess mod bħat-tikketti fiżiċi, huma mezz kif tingħata l-informazzjoni obbligatorja dwar il-prodotti fertilizzanti tal-UE lill-utenti, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiżguraw aċċess mingħajr ħlas għal tikketta diġitali għal perjodu ta’ 10 snin mid-data li l-prodott fertilizzanti tal-UE kkonċernat ikun ġie introdott fis-suq. Barra minn hekk, u sabiex jittejbu l-possibbiltajiet li l-utenti jiksbu l-informazzjoni, jenħtieġ li l-informazzjoni mogħtija fuq it-tikketta diġitali tkun faċilment aċċessibbli għall-utenti aħħarin fl-Unjoni permezz ta’ teknoloġiji diġitali użati b’mod mifrux li jkunu kompatibbli mas-sistemi operattivi u l-brawżers ewlenin kollha, jenħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess għat-tikketta mingħajr il-bżonn ta’ password, reġistrazzjoni jew applikazzjoni speċifika u jenħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli. Jenħtieġ li l-mezz tad-data jwassal direttament għat-tikketta diġitali, mingħajr il-bżonn li ssir reġistrazzjoni minn qabel, li jsir tiftix fuq sit web, li jitniżżlu jew jiġu installati applikazzjonijiet jew li tiddaħħal password, u jenħtieġ li l-aċċess għall-informazzjoni ma jkunx affettwat miż-żona ġeografika fit-territorju tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi ma jħalltux l-informazzjoni meħtieġa mir-Regolament (UE) 2019/1009 ma’ informazzjoni oħra mhux mitluba minn dak ir-Regolament, bħal dikjarazzjonijiet kummerċjali jew ta’ kummerċjalizzazzjoni. Peress li t-tikketti diġitali ma għandhomx limitazzjonijiet ta’ spazju li huma tipiċi għat-tikketti fiżiċi li jitwaħħlu mal-imballaġġ, huwa importanti li l-elementi tat-tikkettar previsti f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1009 jinżammu konċentrati f’post wieħed minflok ma jitqiegħdu flimkien ma’ informazzjoni oħra li tingħata mill-operaturi ekonomiċi, inkella jkun diffiċli li jinstabu. Biex ikomplu jnaqqsu l-isfidi li l-gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari l-persuni b’diżabbiltà, jistgħu jiffaċċaw, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiżguraw ukoll li t-tikketti diġitali jiġu ppreżentati b’mod li jqis il-ħtiġijiet ta’ dawn il-gruppi. Fl-istess waqt, il-fatt li t-tikketti diġitali ma għandhomx limitazzjonijiet ta’ spazju jagħti wkoll l-opportunità li tingħata informazzjoni addizzjonali dwar l-użu tal-prodott fertilizzanti tal-UE, bħal rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki biex jiġi limitat it-telf tan-nutrijenti. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jagħtu tali informazzjoni fit-tikketta diġitali. |
|
(14) |
Filwaqt li jitqies kemm l-interess tal-utenti li jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-prodotti fertilizzanti tal-UE b’ħajja fuq l-ixkaffa relattivament twila kif ukoll l-interess tal-operaturi ekonomiċi li jiġu evitati kostijiet mhux meħtieġa, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jiżguraw li t-tikketta diġitali tkun disponibbli għal perjodu ta’ 10 snin mid-data li l-prodott fertilizzanti tal-UE jkun ġie introdott fis-suq. |
|
(15) |
Biex jonqos kwalunkwe riskju potenzjali li n-nuqqas ta’ disponibbiltà tat-tikketta diġitali jista’ jikkawża lill-gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti fertilizzanti tal-UE fornuti mingħajr imballaġġ lill-utenti aħħarin, meta l-elementi kollha tat-tikkettar ikunu jistgħu jingħataw b’mod diġitali, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu responsabbli li jagħtu l-elementi tat-tikkettar lill-utenti aħħarin b’mezzi alternattivi, meta jintalbu dan. Jenħtieġ li l-utenti aħħarin potenzjali jkollhom id-dritt, irrispettivament minn jekk jixtrux, li jirċievu l-informazzjoni b’mezzi alternattivi sabiex jieħdu deċiżjoni infurmata. Kull meta t-tikketta diġitali ma tkunx disponibbli temporanjament, jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata b’mezzi alternattivi anki jekk ma tintalabx. Barra minn hekk, għall-prodotti li jiġu fornuti lill-utenti aħħarin mingħajr imballaġġ u b’tikketta diġitali biss, jenħtieġ li l-informazzjoni tat-tikkettar li tingħata f’konformità mal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 tkun ukoll f’post viżibbli fil-punt tal-bejgħ fil-post tan-negozju. Dak ser jgħin jiżgura li l-utenti aħħarin potenzjali jiġu infurmati kif suppost u jkunu jistgħu jixtru b’mod infurmat. Dan jiżgura wkoll aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u tal-ambjent, bħall-informazzjoni dwar il-kontenut tan-nitroġenu meħtieġ għall-implimentazzjoni tar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE. |
