|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2499 |
27.9.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2499
tas-26 ta’ Settembru 2024
li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-Istati Membri meta jistabbilixxu n-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi network għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabbiltà dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 jistabbilixxi li jridu jingħataw kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-kostijiet tal-implimentazzjoni tal-Istati Membri meta jistabbilixxu s-sistema għall-ġbir tal-varjabbli relatati mas-suġġetti stabbiliti fl-Anness -I tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009, b’mod partikolari l-varjabbli ambjentali u soċjali, biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament, inkluż għat-taħriġ u l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-ġbir tad-data. |
|
(2) |
Għal dak il-għan, jeħtieġ jiġu stabbiliti, b’mod partikolari, il-proċeduri dettaljati relatati mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 u li jistabbilixxu l-kriterji li skonthom jiġu allokati l-kontribuzzjonijiet lil kull Stat Membru. |
|
(3) |
Il-baġit tal-Unjoni għall-2024, fil-pakkett tal-FAEG, jinkludi EUR 50 miljun għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009, biex jappoġġaw lill-Istati Membri fl-istabbiliment tan-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN). |
|
(4) |
Biex jiġu indirizzati l-isforzi meħtieġa minn kull Stat Membru biex jikkonverti s-sistema kompjuterizzata tal-ġbir u tar-rapportar tad-data tiegħu ħalli jissodisfa r-rekwiżiti tal-FSDN, u biex jissimplifika l-ġestjoni finanzjarja tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 jenħtieġ li jsiru disponibbli għall-Istati Membri fil-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ somma f’daqqa biex ikopru l-kostijiet eliġibbli bħal dawk relatati mal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà bejn id-diversi sorsi tad-data elenkati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009. |
|
(5) |
Wara valutazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni jidhrilha li s-somom f’daqqa huma l-aktar forma xierqa ta’ kontribuzzjoni għax minnha nnifisha, in-natura tal-azzjoni ta’ stabbiliment toħloq kostijiet li jistgħu jiġu stmati minn qabel, b’attivitajiet assoċjati li għandhom iwasslu għall-istabbiliment operazzjonali tal-FSDN. Barra minn hekk, hu stmat li hemm riskju baxx ta’ irregolarità jew frodi għax il-benefiċjarji huma korpi pubbliċi. L-użu ta’ kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa mistenni wkoll jissimplifika ġmielha l-implimentazzjoni għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri għax ineħħu l-ħtieġa ta’ rapportar u verifika finanzjarji. |
|
(6) |
Biex jissimplifikaw il-ġestjoni finanzjarja tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, l-ammonti tas-somom f’daqqa li jridu jsiru disponibbli jenħtieġ li jkunu bbażati fuq baġit stmat li jrid jingħata minn kull Stat Membru, soġġett għal ammonti massimi li jkunu proporzjonati għall-popolazzjoni agrikola, id-diversità tal-istrutturi fis-settur agrikolu, u d-daqs tal-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għall-produzzjoni agrikola tal-Unjoni. |
|
(7) |
Jekk ma jkunx hemm perjodu tranżitorju speċifiku li jippermetti fażi ta’ preparazzjoni distingwibbli b’mod ċar qabel l-implimentazzjoni, ir-rekwiżiti l-ġodda introdotti bir-Regolament (UE) 2023/2674 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1217/2009, jenħtieġ li jiġu applikati gradwalment mill-Istati Membri mill-bidu tal-ewwel ċiklu tal-ġbir tad-data wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2023/2674, jiġifieri ċ-ċiklu relatat mas-sena tar-rapportar 2025. Dan jimplika li l-Istati Membri tħeġġu jibdew jadattaw is-sistemi tagħhom minnufih wara d-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti l-ġodda fil-bidu tal-2024 biex ikun jista’ jkollhom l-ewwel adattamenti fis-seħħ qabel l-aħħar ta’ Ottubru 2024, meta jibda ċ-ċiklu l-ġdid tal-ġbir tad-data. Biex jissodisfaw din l-iskadenza u jirnexxilhom jimplimentaw ir-rekwiżiti l-ġodda, l-Istati Membri tħeġġu javvanzaw l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn l-FSDN. Għaldaqstant u biex ikun evitat li l-Istati Membri jiġu ppenalizzati talli bdew jimplimentaw ir-rekwiżiti l-ġodda malajr kemm jista’ jkun fl-2024, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu awtorizzati jqisu l-kostijiet imġarrba mill-1 ta’ Jannar 2024 bħala eliġibbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009. |
|
(8) |
L-istabbiliment tal-FSDN f’kull Stat Membru, u għalhekk l-eliġibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu vverifikati b’rapporti tal-implimentazzjoni mfassla mill-Istati Membri tal-azzjonijiet reali meħuda li jwasslu għall-istabbiliment operazzjonali tal-FSDN. L-azzjonijiet reali meħuda jistgħu jkunu differenti minn dawk ippjanati fil-bidu, diment li dawn jinbidlu b’azzjonijiet alternattivi rilevanti. |
|
(9) |
Biex titħaffef il-konverżjoni lejn l-FSDN, il-prefinanzjament jenħtieġ li jingħata lill-Istati Membri qabel il-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw b’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (3), l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa li jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom, inkluż li jwettqu awditjar, verifiki fuq il-post u investigazzjonijiet dwar l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni previsti skont dan ir-Regolament. |
|
(11) |
Biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw proposta mill-aktar fis possibbli lill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa mitluba, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għan-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Baġit disponibbli u allokazzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru
1. L-ammont disponibbli totali miksub mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), min-nefqa ta’ ġestjoni diretta kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għall-finanzjament fl-2024 tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 għandu jkun EUR 50 miljun.
2. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 huma allokati lill-Istati Membri kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu limitati għall-ammonti previsti fih.
Artikolu 2
Somom f’daqqa uniċi
Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 għandhom ikunu kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa unika li jkopru l-kostijiet eliġibbli assoċjati mal-istabbiliment tan-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (FSDN) fl-Istati Membri, kif imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u ma għandhomx jaqbżu l-ammont massimu għal kull Stat Membru msemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Attivitajiet u kostijiet eliġibbli
1. Il-kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkopru l-kostijiet eliġibbli marbuta ma’ waħda jew aktar mill-kategoriji ta’ attività li ġejjin:
|
(a) |
l-iżvilupp tas-sistema kompjuterizzata tal-Istati Membri għall-ġbir tad-data, il-verifika tad-data, l-ipproċessar tad-data u r-rappurtar tad-data biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 u li għandha tkun operattiva sal-31 ta’ Diċembru 2027; |
|
(b) |
it-tiswir tal-kapaċità tal-Istati Membri għall-użu tas-sorsi tad-data u għall-konnessjoni tas-settijiet tad-data msemmija fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4a(1) tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009 rispettivament, inkluż il-kostijiet relatati mal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji ta’ kollegament; |
|
(c) |
l-iżvilupp ta’ metodoloġiji u approċċi innovattivi, inkluż soluzzjonijiet ibbażati fuq id-diġitalizzazzjoni, biex il-ġbir tad-data kompjuterizzat tal-Istati Membri, il-verifika tad-data, l-ipproċessar tad-data u s-sistema tar-rapportar tad-data li tipprovdi rapporti ta’ rispons u servizzi ta’ parametri referenzjarji lill-bdiewa jiġu adattati għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1217/2009; |
|
(d) |
ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ esperti, b’mod partikolari fl-aġenziji ta’ kollegament, biex il-kapaċità tar-riżorsi umani tiġi allinjata maż-żieda fid-domanda tal-FSDN, inkluż allowances għall-ivvjaġġar u għas-sussistenza; |
|
(e) |
l-inċentivar tal-bdiewa biex jipparteċipaw fl-FSDN, inkluż billi jiżdied l-għarfien dwar il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fin-network tad-data. |
2. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lil kull Stat Membru ma għandhiex taqbeż il-95 % tal-kostijiet eliġibbli stmati mill-Istat Membru.
3. Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu kostijiet diretti u anki indiretti.
4. Il-kostijiet indiretti għandhom jiġu kkalkulati billi tiġi applikata rata fissa massima ta’ 7 % tal-kostijiet diretti eliġibbli totali, mingħajr il-kostijiet tas-sottokuntrattar.
5. Il-kostijiet tas-salarji tal-persunal tal-amministrazzjonijiet nazzjonali huma eliġibbli, diment li dawn ikunu relatati mal-kost tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 li l-awtorità pubblika rilevanti ma twettaqx jekk l-istabbiliment tal-FSDN ma jkunx sar.
6. Il-kostijiet iffinanzjati minn azzjonijiet oħra tal-Unjoni mhumiex eliġibbli.
Artikolu 4
Proċedura għall-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa
1. Kull Stat Membru għandu jippreżenta proposta lill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma f’daqqa mitluba abbażi tal-baġit stmat tiegħu meħtieġ għall-istabbiliment tal-FSDN. Il-proposta għandha tinkludi diżaggregazzjoni tal-kostijiet stmati li turi s-sehem ta’ kull kategorija ta’ attività msemmija fl-Artikolu 3(1). Il-proposta għandha tiddeskrivi wkoll l-attivitajiet koperti minn kull kategorija u r-riżorsi relatati.
2. L-istima dettaljata tal-kostijiet għal kull kategorija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinkludi biss kostijiet li:
|
(a) |
jiġġarrbu bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta’ Diċembru 2027; |
|
(b) |
huma meħtieġa għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1); |
|
(c) |
huma konformi mal-prattiki tal-kostijiet tas-soltu tal-Istat Membru; |
|
(d) |
huma konformi mad-dritt nazzjonali applikabbli dwar it-taxxi, ix-xogħol u s-sigurtà soċjali; u |
|
(e) |
li huma konformi mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba, b’mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija u l-effiċjenza. |
3. Il-kostijiet eliġibbli stmati għandhom jinqasmu fil-kategoriji tal-baġit li ġejjin:
|
(a) |
kostijiet tal-persunal; |
|
(b) |
kostijiet tas-sottokuntrattar; |
|
(c) |
kostijiet tax-xiri; |
|
(d) |
kategoriji oħra ta’ kostijiet; |
|
(e) |
kostijiet indiretti. |
4. L-Istati Membri għandhom jabbozzaw il-proposta tagħhom skont il-mudell rilevanti mogħti mill-Kummissjoni u jippreżentawha fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u fi kwalunkwe każ sal-4 ta’ Novembru 2024, skont liema tiġi l-ewwel.
5. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-baġit stmat propost mill-Istati Membri skont l-attivitajiet proposti minnhom. Il-kostijiet ineliġibbli se jitneħħew u l-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tiġi aġġustata mill-Kummissjoni kif jitqies xieraq.
Artikolu 5
Rapporti tal-implimentazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu rapporti tal-implimentazzjoni lill-Kummissjoni kif ġej:
|
(a) |
rapport interim sal-31 ta’ Marzu 2026; |
|
(b) |
rapport finali sal-31 ta’ Marzu 2028. |
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Ġermanja tista’ tippreżenta r-rapporti tal-implimentazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 15-il ġimgħa wara l-iskadenzi rispettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu.
2. Ir-rapporti tal-implimentazzjoni għandu jkun fihom deskrizzjoni tal-attivitajiet, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1), imwettqa:
|
(a) |
mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2025, għar-rapport interim imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a); |
|
(b) |
mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027, għar-rapport finali msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b). |
Ir-rapport finali msemmi fil-paragrafu (1), il-punt (b), għandu juri l-istabbiliment operazzjonali tal-FSDN, u jindirizza kif l-attivitajiet deskritti fil-proposta, imsemmija fl-Artikolu 4(1), jew xi attività alternattiva rilevanti, ikkontribwew għall-istabbiliment tal-FSDN.
3. L-Istati Membri għandhom jissottomettu r-rapporti tal-implimentazzjoni tagħhom skont il-mudell rilevanti mogħti mill-Kummissjoni.
Artikolu 6
Pagamenti
1. Malli l-Kummissjoni tapprova l-proposta tal-Istat Membru, dan għandu jitħallas prefinanzjament ta’ 100 % tal-kontribuzzjoni ta’ somma f’daqqa unika approvata lill-Istat Membru.
2. Il-prefinanzjament għandu jiġi approvat fil-mument tal-pagament finali biss jekk il-Kummissjoni tkun sodisfatta bl-istabbiliment operazzjonali tal-FSDN mill-Istat Membru u tapprova r-rapport tal-implimentazzjoni finali li juri l-istabbiliment operazzjonali tal-FSDN.
3. Il-Kummissjoni tista’, fil-mument tal-pagament finali jew wara, tnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja lil Stat Membru jekk l-Istat Membru jkun kiser l-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament, fosthom f’każ ta’ implimentazzjoni mhux xierqa, nonkonformità mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, sottomissjoni ta’ informazzjoni falza, ma tingħatax l-informazzjoni meħtieġa, żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi.
4. L-ammont tat-tnaqqis għandu jkun proporzjonat għas-serjetà u għat-tul taż-żmien tal-iżbalji, tal-irregolaritajiet jew tal-frodi jew tal-ksur tal-obbligi, billi tiġi applikata rata tat-tnaqqis individwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni approvata. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tiġbor lura kull ammont imħallas li ma jkunx dovut.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 328, 15.12.2009, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1217/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2023/2674 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 fir-rigward tal-konverżjoni tan-Network ta’ Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola f’Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli (ĠU L, 2023/2674, 29.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2674/oj).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).
ANNESS
Allokazjonijiet massimi lill-Istati Membri biex jistabbilixxu n-Network tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli kif imsemmi fl-Artikolu 1
|
|
EUR (prezzijiet attwali) |
|
IL-BELĠJU |
1 056 000 |
|
IL-BULGARIJA |
1 092 568 |
|
IĊ-ĊEKJA |
1 033 904 |
|
ID-DANIMARKA |
1 196 202 |
|
IL-ĠERMANJA |
4 513 608 |
|
L-ESTONJA |
655 304 |
|
L-IRLANDA |
1 143 549 |
|
IL-GREĊJA |
2 188 568 |
|
SPANJA |
4 979 273 |
|
FRANZA |
5 963 231 |
|
IL-KROAZJA |
995 604 |
|
L-ITALJA |
5 034 307 |
|
ĊIPRU |
663 014 |
|
IL-LATVJA |
786 887 |
|
IL-LITWANJA |
951 572 |
|
IL-LUSSEMBURGU |
611 660 |
|
L-UNGERIJA |
1 436 663 |
|
MALTA |
607 896 |
|
IN-NETHERLANDS |
2 178 215 |
|
L-AWSTRIJA |
1 138 913 |
|
IL-POLONJA |
4 269 601 |
|
IL-PORTUGALL |
1 567 936 |
|
IR-RUMANIJA |
2 577 741 |
|
IS-SLOVENJA |
801 960 |
|
IS-SLOVAKKJA |
762 344 |
|
IL-FINLANDJA |
854 106 |
|
L-IŻVEZJA |
939 374 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2499/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)