|
(16) |
Ir-rekwiżiti għad-dokumentazzjoni teknika stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 jenħtieġ li jiġu aġġustati biex titqies l-introduzzjoni tat-tikketti diġitali. Minħabba n-natura dejjem tevolvi tal-pjattaformi online u l-ħtieġa ta’ aċċessibbiltà konsistenti, jenħtieġ li dawk l-aġġustamenti jiġu rieżaminati perjodikament. Barra minn hekk, filwaqt li titqies il-possibbiltà li tingħata biss tikketta diġitali għall-prodotti fertilizzanti tal-UE magħmula disponibbli għal min iħallat, sabiex tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tas-suq, jenħtieġ li d-dokumentazzjoni teknika tat-taħlitiet tal-prodotti fertilizzanti tinkludi kampjun tal-informazzjoni mogħtija skont l-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 dwar il-prodotti fertilizzanti komponenti tal-UE biex jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha jifhmu b’mod ċar il-komponenti tal-prodott u l-oriġini rispettivi tagħhom. |
|
(17) |
Sabiex ir-Regolament (UE) 2019/1009 jinżamm f’konformità mal-progress tekniku, l-evidenza xjentifika ġdida u l-evoluzzjoni tad-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà, jenħtieġ li s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tkun tista’ tissupplimenta r-rekwiżiti għat-tikkettar diġitali u temenda l-Anness III ta’ dak ir-Regolament b’rabta ma’ liema elementi tat-tikkettar l-operaturi ekonomiċi li jagħmlu l-prodotti fertilizzanti tal-UE disponibbli għall-utenti aħħarin fis-suq f’imballaġġ ikunu jistgħu jagħtu fuq tikketta diġitali biss. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt li l-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). Huwa partikolarment importanti wkoll li l-Kummissjoni tqis il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kollha matul il-ħidma preparatorja tagħha. B’mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati. |
|
(18) |
Meta tkun qed tistabbilixxi regoli aktar dettaljati dwar it-tikkettar diġitali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil regoli oħra tal-Unjoni dwar l-għoti tal-informazzjoni dwar prodotti jew sustanzi u taħlitiet f’format diġitali. Jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi aċċessata l-informazzjoni kollha mitluba minn diversi regoli tal-Unjoni fi spazju diġitali wieħed, sabiex l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw faċilment l-informazzjoni kollha meħtieġa. Dak jissimplifika l-esperjenza tal-utenti u jħeġġeġ il-fiduċja f’sorsi diġitali tal-informazzjoni. Barra minn hekk, jagħti interfaċċa aktar komprensiva u faċli għall-utenti, li tippromwovi t-trasparenza għall-konsumaturi u t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati. |
|
(19) |
Meta tiġi biex tiddeċiedi liema elementi tat-tikkettar jistgħu jingħataw b’mod diġitali biss mill-operaturi ekonomiċi li jintroduċu l-prodotti fertilizzanti tal-UE fis-suq f’imballaġġ għall-utenti finali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-livell ta’ tħejjija diġitali fost l-utenti tal-prodotti fertilizzanti tal-UE u l-ħtieġa li l-użu ta’ dawn il-prodotti jibqa’ sikur għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u tal-ambjent, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata d-disponibbiltà tat-tikketta diġitali għal perjodu ta’ 10 snin mid-data li l-prodott fertilizzanti tal-UE jkun ġie introdott fis-suq. Barra minn hekk, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni għall-ambjent diġitali li qed jevolvi, biex jiġi żgurat li t-tikkettar diġitali jibqa’ aċċessibbli u faċli għall-utent, skont il-progress teknoloġiku. Huwa kruċjali li jiġi vvalutat il-feedback mill-utenti aħħarin u mill-partijiet ikkonċernati biex jiġi żgurat li s-sistema tat-tikkettar diġitali tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom u tindirizza kwalunkwe tħassib emerġenti. |
|
(20) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat skont dan. |
|
(21) |
Minħabba li dan ir-Regolament jintroduċi l-possibbiltà li r-rekwiżiti tat-tikkettar kollha stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 jew parti minnhom jingħataw fuq tikketti diġitali biss, jenħtieġ li l-applikazzjoni tiegħu tiġi diferita biex jingħata biżżejjed żmien għall-iżvilupp tar-rekwiżiti supplimentari li jikkonċernaw it-tikkettar diġitali. |
|
(22) |
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li titjieb il-leġibbiltà tat-tikketti tal-prodotti fertilizzanti tal-UE u li tiġi ffaċilitata l-ġestjoni ta’ dawn it-tikketti mill-operaturi ekonomiċi sabiex jiġi garantit il-funzjonament tas-suq intern, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
fl-Artikolu 8, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej: “4. L-importaturi għandhom jiżguraw li l-prodotti fertilizzanti tal-UE jkunu akkumpanjati bl-elementi tat-tikkettar meħtieġa skont l-Anness III, mogħtija fil-forma rilevanti stabbilita fl-Artikolu 11a. Dawk l-elementi tat-tikkettar għandhom ikunu:
|
|
(4) |
jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 11a Forom tat-tikkettar 1. Meta l-prodotti fertilizzanti tal-UE jiġu introdotti fis-suq f’imballaġġ għall-operaturi ekonomiċi, dawn għandhom ikunu akkumpanjati bl-elementi tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness III fil-forma li ġejja:
2. Meta l-prodotti fertilizzanti tal-UE jiġu introdotti fis-suq mingħajr imballaġġ għall-operaturi ekonomiċi, dawn għandhom ikunu akkumpanjati bl-elementi tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness III fil-forma li ġejja:
3. Meta l-prodotti fertilizzanti tal-UE jiġu introdotti fis-suq f’imballaġġ għall-utenti aħħarin, dawn għandhom ikunu akkumpanjati bl-elementi tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness III fil-forma li ġejja:
B’deroga mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-elementi tat-tikkettar immarkati b’asterisk fl-Anness III ma għandhomx għalfejn jiġu duplikati fuq it-tikketta fiżika. 4. Meta l-prodotti fertilizzanti tal-UE jiġu introdotti fis-suq mingħajr imballaġġ għall-utenti aħħarin, dawn għandhom ikunu akkumpanjati bl-elementi tat-tikkettar stabbiliti fl-Anness III fil-forma li ġejja:
5. Meta l-operaturi ekonomiċi jagħtu tikketta diġitali f’konformità ma’ dan l-Artikolu, huma għandhom jiżguraw tikkettar konsistenti fil-każ ta’ duplikazzjoni u għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 11b u 11c. Artikolu 11b Rekwiżiti għat-tikketti diġitali 1. It-tikketta diġitali għandha tinkludi:
2. It-tikketta diġitali tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki biex jintuża l-prodott fertilizzanti tal-UE. 3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata flimkien f’post wieħed u b’mod separat mill-informazzjoni taħt il-paragrafu 2 u minn kwalunkwe informazzjoni mhux mogħtija skont dan ir-Regolament. 4. It-tikketta diġitali għandha tkun:
Meta t-tikketta diġitali tkun disponibbli b’aktar minn lingwa waħda, l-għażla tal-lingwi ma għandhiex tkun tiddependi fuq il-post ġeografiku. 5. Il-mezz ta’ data użat għal tikketta diġitali għandu jiġi stampat jew jitqiegħed b’mod fiżiku fuq l-imballaġġ jew, meta l-prodotti fertilizzanti tal-UE jiġu introdotti fis-suq mingħajr imballaġġ, fuq id-dokument jew il-fuljett ta’ akkumpanjament, b’mod li jidher fuq barra, li jista’ jinqara u li jkun aċċessibbli għall-gruppi vulnerabbli, inkluż il-persuni b’diżabbiltà, u li jippermetti lil dak il-mezz ta’ data biex jiġi pproċessat b’mod awtomatiku minn tagħmir diġitali. Artikolu 11c Obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jagħtu tikketta diġitali 1. L-operaturi ekonomiċi li jagħtu tikketta diġitali ma għandhomx jittraċċaw, janalizzaw jew jużaw xi informazzjoni dwar l-użu għal finijiet oħra għajr dak li huwa assolutament meħtieġ biex jagħtu l-informazzjoni rilevanti b’mod diġitali. 2. Fuq talba tal-utenti aħħarin u indipendentement minn xirja, jew mingħajr din it-talba meta t-tikketta diġitali ma tkunx disponibbli temporanjament fil-mument tax-xiri, l-operaturi ekonomiċi li jintroduċu prodotti fertilizzanti tal-UE fis-suq għal dawn l-utenti aħħarin għandhom jipprovdu l-informazzjoni inkluża fuq it-tikketta diġitali b’mezzi alternattivi u mingħajr ħlas; 3. Meta l-prodotti fertilizzanti tal-UE jiġu introdotti fis-suq b’tikketta diġitali f’konformità mal-Artikolu 11a(4), il-punt (a), l-operatur ekonomiku li jfornihom lill-utenti aħħarin għandu jwaħħal l-informazzjoni tat-tikkettar imsemmija fl-Artikolu 11b(1) f’post li jidher fil-punt tal-bejgħ.” |
|
(5) |
fl-Artikolu 42, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin: “9. Sa l-1 ta’ Mejju 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 biex tissupplimenta l-Artikoli 11b u 11c billi tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għat-tikkettar diġitali tal-prodotti fertilizzanti tal-UE u l-kundizzjonijiet biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi li jagħtu tikketta diġitali. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jistabbilixxu, b’mod partikolari, it-tipi ta’ soluzzjonijiet tekniċi elettroniċi li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw biex jagħtu t-tikketta diġitali, u l-mezzi alternattivi biex jagħtu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11c(2). Meta tadotta l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha:
10. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 biex temenda l-Anness III, fir-rigward tal-informazzjoni tat-tikkettar li l-operaturi ekonomiċi jagħżlu li jipprovdu fuq tikketta diġitali biss f’konformità mad-deroga stabbilita fl-Artikolu 11a(3), it-tieni subparagrafu, sabiex tadatta dak l-Anness għall-progress tekniku u xjentifiku jew għal-livell ta’ tħejjija diġitali fost l-utenti aħħarin tal-prodotti fertilizzanti tal-UE. Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li jiġi żgurati s-sikurezza u livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u tal-ambjent.” |
|
(6) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 49a Evalwazzjoni Sal-21 ta’ Ottubru 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tat-tikkettar diġitali tal-prodotti fertilizzanti tal-UE kif introdotta bir-Regolament (UE) 2024/2516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1). Bħala parti minn dik l-evalwazzjoni, hija għandha tivvaluta b’mod partikolari:
Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar is-sejbiet ewlenin u tippreżentah lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa biex tħejji dak ir-rapport. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva. (*1) Ir-Regolament (UE) 2024/2516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 fir-rigward tat-tikkettar diġitali tal-prodotti fertilizzanti tal-UE (ĠU L, 2024/2516, 30.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2516/oj).” " |
|
(7) |
L-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament; |
|
(8) |
L-Anness IV huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2027.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Settembru 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
BÓKA J.
(1) ĠU C 293, 18.8.2023, p. 108.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2024.
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1).
ANNESS I
L-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
il-Parti I hija emendata kif ġej:
|
|
(2) |
il-Parti II hija emendata kif ġej:
|
ANNESS II
Il-Parti II tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fit-Taqsima “MODULU A – KONTROLL INTERN TAL-PRODUZZJONI”, il-punt 2.2. huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
fit-Taqsima “MODULU A1 – KONTROLL INTERN TAL-PRODUZZJONI KIF UKOLL ITTESTJAR TAL-PRODOTT TAĦT SUPERVIŻJONI”, il-punt 2.2. huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
fit-Taqsima “MODULU B – EŻAMI TAT-TIP TAL-UE”, il-punt 2.2 huwa emendat kif ġej:
|
|
(4) |
fit-Taqsima “MODULU D1 – ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ TAL-PROĊESS TA’ PRODUZZJONI”, il-punt 2.2. huwa emendat kif ġej:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2516/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)